Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - Protokolli u annessi - 8.Protokoll dwar it-Trattati u l-Atti ta' Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda ur-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, tar-Repubblika Ellenika, tar-Renjuta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, u tar-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblikatal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0267 - 0296
8. PROTOKOLL DWAR IT-TRATTATI U L-ATTI TA' ADEŻJONI TAR-RENJU TAD-DANIMARKA, L-IRLANDA U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ, TAR-REPUBBLIKA ELLENIKA, TAR-RENJU TA' SPANJA U R-REPUBBLIKA PORTUGIŻA, U TAR-REPUBBLIKA TA' L-AWSTRIJA, R-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA U R-RENJU TA' L-ISVEZJA IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA, FILWAQT LI JFAKKRU li r-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ingħaqdu mal-Komunitajiet Ewropej fl- 1 ta' Jannar 1973; li r-Repubblika Ellenika ingħaqdet mal-Komunitajiet Ewropej fl- 1 ta' Jannar 1981; li r-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża ingħaqdu mal-Komunitajiet Ewropej fl- 1 ta' Jannar 1986; li r-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja ingħaqdu fl- 1 ta' Jannar 1995 mal-Komunitajiet Ewropej u ma' l-Unjoni Ewropea stabbilita bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; WARA LI KKUNSIDRAW LI l-Artikolu IV-437(2) tal-Kostituzzjoni jipprevedi li t-Trattati dwar l-adeżjonijiet previsti hawn fuq għandhom jiġu mħassra; WARA LI KKUNSIDRAW LI ċerti disposizzjonijiet li jidhru f'dawk it-Trattati ta' Adeżjoni u fl-Atti annessi magħhom jibqgħu rilevanti; u li l-Artikolu IV-437(2) tal-Kostituzzjoni jipprevedi li disposizzjonijiet bħal dawn iridu jiġu stabbiliti jew previsti fi Protokoll, sabiex jibqgħu fis-seħħ u biex l-effetti legali tagħhom jiġu ppreservati; BILLI dawn id-disposizzjonijiet jeħtieġu l-aġġustamenti tekniċi meħtieġa biex jiġu allinjati mal-Kostituzzjoni mingħajr ma jinbidel l-effett legali tagħhom; FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika: TITOLU I DISPOSIZZJONIJIET KOMUNI Artikolu 1 Id-drittijiet u r-responsabbiltajiet li jirriżultaw mit-Trattati ta' Adeżjoni previsti fl-Artikolu IV-437(2)(a) sa (d) tal-Kostituzzjoni ġew fis-seħħ, taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dawk it-Trattati, fid-dati li ġejjin: a) L- 1 ta' Jannar 1973, għat-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq; b) L- 1 ta' Jannar 1981, għat-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika; ċ) L- 1 ta' Jannar 1986, għat-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża; d) L- 1 ta' Jannar 1995, għat-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja. Artikolu 2 1. L-Istati aderenti previsti fl-Artikolu 1 għandhom ikunu obbligati li jaderixxu mal-ftehim jew konvenzjonijiet konklużi qabel l-adeżjonijiet rispettivi tagħhom, sakemm dawn il-ftehim jew il-konvenzjonijiet għadhom fis-seħħ: a) ftehim jew konvenzjonijiet konklużi bejn l-Istati Membri l-oħra li huma bbażati fuq it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika jew it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jew li ma jistgħux jinfirdu mill-kisba tal-miri ta' dawn it-Trattati, jew li għandhom x'jaqsmu mal-funzjonament tal-Komunitajiet jew ta' l-Unjoni jew li huma konnessi ma' l-attivitajiet tagħhom; b) ftehim jew konvenzjonijiet magħmulin mill-Istati Membri l-oħra, konġuntement mal-Komunitajiet Ewropej, ma' Stat jew Stati terzi jew ma' organizzazzjoni internazzjonali, u l-ftehim li għandhom x'jaqsmu ma' dawn il-ftehim jew konvenzjonijiet. L-Unjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jgħinu lill-Istati aderenti msemmija fl-Artikolu 1 f'dan ir-rigward. 2. L-Istati aderenti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, fejn meħtieġ, biex jaġġustaw il-posizzjoni tagħhom fir-rigward ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u fir-rigward ta' dawk il-ftehim internazzjonali li tagħhom l-Unjoni jew il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika jew Stati Membri oħra huma wkoll parti, u fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi li jinħolqu bl-adeżjoni tagħhom. Artikolu 3 Id-disposizzjonijiet ta' l-Atti ta' Adeżjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u l-Qorti Ġenerali, li l-iskop jew l-effett tagħhom hu li jħassar jew jemenda, ħlief b'titolu transitorju, atti adottati mill-istituzzjonijiet, korpi jew aġenziji tal-Komunitajiet Ewropej jew ta' l-Unjoni Ewropea stabbilita bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom jibqgħu fis-seħħ, bla ħsara għat-tieni paragrafu. Id-disposizzjonijiet msemmija fl-ewwel paragrafu għandu jkollhom l-istess status ġuridiku bħall-atti li jħassru jew jemendaw u għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli bħal dawk l-atti. Artikolu 4 It-testi ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Komunitajiet Ewropej jew ta' l-Unjoni Ewropea stabbiliti bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li ġew adottati qabel l-adeżjonijiet previsti fl-Artikolu 1 u li wara kienu stabbiliti mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fil-lingwi Ingliża u Daniża, fil-lingwa Griega, fil-lingwi Spanjola u Portugiża, fil-lingwi Finlandiża u Svediża, għandhom ikunu awtentiċi mid-data ta' l-adeżjonijiet rispettivi previsti fl-Artikolu 1, bl-istess kondizzjonijiet bħat-testi stabbiliti u awtentiċi fil-lingwi l-oħrajn. Artikolu 5 Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' tħassar d-disposizzjonijiet transitorji stabbiliti f'dan il-Protokoll, meta ma jibqgħux iżjed applikabbli. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew. TITOLU II DISPOSIZZJONIJIET MEĦUDA MILL-ATT DWAR IL-KONDIZZJONIJIET TA' L-ADEŻJONI TAR-RENJU TAD-DANIMARKA, L-IRLANDA U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ SEZZJONI 1 Disposizzjonijiet dwar Ġibiltà Artikolu 6 1. Atti ta' l-istituzzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-prodotti fl-Anness I tal-Kostituzzjoni u l-prodotti li, meta jiġu mpurtati fl-Unjoni, huma suġġetti għal regoli speċifiċi bħala riżultat ta' l-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni, kif ukoll l-atti dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq it-turnover, m'għandhomx japplikaw għall-Ġibiltà ħlief jekk il-Kunsill jadotta deċiżjoni Ewropea li tipprovdi mod ieħor. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni. 2. Is-sitwazzjoni ta' Ġibiltà kif definita fil-punt VI ta' l-Anness II [1] ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għandha tinżamm. SEZZJONI 2 Disposizzjonijiet dwar il-Gżejjer Faroe Artikolu 7 Ċittadini Daniżi residenti fil-Gżejjer Faroe għandhom jiġu kkunsidrati bħala ċittadini ta' Stat Membru fit-tifsira tal-Kostituzzjoni biss mid-data meta l-Kostituzzjoni ssir applikabbli għal dawk il-gżejjer. SEZZJONI 3 Disposizzjonijiet dwar iċ-Channel Islands u l-Isle of Man Artikolu 8 1. Ir-regoli ta' l-Unjoni dwar materji doganali u restrizzjonijiet kwantitattivi, speċjalment dazji, piżijiet li għandhom effett ekwivalenti u t-Tariffa Doganali Komuni, għandhom japplikaw għaċ-Channel Islands u l-Isle of Man bl-istess kondizzjonijiet kif japplikaw għar-Renju Unit. 2. Fir-rigward ta' prodotti agrikoli u prodotti proċessati minnhom, li huma suġġetti għal xi reġim kummerċjali speċjali, jiġu applikati għal pajjiżi terzi, t-taxxi u miżuri oħra ta' importazzjoni stipulati fir-regoli ta' l-Unjoni u applikabbli mir-Renju Unit. Dawk id-disposizzjonijiet fir-regoli ta' l-Unjoni li huma meħtieġa biex jippermettu l-moviment liberu u l-osservanza tal-kondizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni u l-kummerċ ta' dawn il-prodotti, għandhom japplikaw ukoll. