European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/955

7.2.2025

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni, tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(C/2025/955)

Fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, jistgħu jippreżentaw, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), oppożizzjoni mal-Kummissjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA TAL-UNJONI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA/INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

“Chosco de Tineo”

Nru tal-UE: PGI-ES-0696-AM02

Imressqa fis-17.11.2022

1.   Isem il-prodott

“Chosco de Tineo”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP ( ) IĠP (X)

3.   Applikant u interess leġittimu

Dirección General de Desarrollo Rural y Agroalimentación — Gobierno del Principado de Asturias

—

4.   Stat Membru

Spanja

5.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

☐

Isem il-prodott

☐

Rabta

☒

Restrizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni

6.   Spjegazzjoni li l-emenda/i jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-emenda tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) 1151/2012

Dawn l-emendi jitqiesu bħala emendi tal-Unjoni, peress li l-possibbiltà li tiġi estiża l-firxa ta’ formati ġodda tal-bejgħ għaċ-chosco msajjar ippakkjat hija ristretta għaż-żona tal-produzzjoni.

7.   Deskrizzjoni u raġunijiet għall-emenda

Restrizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni

Deskrizzjoni

Il-formulazzjoni attwali:

“Iċ-choscos jistgħu jinbiegħu sħaħ, imsajra jew mhux imsajra. M’hemm l-ebda restrizzjoni fuq l-imballaġġ għaċ-choscos mhux imsajra. Għal raġunijiet ta’ sikurezza alimentari u biex tinżamm il-kwalità ċ-choscos imsajra jridu jiġu ppakkjati, peress li t-tisjir irattab il-musrana tal-majjal użata għall-budellat, u b’hekk il-prodott isir aktar vulnerabbli għall-impatti esterni li jistgħu jikkawżaw il-qsim waqt il-manipulazzjoni. Għalhekk irid jiġi ppakkjat fil-bini tal-produtturi qabel id-dispaċċ.”

hija sostitwita b’dan li ġej:

“Iċ-choscos jistgħu jinbiegħu sħaħ, imsajra jew mhux imsajra. Barra minn hekk, iċ-choscos imsajra jisgħu jinbiegħu f’nofsijiet jew f’fetet. M’hemm l-ebda restrizzjoni fuq l-imballaġġ għaċ-choscos mhux imsajra. Għal raġunijiet ta’ sikurezza alimentari u biex tinżamm il-kwalità ċ-choscos imsajra jridu jiġu ppakkjati sħaħ, f’nofsijiet jew f’fetet, peress li t-tisjir irattab il-musrana tal-majjal li tintuża għall-budellat, u b’hekk il-prodott isir aktar vulnerabbli għal fatturi esterni li jistgħu jikkawżaw il-qsim waqt l-immaniġġar. Għalhekk irid jiġi ppakkjat fil-bini tal-produttur qabel id-dispaċċ.”.

Din l-emenda taffettwa wkoll id-Dokument Uniku.

Sommarju tar-raġunijiet li għalihom hija meħtieġa l-emenda

Raġunijiet:

Ġew inklużi formati ġodda ta’ bejgħ bħala riżultat tad-domanda attwali tal-konsumaturi, peress li issa hemm preferenza għal formati iżgħar sabiex titnaqqas il-ħela tal-ikel. It-tqattigħ taċ-choscos imsajra f’fetet jew f’nofsijiet ma jbiddilx il-karatteristiċi essenzjali jew l-awtentiċità taċ-Chosco de Tineo, dment li t-tqattigħ u l-manipulazzjoni jitwettqu minn persunal imħarreġ ladarba l-biċċiet ikunu ġew imsajrin fil-bini tal-produttur. Dan inaqqas il-probabbiltà li l-prodott jinqasam waqt il-manipulazzjoni, li jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-kwalità, u jipprevjeni r-riskji għas-sikurezza tal-ikel minħabba li dan huwa prodott lest biex jittiekel.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/Ismijiet

“Chosco de Tineo”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Isem il-prodott

Klassi: 1.2 Prodotti tal-laħam (imsajra, immelħa, affumikati, eċċ.)

Kodiċi tan-nomenklatura magħquda

16 – PREPARATI TA’ LAĦAM, TA’ ĦUT JEW TA’ KRUSTAĊEJ, MOLLUSKI JEW INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN, JEW TA’ INSETTI

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

Prodott tal-laħam magħmul minn ċerti qatgħat tal-laħam tal-majjal (mill-flett u l-ilsien tal-majjal), imħawwar bil-melħ, bil-paprika u bit-tewm, u ppakkjat fl-imsaren tal-majjal, li jagħtih il-forma karatteristika tiegħu, affumikat, ippreservat u mhux imsajjar.

