32000R2601



Official Journal L 300 , 29/11/2000 P. 0014 - 0015


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2601/2000

tas-17 ta' Novembru 2000

li jistabbilixxi reġoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar iż-żmien biex jiddaħħlu prezzijiet tax-xiri fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta' Ottubru 1995 dwar l-indiċi armonizzati ta' prezzijiet tax-xiri [1], u partikolarment l-Artikolu 4 flimkien ma' l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Bank Ċentrali Ewropew [2],

Billi:

(1) Bis-saħħa ta' l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2494/95, kull Stat Membru huwa mitlub li jipproduċi Indiċi Armonizzat ta' Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) li jibda bl-indiċi għal Jannar 1997.

(2) Skond l-Artikolu 2(a)(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1749/96 tad-9 ta' Settembru 1996 dwar miżuri inizjali ta' implimentazzjoni għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar indiċi armonizzati ta' prezzijiet tax-xiri [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1688/98 [4], prezzijiet użati fl-HICP huma l-prezzijiet tax-xiri mħallsa minn familji biex jixtru oġġetti u servizzi individwali fi transazzjonijiet monetarji.

(3) Hemm lok konsiderevoli għal differenzi proċedurali fiż-żmien li fih jiddaħħlu l-prezzijiet tax-xiri fl-HICP. Metodoloġija armonizzata dwar dan iż-żmien hija meħtieġa biex jiġi żgurat li l-HICP li jirriżultaw, jissodisfaw il-kriterju ta' komparabilità misjuba fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2494/95, partikolarment għal prodotti li dwarhom jista' jkun hemm differenza bejn iż-żmien tax-xiri, tal-ħlas, jew konsenja u ż-żmien tal-konsum.

(4) Ir-regoli f'dan ir-Regolament huma konsistenti mad-definizzjonijiet stabbiliti fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet 1995 (ESA 95) imwaqqfa bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-Sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 448/98 [6] safejn l-ESA 95 hija konsistenti ma' l-għanijiet ta' l-HICP.

(5) B'mod partikolari, il-punt 3.89 tal-ESA 95 jgħid illi l-oġġetti u s-servizzi għandhom ġeneralment ikunu rreġistrati meta jinħolqu l-ħlasijiet, jiġifieri, meta x-xerrej jinkorri dejn mal-bejjiegħ.

(6) L-HICP għandu jirrifletti l-bidla fil-prezz fil-bażi jew perjodu ta' riferenza fuq il-bażi tal-bidla fin-nefqa, waqt li jinżamm il-mudell ta' konsum tal-familji u l-għamla tal-popolazzjoni tal-konsumaturi.

(7) Il-miżuri provduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom [7],

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Għan

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jarmonizza ż-żmien li fih jiġu rreġistrati u mdaħħla l-prezzijiet tax-xiri fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (minn issa 'l quddiem imsejjaħ HICP) sabiex jiġi żgurat li l-HICP-ijiet huma ta' min joqgħod fuqhom u rilevanti u jilħqu l-ħtiġijiet ta' paragun stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2494/95.

L-Artikolu 2

Iż-Żmien

Il-prezzijiet użati fl-HICP għandhom ikunu prezzijiet tax-xiri mħallsa minn familji biex jixtru oġġetti jew servizzi individwali fi transazzjonijiet monetarji. Il-prezzijiet għal oġġetti individwali għandhom jiddaħħlu fl-HICP għax-xahar li fih ikunu osservati. Il-prezzijiet għas-servizzi għandhom jiddaħħlu fl-HICP għax-xahar li fih jista' jibda l-konsum tas-servizz bil-prezzijiet osservati.

L-Artikolu 3

Implimentazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu applikati mill-Istati Membri f'Diċembru 2000 u jidħlu fis-seħħ bl-indiċi għal Jannar 2001.

L-Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-17 ta' Novembru 2000.

Għall-Kummissjoni

Pedro Solbes Mira

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 257, tas-27.10.1995, p. 1.

[2] L-opinjoni mogħtija fl-24 ta' Novembru 2000 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 229, ta' l-10.9.1996, p. 3.

[4] ĠU L 214, tal-31.7.1998, p. 23.

[5] ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1.

[6] ĠU L 58, tas-27.2.1998, p. 1.

[7] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

--------------------------------------------------