|
15.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 212/3 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/960
tat-30 ta’ April 2021
it-twaqqif ta’ Extreme Light Infrastructure — Il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka Extreme Light Infrastructure (ELI ERIC)
(notifikata bid-dokument C(2021) 2923)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
(It-testi bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bil-Ġermaniż, bl-Ungeriż, bit-Taljan u bil-Litwan biss huma awtentiċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (1), u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Iċ-Ċekja, l-Ungerija, l-Italja u l-Litwanja talbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-Extreme Light Infrastructure — Il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka Extreme Light Infrastructure (ELI ERIC). Il-Ġermanja u l-Bulgarija għarrfu d-deċiżjonijiet tagħhom li jipparteċipaw fl-ELI ERIC inizjalment bħala osservaturi. Huma qablu li r-Repubblika Ċeka se tkun l-Istat Membru ospitanti tal-ELI ERIC. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 (2). |
|
(3) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament. |
|
(4) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Jitwaqqaf l-Extreme Light Infrastructure — Il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka Extreme Light Infrastructure (ELI ERIC).
2. L-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-ELI ERIC huma stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika Taljana u lir-Repubblika tal-Litwanja u lill-Ungerija.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2021.
Għall-Kummissjoni
Mariya GABRIEL
Membru tal-Kummissjoni
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 tal-20 ta’ Marzu 2015 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet (ĠU L 129, 19.5.2016, p. 85)
ANNESS
ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAL-ELI ERIC
Artikolu 1
ISEM
Għandu jkun hemm infrastruttura Ewropea ta’ riċerka b’sit wieħed b’faċilitajiet operazzjonali f’diversi pajjiżi membri tal-ELI ERIC, stabbilita bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 (1) u msemmija “L-Infrastruttura Ħafifa Ħafna ERIC” u komunement imsejħa “ELI ERIC”.
Artikolu 2
KOMPITI U ATTIVITAJIET
1. L-ELI ERIC għandu jopera l-faċilitajiet tal-laser b’potenza għolja deskritti fid-Deskrizzjoni Teknika u Xjentifika (Anness I) (il-“FAĊILITAJIET TAL-ELI”) bħala organizzazzjoni integrata waħda, b’governanza unifikata u bi struttura ta’ ġestjoni waħda. L-Assemblea Ġenerali tal-ELI ERIC (minn hawn ’il quddiem imsejħa “GA”) tista’ tirrikonoxxi u tinkludi FAĊILITAJIET TAL-ELI addizzjonali skont il-punt d) tal-Artikolu 25(9).
2. L-ELI ERIC għandu jimmaniġġja l-aċċess għall-FAĊILITAJIET TAL-ELI għall-utenti permezz ta’ sistema internazzjonali ta’ rieżami bejn il-pari. Sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu, l-ELI ERIC għandu b’mod partikolari:
|
a) |
Jisfrutta l-potenzjal xjentifiku sħiħ tal-FAĊILITAJIET TAL-ELI, billi jikkollabora mill-qrib mal-komunitajiet tal-utenti, jiżviluppa u jagħmel disponibbli sett ta’ sorsi u strumenti komplementari, jipprovdi servizzi effiċjenti u kundizzjonijiet ottimali għall-utenti, u billi jwettaq attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni għal utenti potenzjali ġodda; |
|
b) |
Isostni l-eċċellenza u jtejjeb il-valur, il-kwalità u l-effettività tal-komunitajiet ta’ riċerka tal-Membri permezz ta’ aċċess internazzjonali rieżaminat bejn il-pari; |
|
c) |
Jipprovdi pjattaforma unika għall-iżvilupp tal-għarfien lill-Membri billi jikkoordina r-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji rilevanti, jikkoordina t-taħriġ konġunt ta’ persunal xjentifiku u tekniku, u billi jippromwovi l-kollaborazzjoni bejn ċentri ta’ riċerka ewlenin u mal-industrija; |
|
d) |
Jiżviluppa u jimplimenta politika u strateġija għall-innovazzjoni, inklużi l-proprjetà intellettwali, l-isfruttament teknoloġiku, u l-appoġġ għall-iżvilupp industrijali; |
|
e) |
Jiżgura komunikazzjoni interna u esterna effiċjenti, jippromwovi l-attivitajiet tal-ELI ERIC u jxerred ir-riżultati xjentifiċi u tekniċi; |
|
f) |
Iwettaq kwalunkwe attività oħra b’appoġġ għall-objettivi tal-ELI ERIC. |
3. L-ELI ERIC għandu jopera fuq bażi mhux ekonomika. L-ELI ERIC jista’ jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, dment li dawn ikunu relatati mill-qrib mal-kompiti prinċipali tiegħu, u ma jipperikolawx l-ilħuq ta’ dawn il-kompiti. Id-dettalji għandhom jiġu speċifikati fir-REGOLI FINANZJARJI.