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li taħthom id-disposizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafu għandhom japplikaw għal dawn it-territorji. Artikolu 9 Id-drittijiet li jgawdu ċ-ċittadini taċ-Channel Islands jew ta' l-Isle of Man fir-Renju Unit m'għandhomx jiġu milquta mid-dritt ta' l-Unjoni. Madankollu, dawn il-persuni m'għandhomx igawdu mid-disposizzjonijiet tal-liġi Ewropea li għandhom x'jaqsmu mal-moviment liberu ta' persuni u ta' servizzi. Artikolu 10 Id-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika applikabbli għal persuni jew impriżi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 196 ta' dak it-Trattat għandhom japplikaw għal dawk il-persuni jew impriżi meta jkunu stabbiliti fuq it-territorji previsti fl-Artikolu 8 ta' dan il-Protokoll. Artikolu 11 L-awtoritajiet tat-territorji previsti fl-Artikolu 8 għandhom jagħtu l-istess trattament lil persuni kollha fiżiċi u ġuridiċi ta' l-Unjoni. Artikolu 12 Jekk, waqt l-applikazzjoni ta' l-arranġamenti definiti f'din is-Sezzjoni, jinqalgħu xi diffikultajiet fuq naħa jew oħra fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u t-territorji previsti fl-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha, bla dewmien, tipproponi lill-Kunsill dawk il-miżuri ta' salvagwardja li jidhrilha meħtieġa, u għandha tispeċifika l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom. Il-Kunsill għandu jadotta r-regolamenti jew d-deċiżjonijiet Ewropej xierqa fi żmien xahar. Artikolu 13 F'din is-Sezzjoni, ċittadin taċ-Channel Islands u ta' l-Isle of Man għandu jfisser kull ċittadin Britanniku li għandu dik iċ-ċittadinanza minħabba li hu, wieħed mill-ġenituri jew min-nanniet tiegħu twieled, ġie adottat, naturalizzat jew reġistrat fil-gżejjer in kwistjoni. Madankollu, għal dan l-iskop, persuna bhal din m'għandhiex tkun meqjusa bħala ċittadin taċ-Channel Islands u ta' l-Isle of Man jekk hi, jew wieħed mill-ġenituri jew min-nanniet tagħha, twieldet, ġiet adottata, naturalizzata jew reġistrata fir-Renju Unit. L-anqas m'għandha tkun hekk meqjusa jekk hi għal xi żmien kienet b'mod ordinarju residenti fir-Renju Unit għall-ħames snin. L-arranġamenti amministrattivi meħtieġa biex jidentifikaw dawn il-persuni jiġu notifikati lill-Kummissjoni. SEZZJONI 4 Disposizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' industrijalizzazzjoni u żvilupp ekonomiku fl-Irlanda Artikolu 14 L-Istati Membri jieħdu nota tal-fatt li l-Gvern ta' l-Irlanda beda l-implimentazzjoni ta' politika ta' industrijalizzazzjoni u żvilupp ekonomiku intiża biex il-livelli ta' l-għixien fl-Irlanda jiġu allinjati ma' dawk l-Istati Membri l-oħra u biex jiġi eliminat in-nuqqas ta' impjieg filwaqt li d-differenzi reġjonali fil-livelli ta' żvilupp jitnaqqsu progressivament. Huma jirrikonoxxu li jkun fl-interess komuni tagħhom li l-għanijiet ta' din il-politika jintlaħqu u jaqblu li jirrakkomandaw għal dan il-għan li l-istituzzjonijiet jimplimentaw il-mezzi u l-proċeduri kollha stabbiliti bil-Kostituzzjoni, b'mod partikolari billi jsir użu xieraq tar-riżorsi ta' l-Unjoni destinati biex jinkisbu l-miri tagħha. L-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod partikolari li fl-applikazzjoni ta' l-Artikoli III-167 u III-168 tal-Kostituzzjoni, jkun meħtieġ li jitqiesu l-miri ta' espansjoni ekonomika u żieda fil-livell ta' l-għixien tal-popolazzjoni. SEZZJONI 5 Disposizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni mad-Danimarka fil-qasam ta' l-enerġija nukleari Artikolu 15 1. Mill- 1 ta' Jannar 1973, dik l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri, persuni jew impriżi, skond l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, għandha titqiegħed għad-disposizzjoni tad-Danimarka, li għandha tiddistribwiha b'mod limitat fit-territorju tagħha skond il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu. 2. Mill- 1 ta' Jannar 1973, id-Danimarka għandha tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika volum ekwivalenti ta' informazzjoni fis-setturi speċifikati fil-paragrafu 3. Din l-informazzjoni għandha titniżżel b'mod dettaljat f'dokument li jintbagħat lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-impriżi tal-Komunità taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika. 3. Is-setturi li dwarhom id-Danimarka għandha tqiegħed informazzjoni għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika huma dawn li ġejjin: a) reattur DOR moderat bl-ilma tqil u mkessaħ b'likwidu organiku; b) reatturi DT - 350, DK - 400 bl-ilma tqil b'vaska ta' pressjoni; ċ) ċirkuwitu ta' gass b'temperatura għolja; d) sistemi ta' strumenti u tagħmir elettroniku speċjali; e) affidabbiltà; f) fiżika tar-reatturi, dinamika tar-reatturi u skambju ta' sħana; g) ittestjar fil-pila ta' materjali u tagħmir. 4. Id-Danimarka għandha tintrabat li tipprovdi lill-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika b'kull informazzjoni komplimentari għar-rapporti li tikkomunika, b'mod partikolari waqt żjajjar mill-persunal tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika jew persunal mill-Istati Membri fic-Ċentru Risö, taħt kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti bi qbil bejniethom f'kull każ. Artikolu 16 1. F'dawk is-setturi li dwarhom id-Danimarka tqiegħed informazzjoni għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, meta mitluba, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu liċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità meta għandhom drittijiet esklużivi fuq privattivi reġistrati fi Stati Membri, u sakemm m'għandhom l-ebda obbligu jew impenn fir-rigward ta' terzi biex jagħtu jew joffru liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva għad-drittijiet fuq dawn il-privattivi. 2. Fejn tkun ingħatat liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva, d-Danimarka għandha tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-għoti ta' sottoliċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità minn dawk li għandhom dawn il-liċenzi. Dawn il-liċenzi esklużivi jew parzjalment esklużivi għandhom jingħataw fuq bażi kummerċjali normali. SEZZJONI 6 Disposizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni ma' l-Irlanda fil-qasam ta' l-enerġija nukleari Artikolu 17 1. Mill- 1 ta' Jannar 1973, dik l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri, lil persuni u lil impriżi, skond l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, għandha titqiegħed għad-disposizzjoni ta' l-Irlanda, li għandha tiddistribwiha b'mod limitat fit-territorju tagħha skond il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu. 2. Mill- 1 ta' Jannar 1973, l-Irlanda għandha tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika informazzjoni miksuba fil-qasam nukleari fl-Irlanda, li tinxtered b'mod ristrett, sakemm ma jkunux involuti applikazzjonijiet strettament kummerċjali. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-intrapriżi tal-Komunità taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika. 3. L-informazzjoni prevista fil-paragrafi (1) u (2) għandha tikkonċerna prinċipalment studji għall-iżvilupp ta' reattur għall-enerġija u xogħol fuq radioisotopi u l-applikazzjoni tagħhom fil-mediċina, inklużi l-problemi ta' protezzjoni mir-radjazzjoni. Artikolu 18 1. F'dawk is-setturi li dwarhom l-Irlanda tqiegħed informazzjoni għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, meta mitluba, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu liċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità meta għandhom drittijiet esklużivi fuq privattivi reġistrati fi Stati Membri, u sakemm m'għandhom l-ebda obbligu jew impenn fir-rigward ta' terzi biex jagħtu jew joffru liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva, għad-drittijiet fuq dawk il-privattivi. 2. Meta tkun ingħatat liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva, l-Irlanda għandha tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-għoti ta' sottoliċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità minn dawk li għandhom dawn il-liċenzi. Dawn il-liċenzi esklużivi jew parzjalment esklużivi għandhom jingħataw fuq bażi kummerċjali normali. SEZZJONI 7 Disposizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni mar-Renju Unit fil-qasam ta' l-enerġija nukleari Artikolu 19 1. Mill- 1 ta' Jannar 1973, dik l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri, lil persuni jew impriżi, skond l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, għandha titqiegħed għad-disposizzjoni tar-Renju Unit, li għandu jiddistribwiha b'mod limitat fit-territorju tiegħu taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu. 2. Mill- 1 ta' Jannar 1973, ir-Renju Unit għandu jqiegħed għad-dispozizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika volum ekwivalenti ta' informazzjoni fis-setturi speċifikati fil-lista li tinsab fl-Anness [2] għall-Protokoll Nru. 28 ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq. Din l-informazzjoni għandha titniżżel b'mod dettaljat f'dokument li jintbagħat lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-impriżi tal-Komunità taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika. 3. Minħabba l-ikbar interess tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika f'ċerti setturi, r-Renju Unit għandu jagħmel enfasi speċjali fuq it-trasmissjoni ta' informazzjoni fis-setturi li ġejjin: a) riċerka u żvilupp fir-rigward ta' reatturi veloċi (u inkluża s-sigurtà); b) riċerka fundamentali (applikabbli għal tipi ta' reatturi); ċ) sigurtà tar-reatturi (minbarra dik tar-reatturi veloċi); d) metallurġija, azzar, legi taż-żirkonju u konkrit; e) kompatibilità ta' materjali strutturali; f) fabrikazzjoni sperimentali ta' karburant; g) termoidrodinamika; h) strumentazzjoni. Artikolu 20 1. F'dawk is-setturi li dwarhom ir-Renju Unit iqiegħed informazzjoni għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, meta mitluba, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu liċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità meta għandhom drittijiet esklużivi ta' privattivi reġistrati fi Stati Membri tal-Komunità, u sakemm m'għandhom l-ebda obbligu jew impenn fir-rigward ta' terzi li jagħtu jew joffru liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva għad-drittijiet f'dawn il-privattivi. 