10.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 367/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emendar tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi

[COM(2018) 134 final — 2018/0060 (COD)]

u Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u l-irkupru tal-kollateral

[COM(2018) 135 final — 2018/0063 (COD)]

(2018/C 367/09)

Relatur:

Juan MENDOZA CASTRO

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 24.4.2018;

Parlament Ewropew, 19.4.2018

Bażi legali

L-Artikoli 114 u 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

27.6.2018

Adottata fil-plenarja

11.7.2018

Sessjoni plenarja Nru

536

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

145/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Pakkett dwar self improduttiv (NPL)

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-pakkett tal-Kummissjoni, li huwa l-qofol fl-inizjattiva tal-UE biex tiġi indirizzata l-kwistjoni persistenti tal-NPLs u li huwa fundamentali biex isir progress lejn l-Unjoni Bankarja.

1.2.

L-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE għamlu progress kemm fil-kwalità tal-portafolji tas-self kif ukoll fil-volum totali ta’ self improduttiv (NPLs); madankollu, fil-livell tal-UE, huma meħtieġa miżuri addizzjonali sabiex jiġi evitat li l-NPLs jakkumulaw fil-futur.

1.3.

Kwalunkwe tqabbil tal-UE tal-livell ta’ NPLs għandu jqis il-fatt li f’xi pajjiżi, il-banek ibbenefikaw minn ammonti sostanzjali ta’ għajnuna mill-Istat fil-fażi bikrija tal-kriżi (2008-2012), filwaqt li oħrajn ma setgħux jagħmlu dan minħabba t-tibdil fir-regoli tal-għajnuna mill-istat.

1.4.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-konsegwenzi soċjali tal-kriżi finanzjarja f’termini ta’ esklużjoni, ġustizzja soċjali u ostakoli għat-tlestija tas-suq intern.

1.5.

It-tneħħija ta’ dejn indebolit mill-kontijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji hija vitali sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ dejn eċċessiv fil-futur. Il-KESE jitlob ukoll li jingħata self responsabbli mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

Garanziji ta’ kontinġenza prudenzjali statutorji

1.6.

Il-KESE jaqbel mal-applikazzjoni ta’ garanziji ta’ kontinġenza prudenzjali statutorji bħala miżura preventiva sabiex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed provvediment għal telf ta’ kreditu minn NPLs futuri.

1.7.

Il-KESE jinnota l-ħsieb wara l-proposta tal-Kummissjoni, waqt li jżid li garanzija ta’ kontinġenza tkun iġġustifikata mill-għanijiet differenti tal-qafas ta’ kontabilità relatati mar-regolamentazzjoni prudenzjali.

1.8.

Madankollu, il-KESE għandu jinnota wkoll li:

—

L-approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”, ma jqisx id-differenzi li għadhom jeżistu fil-liġijiet ċivili nazzjonali u t-tul tal-proċeduri fil-qrati ċivili.

—

Il-kalendarju għall-provvediment ta’ NPLs ġodda jista’ jġiegħel lill-banek ibigħuhom malajr, minflok jistennew lill-kumpanija/ditta f’qagħda finanzjarja ħażina tirritorna għal sitwazzjoni aktar vijabbli.

1.9.

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, jekk ikun possibbli, is-sitwazzjoni speċifika ta’ kumpaniji iżgħar u speċjalizzati bi struttura tal-assi anqas kumplessa.

1.10.

Il-KESE jikkunsidra li l-IFRS 9 għandu jkun obbligatorju għall-banek kollha tal-UE.

1.11.

Il-KESE jipproponi li titnieda analiżi tal-impatt speċifika maħsuba biex tistma l-impatt potenzjali tar-regolament propost fuq il-banek, fuq it-trażmissjoni ta’ kreditu lejn id-djar, fuq l-SMEs u fuq it-tkabbir tal-PDG.

1.12.

Il-KESE jinnota li l-BĊE diġà ħareġ l-addendum tiegħu, mingħajr ma qies ir-regoli tal-Pilastru 1 li għandhom jinħarġu mill-Parlament/Kunsill/Kummissjoni u mingħajr ma stenna l-linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA).

