European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/81

7.4.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/81

tat-13 ta’ Jannar 2026

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 (2) jistabbilixxi r-regoli għall-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni, stabbilit skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

Ir-Regolament (UE) 2018/841 ġie emendat (4) biex jipprevedi l-kontribut tas-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (LULUCF) għaż-żieda fl-ambizzjoni tal-Unjoni li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030 u biex jiġi żgurat li s-settur tal-LULUCF jagħti kontribut fit-tul sostenibbli u prevedibbli għall-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni.

(3)

Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2018/841, ir-Reġistru tal-Unjoni għandu jiżgura r-reġistrazzjoni u t-twettiq preċiż tal-operazzjonijiet f’konformità ma’ dak ir-Regolament.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-regoli tar-Reġistru tal-Unjoni stabbiliti bir-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 jiġu emendati sabiex jippermettu r-reġistrazzjoni tal-kwantitajiet ta’ emissjonijiet u assorbimenti f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/841 u biex tiġi żgurata l-kontabbiltà preċiża tat-tranżazzjonijiet relatati mal-eżerċizzju tal-flessibbiltajiet previsti fl-Artikoli 11, 12, 13, 13a u 13b ta’ dak ir-Regolament, kwalunkwe aġġustament metodoloġiku mwettaq f’konformità mal-Artikolu 14(1a) ta’ dak ir-Regolament, u l-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 13c ta’ dak ir-Regolament. Jenħtieġ li r-Reġistru tal-Unjoni jiżgura li l-ebda trasferiment jew tranżazzjoni ma titwettaq li tkun inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2018/841.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2018/841 introduċa żewġ perjodi ta’ konformità, jiġifieri, mill-2021 sal-2025 u mill-2026 sal-2030, li matulhom l-Istati Membri għandu jkollhom aċċess għal ċerti flessibbiltajiet għall-fini tal-konformità mal-obbligi imposti minn dak ir-Regolament.

(6)

B’konsegwenza ta’ dan, u sabiex ikunu jistgħu jiġu rreġistrati u jitwettqu b’mod preċiż l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(1), il-punti (a) sa (d), tar-Regolament (UE) 2018/841, jenħtieġ li jiġu stabbiliti bosta kontijiet ġodda fir-Reġistru tal-Unjoni.

(7)

Sabiex tiġi riflessa d-differenza fil-karatteristiċi bejn iż-żewġ perjodi ta’ konformità, jenħtieġ li jinfetaħ kont wieħed ta’ konformità tal-Unjoni għall-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (“Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE”) għal kull wieħed miż-żewġ perjodi ta’ konformità tal-LULUCF. Il-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE jenħtieġ li jirrifletti s-somma tal-emissjonijiet netti jew tal-assorbimenti netti rreġistrati fil-kontijiet ta’ konformità tal-LULUCF tal-Istati Membri.

(8)

Bl-istess mod, jenħtieġ li jinfetaħ “Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru” għal kull Stat Membru għal kull wieħed miż-żewġ perjodi ta’ konformità tal-LULUCF. Fl-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, il-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà previsti fir-Regolament (UE) 2018/841 huma disponibbli biss għal ċerti kategoriji ta’ kontabbiltà tal-art. Għalhekk, jenħtieġ li l-kwantità ta’ emissjonijiet u assorbimenti kontabbilizzati għal kull kategorija ta’ kontabbiltà tal-art tiġi rreġistrata fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru. Fit-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, il-mekkaniżmu tal-użu tal-art huwa disponibbli għall-kategoriji kollha tar-rapportar tal-art. Għalhekk, huwa biżżejjed li jiġu rreġistrati l-emissjonijiet u l-assorbimenti totali rrapportati għall-kategoriji tar-rapportar tal-art. Sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-konformità, kemm il-mira tal-Istat Membru kif stabbilita fil-kolonna C tat-tabella fl-Anness IIa tar-Regolament (UE) 2018/841 kif ukoll il-baġit stabbilit għal dak l-Istat Membru jenħtieġ li jiġu riflessi fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru.

(9)

Sabiex jiġi vvalutat sa liema punt il-flessibbiltajiet imsemmija fl-Artikoli 12, 13, 13a u 13b tar-Regolament (UE) 2018/841 jenħtieġ li jsiru disponibbli, u wara l-introduzzjoni tad-data rilevanti tal-LULUCF fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru, jenħtieġ li r-Reġistru tal-Unjoni jikkalkula l-bilanċ ta’ dak il-kont jew mar-regola ta’ “ebda debitu” li tkopri l-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, jew mal-mira speċifika tal-Istat Membru għat-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF filwaqt li jitqies kwalunkwe aġġustament metodoloġiku mwettaq matul it-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF.

(10)

Meta l-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru jkun pożittiv, ir-Reġistru tal-Unjoni jenħtieġ li joħroġ unitajiet ta’ assirbiment tal-art (“LRUs”) fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru kkonċernat. Jenħtieġ li l-LRUs jinżammu biss fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru fir-Reġistru tal-Unjoni, u t-trasferiment tagħhom jenħtieġ li jkun permess biss taħt ċerti kundizzjonijiet u fuq talba tal-Istat Membru. F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2018/841, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jittrasferixxu kwalunkwe surplus tal-LRUs tagħhom għall-kontijiet ta’ konformità tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (Kont ta’ Konformità tal-ESR) jew il-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru ieħor.

(11)

Sabiex isir użu mill-flessibbiltà tal-art forestali ġestita li hija disponibbli għall-Istati Membri fl-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, jenħtieġ li jinfetaħ kont ċentrali tal-flessibbiltà tal-art forestali ġestita tal-Unjoni (“Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE”) fir-Reġistru tal-Unjoni, u jenħtieġ li jinħolqu unitajiet tal-allokazzjoni għall-flessibbiltà tal-art forestali ġestita (“MFLFA”, Managed Forest Land Flexibility Allocations) u jkunu riflessi fil-Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE fil-kwantitajiet disponibbli għall-Istati Membri kif stipulati fir-Regolament (UE) 2018/841. Jenħtieġ li t-trasferimenti ta’ tali unitajiet tal-allokazzjoni minn dan il-kont ikunu permessi meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/841.

(12)

Sabiex isir użu mill-kumpens addizzjonali disponibbli għall-Finlandja skont ir-Regolament (UE) 2018/841, jenħtieġ li jinfetaħ Kont ta’ Kumpens Addizzjonali Ċentrali għall-Finlandja fir-Reġistru tal-Unjoni u jenħtieġ li jinħolqu unitajiet tal-allokazzjoni ta’ flessibbiltà addizzjonali għall-Finlandja (“AFAF”, Additional Flexibility Allocations for Finland) u jkunu riflessi f’dak il-kont fil-kwantitajiet disponibbli għall-Finlandja għall-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF kif stipulati fir-Regolament (UE) 2018/841. Jenħtieġ li t-trasferimenti ta’ tali allokazzjonijiet għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Finlandja ikunu permessi meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13a tar-Regolament (UE) 2018/841.