2. Fejn tkun ingħatat liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva, r-Renju Unit għandu jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-għoti ta' sottoliċenzi fuq bażi kummerċjali lill-Istati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità minn dawk li għandhom liċenzi bħal dawn. Dawn il-liċenzi esklużivi jew parzjalment esklużivi għandhom jingħataw fuq bażi kummerċjali normali. TITOLU III DISPOSIZZJONIJIET MEĦUDA MILL-ATT DWAR IL-KONDIZZJONIJIET TA' L-ADEŻJONI TAR-REPUBBLIKA ELLENIKA SEZZJONI 1 Disposizzjonijiet dwar l-għoti mill-Greċja ta' eżenzjoni minn dazji fuq l-importazzjoni ta' ċerta merkanzija Artikolu 21 L-Artikolu III-151 tal-Kostituzzjoni m'għandux ikun ostaklu għar-Repubblika Ellenika li żżomm fis-seħħ miżuri ta' eżenzjoni mogħtija qabel l- 1 ta' Jannar 1979 skond: a) Il-Liġi Nru. 4171/61 (Miżuri ġenerali biex jgħinu l-iżvilupp ta' l-ekonomija tal-pajjiż), b) Id-Digriet Nru. 2687/53 (Investiment u protezzjoni ta' kapital barrani); ċ) Il-Liġi Nru. 289/76 (Inċentivi għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' reġjuni fil-fruntieri u li jirregolaw il-kwistjonijiet kollha rilevanti), sa l-iskadenza tal-ftehim konkluż mill-Gvern tar-Repubblika Ellenika ma' dawk il-persuni li qed jibbenefikaw minn dawk il-miżuri. SEZZJONI 2 Disposizzjonijiet dwar it-tassazzjoni Artikolu 22 L-atti elenkati fil-punt II.2 ta' l-Anness VIII [3] ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika għandhom japplikaw fir-rigward tar-Repubblika Ellenika taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness, bl-eċċezzjoni tar-referenzi għall-punti 9 u 18(b) tiegħu. SEZZJONI 3 Disposizzjonijiet dwar il-qoton Artikolu 23 1. Din is-Sezzjoni tikkonċerna l-qoton, li mhux imqardax jew mimxut, li jiġi taħt is-sub-inċiż Nru. 520100 tan-Nomenklatura Maqgħuda. 2. Għandha tiġi introdotta sistema fl-Unjoni partikolarment biex: a) issostni l-produzzjoni tal-qoton f'reġjuni ta' l-Unjoni fejn hi mportanti għall-ekonomija agrikola; b) tippermetti l-produtturi kkonċernati dħul ġust; ċ) tistabbilizza s-suq permezz ta' titjib strutturali fil-livell ta' domanda u marketing. 3. Is-sistema prevista fil-paragrafu 2 għandha tinkludi l-għoti ta' għajnuna għall-produzzjoni. 4. Sabiex il-produtturi tal-qoton jistgħu jikkonċentraw l-offerta u jadattaw il-produzzjoni għall-ħtiġijiet tas-suq, għandha tiġi introdotta sistema biex tinkoraġġixxi l-formazzjoni ta' gruppi ta' produtturi u federazzjonijiet ta' dawn il-gruppi. Din is-sistema għandha tipprovdi għall-għoti ta' għajnuniet biex tipprovdi inċentivi għall-formazzjoni ta' gruppi ta' produtturi, u għall-għajnuna fil-funzjonament tagħhom. Dawn il-gruppi li ġejjin biss jistgħu jibbenefikaw minn din is-sistema: a) dawk li jiġu ffurmati fuq l-inizjattiva tal-produtturi nnifishom; b) dawk li joffru garanzija suffiċjenti għat-tul u l-effettività ta' l-azzjoni tagħhom; ċ) dawk li jkunu rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat. 5. Is-sistema kummerċjali ta' l-Unjoni ma' pajjiżi terzi m'għandiex tiġi milquta. F'dan ir-rigward, b'mod partikolari, ma tista' tiġi stipulata l-ebda miżura li tirrestrinġi l-importazzjoni. 6. Liġi Ewropea tal-Kunsill, għandha tistabbilixxi l-aġġustamenti meħtieġa fis-sistema introdotta skond din is-Sezzjoni. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu r-regoli ġenerali meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' din is-Sezzjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi, wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew. SEZZJONI 4 Disposizzjonijiet dwar l-iżvilupp ekonomiku u industrijali tal-Greċja Artikolu 24 L-Istati Membri jieħdu nota tal-fatt li l-Gvern tar-Repubblika Ellenika beda l-implimentazzjoni ta' politika ta' industrijalizzazzjoni u żvilupp ekonomiku intiża biex il-livelli ta' l-għixien fil-Greċja jiġu allinjati ma' dawk ta' l-Istati Membri l-oħra u biex telimina n-nuqqas ta' impjieg filwaqt li d-differenzi reġjonali fil-livelli ta' żvilupp jitnaqqsu progressivament. Huma jirrikonoxxu li hu fl-interess komuni tagħhom li l-miri ta' din il-politika jintlaħqu b'dan il-mod. Għal dan il-għan, l-istituzzjonijiet għandhom jimplimentaw il-mezzi u l-proċeduri kollha stipulati mill-Kostituzzjoni, b'mod partikolari billi jsir użu xieraq tar-riżorsi ta' l-Unjoni intiżi biex jinkisbu il-miri tagħha. B'mod partikolari, fejn japplikaw l-Artikoli III-167 u III-168 tal-Kostituzzjoni, jkun meħtieġ li jitqiesu l-miri ta' espansjoni ekonomika u ż-żieda fil-livell ta' l-għixien tal-popolazzjoni. SEZZJONI 5 Disposizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni mal-Greċja fil-qasam ta' l-enerġija nukleari Artikolu 25 1. Mill- 1 ta' Jannar 1981, dik l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri, persuni jew impriżi, skond l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, għandha titqiegħed għad-disposizzjoni tar-Repubblika Ellenika, li għandha tiddistribwiha b'mod limitat fit-territorju tagħha taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu. 2. Mill- 1 ta' Jannar 1981, ir-Repubblika Ellenika għandha tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika informazzjoni miksuba fil-qasam nukleari fil-Greċja, li tiġi distribwita b'mod limitat, sakemm ma jkunux involuti applikazzjonijiet strettament kummerċjali. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-impriżi tal-Komunità taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika. 3. L-informazzjoni prevista fil-paragrafi (1) u (2) għandha tikkonċerna l-aktar: a) studji dwar l-applikazzjoni ta' radioisotopi fl-oqsma li ġejjin: mediċina, agrikoltura, entomoloġija u protezzjoni ta' l-ambjent; b) l-applikazzjoni tat-teknoloġija nukleari għall-arkeometrija; ċ) l-iżvilupp ta' tagħmir elettroniku mediku; d) l-iżvilupp ta' metodi ta' esplorazzjoni għal minerali radjoattivi. Artikolu 26 1. F'dawk is-setturi li dwarhom ir-Repubblika Ellenika tqiegħed informazzjoni għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, l-awtoritajiet kompetenti, meta jirċievu talbiet, għandhom joħorġu liċenzi fuq bażi kummerċjali lill-Istati Membri. Persuni u impriżi tal-Komunità meta għandhom drittijiet esklużivi ta' privattivi reġistrati fi Stati Membri tal-Komunità u sakemm m'għandhom l-ebda obbligu jew impenn fir-rigward ta' terzi li jagħtu jew joffru li jagħtu liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva għad-drittijiet f'dawn il-privattivi. 