Għandu forma tonda u irregolari u jiżen bejn 500 g u 2 000 g. Għandu kulur ħamrani, konsistenza soda u dehra karatteristika meta jitqatta’, bil-biċċiet differenti tal-laħam użati jkunu viżibbli b’mod ċar.

Fih mill-inqas 40 % umdità. Il-proporzjon ta’ xaħam mal-estratt niexef huwa ta’ 41 % jew inqas u l-proporzjon ta’ proteini mal-estratt niexef huwa aktar minn 50 %.

L-aroma u t-togħma huma karatteristiċi taz-zalzett affumikat, li l-intensità tagħhom tvarja skont iż-żmien tal-affumikar, b’konsistenza mmerrqa.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Ma jissemma l-ebda rekwiżit rilevanti li huwa applikabbli għall-għalf.

Jintużaw il-qatgħat tal-laħam tal-majjal li ġejjin: minimu ta’ 80 % lojn u minimu ta’ 15 % ilsien, u imħawwar (bil-melħ, bil-paprika u bit-tewm).

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-proċess tal-produzzjoni jsir fiż-żona ġeografika ddefinita, mis-separazzjoni u t-tqattigħ tal-materja prima, għat-taħlita u l-għaġna, il-formazzjoni taz-zalzett, l-affumikar u t-tnixxif.

L-affumikar jitwettaq sabiex il-prodott ikun jista’ jiġi ppreservat, peress li din iż-żona għandha umdità relattiva għolja u dan il-proċess jiffavorixxi t-tnixxif tal-prodott. L-affumikar isir permezz tad-duħħan tal-ħatab niexef minn speċi ta’ siġar indiġeni (ballut, betula, fagu jew qastan).

Sabiex ikunu jistgħu jiġu kkontrollati l-proċessi għat-tħejjija taċ-choscos u l-kwalità tal-prodott kopert mill-IĠP, l-operaturi responsabbli tal-industriji għandhom ikunu obbligati jimlew id-dokumentazzjoni ta’ appoġġ meħtieġa għall-verifika ta’ kull wieħed mir-rekwiżiti u jżommu għad-dispożizzjoni tal-korp ta’ spezzjoni r-reġistri u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa, li għandhom jinkludu:

—

reġistru tal-kunsinni ta’ materja prima, bid-dettalji tal-fornitur, in-nota tal-kunsinna jew in-numru tal-fattura, il-kwantità, it-tip ta’ prodott u d-data tal-kunsinna. Il-lottijiet iridu jiġu identifikati;

—

reġistru tal-produzzjoni, bid-dettalji tal-istadji kollha fil-proċess tal-produzzjoni, inklużi d-dati tal-produzzjoni, tal-affumikar u tat-tnixxif, bin-numru/i tal-lott tal-materja prima u n-numru tal-lott tal-produzzjoni,

—

ir-rekords tad-dispaċċ għall-prodott lest għandhom jagħmlu referenza għan-numru tal-lott, id-data tad-dispaċċ, il-kwantità tal-prodott, in-numru tan-nota tal-kunsinna u d-destinazzjoni;

—

ir-reġistru tal-lottijiet jabbina l-materja prima mal-prodott finali, abbażi tal-informazzjoni mir-rekords tal-produzzjoni u r-rekords tad-dispaċċ, biex b’hekk tiġi żgurata t-traċċabbiltà.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.

Iċ-choscos jistgħu jinbiegħu sħaħ, imsajra jew mhux imsajra. Barra minn hekk, iċ-choscos imsajra jisgħu jinbiegħu f’nofsijiet jew f’fetet. M’hemm l-ebda restrizzjoni fuq l-imballaġġ għaċ-choscos mhux imsajra. Għal raġunijiet ta’ sikurezza alimentari u biex tinżamm il-kwalità ċ-choscos imsajra jridu jiġu ppakkjati sħaħ, f’nofsijiet jew f’fetet, peress li t-tisjir irattab il-musrana tal-majjal li tintuża għall-budellat, u b’hekk il-prodott isir aktar vulnerabbli għall-impatti esterni li jistgħu jikkawżaw il-qsim waqt il-manipulazzjoni. Għalhekk irid jiġi ppakkjat fil-bini tal-produtturi qabel id-dispaċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Iċ-choscos kollha kkummerċjalizzati bl-IĠP “Chosco de Tineo”, irrispettivament minn kif jiġu ppreżentati, għandu jkollhom fuqhom, minbarra t-tikketta kummerċjali, tikketta sekondarja speċifika u nnumerata li fuqha jridu bilfors jidhru l-kliem “Indicación Geográfica Protegida ‘Chosco de Tineo’ ” (Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Chosco de Tineo”) u l-logo, li huwa standard għall-produtturi kollha. Dik it-tikketta għandha titwaħħal qabel id-dispaċċ tal-prodott b’tali mod li jagħmel l-użu mill-ġdid impossibbli. It-tikketta hija murija hawn taħt fit-tliet għażliet possibbli ta’ kulur.

