|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2142 |
29.9.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2142
tal-25 ta’ Settembru 2026
li tippermetti lill-Italja tawtorizza prodott bijoċidali li fih il-fluworur tas-sulfuril għall-protezzjoni tal-wirt kulturali
(notifikata bid-dokument C(2026) 6676)
(It-test bit-Taljan biss hu awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti għall-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
|
(1) |
Il-fluworur tas-sulfuril ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18. Għalhekk, skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-fluworur tas-sulfuril tqies approvat sal-31 ta’ Diċembru 2018 għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18. |
|
(2) |
Fit-28 ta’ Ġunju 2017, ġew ippreżentati applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-fluworur tas-sulfuril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18, f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2402 (3) ipprevediet li ma setax jiġi ddeterminat jekk il-fluworur tas-sulfuril jissodisfax il-kriterji msemmija fl-Artikolu 5(1), il-punti (c) u (d), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 kinux għadhom issodisfati. Għalhekk, l-approvazzjoni tal-fluworur tas-sulfuril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 ma ġietx imġedda. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 55(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fis-16 ta’ April 2026, l-Italja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni għal deroga mill-Artikolu 19(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament, li fiha talbet li titħalla tawtorizza l-prodott bijoċidali “Vikane” għall-protezzjoni tal-wirt kulturali, speċifikament għall-protezzjoni ta’ oġġetti tal-wirt kulturali fuq skala kbira u mhux mobbli bil-partijiet tal-injam, bħal knejjes, imtieħen tar-riħ u binjiet storiċi oħra. |
|
(5) |
“Vikane” huwa prodott bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (preservattivi tal-injam), kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li fih il-fluworur tas-sulfuril bħala sustanza attiva, u huwa maħsub għall-użu permezz tal-fumigazzjoni mill-professjonisti mħarrġa. |
|
(6) |
Il-wirt kulturali jista’ jsofri l-ħsara minn firxa wiesgħa ta’ organiżmi ta’ ħsara, minn insetti sa mikroorganiżmi. Xi speċijiet tal-insetti li jużaw l-injam bħala s-sors tal-ikel jistgħu jikkawżaw ħsara serja lill-injam tal-bini u jridu jiġu kkontrollati. Il-prevenzjoni tal-ħsara u ż-żamma kemm jista’ jkun tal-materjal oriġinali huma fil-qalba tal-prattiki tal-konservazzjoni tal-wirt. L-insetti li jtaqqbu l-injam jistgħu jikkawżaw ħsara serja lill-materjali prezzjużi tal-bini (pereżempju, travi, twavel tal-art, pannelli) u lit-tagħmir fiss (pereżempju, kabinetti inkorporati, altari tal-knisja). L-attakki severi mill-insetti jista’ jkollhom ukoll konsegwenzi strutturali fejn l-injam tal-bini jiddgħajjef b’mod inaċċettabbli. Mingħajr trattament xieraq, il-binjiet jistgħu jsofru ħsara irrimedjabbli, u b’hekk il-wirt kulturali jitpoġġa f’riskju serju. |
|
(7) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, l-użu ta’ “Vikane” jidher li huwa l-unika teknika effettiva għall-kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara li tista’ tintuża għall-oġġetti tal-wirt kulturali fuq skala kbira u mhux mobbli bil-partijiet tal-injam mingħajr ma tikkawża l-ħsara. It-trattament tal-infestazzjonijiet severi jew mifruxa tal-insetti li jistgħu jestendu fil-fond fl-injam, jista’ jkun diffiċli bl-użu ta’ metodi oħra b’penetrazzjoni aktar limitata jew lokalizzata meta mqabbla mal-fluworur tas-sulfuril. Minħabba l-azzjoni rapida tiegħu, il-fluworur tas-sulfuril huwa wkoll aktar adattat għal tifqigħat ta’ infestazzjoni attivi ħafna, fejn l-infestazzjonijiet kontinwi, anke fi żmien qasir, jistgħu jikkawżaw ħsara strutturali. |
|
(8) |