2. Fejn tkun ingħatat liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva, r-Repubblika Ellenika għandha tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-għoti ta' sottoliċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika minn dawk li għandhom liċenzi bħal dawn. Dawn il-liċenzi esklużivi jew parzjalment esklużivi għandhom jingħataw fuq bażi kummerċjali normali. TITOLU IV DISPOSIZZJONIJIET MEĦUDA MILL-ATT DWAR IL-KONDIZZJONIJIET TA' L-ADEŻJONI TAR-RENJU TA' SPANJA U R-REPUBBLIKA PORTUGIŻA SEZZJONI 1 Disposizzjonijiet finanzjarji Artikolu 27 Ir-riżorsi proprji provduti mit-taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu kkalkolati u vverifikati bħallikieku l-Gżejjer Kanarji u Ċeuta u Melilla kienu nklużi fil-kamp ta' l-applikazzjoni territorjali tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas- 17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw taxxi fuq it-turnover - sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima. SEZZJONI 2 Disposizzjonijiet dwar privattivi Artikolu 28 Id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni nazzjonali Spanjola li għandhom x'jaqsmu mal-piż tal-prova, li kienu ġew adottati taħt il-paragrafu 2 tal-Protokoll Nru. 8 għall-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, m'għandhomx japplikaw jekk il-proċeduri ta' ksur mibdija jkunu kontra d-detentur ta' privattiva oħra għall-manifattura ta' prodott identiku għal dak miksub bħala r-riżultat tal-proċess bil-privattiva ta' min iressaq l-ilment, jekk il-privattiva l-oħra kienet ġiet mogħtija qabel l- 1 ta' Jannar 1986. F'każijiet fejn l-ispostament tal-piż tal-prova ma japplikax, ir-Renju ta' Spanja għandu jibqa' jesiġi li min għandu l-privattiva jġib prova ta' ksur. F'dawn il-każijiet kollha, r-Renju ta' Spanja għandu japplika proċedura ġudizzjarja magħrufa bħala "deskrizzjoni-sekwestru". "Deskrizzjoni-sekwestru" tfisser proċedura, li tagħmel parti mis-sistema msemmija fl-ewwel u t-tieni paragrafi li biha kull persuna ntitolata li tressaq azzjoni għal ksur tista', b'deċiżjoni tal-qorti, mogħtija fuq talba tagħha, iġġiegħel li ssir, fl-istabbiliment ta' dak li allegatament hu ħati tal-ksur, minn uffiċjal tal-qorti mgħejjun minn esperti, deskrizzjoni dettaljata tal-proċessi in kwistjoni, b'mod partikolari bil-fotokopji ta' dokumenti tekniċi, flimkien ma' sekwestru jew mingħajru. Din id-deċiżjoni tal-qorti tista' tordna kawzjoni biex tikkumpensa għad-danni u l-interessi lil dak li hu allegatament ħati, jekk tiġi kkaġunata lilu ħsara mid-"deskrizzjoni-sekwestru". Artikolu 29 Id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni nazzjonali Portugiża li għandhom x'jaqsmu mal-piż tal-prova, li kienu ġew adottati taħt il-paragrafu 2 tal-Protokoll Nru. 19 għall-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, m'għandhomx japplikaw jekk il-proċeduri ta' ksur mibdija jkunu kontra d-detentur ta' privattiva oħra għall-manifattura ta' prodott identiku għal dak miksub bħala r-riżultat tal-proċess bil-privattiva ta' min iressaq l-ilment, jekk il-privattiva l-oħra kienet ġiet mogħtija qabel l- 1 ta' Jannar 1986. F'każijiet fejn l-ispostament tal-piż tal-prova ma japplikax, ir-Repubblika Portugiża għandha tibqa' tesiġi li min għandu l-privattiva jġib prova ta' ksur. F'dawn il-każijiet kollha, r-Repubblika Portugiża għandha tapplika proċedura ġudizzjarja magħrufa bħala "deskrizzjoni-sekwestru". "Deskrizzjoni-sekwestru" tfisser proċedura, li tagħmel parti mis-sistema msemmija fl-ewwel u t-tieni paragrafi li biha kull persuna ntitolata li tressaq azzjoni għal ksur tista', b'deċiżjoni tal-qorti, mogħtija fuq talba tagħha, iġġiegħel li ssir, fl-istabbiliment ta' dak li allegatament hu ħati tal-ksur, minn uffiċjal tal-qorti mgħejjun minn esperti, deskrizzjoni dettaljata tal-proċessi in kwistjoni, b'mod partikolari bil-fotokopji ta' dokumenti tekniċi, flimkien ma' sekwestru jew mingħajru. Din id-deċiżjoni tal-qorti tista' tordna kawzjoni biex tikkumpensa għad-danni u l-interessi lil dak li hu allegatament ħati, jekk tiġi kkaġunata lilu ħsara mid-"deskrizzjoni-sekwestru". SEZZJONI 3 Disposizzjonijiet dwar il-mekkaniżmu għal responsabbiltajiet addizzjonali fil-qafas tal-ftehim tas-sajd konkluż bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi Artikolu 30 1. B'dan qed tiġi stabbilita sistema speċifika għall-eżekuzzjoni ta' operazzjonijiet imwettqa biex jikkomplementaw l-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti li jtellgħu l-bandiera ta' Stat Membru f'ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' pajjiż terz fil-qafas ta' rensposabbiltajiet maħluqa taħt ftehim dwar is-sajd konluż mill-Unjoni mal-pajjiżi terzi in kwistjoni. 2. Operazzjonijiet meqjusa li jistgħu jsiru bħala żieda għall-attivitajiet tas-sajd bla ħsara għall-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fil-punti 3 u 4 għandhom x'jaqsmu ma': a) l-ipproċessar, fit-territorju tal-pajjiż terz kkonċernat, ta' prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jtellgħu l-bandiera ta' Stat Membru fl-ibħra ta' dak il-pajjiż terz waqt attivitajiet tas-sajd li jsiru permezz ta' ftehim dwar is-sajd, bl-għan li dawk il-prodotti jitqiegħdu fis-suq ta' l-Unjoni taħt intestaturi ta' tariffi li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3 tat-Tariffa Doganali Komuni; b) it-tagħbija jew it-trasbord fuq bastiment li jtella' il-bandiera ta' Stat Membru li jsir fil-qafas ta' attivitajiet previsti f'dan il-ftehim dwar is-sajd, ta' prodotti tas-sajd li jaqgħu taħt il-Kapitolu 03 tat-Tariffa Doganali Komuni bl-għan li jiġu trasportati u kull proċessar bil-għan li jitqiegħed fis-suq ta' l-Unjoni. 3. L-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti li kienu s-suġġett ta' l-operazzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 għandha ssir soġġetta għas-sospensjoni, parzjalment jew għal kollox, tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni jew soġġetta għal sistema speċjali ta' piżijiet, taħt il-kondizzjonijiet u fil-limiti ta' żieda ffissata kull sena fir-rigward tal-volum ta' possibiltajiet ta' sajd li joħorġu mill-ftehim in kwistjoni u mir-regoli dettaljati li jakkumpanjawhom. 4. Il-liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistipula r-regoli ġenerali ta' applikazzjoni ta' din is-sistema, u b'mod partikolari l-kriterji biex jiġu ffissati u mqassma l-kwantitajiet kkonċernati Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' din is-sistema u l-kwantitajiet kkonċernati għandhom jiġu adottati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru. 104/2000. SEZZJONI 4 Disposizzjonijiet dwar Ċeuta u Melilla Subsezzjoni 1 Disposizzjonijiet ġenerali Artikolu 31 1. Il-Kostituzzjoni u l-atti ta' l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw għal Ċeuta u għal Melilla, bla ħsara għad-derogi previsti fil-paragrafi 2 u 3 u għad-disposizzjonijiet l-oħra ta' din is-Sezzjoni. 2. Il-kondizzjonijiet li taħthom id-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni dwar il-moviment liberu ta' merkanzija, u l-atti ta' l-istituzzjonijiet li jikkonċernaw leġislazzjoni doganali u politika kummerċjali għandhom japplikaw għal Ċeuta u għal Melilla huma stabbiliti fis-Subsezzjoni 3 ta' din is-Sezzjoni. 3. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari ta' l-Artikolu 32 l-atti ta' l-istituzzjonijiet dwar il-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd m'għandhomx japplikaw għal Ċeuta jew għal Melilla. 4. Fuq talba tar-Renju ta' Spanja, liġi Ewropea jew liġi kwadru tal-Kunsill tista': a) tinkludi lil Ċeuta u lil Melilla fit-territorju doganali ta' l-Unjoni; b) tiddefinixxi l-miżuri xierqa mmirati biex jestendu għal Ċeuta u għal Melilla d-disposizzjonijiet tad-dritt ta' l-Unjoni li jkunu fis-seħħ. Fuq proposta mill-Kummissjoni, li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq talba ta' Stat Membru, l-Kunsill, jista' jadotta liġi jew liġi kwadru Ewropea li taġġusta l-arranġamenti applikabbli għal Ċeuta u għal Melilla, jekk ikun neċessarju. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew. Subsezzjoni 2 Disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-Politika Komuni tas-Sajd Artikolu 32 1. Bla ħsara għall-paragrafu 2 u bla preġudizzju għas-Subsezzjoni 3, il-politika komuni tas-sajd ma tapplikax għal Ċeuta jew għal Melilla. 2. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-liġijiet, liġijiet kwadru jew deċiżjonijiet Ewropej li: a) għandhom jistabbilixxu l-miżuri strutturali li jistgħu jiġu adottati favur Ċeuta u Melilla; b) għandhom jistabbilixxu l-proċeduri xierqa biex iqisu l-interessi kollha jew parti mill-interessi ta' Ċeuta u Melilla meta jadotta atti, każ b'każ, fir-rigward tan-negozjati mill-Unjoni mmirati biex jitkomplew jew jiġu konklużi ftehim dwar is-sajd ma' pajjiżi terzi u fir-rigward ta' l-interessi speċifiċi ta' Ċeuta u Melilla fil-kwadru ta' konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sajd, li tagħhom l-Unjoni hija parti kontraenti. 3. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta liġijiet, liġijiet kwadru jew deċiżjonijiet Ewropej li għandhom jistabbilixxu, fejn xieraq, il-possibiltajiet u l-kondizzjonijiet ta' aċċess reċiproku għaż-żoni tas-sajd rispettivi u għar-riżorsi tagħhom. Għandu jaġixxi b'mod unanimu. 4. Il-liġijiet u l-liġijiet kwadru Ewropej previsti fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Subsezzjoni 3 Disposizzjonijiet dwar il-moviment liberu ta' merkanzija, leġislazzjoni doganali u politika kummerċjali Artikolu 33 1. Prodotti li joriġinaw f'Ċeuta jew f'Melilla, u prodotti li jiġu minn pajjiżi terzi, li jiġu impurtati f'Ċeuta jew f'Melilla skond l-arranġamenti li japplikaw għalihom hemmhekk, meta jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fit-territorju doganali ta' l-Unjoni, m'għandhomx jitqiesu bħala merkanzija li tissoddisfa l-kondizzjonijiet tal-Artikolu III-151(1), (2) u (3) tal-Kostituzzjoni. 