Image 1

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tinsab fil-parti tal-Punent tal-Asturji (Spanja), fit-Tramuntana tal-peniżola Iberika, imdawra bil-komunitajiet awtonomi tal-Cantabria, Kastilja u León, u l-Galicia. Dan jinkludi l-muniċipalitajiet ta’ Allande, Belmonte de Miranda, Cangas del Narcea, Salas, Somiedo, Tineo, Valdés u Villayón.

Din hija ż-żona tal-produzzjoni koperta mill-IĠP.

5.   Link għaż-żona ġeografika

Speċifiċità taż-żona ġeografika:

It-terren ta’ din iż-żona huwa ġeneralment rifless fl-għoljiet weqfin li jinsabu fil-medda qasira ta’ art bejn il-kosta u l-baċir tal-iskular, elementi orografiċi li jagħtu lok għal żewġ żoni distinti b’mod ċar.

Żona interna fil-Punent li tinkludi saffi ta’ blat mikxuf li jixirfu ’l fuq minn wiċċ l-art u mogħdijiet b’orjentazzjoni lejn in-Nofsinhar u żona ċentrali li tinsab fin-naħa meridjonali, li hija kkollokata fit-Tramuntana, li tinkludi s-sriebet tal-muntanji mal-kosta, mil-Lvant għall-Punent, bi strixxa kostali żgħira.

Din il-konfigurazzjoni, bit-terren irregolari ħafna tagħha, il-fiżjografija tassew kontrastanti u d-diversi widien u sriebet tal-muntanji, li jsibu l-kulminazzjoni tagħhom fil-Cordillera tal-Cantabria, toħloq klima karatterizzata minn ħafna xita matul is-sena kollha, b’ammont moderat ta’ xemx u ħafna sħab.

Barra minn hekk, kemm l-orografija u kemm il-klima taż-żona huma fatturi li jiddeterminaw il-mod tal-għajxien tal-abitanti ta’ dawn l-irħula, minħabba li dawn iridu jadattaw għall-kundizzjonijiet ambjentali lokali li jgħixu fihom.

Il-perjodi twal tax-xitwa li fihom l-irħula jkunu iżolati u l-possibbiltà li fis-sajf jiġu sfruttati r-riżorsi naturali fuq il-mergħat fil-passaġġi tal-muntanji sarrfet fil-fatt li t-trobbija tal-bhejjem hija wieħed mill-mezzi ewlenin ta’ sussistenza. Bla dubju, il-majjali kellhom rwol essenzjali, u l-preżenza tagħhom kienet xi ħaġa komuni fl-irħula kollha. Dan peress li f’unità ta’ produzzjoni li kienet ixxaqleb lejn l-awtosuffiċjenza, li l-ħtieġa tagħha kienet iddeterminata minn dan l-ambjent, il-majjali setgħu jiġu mitmugħin skart organiku, prodotti sekondarji agrikoli (zkuk tal-kaboċċi, ġdur, pitravi, skart tat-tuffieħ) u riżorsi tal-foresti (qastan, ġandar, veġetazzjoni selvaġġa), li kollha huma abbundanti fiż-żona.

Għalhekk, il-produzzjoni tal-majjali baqgħet għaddejja. Il-majjali użati kienu ta’ razez Ċeltiċi, li l-karatteristiċi tagħhom kienu jippermettu l-aħjar użu tar-riżorsi tal-kampanja. Dawn gradwalment ġew sostitwiti minn annimali magħżula u aktar produttivi, u filwaqt li dawn ma kinux kapaċi jissodisfaw ir-rwol ta’ riċiklaġġ li kienu jaqdu r-razez Ċeltiċi, is-sistemi tal-produzzjoni adattaw u llum il-laħam tagħhom jintuża fil-“Chosco de Tineo”, għalkemm dawk imsemmna fiż-żona għadhom l-aktar prezzjużi għall-produzzjoni ta’ dan il-prodott.