L-iżvilupp ta’ swieq sekondarji

1.13.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-Kummissjoni tagħti tweġiba għal ħafna mill-problemi ta’ NPLs frammentati fi swieq sekondarji fl-UE u jenfasizza l-proposti speċifiċi f’dan l-aspett. Madankollu, huwa tal-fehma li r-regolaturi ma għandhomx jinkoraġġixxu l-bejgħ tal-NPLs.

1.14.

Is-suġġerimenti tal-KESE fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ trasferimenti ta’ kreditu huma kif ġej:

—

Il-protezzjoni tal-konsumatur: il-proposti tal-Kummissjoni huma milqugħa b’mod ġenerali. L-awtoritajiet għandhom joqogħdu attenti għal miżuri speċifiċi u r-rakkomandazzjonijiet biex jiġu protetti d-drittijiet tad-debituri.

—

Il-protezzjoni tal-ħaddiema: l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-mobbiltà u l-protezzjoni tal-ħaddiema tal-kumpaniji involuti fi trasferimenti ta’ kumpaniji skont il-liġijiet tal-UE u dawk nazzjonali.

Eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral

1.15.

Il-KESE jenfasizza, f’sens pożittiv, id-dritt għal proċess ġust quddiem qorti nazzjonali jekk ikun meħtieġ u jekk l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura kif proposta fid-direttiva tkun ristretta.

1.16.

F’ħafna Stati Membri l-proċess tal-infurzar diġà huwa effiċjenti. Is-soluzzjoni għall-problema tal-NPLs tinsab prinċipalment fit-tisħiħ tal-proċeduri ġudizzjarji madwar l-UE kollha.

2.   Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea

2.1.

Fl-14 ta’ Marzu, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament (1) li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi (NPEs), flimkien ma’ proposta għal direttiva (2) dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u l-irkupru tal-kollateral.

2.2.

Iż-żewġ proposti kienu akkumpanjati minn dokumenti ta’ ħidma tal-persunal u valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, u fl-istess jum il-Kummissjoni ppubblikat ukoll it-Tieni Rapport ta’ Progress tagħha (3) dwar it-Tnaqqis tas-Self Improduttiv fl-Ewropa u Pjan ta’ Azzjoni (4) li jipprovdi gwida teknika dwar kif għandhom jiġu stabbiliti Kumpaniji Maniġerjali tal-Assi (KMA) nazzjonali.

2.3.

Dawn il-proposti huma komponenti importanti tal-isforzi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) tal-Ewropa u huma essenzjali biex tiġi kkompletata l-Unjoni Bankarja. L-indirizzar ta’ stokkijiet kbar ta’ self improduttiv (NPLs) u ta’ skoperturi improduttivi (NPEs) kif ukoll l-akkumulazzjoni possibbli tagħhom fil-futur jiffurmaw parti importanti mill-isforzi tal-Unjoni biex jitnaqqsu ulterjorment ir-riskji fis-sistema bankarja u biex il-banek ikunu jistgħu jiffukaw fuq is-self lin-negozji u liċ-ċittadini.

2.4.

Fil-proposta għal regolament, il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi garanzija ta’ kontinġenza prudenzjali statutorja billi tistabbilixxi livelli minimi komuni ta’ kopertura għal self li għadu kif joriġina li jsir improduttiv, bil-għan li tevita kwalunkwe akkumulazzjoni futura eċċessiva ta’ NPLs mingħajr kopertura għat-telf suffiċjenti fuq il-karti bilanċjali tal-banek u li tagħmel r-riżoluzzjoni tagħhom aktar faċli.

2.5.

Fil-proposta għal direttiva, il-Kummissjoni għandha l-għan li żżid l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ rkupru tad-dejn permezz tad-disponibbiltà ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral (AECE) komuni u distinta. Il-proposta tħeġġeġ ukoll l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għall-NPLs billi jiġu armonizzati r-rekwiżiti u jinħoloq suq uniku għas-servizzjar tal-kreditu u t-trasferiment ta’ self bankarju lil partijiet terzi madwar l-UE.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-pakkett tal-Kummissjoni, li huwa l-qofol fl-inizjattiva tal-UE biex tiġi indirizzata l-kwistjoni persistenti tal-NPLs (5) u li huwa fundamentali biex isir progress lejn l-Unjoni Bankarja.

3.2.