2. It-territorju doganali ta' l-Unjoni m'għandux jinkludi lil Ċeuta u Melilla. 3. Ħlief fejn previst mod ieħor f'din is-Subsezzjoni, l-atti ta' l-istituzzjonijiet dwar il-leġislazzjoni doganali għall-kummerċ esteru għandhom japplikaw taħt l-istess kondizzjonijiet għall-kummerċ bejn it-territorju doganali ta' l-Unjoni, min-naħa l-waħda, u Ċeuta u Melilla, min-naħa l-oħra. 4. Ħlief meta din is-Subsezzjoni tipprovdi mod ieħor, l-atti ta' l-istituzzjonijiet li jirrigwardaw il-politika kummerċjali komuni, sew jekk ikunu awtonomi sew jekk magħmula bi ftehim, li huma marbuta direttament ma' l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' merkanzija, m'għandhomx japplikaw għal Ċeuta jew għal Melilla. 5. Ħlief fejn previst mod ieħor f'dan it-Titolu, fil-kummerċ tagħha ma' Ċeuta u Melilla, għal prodotti li jaqgħu taħt l-Anness I tal-Kostituzzjoni, l-Unjoni għandha tapplika l-arranġamenti ġenerali li hi tapplika fil-kummerċ esteru tagħha. Artikolu 34 Bla preġudizzju għall-Artikolu 35, dazji doganali ta' l-importazzjoni fit-territorju doganali ta' l-Unjoni fuq prodotti li joriġinaw f'Ċeuta jew f'Melilla għandhom jiġu aboliti. Artikolu 35 1. Prodotti tas-sajd li jaqgħu taħt l-intestaturi Nri. 0301, 0302, 0303, 1604, 1605 u s-sottointestaturi 051191 u 230120 tat-Tariffa Doganali Komuni u li joriġinaw f'Ċeuta jew f'Melilla, għandhom, fil-limiti ta' kwoti tariffari kkalkolati skond il-prodott u skond il-kwantitajiet medji effettivament stabbiliti fl-1982, 1983 u 1984, jikkwalifikaw għal eżenzjoni mid-dazji doganali fit-territorju doganali kollu ta' l-Unjoni. Ir-rilaxx ta' prodotti importati fit-territorju doganali ta' l-Unjoni għaċ-ċirkolazzjoni libera, taħt dawn il-kwoti tariffari, għandu jkun suġġett għall-osservanza tar-regoli stabbiliti mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq u b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' prezzijiet ta' referenza. 2. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta kull sena regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jiftħu u jallokaw kwoti ta' tariffi skond ir-regoli dettaljati stipulati fil-paragrafu 1. Artikolu 36 1. Meta l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 34 tista' twassal għal żieda sostanzjali fl-importazzjoni ta' ċerti prodotti li joriġinaw f'Ċeuta jew f'Melilla b'mod li jista' jippreġudika lill-produtturi ta' l-Unjoni, l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej biex jimponi kondizzjonijiet speċjali fuq l-aċċess ta' dawn il-prodotti għat-territorju doganali ta l-Unjoni. 2. Jekk, minħabba li l-Politika Kummerċjali Komuni u t-Tariffa Doganali Komuni mhumiex applikati għall-importazzjoni ta' materja prima jew prodotti intermedji f'Ċeuta jew f'Melilla, l-importazzjoni ta' prodott li joriġina f'Ċeuta jew f'Melilla jikkawża, jew jista' jikkawża, ħsara serja lil xi attività ta' produzzjoni eżerċitata fi Stat Membru wieħed jew iżjed, il-Kummissjoni, fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha, tista' tieħu l-miżuri xierqa. Artikolu 37 Id-dazji doganali fuq l-importazzjoni f'Ċeuta u f'Melilla ta' prodotti li joriġinaw mit-territorju doganali ta' l-Unjoni, u piżijiet li għandhom effett ekwivalenti, għandhom jiġu aboliti. Artikolu 38 Id-dazji doganali u l-piżijiet li għandhom effett ekwivalenti għal dawn id-dazji u l-arranġamenti kummerċjali applikati għall-importazzjoni f'Ċeuta u f'Melilla ta' merkanzija li toriġina minn pajjiż terz ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk applikabbli mill-Unjoni skond l-impenji internazzjonali tagħha jew l-arranġamenti preferenzjali tagħha fir-rigward ta' dan il-pajjiż terz, sakemm dak l-istess pajjiż terz jagħti l-istess trattament lill-importazzjoni minn Ċeuta jew minn Melilla bħal dak li jagħti lill-Unjoni. Madankollu, l-arranġamenti applikati għall-importazzjoni f'Ċeuta u f'Melilla fir-rigward ta' merkanzija li tiġi minn dak il-pajjiż terz ma jistgħux ikunu iżjed favorevoli minn dawk applikati fir-rigward ta' importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mit-territorju doganali ta' l-Unjoni. Artikolu 39 Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu r-regoli għall-applikazzjoni ta' din is-Subsezzjoni, u b'mod partikolari r-regoli dwar l-oriġini applikabbli għall-kummerċ, kif previst fl-Artikoli 34, 35 u 37, inklużi d-disposizzjonijiet dwar l-identifikazzjoni ta' prodotti oriġinarji u l-kontroll ta' l-oriġini. Ir-regoli jkunu jinkludu, b'mod partikolari, disposizzjonijiet dwar il-marki u/jew it-tikkettjar ta' prodotti, dwar il-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' bastimenti, dwar l-applikazzjoni tar-regola dwar oriġini mħallta għall-prodotti tas-sajd, u wkoll disposizzjonijiet li bihom tista' tiġi determinata l-oriġini tal-prodotti. SEZZJONI 5 Disposizzjonijiet dwar l-iżvilupp reġjonali ta' Spanja Artikolu 40 L-Istati Membri jieħdu nota tal-fatt li l-Gvern Spanjol beda l-implimentazzjoni ta' politika ta' żvilupp reġjonali intiża b'mod partikolari biex tistimola tkabbir ekonomiku fir-reġjuni u żoni inqas żviluppati ta' Spanja. Huma jirrikonoxxu li hu fl-interess komuni tagħhom li l-miri ta' din il-politika jintlaħqu. Sabiex jgħinu lill-Gvern Spanjol iwettaq dan ix-xogħol, huma jaqblu, li jirrakkomandaw li l-istituzzjonijiet jimplimentaw il-mezzi u l-proċeduri kollha stabbiliti mill-Kostituzzjoni, partikolarment billi jużaw b'mod xieraq ir-riżorsi ta' l-Unjoni intiżi biex jinkisbu il-miri tagħha. L-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod partikolari illi fejn japplikaw l-Artikoli III-167 u III-168 tal-Kostituzzjoni, jkun meħtieġ li jqisu l-miri ta' espansjoni ekonomika u żieda fil-livell ta' l-għixien tal-popolazzjoni tar-reġjuni u ż-żoni inqas żviluppati ta' Spanja. SEZZJONI 6 Disposizzjonijiet dwar l-iżvilupp ekonomiku u industrijali tal-Portugall Artikolu 41 L-Istati Membri jieħdu nota tal-fatt li l-Gvern Portugiż beda l-implimentazzjoni ta' politika ta' industrijalizzazzjoni u żvilupp ekonomiku intiża biex il-livelli ta' l-għixien fil-Portugall jkunu allinjati ma' dawk ta' l-Istati Membri l-oħra u biex telimina n-nuqqas ta' impjieg filwaqt li d-differenzi reġjonali fil-livelli ta' żvilupp jitnaqqsu progressivament. Huma jirrikonoxxu li hu fl-interess komuni tagħhom li l-miri ta' din il-politika jinkisbu. Huma jaqblu li jirrakkomandaw għal dan il-għan li l-istituzzjonijiet jimplimentaw il-mezzi u l-proċeduri kollha stabbiliti mill-Kostituzzjoni, partikolarment billi jużaw b'mod xieraq ir-riżorsi ta' l-Unjoni intiżi għall-kisba tal-miri ta' din ta' l-aħħar. L-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod partikolari illi fejn japplikaw l-Artikoli III-167 u III-168 tal-Kostituzzjoni, jkun meħtieġ li jqisu l-miri ta' espansjoni ekonomika u żieda fil-livell ta' l-għixien tal-popolazzjoni. SEZZJONI 7 Disposizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni mar-Renju ta' Spanja fil-qasam ta' l-enerġija nukleari Artikolu 42 1. Mill- 1 ta' Jannar 1986, dik l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri, persuni jew impriżi, skond l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, għandha titqiegħed għad-disposizzjoni tar-Renju ta' Spanja, li għandu jiddistribwiha b'mod limitat fit-territorju tiegħu skond il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu. 2. Mill- 1 ta' Jannar 1986, ir-Renju ta' Spanja għandu jqiegħed għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika l-informazzjoni miksuba fil-qasam nukleari fi Spanja, li tiġi distribwita b'mod limitat, sakemm ma jkunux involuti applikazzjonijiet strettament kummerċjali. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-impriżi tal-Komunità taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika. 3. L-informazzjoni prevista fil-paragrafi (1) u (2) għandha tikkonċerna l-aktar: a) fiżika nukleari (ta' enerġija baxxa u għolja); b) protezzjoni mir-radjazzjoni; ċ) applikazzjonijiet isotopi, b'mod partikolari dawk ta' l-isotopi stabbli; d) reatturi għar-riċerka u karburanti meħtieġa għalihom; e) riċerka fil-qasam taċ-ċiklu tal-karburant (u b'mod iżjed partikolari tħaffir għall-minerali ta' l-uranju ta' grad baxx u l-ipproċessar tagħhom; l-ottimizzazzjoni ta' elementi tal-karburant għal reatturi li jiġġeneraw l-enerġija). Artikolu 43 1. F'dawk is-setturi li dwarhom ir-Renju ta' Spanja jqiegħed informazzjoni għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, meta mitluba, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu liċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità meta għandhom drittijiet esklużivi ta' privattivi reġistrati fi Stati Membri, u sakemm m'għandhom l-ebda obbligu jew impenn fir-rigward ta' terzi biex jagħtu jew joffru li jagħtu liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva tad-drittijiet f'dawn il-privattivi. 