|
23.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 332/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2200
tal-10 ta’ Lulju 2019
li jemenda r-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/98 dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Biex ikun protett it-tonn li għadu qed jikber, il-paragrafu 34 tar-Rakkomandazzjoni 18-02 tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) jipprevedi daqs minimu għat-tonn li jinqabad fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran. Il-qabdiet u l-qabdiet inċidentali ta’ tonn li jkun iżgħar minn dan id-daqs minimu, inkluż dak li jinqabad minn opri tal-baħar tas-sajd sportiv u rikreattiv, ma għandhomx jinżammu abbord il-bastiment tas-sajd ikkonċernat, jiġu ttrasbordati, trasportati, jinħażnu, jinħattu l-art, jinbiegħu, jintwerew jew jiġu offruti għall-bejgħ. |
|
(2) |
Barra minn hekk, skont il-paragrafu 37 tar-Rakkomandazzjoni 18-02, il-bastimenti li jkunu qed jistadu għat-tonn huma meħtieġa jiskartaw il-qabdiet inċidentali tat-tonn li jkun iżgħar mid-daqs minimu li jaqbżu l-5 % tal-qabda totali tat-tonn tagħhom. |
|
(3) |
Il-paragrafu 40 tar-Rakkomandazzjoni 18-02 jistipula li l-opri tal-baħar tas-sajd sportiv u rikreattiv ikunu pprojbiti milli jaqbdu, iżommu abbord, jittrasbordaw, jew iħottu l-art iktar minn tonna waħda kuljum għal kull bastiment. Għandhom jiġu stabbiliti l-miżuri meħtieġa li jiżguraw, kemm hu possibbli, ir-rilaxx tat-tonn li jinqabad waqt is-sajd sportiv jew rikreattiv, speċjalment it-tonn li għadu qed jikber. |
|
(4) |
Il-paragrafu 38 tar-Rakkomandazzjoni 18-02 jistipula li l-bastimenti li ma jkunux awtorizzati jistadu b’mod attiv għat-tonn jistgħu jżommu abbord qabdiet tat-tonn limitu li ma jaqbżux il-livell massimu ta’ qbid inċidentali għal kull bastiment u għal kull operazzjoni tas-sajd. Dan il-limitu tal-qbid inċidentali jeħtieġ li ma jaqbiżx l-20 % tal-qabdiet totali. Jeħtieġ li l-Istati Membri jispeċifikaw dan il-limitu fil-pjanijiet annwali tas-sajd tagħhom. |
|
(5) |
Biex tkun żgurata l-konsistenza bejn ir-Rakkomandazzjoni 18-02 u l-liġi tal-UE, jenħtieġ li ma japplikax l-obbligu ta’ ħatt l-art fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-bastimenti tal-Unjoni li jistadu għat-tonn. |
|
(6) |
Jenħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/98 (2) biex jinkludi dispożizzjonijiet ġodda li jirriflettu l-kundizzjonijiet għas-sajd stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 18-02 tal-ICCAT. |
|
(7) |
Ir-Rakkomandazzjoni 18-02 tibda tapplika mill-21 ta’ Ġunju 2019. Għaldaqstant jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-istess jum, b’hekk il-bastimenti jkunu jistgħu jistadu bl-istess kondizzjonijiet bħal tal-partijiet kontraenti l-oħrajn tal-ICCAT, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
(1) L-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/98 huwa emendat kif ġej:
|
(a) |
Il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej (1)“6 . B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-bastimenti tas-sajd li ma jkunux qegħdin attivament jistadu għat-tonn ma għandhomx iżommu abbord it-tonn li jkun hemm iktar mill-20 % tal-piż, jew minn 20 % tal-għadd ta’ ħutiet, tal-qabda totali. Il-livell ta’ qabdiet inċidentali tat-tonn awtorizzati għandhom jiġu speċifikati mill-Istati Membri fil-pjan annwali tas-sajd msemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2016/1627 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u ma għandu qatt jaqbeż dak il-perċentwal. Il-kalkolu bbażat fuq l-għadd ta’ ħutiet għandu japplika biss għat-tonn u għall-ispeċijiet li jixbħu t-tonn li tiġġestixxi l-ICCAT. (*1) Ir-Regolament (UE) 2016/1627 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar pjan pluriennali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 1).” " |
|
(b) |
Il-paragrafi 8 u 9 huma sostitwiti b’dan li ġej: “8. B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fis-sajd rikreattiv għandhom ikunu pprojbiti l-qbid, iż-żamma abbord, it-trasbord jew il-ħatt l-art ta’ aktar minn tonna waħda kull bastiment kuljum. L-Istati Membri għandhom iwettqu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw u jiffaċilitaw ir-rilaxx tat-tonn li jinqabad ħaj waqt is-sajd rikreattiv. 9. B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fil-każ tas-sajd sportiv għandhom ikunu pprojbiti l-qbid, iż-żamma abbord, it-trasbord jew il-ħatt l-art ta’ aktar minn tonna waħda għal kull bastiment kuljum. L-Istati Membri għandhom iwettqu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw u jiffaċilitaw ir-rilaxx tat-tonn li jinqabad ħaj waqt is-sajd sportiv.” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-21 ta’ Ġunju 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/98 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 16, 23.1.2015, p. 23).