Minħabba li s-solvenza u l-istabbiltà fis-sistema finanzjarja huma fundamentali għall-UE, il-volum kbir ta’ NPLs akkumulat fil-banek ta’ xi Stati Membri waqt il-kriżi u r-riċessjoni li segwiet huwa ħażin għas-sistema finanzjarja kollha kemm hi, huwa ta’ detriment għall-ekonomija u, f’ċerti każijiet, wassal għal spejjeż kbar għall-kontribwent.

3.3.

Fis-snin reċenti, l-isitituzzjonijiet finanzjarji tal-UE għamlu progress kemm fil-kwalità tal-portafolji tas-self kif ukoll fil-volum totali tal-NPLs; madankollu, dawn tal-aħħar jibqgħu fil-livell għoli ta’ EUR 813 biljun (6) gross. Il-banek u s-superviżuri għandhom l-għodod meħtieġa biex inaqqsu n-numru ta’ self inadempjenti jew indebolit, iżda huma meħtieġa miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE sabiex dawn ma jkunux jistgħu jakkumulaw fil-futur.

3.4.

Il-KESE jinnota li f’xi pajjiżi, il-banek ibbenefikaw minn ammonti sostanzjali ta’ għajnuna mill-Istat fil-fażi bikrija tal-kriżi (2008-2012), filwaqt li oħrajn ma setgħux jagħmlu dan minħabba bidliet fir-regoli tal-għajnuna mill-istat għas-settur finanzjarju. Għal din ir-raġuni, kwalunkwe tqabbil tal-livell ta’ NPLs għandu jqis dawn id-differenzi.

3.5.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-konsegwenzi soċjali tal-kriżi finanzjarja f’termini ta’ esklużjoni, ġustizzja soċjali u ostakoli għat-tlestija tas-suq intern. F’xi Stati Membri, l-NPLs huma riflessjoni ta’ kemm ġew affettwati ħażin il-familji u l-intraprendituri tal-SMEs, fosthom li jkunu f’riskju li jitilfu djarhom jew ikunu soġġetti għal esklużjoni.

3.6.

It-tneħħija ta’ dejn indebolit mill-kontijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji hija vitali sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ dejn eċċessiv fil-futur, u l-pjan tal-ECOFIN għandu jikkontribwixxi għal dan l-objettiv. Il-KESE jappella wkoll għal self responsabbli, li ser jirrikjedi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jagħtu iktar attenzjoni għall-bżonnijiet u s-sitwazzjonijiet tal-persuni individwali li jissellfu u sabiex jinstab l-iktar strument finanzjarju xieraq skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull persuna (7).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    Garanziji ta’ kontinġenza prudenzjali statutorji

4.1.1.

Il-KESE jaqbel mal-applikazzjoni ta’ garanziji ta’ kontinġenza prudenzjali statutorji bħala miżura preventiva sabiex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed provvediment għal telf ta’ kreditu minn NPLs futuri.

4.1.2.

Sabiex jitnaqqsu l-NPLs u l-NPEs (8), l-emenda proposta tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR) tinkludi kalendarju progressiv għal self iggarantit (sa tmien snin) u mhux iggarantit (sentejn).

4.1.3.

Il-ħsieb tal-Kummissjoni fir-rigward tal-proposta huwa (9):

—

Ix-xogħol ta’ telf ta’ self mhux dejjem huwa adegwat minn perspettiva prudenzjali, li għandu skop, objettiv u għan differenti.

—

L-IFRS 9 (10) huwa mistenni li jġib allinjament ferm aktar mill-qrib ma’ standards prudenzjali mill-IAS 39 (11) u li jikkontribwixxi fl-indirizzar tal-kwistjoni ta’ dispożizzjonijiet imdewma u inadegwati, peress li jopera fuq approċċ ta’ “telf mistenni”. Madankollu, l-istandard il-ġdid xorta jħalli lok għal diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tal-NPLs u tal-kollateral sottostanti u, bħala konsegwenza, fid-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet.

—

Regolament prudenzjali jagħti s-setgħa lis-superviżur tal-bank li jinfluwenza l-livell ta’ provvediment tal-bank (inkluż fir-rigward tal-NPLs) fi ħdan il-limiti tal-qafas ta’ kontabbiltà applikabbli u li jeżiġi aġġustamenti speċifiċi għall-kalkoli tal-fondi proprji ta’ dak il-bank. Madankollu, il-miżuri u r-rekwiżiti vinkolanti jistgħu jiġu applikati biss mis-superviżur fuq bażi ta’ każ b’każ skont iċ-ċirkostanzi individwali tal-bank (magħrufa bħala l-miżuri tal-Pilastru 2).