2. Fejn tkun ingħatat liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva, r-Renju ta' Spanja għandu jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-għoti ta' sottoliċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità minn dawk li għandhom dawn il-liċenzi. Dawn il-liċenzi esklużivi jew parzjalment esklużivi għandhom jingħataw fuq bażi kummerċjali normali. SEZZJONI 8 Disposizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni mar-Repubblika Portugiża fil-qasam ta' l-enerġija nukleari Artikolu 44 1. Mill- 1 ta' Jannar 1986, dik l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri, persuni jew impriżi, skond l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, għandha titqiegħed għad-disposizzjoni tar-Repubblika Portugiża, li għandha tiddistribwiha b'mod limitat fit-territorju tagħha taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu. 2. Mill- 1 ta' Jannar 1986, ir-Repubblika tal-Portugall għandha tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika l-informazzjoni miksuba fil-qasam nukleari fil-Portugall, li tiġi distribwita b'mod limitat, sakemm ma jkunux involuti applikazzjonijiet strettament kummerċjali. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-impriżi tal-Komunità taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika. 3. L-informazzjoni prevista fil-paragrafi (1) u (2) għandha tikkonċerna l-aktar: a) id-dinamika tar-reatturi; b) il-protezzjoni mir-radjazzjoni; ċ) l-applikazzjoni ta' teknika għall-miżurazzjoni nukleari (fl-oqsma industrijali, agrikoli, arkeoloġiċi u ġeoloġiċi); d) fiżika atomika (miżurazzjoni effettiva ta' sezzjoni trasversali, teknika ta' l-inkanalament); e) metallurġija estrattiva ta' l-uranju. Artikolu 45 1. F'dawk is-setturi li dwarhom ir-Repubblika Portugiża tqiegħed informazzjoni għad-disposizzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, meta mitluba, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu liċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità meta għandhom drittijiet esklużivi ta' privattivi reġistrati fi Stati Membri, u sakemm m'għandhom l-ebda obbligu jew impenn fir-rigward ta' terzi biex jagħtu jew joffru li jagħtu liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva tad-drittijiet f'dawn il-privattivi. 2. Fejn tkun ingħatat liċenza esklużiva jew parzjalment esklużiva, r-Repubblika Portugiża għandha tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-għoti ta' sottoliċenzi fuq bażi kummerċjali lil Stati Membri, persuni u impriżi tal-Komunità minn dawk li għandhom dawn il-liċenzi. Dawn il-liċenzi esklużivi jew parzjalment esklużivi għandhom jingħataw fuq bażi kummerċjali normali. TITOLU V DISPOSIZZJONIJIET MEĦUDA MILL-ATT DWAR IL-KONDIZZJONIJIET TA' L-ADEŻJONI TAR-REPUBBLIKA TA' L-AWSTRIJA, R-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA U R-RENJU TA' L-ISVEZJA SEZZJONI 1 Disposizzjonijiet finanzjarji Artikolu 46 Ir-riżorsi proprji provduti mit-taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu kkalkolati u vverifikati bħallikieku l-Gżejjer Åland kienu inklużi fil-qasam territorjali tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas- 17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw taxxi fuq it-turnover - is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima. SEZZJONI 2 Disposizzjonijiet dwar l-agrikoltura Artikolu 47 Jekk ikun hemm diffikultajiet serji minħabba l-adeżjoni li jippersistu wara l-użu sħiħ ta' l-Artikolu 48 u tal-miżuri l-oħra li jirriżultaw mir-regoli eżistenti fl-Unjoni, l-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni Ewropea li tawtorizza lill-Finlandja li tagħti għajnuna nazzjonali lil produtturi sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fil-politika agrikola komuni. Artikolu 48 1. Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet Ewropej li jawtorizzaw lill-Finlandja u lill-Isvezja li jagħtu għajnuna nazzjonali għal żmien twil bil-għan li jassiguraw li l-attività agrikola tinżamm f'reġjuni speċifiċi. Dawn ir-reġjuni għandhom ikopru ż-żoni agrikoli li jinstabu fit-tramuntana tat-62 Parallell u xi żoni fil-qrib li jinsabu fin-nofs in-nhar ta' dak il-parallell u li għandhom kondizzjonijiet paragunabbli ta' klima li jagħmlu l-attività agrikola partikolarment diffiċli. 2. Ir-reġjuni previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu determinati mill-Kummissjoni, li tqis b'mod partikolari: a) id-densità baxxa tal-popolazzjoni; b) il-porzjon ta' art agrikola fil-firxa sħiħa ta' art; ċ) il-porzjon ta' art agrikola użata għall-kultivazzjoni ta' uċuħ intiżi għall-konsum tal-bniedem, fil-firxa sħiħa ta' art agrikola użata. 3. L-għajnuniet nazzjonali previsti fl-Artikolu 1 jistgħu jkunu relatati ma' fatturi fiżiċi ta' produzzjoni, bħal l-ettari ta' art agrikola jew in-numru ta' bhejjem kont meħud tal-limiti rilevanti stipulati fl-organizzazzjonijiet tas-swieq, kif ukoll l-iskedi storiċi ta' produzzjoni ta' kull razzett, iżda ma jistgħux: a) ikunu marbuta ma' produzzjoni futura; b) jew iwasslu għal żieda fil-produzzjoni jew fil-livell ta' għajnuna globali reġistrata matul perjodu ta' referenza qabel l- 1 ta' Jannar 1995, li jrid jiġi detereminat mill-Kummissjoni. Dawn l-għajnuniet jistgħu jkunu differenti minn reġjun għal ieħor. Dawn l-għajnuniet għandhom jingħataw b'mod partikolari biex: a) jinżammu l-produzzjoni primarja u l-ipproċessar tradizzjonali li jaqblu b'mod naturali mal-kondizzjonijiet tal-klima tar-reġjuni kkonċernati; b) jitjiebu l-istrutturi għall-produzzjoni, l-marketing u l-ipproċessar ta' prodotti agrikoli; ċ) jiġi ffaċilitat l-bejgħ tal-prodotti previsti; d) jiġi assigurat li l-ambjent ikun protett u l-pajżaġġ ikun ippreservat. Artikolu 49 1. L-għajnuniet previsti fl-Artikoli 47 u 48 u kwalunkwe għajnuna nazzjonali oħra soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni taħt dan it-Titolu għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni. Ma jistgħux jiġu applikati qabel ma tinkiseb din l-awtorizzazzjoni. 2. Fir-rigward ta' l-għajnuniet stipulati fl-Artikolu 48, kull ħames snin mill- 1 ta' Jannar 1996 il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport dwar: a) l-awtorizzazzjonijiet mogħtija; b) ir-riżultati ta' l-għajnuna mogħtija taħt dawn l-awtorizzazzjonijiet. Bħala tħejjija għat-tfassil ta' dawn ir-rapporti, l-Istati Membri li jirċievu dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom, fi żmien utli, jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar l-effetti ta' l-għajnuniet mogħtija, u jiddiskrivu l-iżvilupp osservat fl-ekonomija agrikola tar-reġjuni in kwistjoni. Artikolu 50 Fl-oqsma ta' l-għajnuniet stipulati fl-Artikoli III-167 u III-168 tal-Kostituzzjoni: a) fost l-għajnuniet applikati fl-Awstrija, fil-Finlandja u fl-Isvezja qabel l- 1 ta' Jannar 1995, dawk biss li ġew notifikati lill-Kummissjoni sat- 30 ta' April 1995 jiġu meqjusa bħala għajnuniet eżistenti skond it-tifsira ta' l-Artikolu III-168(1) tal-Kostituzzjoni; b) għajnuniet eżistenti u pjanijiet intiżi biex jingħataw jew jinbidlu għajnuniet, li ġew notifikati lill-Kummissjoni qabel l- 1 ta' Jannar 1995, jitqiesu li jkunu ġew notifikati f'dik id-data. Artikolu 51 1. Sakemm ma jkunx ġie stipulat mod ieħor f'każijiet speċifiċi, l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti jew id-deċiżjonijiet Ewropej meħtieġa biex tiġi implimentata din is-Sezzjoni. 2. Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' tagħmel l-adattamenti għad-disposizzjonijiet li jidhru f'din is-Sezzjoni li jistgħu jkunu meħtieġa bħala riżultat ta' modifika fid-dritt ta' l-Unjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew. Artikolu 52 1. Jekk ikunu meħtieġa miżuri transitorji biex jiffaċilitaw it-transizzjoni mis-sistema eżistenti fl-Awstrija, fil-Finlandja u fl-Isvezja għal dik li tirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja, dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru. 136/66/KEE jew, kif approprjat, fl-Artikoli korrispondenti tar-Regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli. Dawn il-miżuri jistgħu jittieħdu matul perjodu li jispiċċa fil- 31 ta' Diċembru 1997 u l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun limitata għal dik id-data. 2. Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' ttawwal il-perjodu previst fil-paragrafu 1. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew. Artikolu 53 L-Artikoli 51 u 52 għandhom ikunu applikabbli għall-prodotti tas-sajd. SEZZJONI 3 Disposizzjonijiet dwar miżuri transitorji Artikolu 54 L-Atti elenkati fil-punti VII.B.I, VII.D.1, VII.D.2.ċ, IX.2.b, ċ, f, g, h, i, j, l, m, n, x, y, z u aa, u X.a, b, u ċ ta' l-Anness XV [4] għall-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja għandhom japplikaw fir-rigward ta' l-Awstrija, l-Finlandja u l-Isvezja taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness. Fir-rigward tal-punt IX.2.x ta' l-Anness XV previst fl-ewwel paragrafu, r-referenza għad-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b'mod partikolari għall-Artikoli 90 u 91 tiegħu, jridu jinftehmu bħala li qed jirreferu għad-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, b'mod partikolari għall-Artikolu III-170 (1) u (2) tagħha. SEZZJONI 4 Disposizzjonijiet dwar l-applikabbilità ta' ċerti atti Artikolu 55 1. Kull deċiżjoni individwali dwar eżenzjoni meħuda u kull deċiżjoni ta' attestazzjoni negattiva meħuda qabel l- 1 ta' Jannar 1995 taħt l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew l-Artikolu 1 tal-Protokoll 25 għal dak il-Ftehim, kemm jekk mill-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA), kemm jekk mill-Kummissjoni, u li jikkonċernaw każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixi l-Komunità Ewropea bħala riżultat ta' l-adeżjoni għandhom jibqgħu validi għall-iskopijiet ta' l-Artikolu III-161 tal-Kostituzzjoni sakemm il-limitu ta' żmien speċifikat hemmhekk jispiċċa jew sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni Ewropea kuntrarja, motivata kif dovut, skond id-dritt ta' l-Unjoni. 2. Id-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA qabel l- 1 ta' Jannar 1995 skond l-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE u li jikkonċernaw każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea bħala riżultat ta' adeżjoni għandhom jibqgħu validi f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Artikolu III-167 tal-Kostituzzjoni ħlief jekk il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni Ewropea kuntrarja skond l-Artikolu III-168 tal-Kostituzzjoni. Dan il-paragrafu m'għandux japplika għal deċiżjonijiet li huma suġġetti għall-proċeduri previsti fl-Artikolu 64 tal-Ftehim ŻEE. 3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA jibqgħu validi wara l- 1 ta' Jannar 1995, sakemm il-Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni kuntrarja, motivata kif dovut, skond id-dritt ta' l-Unjoni. SEZZJONI 5 Disposizzjonijiet dwar il-Gżejjer Åland Artikolu 56 Id-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni m'għandhomx jipprekludu l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet eżistenti li kienu fis-seħħ fl- 1 ta' Jannar 1994 dwar il-Gżejjer Åland rigward: a) restrizzjonijiet, fuq bażi non-diskriminatorja, għad-dritt ta' persuni fiżiċi li ma jgawdux hembygdsrätt/kotiseutuoikeus (ċittadinanza reġjonali) f'Åland, u għal persuni legali, biex jakkwistaw u jippossjedu proprjetà immobbli fil-Gżejjer Åland mingħajr il-permess ta' l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Åland; b) restrizzjonijiet, fuq bażi non-diskriminatorja, għad-dritt ta' stabbiliment u d-dritt tal-provvista ta' servizzi minn persuni fiżiċi li ma jgawdux "hembygdsrätt/kotiseutuoikeus" (ċittadinanza reġjonali) f'Åland, jew minn persuni legali mingħajr il-permess ta' l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Åland. Artikolu 57 1. It-territorju tal-Gżejjer Åland - li hu kkunsidrat bħala territorju terz, kif definit fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, u bħala territorju nazzjonali barra mill-kamp ta' l-applikazzjoni tad-direttivi dwar l-armonizzazzjoni tad-dazji tas-sisa kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE - għandu jiġi eskluż mill-applikazzjoni territorjali tad-dritt ta' l-Unjoni fl-oqsma ta' l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq it-turnover u d-dazji tas-sisa u forom oħra ta' taxxa indiretta. Dan il-paragrafu m'għandux japplika għad-disposizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE li għandha x'taqsam ma' dazju fuq il-kapital. 2. Id-deroga prevista fil-paragrafu 1 hi mmirata biex tinżamm ekonomija lokali vijabbli fil-gżejjer u m'għandux ikollha effetti negattivi fuq l-interessi ta' l-Unjoni u lanqas fuq il-politika komuni tagħha. Jekk il-Kummissjoni jidhrilha li d-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 m'għadhomx ġustifikati, b'mod partikolari f'termini ta' kompetizzjoni ġusta jew riżorsi proprji, għandha tissottometti proposti xierqa lill-Kunsill, li għandu jadotta l-atti meħtieġa skond l-Artikoli rilevanti tal-Kostituzzjoni. Artikolu 58 Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tassigura li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha ta' l-Istati Membri jgawdu mill-istess trattament fil-gżejjer Åland. Artikolu 59 Id-disposizzjonijiet ta' din is-Sezzjoni għandhom japplikaw fid-dawl tad-Dikjarazzjoni dwar il-gżejjer Åland, li tħaddan, mingħajr ma tbiddel l-effett legali tagħhom, l-kliem użat fil-preambolu tal-Protokoll Nru. 2 ta' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja. SEZZJONI 6 Disposizzjonijiet dwar il-poplu Sami Artikolu 60 Minkejja d-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, drittijiet esklużivi għat-trobbija tar-renni f'oqsma tradizzjonalment Sami jistgħu jingħataw lill-poplu Sami. Artikolu 61 Din is-Sezzjoni tista' tiġi estiża biex tieħu in konsiderazzjoni kwalunkwe żvilupp ieħor ta' drittijiet Sami esklużivi marbuta mal-mezzi ta' għixien tradizzjonali tagħhom. Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' tagħmel l-emendi meħtieġa għal din is-Sezzjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat tar-Reġjuni. Artikolu 62 Id-disposizzjonijiet ta' din is-sezzjoni għandhom japplikaw fid-dawl tad-Dikjarazzjoni dwar il-poplu Sami, li tħaddan, mingħajr ma tbiddel l-effett legali tagħhom, l-kliem użat fil-preambolu tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja. SEZZJONI 7 Disposizzjonijiet speċjali fil-qafas tal-Fondi Strutturali fil-Finlandja u l-Isvezja Artikolu 63 Bħala prinċipju, r-reġjuni interessati mill-mira li tikkonsisti fil-promozzjoni ta' l-iżvilupp u l-aġġustament strutturali tar-reġjuni b'densità baxxa ħafna ta' popolazzjoni għandhom jirrappreżentaw jew jappartjenu għar-reġjuni fuq il-livell II tan-NUTS b'densità ta' popolazzjoni ta' 8 persuni jew inqas għal kull kilometru kwadru. Salv il-ħtieġa tad-densità l-għajnuna ta' l-Unjoni tista' tiġi estiża wkoll għal żoni iżgħar li huma qrib u kontigwi, li jissodisfaw l-istess kriterju ta' densità tal-popolazzjoni. Ir-reġjuni u ż-żoni previsti f'dan l-Artikolu huma elenkati fl-Anness 1 [5] għall-Protokoll Nru. 6 ta' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja. SEZZJONI 8 Disposizzjonijiet dwar it-trasport bil-ferrovija u t-trasport konġunt fl-Awstrija Artikolu 64 1. Għall-iskopijiet ta' din is-Sezzjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: a) "vettura kbira għat-trasport ta' merkanzija" għandha tfisser kwalunkwe vettura bil-mutur ta' piż massimu awtorizzat ta' iżjed minn 7,5 tunnellati metriċi reġistrata fi Stat Membru u maħsuba biex iġġorr merkanzija jew tiġbed karrijiet, inklużi unitajiet ta' trazzjoni ta' semi-karrijiet, u karrijiet ta' piż massimu awtorizzat ta' iżjed minn 7,5 tunnellati metriċi u miġbuda minn vettura bil-mutur, ta' piż massimu awtorizzat ta' 7,5 tunnellati metriċi jew inqas, reġistrata fi Stat Membru; b) "trasport ikkombinat" għandu jfisser it-trasport ta' merkanzija minn vettura kbira għat-trasport ta' merkanzija jew unitajiet ta' tagħbija li jagħmlu parti mill-vjaġġ tagħhom bil-ferrovija u jew jibdew jew jispiċċaw il-vjaġġ bit-triq, filwaqt li huwa mifhum li t-traffiku li jkun għaddej ma jista' f'ebda ċirkostanza jaqsam territorju Awstrijak meta jkun sejjer jew ġej minn stazzjon tal-ferrovija bit-triq biss. 2. L-Artikoli 65 sa 71 għandhom japplikaw għal miżuri li għandhom x'jaqsmu mad-disposizzjoni dwar trasport bil-ferrovija u trasport ikkombinat li jkun qed jaqsam it-territorju ta' l-Awstrija. Artikolu 65 L-Unjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jadottaw u jikkordinaw mill-qrib miżuri għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' trasport bil-ferrovija u trasport ikkombinat għat-trasport ta' merkanzija trans-Alpin. Artikolu 66 Meta tistabbilixxi l-linji gwida previsti fl-Artikolu III-247 