(13)

Fi tmiem l-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, l-LRUs żejda mill-kontijiet ta’ konformità tal-LULUCF tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu ttrasferiti għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE sabiex fit-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF ikun jista’ jiġi vvalutat jekk l-Unjoni laħqitx il-mira tagħha sabiex tikseb aċċess għall-mekkaniżmu ta’ flessibbiltà fl-użu tal-art fit-tieni perjodu ta’ konformità u jenħtieġ li jinżammu f’dak il-kont fil-kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 13b(3), il-punt (c), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2018/841 sakemm isseħħ il-valutazzjoni. Jenħtieġ li kwalunkwe kwantità ogħla minn dan il-limitu tiġi ttrasferita għall-Kont ta’ Tħassir tal-LULUCF tal-UE.

(14)

Sabiex isir użu mill-flessibbiltà fl-użu tal-art li hija disponibbli għall-Istati Membri fit-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, jenħtieġ li jinfetaħ Kont Ċentrali għall-Flessibbiltà fl-Użu tal-Art tal-Unjoni (“Kont Ċentrali tal-LUFA tal-UE”) fir-Reġistru tal-Unjoni, u jenħtieġ li jinħolqu unitajiet tal-allokazzjoni għall-flessibbiltà fl-użu tal-art (“LUFA”, land use flexibility allocations) u jkunu riflessi f’dak il-kont fil-kwantitajiet disponibbli għall-Istati Membri f’konformità mal-mekkaniżmu tal-użu tal-art kif stipulat fl-Artikolu 13b(4) tar-Regolament (UE) 2018/841. Jenħtieġ li t-trasferimenti ta’ tali unitajiet tal-allokazzjoni jkunu jistgħu jsiru meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13b tar-Regolament (UE) 2018/841.

(15)

Sabiex jiġi vvalutat jekk intlaħqux l-objettivi tar-Regolament (UE) 2018/841, jenħtieġ li r-Reġistru tal-Unjoni jippermetti wkoll il-kontrolli tal-konformità stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/841 billi jipprovdi proċedura għall-introduzzjoni tad-data rieżaminata dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-Kontijiet ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istati Membri, għall-kalkolu tal-bilanċ ta’ dawk il-kontijiet, għad-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta’ konformità tagħhom, u biex jiġu riflessi r-riżultati ta’ kwalunkwe kalkolu mill-ġdid meħtieġ li jirriżulta minn aġġustamenti metodoloġiċi mwettqa f’konformità mal-Artikolu 14(1a) tar-Regolament (UE) 2018/841.

(16)

Għal dan l-għan, għat-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, fejn kien hemm bidla fil-metodoloġija użata mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) li tirriżulta f’differenza bejn id-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra kif ippreżentata fl-2020 għas-snin 2016, 2017 u 2018, id-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra kif ippreżentata fl-2025 għas-snin 2021, 2022 u 2023, u d-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra kif ippreżentata għas-snin 2021, 2022 u 2023 fl-2032, jenħtieġ li r-Reġistru tal-Unjoni jikkalkula d-differenza bejn id-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra u d-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra rieżaminata għal dawk is-snin u jiżgura li r-riżultat tal-kalkolu jkun rifless b’mod preċiż fil-baġit stabbilit għall-Istat Membru fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru.

(17)

Bl-istess mod, biex tiġi riflessa l-bidla fil-metodoloġija użata mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 fit-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, li tirriżulta f’differenza bejn id-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra kif ippreżentata fl-2020 għas-snin 2016, 2017 u 2018, u d-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra kif ippreżentata fl-2032 għas-snin 2016, 2017 u 2018, jenħtieġ li r-Reġistru tal-Unjoni jikkalkula d-differenza bejn is-somma tad-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra u s-somma tad-data medja riveduta tal-inventarju tal-gassijiet serra għal dawk is-snin u jiżgura li r-riżultat tal-kalkolu jkun rifless b’mod preċiż fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE.

(18)

Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni preċiża tal-konformità mal-obbligi tar-Regolament (UE) 2018/841 u sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess, jenħtieġ li r-Reġistru tal-Unjoni jippermetti li jsiru kontrolli awtomatizzati fuq kull tranżazzjoni mwettqa f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/841 u, fejn meħtieġ, jenħtieġ li jimblokka kwalunkwe tranżazzjoni li ma tikkonformax mar-rekwiżiti stipulati f’dak ir-Regolament.

(19)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-emissjonijiet u l-assorbimenti rreġistrati, u għall-unitajiet maħluqa għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tneħħija mill-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u forestrija fil-qafas tal-klima u l-enerġija tal-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/841/oj).”;"

(2)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (12) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(12)

‘tranżazzjoni’ tfisser proċess fir-Reġistru tal-Unjoni li jinvolvi t-trasferiment ta’ kwota, unità ta’ allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali, unità ta’ assorbiment tal-art, u unita ta’ kwalunkwe allokazzjoni tal-flessibbiltà kif stabbilit fl-Artikoli 13, 13a u 13b tar-Regolament (UE) 2018/841 minn kont wieħed għal ieħor;”;

(b)

jiżdiedu l-punti (27) sa (32) li ġejjin:

“(27)

‘l-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF’ tfisser il-perjodu ta’ 5 snin, mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2025, li matulu l-Istati Membri għandhom iqisu l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jseħħu fil-kategoriji tal-kontabbiltà tal-art imsemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2018/841;

(28)

‘it-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF’ tfisser il-perjodu ta’ 5 snin mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2030, li matulu l-Istati Membri għandhom jirrapportaw għall-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jseħħu fil-kategoriji jew fis-setturi tar-rapportar tal-art imsemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2018/841;

(29)

‘unità ta’ assorbiment tal-art’ (‘LRU’, Land Removal Unit) tfisser assorbiment eċċessiv fi Stat Membru kkalkolat bħala d-differenza bejn l-emissjonijiet u l-assorbimenti kontabbilizzati jew irrapportati qabel l-użu ta’ kwalunkwe flessibbiltajiet, meta mqabbla mal-impenn jew mal-mira ddeterminata għal dak l-Istat Membru ugwali għal tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju;

(30)

‘unità ta’ allokazzjoni tal-flessibbiltà tal-art forestali ġestita’ (‘MFLFA’, Managed Forest Land Flexibility Allocation) tfisser subdiviżjoni ta’ ammont massimu ta’ kumpens disponibbli għall-Istati Membri fl-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF taħt il-flessibbiltà tal-art forestali ġestita, kif iddeterminat fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/841 u fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament, ugwali għal tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju;

(31)