—

Miżuri superviżorji mfassla individwalment fuq valutazzjoni ta’ każ b’każ mis-superviżur kompetenti huma xierqa biex jiġu indirizzati r-riskji speċifiċi relatati mal-NPL ta’ banek individwali.

4.1.4.

Il-KESE jżid li garanzija ta’ kontinġenza tkun iġġustifikata mill-għanijiet differenti tal-qafas ta’ kontabilità relatati mar-regolamentazzjoni prudenzjali.

4.1.5.

Madankollu, il-KESE għandu jinnota wkoll li:

—

Ir-regolament propost, li jsegwi approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”, ma jqisx id-differenzi li għadhom jeżistu fil-liġijiet ċivili nazzjonali u t-tul tal-proċeduri fil-qrati ċivili.

—

Il-kalendarju għall-provvediment ta’ NPLs ġodda jista’ jġiegħel lill-banek ibigħuhom malajr, minflok jistennew lill-kumpanija/ditta f’qagħda finanzjarja ħażina tirritorna għal sitwazzjoni aktar vijabbli. Dan jista’ jnaqqas il-possibbiltà li jippermetti ristrutturar tad-dejn u li l-intraprendituri jingħataw it-tieni opportunità, b’impatt soċjali potenzjalment negattiv ħafna u impatt negattiv fuq il-proporzjon tal-impjieg.

—

Skont analiżi waħda (12), ditti iżgħar u speċjalizzati bi struttura ta’ assi inqas kumplessa x’aktarx jiġu affettwati b’mod aktar serju bl-introduzzjoni kontemporanja tal-IFRS 9 u garanziji ta’ kontinġenza prudenzjali għall-NPE. Il-Kummissjoni għandha tqis jekk huwiex meħtieġ li tiġi rfinata l-proposta sabiex tiġi indirizzata din il-problema.

4.1.6.

Għalkemm il-garanziji ta’ kontinġenza proposti jistgħu jnaqqsu d-differenzi fil-provvediment li jirriżulta mill-adozzjoni ta’ oqfsa ta’ kontabbiltà differenti (IFRS 9 kuntrarju għal GAAPs Nazzjonali (13)), il-KESE jikkunsidra li l-IFRS 9 għandu jkun obbligatorju għall-banek kollha tal-UE.

4.1.7.

Il-KESE jissuġġerixxi li titnieda analiżi speċifika maħsuba biex tistma l-impatt potenzjali tar-regolament propost fuq il-banek, fuq it-trażmissjoni ta’ kreditu lejn id-djar, fuq l-SMEs u fuq it-tkabbir tal-PDG.

4.1.8.

Riskji oħra jistgħu jipproduċu problemi simili għal dawk ta’ NPLs, b’mod partikolari r-riskji konnessi ma’ derivattivi kumplessi ħafna u assi li ttieħdu lura tal-livell 2 u tal-livell 3. Fid-dawl ta’ dan, il-KESE huwa tal-fehma li dawn ir-riskji għandhom jiġu inklużi fil-lista ta’ prijorità għal tnaqqis tar-riskju.

4.1.9.

Il-KESE jinnota li l-BĊE diġà ħareġ l-addendum tiegħu, mingħajr ma qies ir-regoli tal-Pilastru 1 li għandhom jinħarġu mill-Parlament/Kunsill/Kummissjoni u mingħajr ma stenna l-linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA). Dan jista’ jikser il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar. L-addendum tal-BĊE dwar l-NPLs għandu għalhekk jiġi adattat għall-qafas tal-Pilastru 1 futur dwar l-NPLs, sabiex titkompla tiġi żgurata l-konsistenza tar-regoli Ewropej.

4.2.    Miżuri biex jiġu żviluppati aktar swieq sekondarji għall-NPLs

4.2.1.