Artikolu 3
SEDE STATUTORJA
Is-Sede Statutorja tal-ELI ERIC għandha tkun f’Dolní Břežany, ir-Repubblika Ċeka.
Artikolu 4
DURATA U STRALĊ
1. L-ELI ERIC għandu jiġi stabbilit għal perjodu inizjali ta’ 20 sena u jista’ jiġi estiż, soġġett għal deċiżjoni tal-GA f’konformità mal-punt f) tal-Artikolu 25(9).
2. L-istralċ tal-ELI ERIC għandu jirrikjedi deċiżjoni tal-GA f’konformità mal-punt k) tal-Artikolu 25(10) u jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009. Tali deċiżjoni għandha tinkludi mill-inqas:
|
a) |
In-numru ta’ likwidaturi u regoli ta’ funzjonament tal-bord tal-likwidaturi f’każ ta’ pluralità tal-likwidaturi; |
|
b) |
Il-ħatra tal-likwidaturi u l-indikazzjoni tal-likwidatur li għandu jkun rappreżentant legali tal-istralċ tal-ELI ERIC; |
|
c) |
Il-kriterji għall-istralċ, inkluż it-trasferiment possibbli ta’ attivitajiet lil entità ġuridika oħra, u s-setgħat tal-likwidaturi. |
3. Mingħajr dewmien żejjed wara l-għeluq tal-proċedura ta’ stralċ, u fi kwalunkwe każ fi żmien 10 ijiem wara tali għeluq, l-ELI ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan.
4. F’każ ta’ xoljiment, l-ELI ERIC għandu jibqa’ marbut fir-rigward tal-obbligi u l-impenji pendenti kollha fil-konfront ta’ partijiet terzi. Id-dekummissjonar u/jew l-użu mill-ġdid ta’ kull FAĊILITÀ TAL-ELI għandhom jiġu akkwistati mill-MEMBRU OSPITANTI rispettiv.
Artikolu 5
REĠIM TA’ OBBLIGAZZJONI
1. L-ELI ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.
2. L-obbligazzjoni finanzjarja tal-MEMBRI għall-obbligi tal-ELI ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom lill-ELI ERIC fir-rigward tal-aħħar sena sħiħa ta’ operazzjonijiet.
3. L-ELI ERIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi għall-operazzjonijiet tiegħu.
Artikolu 6
POLITIKA TA’ AĊĊESS GĦALL-UTENTI
1. L-ELI ERIC għandu joffri lill-UTENTI aċċess għall-FAĊILITAJIET TAL-ELI permezz ta’ proċess tal-għażla trasparenti bbażat fuq proċedura internazzjonali ta’ rieżami bejn il-pari ta’ proposti ġestiti permezz ta’ punt tad-dħul elettroniku komuni. Il-kriterji tal-għażla għandhom ikunu bbażati fuq il-kwalità xjentifika u l-fattibbiltà tal-esperiment. L-aspetti etiċi involuti fl-evalwazzjoni tal-proposti jew fil-prestazzjoni tal-aċċess jenħtieġ li jiġu indirizzati bl-appoġġ tal-Kumitat Konsultattiv tal-Etika msemmi fl-Artikolu 29.
2. L-UTENTI li jirrikjedu u jaċċessaw servizzi tekniċi u/jew xjentifiċi barra mill-aċċess ibbażat fuq l-għażla tar-rieżami bejn il-pari għandhom iħallsu l-prezz xieraq tas-servizzi riċevuti, f’konformità mal-limiti kif imsemmi fl-Artikolu 2(3).
3. Il-prinċipji tal-POLITIKA TA’ AĊĊESS GĦALL-UTENTI huma deskritti fl-Anness I ta’ dawn l-Istatuti u għandhom jiġu ddefiniti u spjegati fid-dettall f’politika speċifika. Dik il-politika għandha tqis il-qafas ġuridiku Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data relatat mal-kondiviżjoni ta’ data personali tal-UTENTI fost il-MEMBRI.
Artikolu 7
POLITIKA TAL-EVALWAZZJONI XJENTIFIKA
1. L-ELI ERIC għandu jevalwa u jkejjel regolarment il-kwalità tal-attivitajiet xjentifiċi tiegħu permezz ta’ rieżami internazzjonali bejn il-pari, inkluża valutazzjoni perjodika tal-impatt tiegħu fuq iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, ir-reġjuni li jospitaw l-attivitajiet tiegħu u fil-livell internazzjonali.