‘unità ta’ allokazzjoni ta’ flessibbiltà addizzjonali għall-Finlandja’ (‘AFAF’, Additional Flexibility Allocation for Finland) tfisser subdiviżjoni ta’ ammont massimu ta’ kumpens disponibbli għall-Finlandja fl-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF taħt il-kumpens addizzjonali għall-Finlandja, kif iddeterminat fl-Artikolu 13a tar-Regolament (UE) 2018/841, ugwali għal tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju’;

(32)

‘unità ta’ allokazzjoni tal-flessibbiltà fl-użu tal-art’ (‘LUFA’, Land Use Flexibility Allocation) tfisser subdiviżjoni ta’ ammont massimu ta’ kumpens disponibbli għall-Istati Membri fit-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF taħt il-mekkaniżmu ta’ flessibbiltà fl-użu tal-art, kif iddeterminat fl-Artikolu 13b tar-Regolament (UE) 2018/841 u fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament, ugwali għal tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju.”;

(3)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jużaw ir-Reġistru tal-Unjoni sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), u l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2018/841. Ir-Reġistru tal-Unjoni għandu jipprovdi lill-amministraturi nazzjonali u lid-detenturi tal-kontijiet bil-proċessi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/842/oj).”;"

(4)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-amministratur ċentrali, l-awtoritajiet kompetenti u l-amministraturi nazzjonali għandhom iwettqu biss il-proċessi meħtieġa sabiex iwettqu l-funzjonijiet rispettivi tagħhom f’konformità mad-Direttiva 2003/87/KE, u mar-Regolamenti (UE) 2018/841 u (UE) 2018/842.”

;

(5)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   Għall-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, l-amministratur ċentrali għandu jiftaħ il-Kont ta’ Konformità tal-Unjoni għall-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra mill-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (‘Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE’), Kont ta’ Konformità tal-LULUCF wieħed għal kull Stat Membru (‘Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru’), Kont ta’ Kumpens Addizzjonali Ċentrali għall-Finlandja, Kont Ċentrali tal-Allokazzjoni tal-Flessibbiltà tal-Art Forestali Ġestita tal-Unjoni (‘Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE’), u l-Kont ta’ Tħassir tal-LULUCF tal-UE.

1b.   Għat-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, l-amministratur ċentrali għandu jiftaħ il-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE, Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru għal kull Stat Membru u Kont Ċentrali tal-Allokazzjoni għall-Flessibbiltà fl-Użu tal-Art tal-Unjoni (‘Kont Ċentrali tal-LUFA tal-UE’).”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-amministratur nazzjonali maħtur skont l-Artikolu 7(1) għandu jaġixxi bħala rappreżentant awtorizzat tal-Kontijiet ta’ Konformità tal-ESR u tal-Kontijiet ta’ Konformità ta’ LULUCF tal-Istati Membri.”

;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu 27b li ġej:

“Artikolu 27b

Għeluq tal-Kontijiet tal-LULUCF

1.   L-amministratur ċentrali għandu jagħlaq Kont ta’ Konformità ta’ LULUCF ta’ Stat Membru mhux aktar kmieni minn xahar wara d-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta’ konformità għal dak il-kont skont l-Artikolu 59ad u wara li jagħti notifika minn qabel lid-detentur tal-kont.

2.   Għall-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jwettaq trasferiment tal-LRUs kollha li jifdal mill-Kontijiet ta’ Konformità ta’ LULUCF tal-Istati Membri li huma pożittivi fl-għeluq, għall-Kont tal-Konformità tal-LULUCF tal-UE.

3.   Għall-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jwettaq trasferiment tal-AFAFs kollha li jifdal mill-Kont ta’ Kumpens Addizzjonali Ċentrali għall-Finlandja għall-Kont ta’ Tħassir tal-LULUCF tal-UE.

4.   Fil-kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE għall-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jikkalkula sa 30 %, iżda mhux aktar minn 20 miljun tunnellata ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju, ta’ LRUs mhux użati biex jibqgħu fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE u jittrasferixxi kwalunkwe LRUs żejda għall-Kont ta’ Tħassir tal-LULUCF tal-UE.

5.   Għat-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jwettaq trasferiment tal-LRUs kollha li jifdal mill-Kontijiet ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istati Membri li huma pożittivi fl-għeluq, il-LUFAs kollha li jifdal mill-Kont Ċentrali tal-LUFA tal-UE, u l-MFLFAs kollha li jifdal mill-Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE, għall-Kont ta’ Tħassir tal-LULUCF tal-UE.”

;

(7)

fit-Titolu IIA, jiżdied il-Kapitolu li ġej:

“ KAPITOLU 2

Tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2018/841

Artikolu 59t

Introduzzjoni tad-data rilevanti tal-LULUCF

1.   Għall-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, b’mod f’waqtu u malli tkun disponibbli d-data riveduta rilevanti dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra fl-2027, l-amministratur ċentrali għandu jdaħħal fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru s-somma tal-kwantitajiet tal-emissjonijiet kontabbilizzati jew tal-assorbimenti kontabbilizzati f’kull kategorija ta’ kontabbiltà tal-art imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) sa (f), tar-Regolament (UE) 2018/841.

2.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li s-somma tal-emissjonijiet kontabbilizzati u tal-assorbimenti kontabbilizzati għal kull Stat Membru, imsemmija fil-paragrafu 1, tiddaħħal fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE.

3.   Għat-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, b’mod f’waqtu u malli tkun disponibbli d-data riveduta rilevanti dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra fl-2032, l-amministratur ċentrali għandu jdaħħal fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru s-somma tal-kwantitajiet tal-emissjonijiet irrapportati u tal-assorbimenti rrapportati fil-kategoriji jew is-setturi tar-rapportar tal-art imsemmija fl-Artikolu 2(2), il-punti (a) sa (j) tar-Regolament (UE) 2018/841.

4.   Għat-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li l-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE jirrifletti l-mira tal-Unjoni kif stabbilita fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/841, u l-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru jirrifletti l-valur stabbilit għal dak l-Istat Membru fil-Kolonna C tal-Anness IIa tar-Regolament (UE) 2018/841. L-amministratur ċentrali għandu jiżgura wkoll li l-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru jirrifletti l-baġit u t-trajettorja stabbiliti għal dak l-Istat Membru f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4), u mal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (UE) 2018/841 għas-snin 2026, 2027, 2028 u 2029.

5.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li s-somma tal-emissjonijiet irrapportati u tal-assorbimenti rrapportati għal kull Stat Membru, imsemmija fil-paragrafu 3, tiddaħħal fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE.

Artikolu 59u

Kalkolu tal-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru u tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE

1.   Mal-introduzzjoni tad-data rilevanti tal-LULUCF skont l-Artikolu 59t ta’ dan ir-Regolament relatata mal-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jikkalkula l-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru billi jnaqqas il-kwantitajiet totali ta’ emissjonijiet mill-kwantitajiet totali ta’ assorbimenti f’kull kategorija ta’ kontabbiltà tal-art kif imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) sa (f), tar-Regolament (UE) 2018/841. L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jinkludi s-somma tar-riżultati tal-kalkolu fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE.