Kif indikat mill-Italja fl-applikazzjoni, l-użu tan-nitroġenu ġġenerat in situ jidher li mhuwiex adattat għat-trattament ta’ dan it-tip ta’ binjiet li fihom l-injam, minħabba d-daqs kbir tiegħu, li ma jippermettix li l-konċentrazzjonijiet meħtieġa ta’ din is-sustanza jinżammu għal żmien twil biżżejjed biex ikollhom trattament effikaċi. |
|
(9) |
Skont l-Italja, huma disponibbli tekniki oħrajn għall-kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara, bħat-trattament bis-sħana, it-trattament b’temperatura baxxa u t-trattament bl-arja sħuna bl-umdità kkontrollata. Madankollu, skont l-informazzjoni fl-applikazzjoni, kull waħda minn dawn it-tekniki għandha l-limitazzjonijiet fir-rigward tal-ħsara li tista’ ssir lil ċerti materjali matul it-trattament. |
|
(10) |
Kif iddikjarat mill-Italja fl-applikazzjoni, sustanzi attivi bijoċidali oħra li jistgħu jintużaw għall-kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara (l-ossidu tal-etilen, iċ-ċjanur tal-idroġenu jew il-fosfina) għandhom profil ta’ periklu agħar mill-fluworur tas-sulfuril. Barra minn hekk, dawk is-sustanzi jistgħu jirreaġixxu mal-materjali tal-oġġetti tal-wirt kulturali, u jikkawżaw bidliet irriversibbli, u xi wħud saħansitra mhumiex approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni hija konxja li l-manifattur tas-sustanza attiva li tinsab fil-prodott bijoċidali “Vikane”, li huwa d-detentur tal-awtorizzazzjoni preċedenti għall-prodott bijoċidali, esprima l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta applikazzjoni ġdida għall-approvazzjoni tal-fluworur tas-sulfuril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8. Jekk tingħata approvazzjoni, fil-futur l-Istati Membri jkunu jistgħu jawtorizzaw il-prodotti li fihom il-fluworur tas-sulfuril fit-tip ta’ prodott 8 mingħajr il-ħtieġa ta’ deroga skont l-Artikolu 55(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Madankollu, it-twettiq tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni bħal din u sussegwentement il-kisba tal-awtorizzazzjonijiet tal-prodott jeħtieġu ż-żmien. |
|
(12) |
L-informazzjoni u l-ġustifikazzjoni li jinsabu fl-applikazzjoni ppreżentata mill-Italja juru li l-prodott bijoċidali “Vikane” huwa essenzjali għall-protezzjoni tal-wirt kulturali u li ma hemm l-ebda alternattiva xierqa għat-trattament ta’ oġġetti tal-wirt kulturali fl-Italja, b’mod partikolari għat-trattament ta’ oġġetti fuq skala kbira u mhux mobbli bil-partijiet tal-injam, peress li t-tekniki alternattivi kollha disponibbli bħalissa jew jippreżentaw żvantaġġi minħabba n-nuqqas ta’ adegwatezza għat-trattament tal-materjali kollha jew mhumiex fattibbli. |
|
(13) |
Abbażi tal-informazzjoni u l-ġustifikazzjoni pprovduti mill-Italja, jixraq jiġi konkluż li l-prodott bijoċidali “Vikane” huwa essenzjali għall-protezzjoni tal-wirt kulturali fl-Italja u li bħalissa ma hemm l-ebda alternattiva xierqa disponibbli f’dak l-Istat Membru. Għalhekk, jenħtieġ li l-Italja titħalla tawtorizza l-prodott bijoċidali “Vikane” għall-protezzjoni tal-wirt kulturali, speċifikament għall-protezzjoni ta’ oġġetti tal-wirt kulturali fuq skala kbira u mhux mobbli bil-partijiet tal-injam, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Italja tista’ tawtorizza l-prodott bijoċidali “Vikane” tat-tip ta’ prodott 8 għall-protezzjoni ta’ oġġetti tal-wirt kulturali fuq skala kbira u mhux mobbli bil-partijiet tal-injam, sat-30 ta’ Settembru 2031.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2026.
Għall-Kummissjoni
Olivér VÁRHELYI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.
(2) Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/8/oj).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2402 tat-12 ta’ Settembru 2024 li ma ġġeddidx l-approvazzjoni tal-fluworur tas-sulfuril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/2402, 13.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2402/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2142/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)