Fl-UE, it-tranżazzjonijiet tas-swieq sekondarji huma relattivament żgħar (14). Il-kawżi jinkludu: regolament frammentat; limitazzjonijiet leġislattivi fuq detenturi ta’ xi klassijiet ta’ assi, fuq il-kamp ta’ applikazzjoni għall-involviment ta’ kumpaniji ta’ servizzjanti u fuq it-tipi ta’ investituri (f’xi każijiet banek oħra biss ikunu jistgħu jisservizzjaw NPLs jew jixtruhom); u fehmiet differenti dwar il-perspettiva ekonomika bejn il-banek lokali u l-investituri barranin. Il-KESE jqis li l-Kummissjoni toffri tweġiba għal uħud minn dawn il-problemi.

4.2.2.

Waħda mill-isfidi ewlenin għas-suq tal-NPL hija n-nuqqas ta’ data ta’ kwalità għolja dwar l-NPLs, li tirriżulta f’asimmetriji ta’ informazzjoni. Il-KESE jilqa’ l-mudelli ta’ data maħsuba biex jipprovdu data uniformi u standardizzata għal kuntratti ta’ kreditu improduttivi.

4.2.3.

Madankollu, il-KESE jqis li r-regolaturi ma għandhomx iħeġġu l-bejgħ ta’ NPLs minħabba li l-immaniġġjar ta’ self indebolit fil-banek jista’ jimplika valur għoli permezz tal-irkupru tiegħu mill-prezzijiet miġbura għall-bejgħ tiegħu.

4.2.4.

Il-KESE jenfasizza u jappoġġja l-aspetti li ġejjin tal-proposta tal-Kummissjoni:

—

Is-servizzjanti tal-kreditu. Ir-regoli madwar l-UE jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi għall-għoti, ir-rifjut jew l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni (Artikoli 5 sa 7), inkluża “reputazzjoni tajba biżżejjed, rekord tal-pulizija nadif u li attwalment mhi soġġetta għall-ebda proċedura ta’ insovlenza”. Dawn ikopru wkoll: ir-reġistru (Artikolu 8), ir-relazzjoni kuntrattwali mal-kreditur (Artikolu 9), l-attivitajiet ta’ esternalizzazzjoni (Artikolu 10) u servizzjar transkonfinali (Artikoli 11 u 12).

—

Ix-xerrejja tal-kreditu. Il-kreditur għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa kollha dwar il-kuntratt ta’ kreditu (Artikolu 13) skont standards tekniċi li se jiġu żviluppati mill-EBA (Artikolu 14) u li ma jistgħux jiġu sottomessi għall-ebda rekwiżit addizzjonali għajr dawk previsti skont il-liġijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni (Artikolu 15). Dawn jistgħu jinfurzaw il-kreditu direttament (Artikolu 18) jew jittrasferixxuh (Artikolu 19).

—

Is-servizzjanti tal-kreditu, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew is-sussidjarji tagħhom, li għandhom rwol attiv fl-operazzjonijiet relatati mal-NPLs, huma inklużi fl-Artikolu 16.

—

Superviżjoni. Aspett kruċjali, minħabba li din titlob l-applikazzjoni tal-istess regoli madwar l-UE, rwol superviżorju tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u penali amministrattivi (Artikoli 20 sa 22).

—

Il-protezzjoni tad-data. Kundizzjoni għat-trasferiment ta’ self hija “ir-rispett għad-drittijiet tal-mutwatarji u l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali skont il-liġijiet li jirregolaw il-kuntratt ta’ kreditu” (Artikolu 5(1)(c)).

4.2.5.   Il-protezzjoni tal-konsumatur

—

Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

—

F’dan is-sens, il-prinċipju ġenerali fil-proposta huwa li “jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni, irrispettivament minn min jippossjedi jew jisservizzja l-kreditu u irrispettivament mir-reġim legali fis-seħħ fl-Istat Membru tax-xerrej tal-kreditu jew tas-servizzjant tal-kreditu”; b’mod partikolari, għandhom jiġu osservati d-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju (15), id-Direttiva dwar il-Kreditu tal-Konsumatur (16) u d-Direttiva dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti (17).

—

Il-KESE jenfasizza wkoll l-obbligi tal-kreditur lejn il-konsumatur f’każ ta’ modifiki għall-ftehim ta’ kreditu (Artikolu 34).