2.   Mal-introduzzjoni tad-data rilevanti tal-LULUCF skont l-Artikolu 59t ta’ dan ir-Regolament relatata mat-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jikkalkula l-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru billi jnaqqas il-kwantità totali ta’ emissjonijiet mill-kwantità totali ta’ assorbimenti f’kull kategorija jew settur tar-rapportar tal-art imsemmija fl-Artikolu 2(2), il-punti (a) sa (j), tar-Regolament (UE) 2018/841. L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jkun jirrifletti r-riżultat tal-kalkolu fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE.

3.   Fit-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, fejn ikun hemm bidla fil-metodoloġija użata mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, li tirriżulta f’differenza bejn id-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra kif sottomessa fl-2020 għas-snin 2016, 2017 u 2018 u d-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra kif sottomessa għall-istess snin fl-2032, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jikkalkula d-differenza bejn id-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra kif sottomessa fl-2020 u d-data medja riveduta tal-inventarju tal-gassijiet serra għall-istess snin kif sottomessa fl-2032. Abbażi tar-riżultati tal-kalkolu, ir-Reġistru tal-Unjoni għandu jikkalkula mill-ġdid is-somma tad-data tal-inventarju tal-gassijiet serra għall-Unjoni kollha kemm hi, kif stabbilit fil-Kolonna B tal-Anness IIa tar-Regolament (UE) 2018/841, sabiex jallinja mal-mira tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2) ta’ dak ir-Regolament.

4.   Fit-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, fejn ikun hemm bidla fil-metodoloġija użata mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, li tirriżulta f’differenza bejn id-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra kif sottomessa fl-2025 għas-snin 2021, 2022 u 2023 u d-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra kif sottomessa għall-istess snin fl-2032, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jikkalkula d-differenza bejn id-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra riveduta kif sottomessa fl-2025 u d-data medja tal-inventarju tal-gassijiet serra riveduta għall-istess snin kif sottomessa fl-2032. Abbażi tar-riżultati tal-kalkoli mwettqa f’konformità ma’ dan il-paragrafu u mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ir-Reġistru tal-Unjoni għandu jiżgura li l-baġit għall-Istati Membri jiġi kkalkolat mill-ġdid kif xieraq.

Artikolu 59v

Ħolqien tal-LRUs

1.   Meta l-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru kkalkolat skont l-Artikolu 59u jkun pożittiv, l-amministratur ċentrali għandu joħroġ fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ dak l-Istat Membru għadd ta’ LRUs li jikkorrespondu għall-kwantità ta’ assorbimenti żejda għaż-żewġ perjodi ta’ konformità tal-LULUCF.

2.   Matul iż-żewġ perjodi ta’ konformità tal-LULUCF, l-LRUs għandhom ikunu eliġibbli biss biex jittrasferixxu għal Kontijiet ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stati Membri oħrajn f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (UE) 2018/841 u għall-Kontijiet ta’ Konformità tal-ESR tal-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 59k ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jassenja lil kull LRU kodiċi uniku ta’ identifikazzjoni tal-unità mal-ħolqien tagħha.

Artikolu 59w

Trasferimenti ta’ LRUs bejn il-Kontijiet ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istati Membri

1.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta’ Stat Membru li jkollu l-LRUs, u wara li jqis kwalunkwe LRUs ittrasferiti skont l-Artikolu 59x, ir-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi kwantità mitluba ta’ LRUs mill-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru rikjedenti għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru ieħor.

2.   It-trasferimenti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhom jitwettqu fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat ikun talab li jittrasferixxi ammont ta’ LRUs li jaqbeż l-ammont meħtieġ mill-Istat Membru riċeventi sabiex il-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tiegħu kkalkolat skont l-Artikolu 59u jinġieb għal żero;

(b)

it-talba tal-Istat Membru tiġi sottomessa wara d-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta’ konformità għall-perjodu ta’ konformità partikolari skont l-Artikolu 59ad;

(c)

l-ammont tal-LRUs disponibbli ma huwiex biżżejjed biex ikun jista’ jsir tali trasferiment.

3.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li l-LRUs ittrasferiti f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jintużaw biss għall-fini tal-issodisfar tal-obbligi tal-Istat Membru riċeventi skont l-Artikolu 4(1), (3) u (4) tar-Regolament (UE) 2018/841. Ir-Reġistru tal-Unjoni għandu jimblokka kwalunkwe trasferiment sussegwenti tal-LRUs mill-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru riċeventi fil-Kont ta’ Konformità tal-ESR tiegħu.

Artikolu 59x

Trasferimenti ta’ LRUs u allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet (AEAs, Annual Emission Allocations) bejn il-Kontijiet ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istati Membri u l-Kontijiet ta’ Konformità tal-ESR

1.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jidentifika u juri, fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru li għandu LRUs, il-kwantità ta’ LRUs eliġibbli għat-trasferiment għall-Kont ta’ Konformità tal-ESR ta’ dak l-Istat Membru billi jnaqqas l-LRUs li mhumiex eliġibbli għat-trasferiment skont l-Artikolu 59w(3) mill-kwantità totali ta’ LRUs fl-istess Kont ta’ Konformità.

2.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta’ Stat Membru li għandu LRUs, ir-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi ammont rikjest ta’ LRUs eliġibbli mill-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru rikjedenti għall-Kont ta’ Konformità tal-ESR tiegħu. Trasferimenti bħal dawn għandhom jitwettqu biss f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 59k.

3.   Meta, fl-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, il-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru kkalkolat skont l-Artikolu 59u jkun negattiv, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta’ dak l-Istat Membru, ir-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi kwantità rikjesta ta’ AEAs mill-Kont ta’ Konformità tal-ESR tas-sena rilevanti tal-Istat Membru rikjedenti għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF. Tali trasferimenti ma għandhom jitwettqu fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat ikun talab li jittrasferixxi ammont ta’ AEAs li jaqbeż l-ammont meħtieġ sabiex il-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ikkalkolat skont l-Artikolu 59u jinġieb għal żero;

(b)

it-talba tal-Istat Membru tiġi sottomessa aktar minn 3 xhur wara l-kalkolu tal-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru għall-perjodu partikolari;

(c)

l-istatus tal-Kont ta’ Konformità tal-ESR ma jippermettix tali trasferiment.