Dan iz-zalzett speċjali, il-prodott ta’ żona fejn il-materja prima kienet faċilment disponibbli, kien ukoll ir-riżultat ta’ metodi ta’ produzzjoni f’armonija mal-kundizzjonijiet lokali.

L-umdità relattiva għolja minħabba l-kundizzjonijiet atmosferiċi, flimkien mal-iżolament mill-ġirien matul ix-xhur tax-xitwa, wasslet biex jiġu żviluppati miżuri speċjali biex jiġi ppreservat il-prodott. F’dan il-każ, il-metodu adottat biex jiġi ppreservat u mnixxef iz-zalzett kien l-affumikar. Inizjalment, kien jintuża l-injam tal-ġinestrun, li huwa abbundanti ħafna fiż-żona, li għamilha possibbli li ma jintmessux siġar indiġeni oħrajn b’ħafna weraq, għalkemm dawn gradwalment bdew jieħdu post il-ġinestrun meta bdew isiru inqas imfittxija għal skopijiet oħra. Dawn is-siġar għadhom jintużaw sal-lum u jagħtu aroma u togħma simili għal dawk prodotti mill-injam tal-ġinestrun, għalkemm b’differenzi żgħar.

L-affumikar għadu sal-lum isir bl-użu ta’ metodi tradizzjonali, għalkemm in-nar tal-injam ma għadux jinxtegħel mal-art iżda fi braċieri jew f’apparati oħrajn li jistgħu jiġu mċaqalqa magħrufin bħala cocinas de ahumado (stufi tal-affumikar). Iċ-choscos jitħallew jiġu affumikati għal mill-inqas 5 ijiem fi kmamar apposta għall-affumikar, li jissejħu “ahumaderos”, fejn jitħallew imdendlin ma’ vireg imqabbda mas-saqaf, jew ma’ oqfsa magħrufa bħala “carros”.

L-affumikar jiġi segwit mit-tnixxif attwali. Ta’ min tissemma r-rilevanza ta’ dan il-proċess ta’ tnixxif tal-vaqueiros de alzada” [nissiela tal-baqar nomadiċi] li jgħixu f’ċerti rħula taż-żona. Ġeneralment kienu jgħixu billi jrabbu l-baqar u kienu jmorru jgħixu fil-muntanji għoljin mal-familji u mal-bhejjem tagħhom (inklużi l-majjali) minn April sa Ottubru. Fost l-oġġetti li kienu jieħdu magħhom fuq dawn il-vjaġġi kien hemm iċ-choscos, li kienu jużawhom bħala ikel tipiku għall-mergħat tal-muntanji, fejn kienu jitlestew b’mod speċjali bit-tnixxif f’altitudni ogħla. Meta dawn il-vjaġġi ma kinux isiru, it-tnixxif kien isir f’hórreo, kostruzzjoni tradizzjonali b’ventilazzjoni tajba ħafna. Illum dan isir f’postijiet li jippermettu ventilazzjoni tajba għal minimu ta’ 8 ijiem sakemm jinkiseb il-kontenut ta’ ndewwa meħtieġ.

Speċifiċità tal-prodott:

Iċ-“Chosco de Tineo” huwa magħmul esklużivament minn qatgħat tal-lojn u l-ilsien tal-majjal, huwa mħawwar, ippakkjat bl-idejn fl-imsaren tal-majjal, affumikat u mnixxef, li jagħtih karatteristiċi li huma differenti minn dawk ta’ tipi oħra ta’ zalzett. Meta jitqatta’, il-biċċiet differenti tal-laħam użati jkunu viżibbli b’mod ċar. Il-laħam ma għandux jiġi kkapuljat.

Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DOP) jew il-kwalità ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra speċifiċi tal-prodott (għall-IĠP):

Il-karatteristiċi tal-“Chosco de Tineo” huma dovuti għall-ambjent naturali taż-żona, fejn it-tnissil tal-majjali kellu rwol partikolarment importanti, u għal metodu ta’ produzzjoni speċifiku, ir-riżultat, minn naħa, ta’ klima b’ħafna xita u terren muntanjuż li jiżola l-irħula għal parti mis-sena u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li huwa zalzett speċjali magħmul b’qatgħat ta’ kwalità għolja, li jfisser li huwa riżervat prinċipalment għal okkażjonijiet speċjali.

