9.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/119


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2017

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tal-Iżvezja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2017 tal-Iżvezja

(2017/C 261/26)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9 u fl-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lill-Iżvezja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(2)

Ir-rapport tal-pajjiż tal-2017 għall-Iżvezja ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ivvaluta l-progress li għamlet l-Iżvezja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż adottata mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress li għamlet l-Iżvezja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Dan inkluda wkoll analiżi fil-fond taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tiegħu ġew ippubblikati wkoll fit-22 ta’ Frar 2017. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Iżvezja għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, it-tkabbir persistenti tal-prezzijiet tad-djar minn livelli diġà soppravvalutati flimkien ma’ sistema ta’ tkomplija taż-żieda fid-dejn tal-unitajiet domestiċi joħloq riskji ta’ korrezzjoni diżordnata. Minkejja li l-banek huma kapitalizzati b’mod adegwat, korrezzjoni diżordnata tista’ taffettwa wkoll is-settur finanzjarju peress li l-banek għandhom espożizzjoni dejjem ikbar ta’ self ipotekarju tal-unitajiet domestiċi. F’każ bħal dan, jista’ jkun hemm effetti sekondarji fuq pajjiżi ġirien minħabba li gruppi bankarji Żvediżi huma ta’ importanza sistemika fir-reġjun Nordiku-Baltiku. L-għarfien tar-riskji kbar fost l-awtoritajiet Żvediżi huwa għoli, u f’dawn l-aħħar snin ittieħdu miżuri biex jitrażżan it-tkabbir tad-dejn ipotekarju u tiżdied il-kostruzzjoni tad-djar. Madankollu, il-passi politiċi implimentati s’issa ma kinux biżżejjed biex jindirizzaw it-tisħin żejjed fis-settur tal-abitazzjoni. B’mod ġenerali, għad baqa’ lakuni fil-politika fil-qasam tat-tassazzjoni relatata mad-djar, il-qafas makroprudenzjali, u fl-indirizzar ta’ xkiel għall-provvista ta’ djar ġodda kif ukoll ostakli għal użu aktar effiċjenti tal-istokk eżistenti tad-djar.

(3)

Fit-28 ta’ April 2017, l-Iżvezja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tagħha kif ukoll il-Programm ta’ Konverġenza tal-2017 tagħha. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(4)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew indirizzati fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) li tkopri l-perijodu 2014–2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jeżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika għaqlija.

(5)

Bħalissa l-Iżvezja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2017, il-Gvern qed jippjana li jilħaq bilanċ pożittiv ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2017 u li jkompli jirrispetta l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju — defiċit strutturali ta’ 1 % tal-PDG — matul il-perijodu tal-programm. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2017, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jinżel għal 39,5 % fl-2017 u li jkompli jinżel għal 31,4 % fl-2020. Tkabbir ekonomiku b’saħħtu u finanzi pubbliċi sodi huma mistennija li jkunu l-muturi ewlenin wara tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mqabbel mal-PDG. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-previżjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li juri bilanċ pożittiv ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2017 u bilanċ pożittiv ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2018, ’il fuq mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2017 u filwaqt li jqis it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, il-Kunsill hu tal-opinjoni li l-Iżvezja hija mistennija tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2017 u fl-2018.

(6)

Id-dejn tal-unitajiet domestiċi kompla jiżdied minn livelli diġà għoljin. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi kiber b’7,1 % fl-2016, għal kważi 86 % tal-PDG u madwar 180 % tad-dħul disponibbli, l-iktar minħabba self ipotekarju ogħla marbut ma’ żidiet kontinwi fil-prezzijiet tal-abitazzjoni. Id-distribuzzjoni tal-livelli ta’ dejn sar dejjem iktar inkonsistenti, bi frazzjoni elevata ta’ unitajiet domestiċi ipotekati mill-ġdid (16,4 % fl-2016) is-self huwa 600 % darba iktar mid-dħul disponibbli tagħhom. Il-Gvern ħa xi miżuri makroprudenzjali rilevanti — inkluża l-introduzzjoni ta’ ħtieġa ta’ amortizzazzjoni tal-ipoteka ġdida fl-2016 – iżda għadu mhux ċar jekk dawn humiex se jkollhom impatt suffiċjenti fuq it-terminu medju. Fi Frar 2017, il-Gvern nieda proċess leġislattiv biex jissaħħaħ il-mandat legali tal-awtorità makroprudenzjali, sabiex jiżgura li fil-futur l-awtorità tkun tista’ tintroduċi miżuri makroprudenzjali potenzjali f’waqthom u tuża firxa usa’ ta’ għodod. L-emendi leġislattivi huma mistennija li jidħlu fis-seħħ sa Frar 2018. L-aġġustament ta’ inċentivi fiskali, pereżempju billi gradwalment tillimita t-tnaqqis fiskali fuq il-pagamenti tal-imgħax fuq l-ipoteki jew billi jiżdiedu t-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà, jgħin biex jitrażżan it-tkabbir fid-dejn tal-unitajiet domestiċi, iżda l-Gvern ma għamel l-ebda progress fuq dan.