4.   Meta, fit-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, is-somma tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru kkalkolata skont l-Artikolu 59u tkun taħt il-mira stabbilita fil-Kolonna C tal-Anness IIA tar-Regolament (UE) 2018/841 għal dak l-Istat Membru, jew tkun taħt il-baġit stabbilit għal dak l-Istat Membru l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta’ dak l-Istat Membru, ir-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi kwantità mitluba ta’ AEAs mill-Kont ta’ Konformità tal-ESR għal sena partikolari tal-Istat Membru rikjedenti għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tiegħu. Tali trasferimenti ma għandhom jitwettqu fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat ikun talab li jittrasferixxi ammont ta’ AEAs li jaqbeż l-ammont meħtieġ sabiex il-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ikkalkolat skont l-Artikolu 59u jinġieb konformi mal-mira stabbilita fil-Kolonna C tal-Anness IIa tar-Regolament (UE) 2018/841 għal dak l-Istat Membru jew konformi mal-baġit kif imsemmi fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2018/841;

(b)

it-talba tal-Istat Membru tiġi sottomessa aktar minn 3 xhur wara l-kalkolu tal-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru għall-perjodu partikolari;

(c)

l-istatus tal-Kont ta’ Konformità tal-ESR ma jippermettix tali trasferiment.

5.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li l-AEAs ittrasferiti f’konformità mal-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu jintużaw biss għall-fini tal-issodisfar tal-obbligi tal-Istat Membru skont l-Artikolu 4(1), (3) u (4) tar-Regolament (UE) 2018/841 u li dawk it-trasferimenti jiġu riflessi fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE. Ir-Reġistru tal-Unjoni għandu jimblokka kwalunkwe trasferiment sussegwenti tal-AEAs mill-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru riċeventi għall-Kontijiet ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stati Membri oħrajn.

6.   Meta Stat Membru jkun biħsiebu jagħmel użu mill-flessibbiltà msemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2018/841, tali talba għandha tiġi sottomessa fi żmien 3 xhur wara l-pubblikazzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) 2018/1999.

Artikolu 59y

Ħolqien tal-MFLFAs

1.   Għall-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, l-amministratur ċentrali għandu joħloq fil-Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE għadd ta’ MFLFAs ugwali għal 50 % tal-ammont totali ta’ kumpens disponibbli għall-perjodu mill-2021 sal-2030 kif stabbilit fit-tieni kolonna tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2018/841.

L-ammont ta’ MFLFAs eliġibbli għat-trasferiment mill-Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE għal Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru għall-ewwel perjodu ta’ konformità ma għandux jaqbeż il-50 % tal-ammont massimu ta’ kumpens disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat kif stabbilit fit-tieni kolonna tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2018/841.

2.   L-MFLFAs għandhom ikunu validi biss għall-ibbilanċjar tal-assorbimenti kontabbilizzati bħala emissjonijiet fil-kategorija ta’ kontabbiltà tal-art forestali ġestita tal-Istat Membru kkonċernat bil-għan li jissodisfa l-obbligi tiegħu f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2018/841. L-MFLFAs għandhom ikunu eliġibbli biss għal trasferiment mill-Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru kkonċernat.

3.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jassenja lil kull MFLFA kodiċi uniku ta’ identifikazzjoni tal-unità mal-ħolqien tagħha.

Artikolu 59z

Trasferiment tal-MFLFAs għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru

1.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta’ Stat Membru, ir-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi l-kwantità mitluba ta’ MFLFAs mill-Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru rikjedenti. Tali trasferimenti ma għandhom jitwettqu fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

il-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru fl-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF ikkalkolat skont l-Artikolu 59u jkun żero jew pożittiv;

(b)

l-Istat Membru jkun talab li jittrasferixxi ammont ta’ MFLFAs li jaqbeż l-ammont meħtieġ sabiex il-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF għall-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF ikkalkolat skont l-Artikolu 59u jinġieb għal żero;

(c)

il-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE għall-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, ikkalkolat skont l-Artikolu 59u, u wara li jitqies kwalunkwe trasferiment imwettaq skont l-Artikolu 59x, ikun negattiv;

(d)

l-Istat Membru jkun talab li jittrasferixxi ammont ta’ MFLFAs li jaqbeż 50 % tal-ammont massimu ta’ kumpens disponibbli għal dak l-Istat Membru kif stabbilit fit-tieni kolonna tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2018/841, ikkalkolat mill-ġdid jekk meħtieġ, filwaqt li titqies kwalunkwe talba preċedenti skont dan l-Artikolu mill-istess Stat Membru;

(e)

l-Istat Membru jkun talab li jittrasferixxi ammont ta’ MFLFAs li jaqbeż il-kwantità ta’ bjar kontabbilizzati bħala emissjonijiet kontra l-livell ta’ referenza tal-foresti tiegħu fil-kategorija ta’ kontabbiltà tal-art forestali ġestita ta’ dak l-Istat Membru;

(f)

l-Istat Membru jkun talab it-trasferiment ta’ ammont ta’ MFLFAs biex ikopri defiċit f’kategorija ta’ kontabbiltà tal-art għajr il-kategorija ta’ kontabbiltà tal-art forestali ġestita;

(g)

it-talba tal-Istat Membru tiġi sottomessa wara li jiġu ddeterminati l-figuri tal-istatus ta’ konformità għall-perjodu ta’ konformità partikolari;

(h)

l-Istat Membru ma jkunx issodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2018/841.

2.   Meta l-emissjonijiet totali ta’ Stat Membru jaqbżu l-assorbimenti totali fil-kategorija ta’ kontabbiltà tal-art forestali ġestita, u wara li jiġi eżawrit il-kumpens previst f’konformità mal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi ammont mitlub ta’ MFLFAs sa ammont mhux użat minn Stati Membri oħrajn tal-ammont sħiħ ta’ kumpens għall-perjodu mill-2021 sal-2025, kif imsemmi fl-Artikolu 59y(1), li jinsab fil-Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE għal Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru, diment li l-Istat Membru rikjedenti jkun issottometta evidenza lill-Kummissjoni dwar l-impatt tad-disturbi naturali skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2018/841.

3.   Meta t-talbiet mill-Istati Membri f’konformità mal-paragrafu 2 jaqbżu l-ammont ta’ MFLFAs disponibbli fil-Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE, l-amministratur ċentrali għandu jqassam l-MFLFAs li jifdal fuq bażi pro rata.

4.   Sabiex jiġi evitat għadd doppju, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li meta jwettaq it-trasferimenti f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3, ir-Reġistru tal-Unjoni jnaqqas il-kwantitajiet korrispondenti ta’ MFLFAs mill-Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE.

Artikolu 59aa

Ħolqien ta’ LUFAs

1.   Għat-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, l-amministratur ċentrali għandu joħloq fil-Kont Ċentrali tal-LUFA tal-UE għadd ta’ LUFAs ugwali għall-ammont massimu ta’ 178 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju disponibbli għall-Istati Membri kollha għall-perjodu mill-2026 sal-2030.

L-ammont ta’ LUFAs eliġibbli għat-trasferiment mill-Kont Ċentrali tal-LUFA tal-UE għal Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru għat-tieni perjodu ta’ konformità ma għandux jaqbeż 50 % tal-ammont massimu ta’ kumpens disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat kif stabbilit fit-tieni kolonna tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2018/841.