—

Il-KESE josserva li t-trasferiment ta’ self ifisser li d-debitur għandu jinnegozja ma’ kumpanija mhux finanzjarja li għandha persunal differenti, metodi ta’ ħidma differenti u għan differenti. Għalhekk huwa xieraq li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom joqogħdu attenti għall-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet biex jipproteġu d-drittijiet tad-debituri, bħal fil-każ tal-Uffiċċju għall-Protezzjoni Finanzjarja tal-Konsumatur (Consumer Financial Protection Bureau) tal-Istati Uniti (18).

4.2.6.   Il-protezzjoni tal-ħaddiema.

Fil-każijiet kollha tat-trasferimenti ta’ kreditu lil kumpaniji esterni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-mobbiltà u l-protezzjoni tal-ħaddiema tal-kumpaniji involuti f’tali trasferimenti skont il-liġijiet tal-UE u dawk nazzjonali.

4.3.    Eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral (AECE)

4.3.1.

Il-KESE jenfasizza, f’sens pożittiv, l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-mutwatarju kummerċjali għandu d-dritt li jikkontesta l-użu ta’ dan il-mekkaniżmu quddiem qorti nazzjonali (l-Artikolu 28). Dan għandu jipproteġi b’mod xieraq id-dritt fundamentali taċ-ċittadini u tal-kumpaniji għal proċess ġust (19), speċjalment fil-każ ta’ termini kuntrattwali mhux ġusti u abbużivi.

4.3.2.

Barra minn hekk, il-KESE jinnota d-dubji li esprimew xi Stati Membri dwar il-fatt li tali strument jista’ jaċċellera l-proċess ta’ eżekuzzjoni b’mod sinifikanti f’dawk l-Istati Membri fejn il-proċeduri fil-qrati diġà jiġu mmaniġġjati f’perjodu ta’ żmien qasir; filwaqt li proċeduri barra l-qorti jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-kreditur, is-soluzzjoni għall-problema tal-NPLs tinsab prinċipalment fit-tisħiħ tal-proċeduri ġudizzjarji madwar l-UE.

4.3.3.

Fi kwalunkwe każ, il-KESE jenfasizza b’mod pożittiv ir-restrizzjonijiet fuq l-applikazzjoni tal-AECE fil-proposta. L-ewwel nett, huma biss il-ftehimiet konklużi bejn il-kredituri u d-debituri tan-negozju li huma inklużi. Barra minn hekk, dawn li ġejjin huma speċifikament esklużi:

—

il-konsumaturi involuti f’attivitajiet mhux professjonali (20);

—

il-kumpaniji li ma jagħmlux profitt;

—

arranġamenti ta’ kollateral finanzjarju (21), u

—

proprjetà residenzjali immobbli li tkun ir-residenza ewlenija ta’ mutwatarju kummerċjali (22).

4.4.    Pjan ta’ Azzjoni dwar Kumpaniji Maniġerjali tal-Assi (KMA)

Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

4.4.1.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-KMA kienu parti importanti mis-soluzzjonijiet għat-tindif tal-karti bilanċjali tal-banek f’xi Stati Membri, speċjalment wara l-kriżi finanzjarja. Madankollu, huwa jaqbel ukoll li – fil-każ ta’ vetturi appoġġjati jew iggarantiti mill-pubbliku – dawn jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal riskji ta’ stabbiltà finanzjarja, inkluż it-tisħiħ potenzjali ta’ dak magħruf bħala “ċirku vizzjuż bejn is-sovrani”.

4.4.2.

Għalhekk il-KESE jappoġġja konsistenza mal-qafas legali tal-UE, speċjalment id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD) (23) u r-Regolament dwar Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRMR) (24).

4.4.3.

Fil-prattika, kważi l-KMA nazzjonali kollha bbenefikaw minn xi forma ta’ appoġġ tal-gvern, fosthom: garanziji biex jiġi kkumpensat kwalunkwe telf jew biex jiġi ggarantit finanzjament tal-KMA (dan jista’ jirriżulta fil-fatt li l-KMA jkollha klassifikazzjoni “sovrana”, sabiex it-titoli tal-KMA jkunu, pereżempju, eliġibbli bħala kollateral repo); KMA li jixtru l-assi ogħla mill-valur tas-suq tagħhom (il-valur li investitur lest li jħallas), bħala riżultat tat-teħid ta’ perspettiva fit-tul ta’ valur ekonomiku – l-eċċess tal-valur ekonomiku fuq il-valur tas-suq jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u jeżiġi l-approvazzjoni fil-livell tal-banek mill-Kummissjoni Ewropea; u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek tal-gvern li jipparteċipaw fl-iskemi tal-KMA (25).