(7)

L-Iżvezja esperjenzat tkabbir rapidu u persistenti fil-prezzijiet tal-abitazzjoni sa minn nofs is-snin 90. Il-prezzijiet tal-abitazzjoni komplew jikbru b’mod mgħaġġel u persistenti, b’mod partikolari fiż-żoni urbani. Muturi ewlenin jinkludu trattament tat-taxxa ġeneruża fuq sjieda tad-djar u d-dejn ipotekarju, kundizzjonijiet ta’ kreditu akkomodanti flimkien ma’ rati relattivament baxxi fl-ammortizzazzjoni, u nuqqas attwali fil-provvista tad-djar. Dan in-nuqqas huwa marbut ma’ ineffiċjenzi strutturali fis-settur tal-abitazzjoni. Il-kostruzzjoni tad-djar baqgħet tiżdied, iżda għadha ’l isfel sew mill-ħtiġijiet ta’ kostruzzjonijiet ġodda. Il-pjan tas-settur tal-abitazzjoni ta’ 22 punt tal-Gvern jindirizza xi fatturi sottostanti għan-nuqqas ta’ akkomodazzjoni, inkluż miżuri li jżidu l-ammont ta’ art disponibbli għall-kostruzzjoni, inaqqas l-ispejjeż tal-kostruzzjoni u jitqassar il-proċess taż-żmien meħtieġ għall-proċess tal-ippjanar. Madankollu, ineffiċjenzi strutturali oħra inkluż kompetizzjoni dgħajfa fis-settur tal-kostruzzjoni, ma jingħataw attenzjoni xierqa. In-nuqqas ta’ akkomodazzjoni hija aggravata minn ostakoli li jxekklu l-użu effiċjenti tal-istokk eżistenti tal-akkomodazzjoni. Is-suq tal-kiri rregolat b’mod strett tal-Iżvezja joħloq effetti “lock-in” u “insider/outsider”, iżda l-ebda azzjoni politika sinifikanti ma ttieħdet biex tintroduċi iktar flessibilità fl-iffissar ta’ kirjiet. Fis-suq tas-sidien-okkupanti, taxxi fuq il-qligħ kapitali relattivament għoljin inaqqsu l-mobbiltà tas-sidien ta’ abitazzjonijiet. Ġiet introdotta riforma temporanja ta’ regoli ta’ diferiment għal taxxi fuq qligħ kapitali fuq transazzjoni tal-proprjetà, iżda din probabbilment se jkollha effett limitat. Nuqqas ta’ akkomodazzjoni disponibbli u bi prezz affordabbli jillimita wkoll il-mobbiltà tas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni effettiva tal-migranti fis-suq tax-xogħol u jikkontribwixxi għal inugwaljanzi bejn il-ġenerazzjonijiet.

(8)

Fl-2016 l-Iżvezja kellha waħda mill-ogħla rati ta’ impjieg fl-Unjoni (81,2 %), filwaqt li rreġistrat waħda mir-rati l-iktar baxxi ta’ qgħad ta’ terminu twil. Madankollu, jibqgħu sfidi bħall-integrazzjoni ta’ nies b’ħiliet baxxi u migranti li mhumiex mill-UE fis-suq tax-xogħol u t-tnaqqis tad-distakk sostanzjali ta’ impjieg għal nisa li ma twieldux fl-UE. L-Iżvezja għamlet sforzi konsiderevoli fl-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-ażil u fl-integrazzjoni ta’ refuġjati u immigranti oħra. Jidher li huwa possibbli li jsir titjib ulterjuri billi fl-2016 biss terz tal-parteċipanti fl-introduzzjoni tal-programm kienu f’impjieg jew edukazzjoni 90 jum wara li lestew il-programm, u approċċ komprensiv u governanza dwar ir-rikonoxximent korrispondenti ta’ kwalifiki għadhom neqsin.

(9)

Il-profiċjenza fil-ħiliet bażiċi taż-żgħażagħ ta’ 15-il sena tjiebet wara snin ta’ deterjorament fil-prestazzjoni, skont l-istħarriġ tal-2015 tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tal-OECD. Madankollu, il-proporzjon ta’ dawk li għandhom livelli baxxi għadu madwar il-medja tal-Unjoni u d-distakk fil-prestazzjoni marbuta mal-isfond soċjoekonomiku tal-istudenti twessa’. Il-miżuri mnedija mill-Gvern sabiex jitjiebu r-riżultati fl-iskola u l-ugwaljanza jeħtieġu monitoraġġ mill-qrib, flimkien mal-inizjattivi li l-għan tagħhom huwa l-integrazzjoni ta’ studenti migranti li jkunu għadhom kemm waslu fis-sistema skolastika.

(10)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Iżvezja u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza tal-2017, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Iżvezja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Iżvezja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(11)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2017 u huwa tal-opinjoni (4) li l-Iżvezja hija mistennija tikkonforma mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(12)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2017. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Iżvezja tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

1.

Tindirizza r-riskji relatati mad-dejn tal-familji, b’mod partikolari billi gradwalment tillimita t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-pagamenti tal-imgħax fuq l-ipoteki jew billi żżid it-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà, filwaqt li tikkostrinġi s-self f’livelli eċċessivi tal-proporzjoni ta’ dejn għad-dħul. Trawwem l-investiment fl-akkomodazzjoni u ttejjeb l-effiċjenza tas-suq tal-akkomodazzjoni, inkluż billi tintroduċi iktar flessibbiltà fl-istipular tal-prezzijiet tal-kiri u tirrevedi l-istruttura tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(4)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.