2.   Il-LUFAs għandhom ikunu validi biss biex jiġu bbilanċjati l-emissjonijiet netti jew l-assorbimenti netti, jew it-tnejn, kontabbilizzati bħala emissjonijiet meta mqabbla mal-mira jew mal-baġit stabbilit għal dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2018/841. Il-LUFAs għandhom ikunu eliġibbli biss għal trasferiment mill-Kont Ċentrali tal-LUFA tal-UE għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2018/841.

3.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jassenja lil kull LUFA kodiċi uniku ta’ identifikazzjoni tal-unità mal-ħolqien tagħha.

Artikolu 59ab

Trasferiment tal-LUFAs u tal-MFLFAs għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru

1.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta’ Stat Membru, ir-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi l-kwantità rikjesta ta’ LUFAs mill-Kont Ċentrali tal-LUFA tal-UE għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru rikjedenti. Tali trasferimenti ma għandhom jitwettqu fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru ma jkunx issodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13b(3), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2018/841;

(b)

l-Istat Membru ma jkunx eżawrixxa l-possibbiltà li jittrasferixxi kwalunkwe eċċess ta’ AEAs mill-Kont ta’ Konformità tal-ESR tiegħu għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tiegħu f’konformità mal-Artikolu 59x;

(c)

il-mira tal-Unjoni għall-2030 kif previst fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/841, ikkalkulata skont l-Artikolu 59u(2), (3) u (4) ta’ dan ir-Regolament, u wara li jitqies kwalunkwe trasferiment imwettaq skont l-Artikolu 59x, ma tkunx ġiet issodisfata.

2.   Għall-fini tal-valutazzjoni dwar jekk il-mira tal-Unjoni għall-2030 kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ġietx issodisfata, u wara li jitqies kwalunkwe aġġustament metodoloġiku mwettaq skont l-Artikolu 59u(3), l-amministratur ċentrali għandu jqis kwalunkwe LRUs mhux użati li jifdal fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE għall-ewwel perjodu ta’ konformità wara li jkun twettaq it-trasferiment ta’ LRUs eċċessivi skont l-Artikolu 27b(4), dment li Stat Membru wieħed jew aktar ikunu ppreżentaw evidenza lill-Kummissjoni dwar l-impatt tad-disturbi naturali f’konformità mal-Artikolu 13b(5) tar-Regolament (UE) 2018/841.

3.   Meta d-differenza bejn is-somma tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti fi Stat Membru, u l-mira ta’ dak l-Istat Membru jew il-baġit tal-Istat Membru kif stabbilit f’konformità mal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2018/841, tkun negattiva, u wara li jiġi eżawrit il-kumpens imsemmi fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi ammont mitlub ta’ LUFAs sa ammont mhux użat minn Stati Membri oħrajn tal-ammont sħiħ ta’ kumpens għall-perjodu mill-2026 sal-2030, kif imsemmi fl-Artikolu 59aa(1) ta’ dan ir-Regolament, li jinsab fil-Kont Ċentrali tal-LUFA tal-UE, għal Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru, sakemm l-Istat Membru rikjedenti jkun issottometta evidenza lill-Kummissjoni dwar l-impatt tad-disturbi naturali f’konformità mal-Artikolu 13b(5) tar-Regolament (UE) 2018/841.

4.   Meta t-talbiet mill-Istati Membri f’konformità mal-paragrafu 3 jaqbżu l-ammont ta’ LUFAs mhux użati disponibbli fil-Kont Ċentrali tal-LUFA tal-UE, l-amministratur ċentrali għandu jqassam il-LUFAs li jifdal fuq bażi pro rata.

5.   Meta d-differenza bejn is-somma tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti fi Stat Membru, u l-mira ta’ dak l-Istat Membru jew il-baġit tal-Istat Membru kif stabbilit f’konformità mal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2018/841, tkun negattiva, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi ammont mitlub ta’ LUFAs mit-tieni perjodu ta’ konformità u MFLFAs mhux użati mill-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF sal-ammont sħiħ ta’ kumpens mhux użat fil-perjodu mill-2021 sal-2030, kif stipulat fit-tieni kolonna tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2018/841, iżda li ma jaqbiżx il-50 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju b’kollox, mill-Kont Ċentrali tal-LUFA tal-UE u l-Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru rikjedenti. Tali trasferimenti ma għandhom jitwettqu fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru ma jkunx eżawrixxa l-possibbiltà li jittrasferixxi kwalunkwe eċċess ta’ AEAs mill-Kont[ijiet] ta’ Konformità tal-ESR tiegħu għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tiegħu f’konformità mal-Artikolu 59x;

(b)

l-Istat Membru ma jkunx eżawrixxa l-użu tal-flessibbiltajiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3;

(c)

l-Istat Membru ma jkunx issottometta lill-Kummissjoni l-evidenza msemmija fl-Artikolu 13b(6), il-punt (i), jew fl-Artikolu 13b(6), il-punt (ii) tar-Regolament (UE) 2018/841;

(d)

l-Istat Membru ma jkunx issodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13b(6), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2018/841.

6.   Sabiex jiġi evitat għadd doppju, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li meta jwettaq it-trasferimenti f’konformità ma’ dan l-Artikolu, ir-Reġistru tal-Unjoni jnaqqas il-kwantitajiet korrispondenti ta’ LUFAs jew MFLFAs ittrasferiti għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru rikjedenti mill-Kont Ċentrali tal-LUFA tal-UE u l-Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE.

7.   Għall-fini tal-paragrafi 1 u 5, ikun hemm surplus fil-Kontijiet ta’ Konformità tal-ESR jekk, fiż-żmien tat-talba għat-trasferiment tal-LUFAs, is-somma tal-AEAs fil-Kontijiet ta’ Konformità tal-ESR tal-Istat Membru kkonċernat għas-snin mill-2026 sal-2030 tkun ogħla mis-somma tal-emissjonijiet fl-istess kontijiet ta’ konformità.

Artikolu 59ac

Ħolqien u trasferiment tal-AFAFs

1.   L-amministratur ċentrali għandu joħloq fil-Kont ta’ Kumpens Addizzjonali Ċentrali għall-Finlandja għadd ta’ AFAFs ugwali għall-ammont massimu ta’ 5 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju. L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jassenja lil kull AFAF kodiċi uniku ta’ identifikazzjoni tal-unità mal-ħolqien tagħha.

