|
23.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 365/55 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) u r-Regolament (UE) …/2022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran”
(COM (2022) 171 final — 2022/0111 (COD))
(2022/C 365/10)
|
Relatur uniku: |
Javier GARAT PEREZ |
|
Konsultazzjonijiet |
Parlament Ewropew 2.5.2022 Kunsill, 23.5.2022 |
|
Bażi legali |
Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
|
Adottata fis-sezzjoni |
31.5.2022 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
63/0/0 |
|
Adottata fil-plenarja |
15.6.2022 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
570 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
211/1/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jqis li huwa xieraq u neċessarju li r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) jiġu trasposti fid-dritt tal-UE, peress li l-UE hija parti kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u sabiex tikkonforma mal-miżuri ta’ konservazzjoni u infurzar adottati fil-laqgħat annwali tagħha tal-2006, l-2016, l-2017, l-2018, l-2019 u l-2021. |
|
1.2. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-partijiet kontraenti kollha jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-ICCAT sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti u ekwivalenti għall-operaturi kollha. |
2. Sinteżi tal-Proposta tal-Kummissjoni
|
2.1. |
L-għan ewlieni tal-Proposta huwa li tinkludi fid-dritt tal-Unjoni l-miżuri l-ġodda ta’ konservazzjoni u infurzar adottati mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (minn hawn ’il quddiem ICCAT) fil-laqgħat annwali tagħha tal-2006, l-2016, l-2017, l-2018, l-2019 u l-2021, bħala parti kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (minn hawn ’il quddiem il-Konvenzjoni ICCAT) mill-14 ta’ Novembru 1997. |
|
2.2. |
Il-Konvenzjoni ICCAT tistabbilixxi qafas reġjonali għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn u speċijiet li jixbhu lit-tonn fl-Oċean Atlantiku u fl-ibħra ta’ madwaru u tippermetti li jiġu adottati rakkomandazzjonijiet vinkolanti għall-partijiet kontraenti. |
|
2.3. |
Il-Proposta timmodifika r-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), li diġà jinkludi miżuri ta’ ġestjoni, konservazzjoni u infurzar tal-ICCAT, fir-rigward tal-miżuri relatati mal-ispeċijiet li ġejjin: it-tonn tropikali, l-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, il-pixxivela u l-marlin blu u abjad. |
|
2.4. |
Tirrevedi wkoll ir-rappurtar tad-data dwar il-kastardella, il-pixxitondu, kif ukoll is-saħħa u s-sikurezza tal-osservaturi fil-programmi reġjonali tal-ICCAT, ir-responsabbiltajiet għall-osservaturi xjentifiċi u l-aġġornament tal-lista ta’ speċijiet tal-ICCAT. |
|
2.5. |
Barra minn hekk, il-Proposta temenda wkoll ir-Regolament (UE) …/2022 li jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, fir-rigward tad-dikjarazzjoni annwali tar-riport mill-Istat Membru ta’ Trobbija u ta’ ċerti obbligi mat-tqegħid fil-gaġeġ. |
|
2.6. |
Sabiex ir-rakkomandazzjonijiet futuri tal-ICCAT jiġu inklużi malajr fid-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet relatati mal-kwistjonijiet li ġejjin: il-limitazzjonijiet tal-kapaċità tat-tonn tropikali u r-rappurtar tal-pjan annwali tal-kapaċità tas-sajd tiegħu, ir-riport annwali tal-kwota tat-tonn obeż, l-alonga u l-pixxispad tal-Atlantiku tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, il-pjani ta’ ġestjoni fir-rigward tal-irkaptu biex jinġemal-ħut (FADs), l-għadd ta’ bagi strumentali, ir-rekwiżiti u l-perjodi ta’ projbizzjoni tal-FAD, ir-restrizzjonijiet fuq l-għadd ta’ bastimenti li jistadu għall-alonga tal-Atlantiku tat-Tramuntana, il-kondizzjonijiet għall-qbid u ż-żamma tal-pixxitondu, is-sopravivenza tal-fkieren tal-baħar, il-perċentwal minimu tal-kopertura tal-osservaturi u l-kejl tagħha kif ukoll il-lista tal-ispeċijiet tal-ICCAT. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Il-KESE jqis li huwa xieraq u neċessarju li r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-ICCAT fil-laqgħat annwali tagħha tal-2006, l-2016, l-2017, l-2018, l-2019 u l-2021 jiġu inklużi fid-dritt tal-UE, peress li l-UE hija parti kontraenti għall-Konvenzjoni ICCAT u għalhekk hija obbligata tirrispetta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tagħha u n-natura vinkolanti ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet. |
|
3.2. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-partijiet kontraenti kollha jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-ICCAT sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti u ekwivalenti għall-operaturi kollha. |
Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Ir-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi l-miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007 (ĠU L 315, 30.11.2017, p. 1).