Mill-prodotti magħmula meta jitbiċċru l-majjali, iċ-chosco huwa wieħed mill-aktar li għandu għeruq fondi fiż-żona ddefinita. Ġie mgħoddi minn ġenerazzjoni għal oħra, u b’hekk inżamm il-proċess artiġjanali tiegħu. Il-prodott igawdi reputazzjoni tajba ħafna, attestata mir-rikonoxximent tal-pubbliku u minn diversi dokumenti bil-miktub.

Hemm referenzi għalih fid-dokumenti tal-Monasteri ta’ Obona f’Tineo, Corias f’Cangas del Nancea, u f’Belmonte; kif ukoll f’liġijiet sekondarji adottati mill-bliet u l-parroċċi li jirriflettu l-importanza tat-trobbija tal-ħnieżer fiż-żona. Il-Catastro de Ensenada [il-katast] juri li ż-żona kellha l-akbar merħla fl-Asturji fis-seklu 18. O. Bellmunt u F. Canella fl-Asturji, 1897, jirreferu għall-ħanżir bħala wieħed mis-sorsi importanti ta’ ġid; u l-Gran Enciclopedia Asturiana (Gijón 1980) u J.E. Lamuño jfakkru s-saħħa li kellhom is-swieq famużi ta’ kull ġimgħa tal-qżieqeż f’Tineo.

Fir-rigward tal-proċessuri tal-laħam tal-majjal tar-reġjun, għandu jiġi nnotat li llum l-aktar famużi huma dawk f’Tineo, fejn iz-zalzett tagħhom, u b’mod partikolari l-“Chosco de Tineo”, huwa l-aktar prodott tal-ikel importanti taż-żona. Fit-tieni nofs tas-seklu 19, fl-Asturji, O. Bellmunt u F. Canella diġà kienu qegħdin isemmu l-manifatturi taz-zalzett fil-muniċipalità ta’ Valdés u fil-bidu tas-seklu 20, Tineo kien is-sit tal-fabbrika taz-zalzett, “La Asunción”.

L-oriġini tat-terminu “chosco” mhix ċerta, iżda José Ántonio Fidalgo jissuġġerixxi li ġejja mill-kelma Latina “luscus”, li tfisser b’għajn waħda jew kważi għami. Il-kelma ġejja mill-Bable, il-lingwa tal-Asturji tal-Punent, u hija partikolari għal-Lbiċ tal-Asturji (Tineo, Allande, Cangas del Narcea, eċċ.). Fil-Medjuevu, l-isem “Tineo” kopra d-distrett minn Cabruñana en Salas sa Leitariegos fil-muntanji. Barra minn hekk, dak li issa jissejjaħ Cangas del Narcea kien magħruf bħala Cangas de Tineo sas-seklu 19.

Fl-1920, fir-Remembranzas de antaño y hogaño de la villa de Tineo tiegħu, il-kroniku Claudio Zardaín kiteb dwar iċ-chosco li kien jitgawda fil-fiera lokali ta’ San Roque.

Fl-1929 Dionisio Pérez (taħt il-psewdonimu “Post-Thebussem”), fil-Guía del buen comer español tiegħu, alluda għaċ-chosco bħala zalzett u afferma li kien platt karatteristiku f’Tineo f’Jum San Roque.

Fil-Guía de Productos de la Tierra (Madrid, 1998), Lucas Pallarés jikteb li chosco huwa prodott nobbli li oriġina mill-vaqueiros de alzada.

L-Inventario Español de Productos Tradicionales, ippubblikat mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Ikel bħala parti mill-proġett “Euroterroirs” iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, jassoċja wkoll il-prodott mad-distrett ta’ Tineo, li minnu jieħu l-isem “Chosco de Tineo”.

Regolarment jitwettqu analiżijiet biex jiġi żgurat li l-karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi li għalihom hija dovuta r-reputazzjoni tiegħu jkunu qed jinżammu. Il-kriterji użati għall-karatterizzazzjoni tal-prodott u r-riżultati tal-analiżi miksuba huma mogħtija fil-punt 3.2 ta’ dan id-dokument. Dawn ma għandhomx ivarjaw maż-żmien.

Kull sena l-istampa reġjonali tirrapporta dwar il-fieri u l-jiem kulinari organizzati b’rabta mal-“Chosco de Tineo”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://run.gob.es/wzoChoscoU24


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/955/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)