2.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba tal-Finlandja, ir-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi ammont rikjest ta’ AFAFs mill-Kont ta’ Kumpens Addizzjonali Ċentrali għall-Finlandja għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Finlandja. Tali trasferimenti ma għandhom jitwettqu fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

it-trasferiment mitlub għandu jintuża f’kategoriji ta’ kontabbiltà tal-art għajr art forestali ġestita, art deforestata, art agrikola ġestita u mergħat ġestiti;

(b)

il-Finlandja ma tkunx issodisfat il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13a(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2018/841;

(c)

il-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE għall-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, ikkalkolat skont l-Artikolu 59u, u wara li jitqies kwalunkwe trasferiment imwettaq skont l-Artikolu 59x, ikun negattiv;

(d)

it-trasferiment mitlub jaqbeż l-ammont ta’ AFAFs disponibbli għall-Finlandja fl-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF skont l-Artikolu 13a tar-Regolament (UE) 2018/841;

(e)

l-emissjonijiet maħluqa permezz ta’ bidla storika minn art forestali għal kwalunkwe kategorija oħra ta’ użu tal-art ikunu seħħew wara l-31 ta’ Diċembru 2017;

(f)

it-trasferiment mitlub jaqbeż l-ammont meħtieġ għall-konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2018/841;

(g)

it-talba tal-Finlandja tiġi sottomessa wara li tiġi ddeterminata l-figura tal-istatus ta’ konformità għall-ewwel perjodu ta’ konformità.

3.   L-amministratur ċentrali għandu jimblokka kwalunkwe trasferiment sussegwenti tal-AFAFs mill-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru għall-Finlandja.

Artikolu 59ad

Determinazzjoni tal-figuri tal-istatus ta’ konformità u tal-konformità

1.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li wara perjodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 38(5) tar-Regolament (UE) 2018/1999 għall-eżerċizzju ta’ flessibbiltajiet skont l-Artikoli 12, 13, 13a u 13b tar-Regolament (UE) 2018/841, ir-Reġistru tal-Unjoni jiddetermina l-figura tal-istatus ta’ konformità għall-Kontijiet ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istati Membri billi jnaqqas il-kwantità totali ta’ emissjonijiet kontabilizzati jew irrapportati mill-kwantità totali ta’ assorbimenti kontabilizzati jew irrapportati filwaqt li jqis kwalunkwe flessibbiltà użata skont ir-Regolamenti (UE) 2018/841 u (UE) 2018/842 fil-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru.

2.   Fl-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, meta l-figura tal-istatus ta’ konformità tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru ddeterminata skont il-paragrafu 1 tkun negattiva, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ dak l-Istat Membru l-kwantità ta’ AEAs meħtieġa sabiex il-figura tal-istatus ta’ konformità tinġieb għal żero, f’partijiet indaqs mill-Kontijiet ta’ Konformità tal-ESR tal-Istat Membru kkonċernat għas-snin 2021, 2022, 2023, 2024 u 2025. Jekk il-kwantità ta’ AEAs meħtieġa sabiex il-figura tal-istatus ta’ konformità tinġieb għal żero ma tkunx multiplu ta’ ħamsa, il-kwantità ta’ AEAs li taqbeż l-ogħla multiplu ta’ ħamsa għandha tiġi ttrasferita f’partijiet indaqs mill-kontijiet ta’ konformità tas-snin 2022, 2023, 2024 u 2025, jew, jekk dan ma jkunx possibbli, f’partijiet indaqs mill-kontijiet ta’ konformità tas-snin 2023, 2024 u 2025, jew, jekk dan ma jkunx possibbli, f’partijiet indaqs mill-kontijiet ta’ konformità tas-snin 2024 u 2025, jew, jekk dan ma jkunx possibbli, mill-kont ta’ konformità tal-2025.

3.   Bħala konsegwenza tal-paragrafu 2, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jerġa’ jikkalkula l-figura tal-istatus ta’ konformità għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li jqis l-ammonti ta’ AEAs ittrasferiti.

4.   Meta l-figura tal-istatus ta’ konformità ta’ Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru ddeterminata skont il-paragrafu 1 tkun pożittiva, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi l-LRUs kollha li jifdal għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tal-UE.

5.   Fit-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma mal-baġit stabbilit għal dak l-Istat Membru, ikkalkolat mill-ġdid, jekk meħtieġ, f’konformità mal-Artikolu 59u(4), l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi ammont ugwali għall-ammont f’tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju tal-emissjonijiet netti jew l-assorbimenti netti ta’ gassijiet serra żejda kontabbilizzati bħala emissjonijiet, immultiplikati b’fattur ta’ 1,08, għall-figura tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra rrapportata minn dak l-Istat Membru fl-2032 għas-sena 2030 kif stipulat fil-Kolonna C tal-Anness IIa tar-Regolament (UE) 2018/841.”;

(8)

fl-Artikolu 70, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jwettaq kontrolli awtomatizzati, filwaqt li jqis l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u ta’ skambju tad-data previsti fl-Artikolu 75 ta’ dan ir-Regolament għall-proċessi kollha sabiex jiġu identifikati irregolaritajiet u diskrepanzi, meta l-proċess propost ma jkunx konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/87/KE, tar-Regolamenti (UE) 2018/841 u (UE) 2018/842, u ta’ dan ir-Regolament.”

;

(9)

l-Annessi I u XIII tar-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 huma emendati f’konformità mal-Annessi I u II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/841/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni (ĠU L 177, 2.7.2019, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/1122/oj).

(3)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/839 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/841 fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, is-simplifikazzjoni tar-regoli dwar ir-rapportar u l-konformità, u l-istabbiliment tal-miri tal-Istati Membri għall-2030, u r-Regolament (UE) 2018/1999 fir-rigward tat-titjib fil-monitoraġġ, fir-rapportar, fit-traċċar tal-progress u fir-rieżami (ĠU L 107, 21.4.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/839/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/842/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1999/oj).


ANNESS I

Fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/1122, it-Tabella I-II hija sostitwita b’dan li ġej:

“Tabella I-II

Kontijiet għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet ta’ kontabilità skont it-Titolu IIA

Isem it-tip ta’ kont

Detentur tal-kont

Amministratur tal-kont

Għadd ta’ kontijiet ta’ dan it-tip

AEA

Emissjonijiet kontabilizzati / assorbimenti kontabilizzati (1)

LRU

MFLFA (2)

LUFA (3)

