23.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 309/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1317

tad-9 ta’ Settembru 2020

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

1.

Prodott li jikkonsisti fi prilli porużi liberi li fil-biċċa l-kbira huma bbażati fuq in-nitrat tal-ammonju bil-kompożizzjoni li ġejja (f’perċentwal skont il-piż):

—

tal-ammonju > 99,4

—

(nitroġenu totali > 34,5)

—

polimeru anjoniku 0,28

—

kisi 0,08

L-assorbiment taż-żejt tal-prilli huwa > 10 % skont il-piż.

Il-prilli għandhom densità tal-massa ta’ 0,72 g/cm3.

3602 00 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regola ġenerali nru 1 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċi NM 3602 00 00 .

Il-polimeru anjoniku jiżdied biex jagħti lill-prodott densità aktar baxxa u kapaċità akbar għall-assorbiment taż-żejt, li huma karatteristiki importanti li jippermettu lill-prilli porużi jkunu aktar adattati bħala materjal ta’ bażi għall-manifattura ta’ splussivi ANFO (Żejt Kombustibbli tan-Nitrat tal-Ammonju).

It-trattament tas-superfiċje tal-prilli porużi permezz tal-kisi jsir biex jiġi stabbilizzat in-nitrat tal-ammonju u b’hekk jiġi evitat l-assorbiment mhux mixtieq tal-ilma li jista’ jimmina/inaqqas il-kapaċità ta’ assorbiment taż-żejt kombustibbli li huwa wieħed mill-karatteristiċi essenzjali ta’ splussiv ANFO effiċjenti.

Għalhekk, abbażi tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, il-prodott huwa identifikabbli bħala splussiv ippreparat taħt l-intestatura 3602 (ara wkoll l-opinjoni 3602.00/2 tal-klassifikazzjoni tas-Sistema Armonizzata).

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3102 hija eskluża minħabba li l-prodott ġie ppreparat u fformulat speċifikament biex jintuża bħala materjal ta’ bażi għall-isplussivi. La l-polimeru anjoniku u lanqas il-kisi mhuma teknikament rilevanti għall-użu bħala fertilizzant. Għalhekk, il-kundizzjonijiet tan-Nota 2 tal-Kapitolu 31 mhumiex issodisfati.

Konsegwentement, il-prodott irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 3602 00 00 bħala splussivi ppreparati, għajr trabijiet propellanti.

2.

Prodott li jikkonsisti fi prilli porużi liberi li fil-biċċa l-kbira huma bbażati fuq in-nitrat tal-ammonju bil-kompożizzjoni li ġejja (f’perċentwal skont il-piż):

—

nitrat tal-ammonju > 99

—

(nitroġenu totali > 34,5)

—

nitrat tal-manjeżju 0,4

—

taħlita ta’ fosfat tad-diammonju, sulfat tal-ammonju u aċidu boriku 0,06

—

kisi 0,08

L-assorbiment taż-żejt tal-prilli huwa > 7 % skont il-piż.

Il-prilli għandhom densità tal-massa ta’ 0,80 g/cm3.

3602 00 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regola ġenerali nru 1 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċi NM 3602 00 00 .

It-taħlita ta’ fosfat tad-diammonju, sulfat tal-ammonju u aċidu boriku tiżdied biex tagħti lill-prodott densità aktar baxxa u kapaċità akbar għall-assorbiment taż-żejt, li huma karatteristiki importanti li jippermettu lill-prilli porużi jkunu aktar adattati bħala materjal ta’ bażi għall-manifattura ta’ splussivi ANFO.

It-trattament tas-superfiċje tal-prilli porużi permezz tal-kisi jsir biex jiġi stabbilizzat in-nitrat tal-ammonju u b’hekk jiġi evitat l-assorbiment mhux mixtieq tal-ilma li jista’ jimmina/inaqqas il-kapaċità ta’ assorbiment taż-żejt kombustibbli li huwa wieħed mill-karatteristiċi essenzjali ta’ splussiv ANFO effiċjenti.

Għalhekk, abbażi tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, il-prodott huwa identifikabbli bħala splussiv ippreparat taħt l-intestatura 3602 (ara wkoll l-opinjoni 3602.00/1 tal-klassifikazzjoni tas-Sistema Armonizzata).

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3102 hija eskluża minħabba li l-prodott ġie ppreparat u fformulat speċifikament biex jintuża bħala materjal ta’ bażi għall-isplussivi. La l-addittivi diversi u lanqas il-kisi mhuma teknikament rilevanti għall-użu ta’ dan in-nitrat tal-ammonju ppreparat bħala fertilizzant. Għalhekk, il-kundizzjonijiet tan-Nota 2 tal-Kapitolu 31 mhumiex issodisfati.

Konsegwentement, il-prodott irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 3602 00 00 bħala splussivi ppreparati, għajr trabijiet propellanti.