tal-Kostituzzjoni, l-Unjoni għandha tassigura li l-assi definiti fl-Anness 1 [6] tal-Protokoll Nru. 9 ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l- adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja jagħmlu parti mir-rettikolati trans-Ewropej għat-trasport bil-ferrovija u t-trasport ikkombinat u li, barra dan, ikunu identifikati bħala proġetti ta' interess komuni. Artikolu 67 L-Unjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jimplimentaw il-miżuri elenkati fl-Anness 2 [7] għall-Protokoll Nru. 9 ta' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja. Artikolu 68 L-Unjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jiżviluppaw u jużaw il-kapaċità addizzjonali tal-ferrovija prevista fl-Anness 3 [8] għall-Protokoll Nru. 9 ta' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja. Artikolu 69 L-Unjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu miżuri biex itejjbu l-provvista ta' trasport bil-ferrovija u trasport ikkombinat. Fejn xieraq, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, dawn il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti b'konsultazzjoni mill-qrib mal-kumpaniji tal-ferroviji u ma' oħrajn li jipprovdu servizzi bil-ferrovija. Għandha tingħata prijorità lil dawk il-miżuri stabbiliti fid-disposizzjonijiet tad-dritt ta' l-Unjoni dwar ferroviji u trasport ikkombinat. Meta jkunu qed jiġu implimentati xi miżuri, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kompetittività, l-effikaċja u t-trasparenza tal-prezzijiet ta' trasport bil-ferrovija u trasport ikkombinat. B'mod partikolari, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jippruvaw jieħdu miżuri biex jassiguraw li l-prezzijiet ta' trasport ikkombinat jikkompetu sew ma' dawk ta' modi oħra ta' trasport. Kull għajnuna mogħtija għal dawn l-għanijiet għandha tħares id-dritt ta' l-Unjoni. Artikolu 70 L-Unjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom, f'każ ta' disturbi serji fit-trasport bil-ferrovija, bħal disastru naturali, jieħdu l-azzjoni kollha li jistgħu flimkien biex it-traffiku jibqa' għaddej. Għandha tingħata prijorità lil tagħbijiet sensittivi, bħal ikel li jitħassar. Artikolu 71 Il-Kummissjoni, li taġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 73(2), għandha tirrevedi l-operat ta' din is-Sezzjoni. Artikolu 72 1. Dan l-Artikolu għandu japplika għat-trasport ta' merkanzija bit-triq fi vjaġġi magħmula fit-territorju tal-Komunità. 2. Għal vjaġġi li jinvolvu transitu ta' merkanzija bit-triq fl-Awstrija, r-reġim stabbilit għal vjaġġi magħmula kemm fl-interess proprju kif ukoll fl-interess ta' ħadd ieħor taħt l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tat- 23 ta' Lulju 1962 u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 881/92 għandu japplika, suġġett għad-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu. 3. Sa l- 1 ta' Jannar 1998, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet li ġejjin: a) l-ammont totali ta' l-emissjonijiet NOx minn vetturi kbar għat-trasport tal-merkanzija li jaqsmu in transitu t-territorju Awstrijak għandu jiġi mnaqqas bis-60 % matul il-perjodu bejn l- 1 ta' Jannar 1992 u l- 31 ta' Diċembru 2003, skond it-tabella fl-Anness 4; b) it-tnaqqis fl-emissjonijiet totali ta' NOx minn vetturi kbar għat-trasport tal-merkanzija għandhom jiġu amministrati skond sistema ta' "ekopunti". Taħt dik is-sistema kwalunkwe vettura kbira għat-trasport tal-merkanzija li taqsam l-Awstrija in transitu għandha tirrikjedi numru ta' ekopunti ekwivalenti għall-emissjonijiet ta' NOx (awtorizzati taħt il-valur tal-Konformità ta' Produzzjoni (COP) jew il-valur ta' l-approvazzjoni tat-tip). Il-metodu tal-kalkolu u ta' l-amministrazzjoni ta' tali punti huwa deskritt fl-Anness 5; ċ) jekk in-numru ta' vjaġġi in transitu fi kwalunkwe sena jaqbeż il-figura ta' referenza stabbilita għall-1991 b'aktar minn 8 %, il-Kummissjoni, li għandha taġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 16, għandha tadotta l-miżuri xierqa skond il-paragrafu 3 ta' l-Anness 5; d) ir-Repubblika ta' l-Awstrija għandha tippubblika u tagħmel disponibbli fi żmien xieraq it-tesseri ta' l-ekopunti għall-amministrazzjoni tas-sistema ta' l-ekopunti, skond l-Anness 5, għall-vetturi kbar għat-trasport tal-merkanzija li jaqsmu l-Awstrija in transitu; e) l-ekopunti għandhom jiġu distribwiti mill-Kummissjoni fost l-Istati Membri skond id-disposizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti skond il-paragrafu 7. 4. Qabel l- 1 ta' Jannar 1998, il-Kunsill, abbażi ta' rapport mill-Kummissjoni, għandu jirrevedi l-operat tad-disposizzjonijiet li jirrigwardaw it-transitu ta' merkanzija bit-triq fl-Awstrija. Ir-reviżjoni għandha ssir skond il-prinċipji bażiċi tal-liġi Komunitarja, bħall-funzjonament xieraq tas-suq intern, partikolarment il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà fil-provvista ta' servizzi, l-ħarsien ta' l-ambjent fl-interess tal-Komunità bħala entità waħda, u s-sigurtà fit-traffiku. Jekk il-Kunsill, li għandu jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, ma jiddeċiedix xort'oħra, l-perjodu transitorju għandu jiġi estiż sa l- 1 ta' Jannar 2001, u matulu għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 3. 5. Qabel l- 1 ta' Jannar 2001, il-Kummissjoni, b'koperazzjoni ma' l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent, għandha tagħmel studju xjentifiku dwar kemm intlaħqu l-miri ta' tnaqqis fit-tniġġis ta' l-arja kif stabbilit fil-paragrafu 3(a). Jekk il-Kummisjoni tikkonkludi li dawn il-miri ntlaħqu fuq bażi sostenibbli, d-disposizzjonijiet tal-paragrafu 3 ma jkunux iktar applikabbli mill- 1 ta' Jannar 2001. Jekk il-Kummisjoni tikkonkludi li dawn il-miri ma ntlaħqux fuq bażi sostenibbli l-Kunsill, li jaġixxi skond l-Artikolu III-240 tal-Kostituzzjoni, jista' jadotta miżuri, fil-qafas Komunitarju, li jiżguraw ħarsien ekwivalenti ta' l-ambjent, b'mod partikulari t-tnaqqis ta' 60 % tat-tniġġis. Jekk il-Kunsill ma' japplikax dan it-tip ta' miżuri, l-perjodu transitorju għandu jiġi estiż awtomatikament għal perjodu finali ta' tlett snin, li matulu għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 3. 6. Fl-aħħar tal-perjodu transitorju, l-'acquis' tal-Kommunità fl-intier tiegħu għandu jiġi applikat kollu. 7. Il-Kummissjoni, li għandha taġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 16, għandha tadotta miżuri dettaljati li jirrigwardaw il-proċeduri dwar is-sistema ta' l-ekopunti, d-distribuzzjoni ta' l-ekopunti u l-kwistjonijiet tekniċi li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl- 1 ta' Jannar 1995. Il-miżuri previsti fl-ewwel subparagrafu għandhom jiżguraw li tinżamm is-sitwazzjoni fattwali għall-Istati Membri preżenti li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3637/92 u ta' l-Arranġament Amministrattiv, iffirmat fit- 23 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxu d-data tad-dħul fis-seħħ u l-proċeduri għall-introduzzjoni tas-sistema ta' l-ekopunti previsti fil-Ftehim dwar Transitu. Għandhom isiru l-isforzi kollha meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-parti ta' ekopunti allokata lill-Greċja tieħu konsiderazzjoni suffiċjenti tal-bżonnijiet ta' dan il-pajjiż f'dan il-kuntest. Artikolu 73 1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat. 2. F'każijiet fejn hemm referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu. SEZZJONI 9 Disposizzjonijiet dwar l-użu ta' termini Awstrijaċi speċifiċi tal-lingwa Ġermaniża fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea Artikolu 74 1. It-termini Awstrijaċi speċifiċi fil-lingwa Ġermaniża li hemm fl-ordni ġuridiku Awstrijak u li huma elenkati fl-Anness [9] għall-Protokoll Nru. 10 ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja għandu jkollhom l-istess status u jistgħu jintużaw bl-istess effett ġuridiku bħat-termini korrispondenti użati fil-Ġermanja u li huma elenkati f'dak l-Anness. 2. Fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ta' atti ġuridiċi ġodda, t-termini speċifiċi Awstrijaċi previsti fl-Anness tal-Protokoll Nru. 10 ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja għandhom jiġu miżjuda fil-forma xierqa mat-termini korrispondenti użati fil-Ġermanja. [1] ĠU L 73, tas-27.3.1972, p. 47. [2] ĠU L 73, tas-27.3.1972, p. 84. [3] ĠU L 291, tad-19.11.1979, p. 163. [4] ĠU C 241, tad-29.8.1994, p. 322. [5] ĠU C 241, 29.8.1994. p. 355. [6] ĠU C 241, tad-29.8.1994, p. 364. [7] ĠU C 241, tad-29.8.1994, p. 365. [8] ĠU C 241, tad-29.8.1994, p. 367. [9] ĠU C 241, tad-29 ta' Awwissu 1994, p. 370. --------------------------------------------------