AFAF

Kont ta’ Kwantità Totali tal-AEAs tal-ESR tal-UE

UE

amministratur ċentrali

1

Iva

Le

Le

Le

Le

Le

Kont ta’ Tħassir tal-ESR

UE

amministratur ċentrali

1

Iva

Le

Iva

Le

Le

Le

Kont ta’ Kwantità Totali

tal-AEAs tal-Anness II

tal-UE

UE

amministratur ċentrali

1

Iva

Le

Le

Le

Le

Le

Kont ta’ Riżerva

tas-Sikurezza tal-ESR tal-UE

UE

amministratur ċentrali

1

Iva

Le

Le

Le

Le

Le

Kont tal-Konformità tal-ESR

Stat Membru

amministratur ċentrali

1 għal kull 10 snin ta’ konformità għal kull Stat Membru

Iva

Le

Iva

Le

Le

Le

Kont tal-Konformità tal-LULUCF tal-UE

UE

amministratur ċentrali

1 għaż-żewġ perjodi ta’ konformità

Le

Iva

Iva

Le

Le

Le

Kont ta’ Tħassir tal-LULUCF tal-UE

UE

amministratur ċentrali

1 li jkopri ż-żewġ perjodi ta’ konformità

Le

Iva

Iva

Iva

Iva

Iva

Kont tal-Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru

Stat Membru

amministratur ċentrali/

1 għaż-żewġ perjodi ta’ konformità għal kull Stat Membru

Iva

Iva

Iva

Iva

Iva

Iva

Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE

UE

amministratur ċentrali

1 għall-ewwel perjodu ta’ konformità

Le

Le

Le

Iva

Le

Le

Kont Ċentrali tal-LUFA tal-UE

UE

amministratur ċentrali

1 għat-tieni perjodu ta’ konformità

Le

Le

Le

Le

Iva

Le

Kont ta’ Kumpens Addizzjonali Ċentrali għall-Finlandja (4)

FI

amministratur ċentrali

1 għall-ewwel perjodu ta’ konformità

Le

Le

Le

Le

Le

Iva


(1)  L-emissjonijiet kontabilizzati u l-assorbimenti kontabilizzati japplikaw biss fl-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF. Fit-tieni perjodu ta’ konformità tal-LULUCF, japplikaw l-emissjonijiet irrapportati u l-assorbimenti rrapportati.

(2)  L-MFLFA jinħarġu għall-ewwel perjodu ta’ konformità.

(3)  L-LUFA jinħarġu għat-tieni perjodu ta’ konformità.

(4)  L-amministratur ċentrali jiftaħ Kont ta’ Kumpens Addizzjonali Ċentrali għall-Finlandja b’allokazzjoni addizzjonali ta’ 5 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 għall-ewwel perjodu ta’ konformità tal-LULUCF.”


ANNESS II

Fl-Anness XIII għar-Regolament Delegat (UE) 2019/1122, il-Parti II hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal il-punt 7a li ġej:

“7a.

L-amministratur ċentrali għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-informazzjoni li ġejja għal kull Kont tal-Konformità tal-LULUCF u jaġġornah fi żmien 24 siegħa fejn rilevanti:

(a)

informazzjoni dwar l-Istat Membru detentur tal-kont;

(b)

l-istat ta’ kull Kont tal-Konformità tal-LULUCF f’konformità mal-Artikolu 9;

(c)

id-data rilevanti tal-LULUCF skont l-Artikolu 59t;

(d)

il-bilanċ tal-Kontijiet tal-Konformità tal-LULUCF tal-Istati Membri u tal-Kontijiet tal-Konformità tal-LULUCF tal-UE skont l-Artikolu 59u;

(e)

il-kwantità ta’ LRUs fil-Kont tal-Konformità tal-LULUCF ta’ kull Stat Membru;

(f)

il-kwantità ta’ LRUs eliġibbli għat-trasferiment fil-Kont tal-Konformità tal-ESR f’kull Kont tal-Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru;

(g)

iċ-ċifra ta’ stat tal-konformità skont l-Artikolu 59ad għal kull Kont tal-Konformità tal-LULUCF, kif ġej:

(i)

A għall-konformità;

(ii)

I għan-nuqqas ta’ konformità;

(h)

l-informazzjoni dwar it-trasferimenti ta’ LRUs bejn il-Kontijiet tal-Konformità tal-LULUCF skont l-Artikolu 59w u bejn il-Kontijiet tal-Konformità tal-LULUCF u l-Kontijiet tal-Konformità tal-ESR skont l-Artikoli 59k u 59x;

(i)

l-informazzjoni dwar it-trasferimenti tal-AEAs skont l-Artikolu 59x u 59k bejn il-Kontijiet tal-Konformità tal-ESR u l-Kontijiet tal-Konformità tal-LULUCF;

(j)

l-informazzjoni dwar it-trasferimenti tal-MFLFAs mill-Kont Ċentrali tal-MFLFA tal-UE għall-Kontijiet tal-Konformità tal-LULUCF tal-Istati Membri;

(k)

l-informazzjoni dwar it-trasferimenti tal-AFAFs mill-Kont ta’ Kumpens Addizzjonali Ċentrali għall-Finlandja għall-Kont tal-Konformità tal-LULUCF għall-Finlandja;

(l)

l-informazzjoni dwar it-trasferimenti tal-LUFAs mill-Kont Ċentrali tal-LUFA tal-UE għall-Kontijiet tal-Konformità tal-LULUCF tal-Istati Membri;

(m)

l-informazzjoni li ġejja dwar kull tranżazzjoni kompluta:

(i)

l-isem tad-detentur tal-kont u l-ID tad-detentur tal-kont li qed jittrasferixxi;

(ii)

l-isem tad-detentur tal-kont u l-ID tad-detentur tal-kont li qed jakkwista;

(iii)

l-ammont ta’ LRUs, AEAs, MFLFAs, AFAFs jew LUFAs involuti fit-tranżazzjoni;

(iv)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tat-tranżazzjoni;

(v)

id-data u l-ħin li fihom it-tranżazzjoni ġiet kompluta (fil-Ħin tal-Ewropa Ċentrali);

(vi)

it-tip tat-tranżazzjoni.”;

(2)

jiżdied il-punt 9 li ġej:

“9.

Ir-Reġistru tal-Unjoni għandu juri l-informazzjoni li ġejja fil-parti tas-sit web tar-Reġistru tal-Unjoni aċċessibbli biss għad-detentur tal-Kont tal-Konformità tal-LULUCF, li għandha tkun aġġornata f’ħin reali:

(a)

id-depożiti kurrenti bħala bilanċ li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet totali;

(b)

lista ta’ tranżazzjonijiet proposti mibdijin minn dak id-detentur tal-kont, u għal kull tranżazzjoni proposta id-dettalji li ġejjin:

(i)

l-elementi fil-punt 7a(m);

(ii)

id-data u l-ħin li fihom it-tranżazzjoni ġiet proposta (fil-Ħin tal-Ewropa Ċentrali);

(iii)

l-istat attwali ta’ dik it-tranżazzjoni proposta;

(iv)

kwalunkwe kodiċi ta’ tweġiba mibgħuta b’riżultat tal-ispezzjonijiet magħmulin mir-Reġistru tal-Unjoni;

(c)

lista ta’ LRUs, AEAs, MFLFAs, AFAFs u LUFAs akkwistati minn dak il-kont b’riżultat tat-tranżazzjonijiet kompluti, u għal kull tranżazzjoni d-dettalji tal-elementi fil-punt 7a(m);

(d)

lista ta’ LRUs ittrasferiti minn dak il-kont b’riżultat tat-tranżazzjonijiet kompluti, u għal kull tranżazzjoni d-dettalji tal-elementi fil-punt 7a(m).”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/81/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)