2. L-ELI ERIC għandu jiżgura li r-riċerka mwettqa mill-UTENTI tiegħu tissodisfa l-ogħla standards ta’ kwalità u eċċellenza u għandu jippromwovi t-taħriġ u l-iskambji tal-aħjar prattiki. L-aspetti etiċi jenħtieġ li jiġu vvalutati mill-Kumitat Konsultattiv tal-Etika msemmi fl-Artikolu 29. L-ELI ERIC għandu jivvaluta l-impatt u l-effettività tal-politika ta’ riċerka u t-tfassil tal-programm tiegħu, kif ukoll ir-riżorsi meħtieġa biex jiġu appoġġati dawn l-istandards.
Artikolu 8
POLITIKA DWAR IT-TIXRID
1. Il-kompiti u l-attivitajiet tal-ELI ERIC għandhom l-għan li jsaħħu r-riċerka, l-iżvilupp tat-teknoloġija, u l-innovazzjoni fl-Ewropa u madwar id-dinja. B’mod partikolari, l-ELI ERIC se jwettaq attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ tixrid biex jappoġġa dak l-għan, bl-użu ta’ varjetà ta’ pjattaformi biex jilħaq lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u lill-pubbliku ġenerali.
2. L-ELI ERIC għandu jippromwovi t-tixrid lill-komunità tar-riċerka, lill-industrija, u lill-pubbliku ġenerali tal-attivitajiet xjentifiċi, tar-riżultati, tal-pubblikazzjonijiet, u tal-għarfien xjentifiku u tekniku li jirriżulta mill-attivitajiet tiegħu. B’mod konsistenti mal-Artikolu 6, fejn l-aċċess huwa miftuħ, u mogħti abbażi ta’ eċċellenza xjentifika, l-ELI ERIC għandu jsegwi wkoll politika ta’ aċċess miftuħ għal settijiet ta’ data u metadata ĠUSTI, kif imsemmi fl-Artikolu 13, kif ukoll għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi derivati minn riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi mwettqa fl-ELI ERIC.
Artikolu 9
POLITIKA DWAR ID-DRITTIJIET TA’ PROPRJETÀ INTELLETTWALI
1. It-terminu “Proprjetà Intellettwali” għandu jinftiehem f’konformità mal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali ffirmata fl-14 ta’ Lulju 1967.
2. Soġġett għat-terminu ta’ kwalunkwe kuntratt bejn l-ELI ERIC u l-utenti, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali maħluqa, miksuba jew żviluppati mill-utenti għandhom ikunu proprjetà ta’ dawk l-utenti.
3. L-ELI ERIC għandu jadotta Politika dwar id-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali u proċessi u proċeduri speċifiċi f’konformità mal-punt e) tal-Artikolu 25(10).
Artikolu 10
POLITIKA TAL-IMPJIEGI
1. L-ELI ERIC għandu jiżgura trattament u opportunitajiet ugwali għall-persunal tiegħu u għandu jappoġġa l-mobbiltà bl-għan li jrawwem taħriġ professjonali u żvilupp tal-persunal.
2. Il-politika ta’ reklutaġġ u ta’ ġestjoni tal-persunal għandha tiġi ddefinita mid-Direttur Ġenerali tal-ELI ERIC (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “DĠ”) u approvata mill-GA. Il-politika tal-impjiegi għandha tapplika proċeduri ta’ għażla u ta’ evalwazzjoni fil-livell internazzjonali, kif ukoll prinċipji ta’ remunerazzjoni li għandhom l-għan li jattiraw u jżommu persunal bi kwalifiki għoljin b’mod kompetittiv. Il-proċeduri tal-għażla għall-karigi tal-persunal tal-ELI ERIC għandhom ikunu trasparenti, mhux diskriminatorji u jirrispettaw l-opportunitajiet ugwali. Ir-reklutaġġ u l-impjieg ma għandhomx ikunu diskriminatorji.
3. L-ELI ERIC għandu jkollu politika tal-impjiegi waħda definita f’konformità mal-liġijiet tal-pajjiżi li fihom ikun impjegat il-persunal.
Artikolu 11
POLITIKA TAL-AKKWIST
Id-DĠ tal-ELI ERIC għandu jiddefinixxi politika tal-akkwist li għandha tiġi approvata mill-GA. Din il-politika tal-akkwist għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, tal-proporzjonalità, tar-rikonoxximent reċiproku, tat-trattament ugwali, tal-kompetizzjoni u tan-nondiskriminazzjoni.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal- 25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1).