4.4.4.

Anke fejn tkun ġiet permessa xi forma ta’ assistenza tal-gvern, l-aktar regoli reċenti tal-UE ġeneralment jeżiġu li bħala minimu d-dejn subordinat ta’ bank ikun soġġett għal rikapitalizzazzjoni (jitħassar jew jiġi kkonvertit f’ekwità), sabiex kwalunkwe piż ta’ rikapitalizzazzjoni jkun mill-inqas kondiviż bejn is-settur pubbliku u privat.

Brussell, il-11 ta’ Lulju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2018) 134 final – Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emendar tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi.

(2)  COM(2018) 135 final – Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u l-irkupru tal-kollateral.

(3)  COM(2018) 133 final – Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew – It-Tieni Rapport ta’ Progress dwar it-Tnaqqis tas-Self Improduttiv fl-Ewropa.

(4)  SWD(2018) 72 final – Pjan ta’ Azzjoni KMA – Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew – It-Tieni Rapport ta’ Progress dwar it-Tnaqqis tas-Self Improduttiv fl-Ewropa.

(5)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Pjan ta’ azzjoni biex jiġi indirizzat is-self improduttiv fl-Ewropa (11 ta’ Lulju 2017).

(6)  Data tat-tabella operattiva tar-riskji tal-EBA Q4 2017.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-kreditu u l-esklużjoni soċjali f’soċjetà għanja (ĠU C 44, 16.2.2008, p. 74).

(8)  Id-definizzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA): “NPE hija kull skopertura li tkun qabżet id-data tal-għeluq b’90 jum jew li x’aktarx ma titħallasx mingħajr realizzazzjoni tal-kollateral, anke jekk ma tkunx rikonoxxuta bħala inadempjenti jew indebolita. Skoperturi inadempjenti jew indeboliti skont l-Artikolu 178 CRR u l-qafas ta’ kontabbiltà applikabbli, rispettivament, dejjem jitqiesu bħala improduttivi. Barra minn hekk, kwalunkwe skopertura lil debitur għandha titqies bħala improduttiva meta l-karta bilanċjali tagħha li tkun qabżet id-data tal-għeluq b’90 jum tilħaq 20 % tal-ammont pendenti tal-iskopertura tal-karta bilanċjali totali għad-debitur (‘pulling effect’). L-NPE totali tingħata bis-somma ta’ self improduttiv, titoli ta’ dejn improduttiv u entrati improduttivi li ma jidhrux fil-karta bilanċjali”.

(9)  Dokument ta’ konsultazzjoni dwar garanziji ta’ kontinġenza statutorji.

(10)  Standard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju. Fis-seħħ mill-1.1.2018.

(11)  Standards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(12)  Eurofinas: rispons għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar garanziji ta’ kontinġenza prudenzjali statutorji.

(13)  Prinċipji tal-Kontabbiltà Aċċettati b’mod Ġenerali

(14)  KPGM: EUR 100 biljun, inqas minn 10 % tal-ishma pendenti.

(15)  Direttiva 2014/17/UE (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34).

(16)  Direttiva 2011/83/UE (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(17)  Direttiva 93/13/KEE (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(18)  https://www.consumerfinance.gov/about-us/newsroom/consumer-financial-protection-bureau-reminds-mortgage-servicers-of-legal-protections-for-consumers-when-transferring-loans.

(19)  Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47.

(20)  Id-Direttiva 2008/48/KE dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, Artikolu 3 a).

(21)  Id-Direttiva 2002/47/KE dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, Artikolu 2(1)(a).

(22)  “Il-kriżi finanzjarja, li wasslet għall-falliment ta’ bosta xerrejja li ġew obbligati jerġgħu jbigħu bi prezzijiet redikoli l-proprjetajiet li kienu xtraw”. Opinjoni tal-KESE dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehimiet ta’ kreditu b’rabta ma’ proprjetà residenzjali; (ĠU C 318, 29.10.2011, p. 133).

(23)  Direttiva 2014/59/UE.

(24)  Regolament (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(25)  KPGM.