|
19.1.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 17/84 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/131
tat-18 ta’ Jannar 2023
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1259 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajlandja, u li jissoġġetta l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal sorveljanza
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 56(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1259 (3), il-Kummissjoni Ewropea imponiet dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li jeskludu komponenti ta’ fittings b’kompressjoni bl-użu tal-kamin metriku ISO DIN 13 u kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) u mit-Tajlandja (“il-prodott ikkonċernat”). |
|
(2) |
Il-materja prima ewlenija ta’ input għall-prodott ikkonċernat hija r-ruttam tal-metall, il-kokk/l-elettriku/il-gass, ir-ramel (għall-iffurmar) u ż-żingu (għall-galvanizzazzjoni). L-ewwel pass fil-proċess tal-manifattura huwa t-tidwib tar-ruttam tal-metalli. Dan ikun segwit mill-proċess tal-immudellar u l-iffundar ta’ diversi forom li mbagħad jiġu separati f’biċċiet waħdiena. Il-prodotti jridu jgħaddu minn proċess twil ta’ ttemprar sabiex jiġi żgurat li jkunu malleabbli biżżejjed biex jintużaw f’applikazzjonijiet fejn, pereżempju, tkun meħtieġa reżistenza għax-xokkijiet u l-vibrazzjoni u sabiex jifilħu għal bidliet rapidi fit-temperatura. Imbagħad il-fittings ikunu jistgħu jiġu ggalvanizzati. Imbagħad isiru l-passi finali tal-manifattura inkluż il-qtugħ ta’ kamini u xogħol ieħor bil-magni. |
|
(3) |
Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1259, il-produttur esportatur Ċiniż Jinan Meide Casting Co., Ltd (“Jinan Meide”), il-kodiċi addizzjonali TARIC (4) B336, huwa soġġett għall-miżuri anti-dumping imposti permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1259. |
|
(4) |
Matul l-2021 u l-2022, l-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili ssottomettiet informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-akkwist ta’ Odlewnia Zawiercie S.A., produttur tal-prodott simili li jinsab fil-Polonja, minn Meide Group Co., Ltd. (“Meide Group”), kumpanija stabbilita fir-RPĊ. |
|
(5) |
Abbażi ta’ informazzjoni pubblika, it-tranżazzjoni ġiet approvata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (5) u mbagħad tlestiet (6). |
|
(6) |
Meide Group huwa attiv fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, fost prodotti oħra. Barra minn hekk, Meide Group huwa involut fl-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-prodotti tiegħu u dawk ta’ partijiet terzi (7). Il-prodott ikkonċernat esportat minn Meide Group mir-RPĊ lejn l-Unjoni huwa soġġett għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1259. |
|
(7) |
Meide Group u Jinan Meide huma kumpaniji relatati. |
|
(8) |
Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li t-tlestija tat-tranżazzjoni kienet tiġġustifika bidla fil-kodiċijiet TARIC rilevanti sabiex l-importazzjonijiet jiġu mmonitorjati aħjar, għar-raġunijiet li ġejjin. |
|
(9) |
Il-prodott ikkonċernat bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (‘NM’) ex 7307 19 10 (il-kodiċijiet TARIC 7307191010 u 7307191020). |
|
(10) |
Minbarra l-kodiċijiet TARIC soġġetti għall-miżuri, il-kodiċi TARIC residwu 7307191090 jinkludi għadd ta’ prodotti, fosthom iż-żewġ prodotti espressament esklużi mid-definizzjoni tal-prodott tal-prodott ikkonċernat (jiġifieri, korpi ta’ fittings ta’ kompressjoni bl-użu tal-kamin metriku ISO DIN 13 u kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu) kif ukoll fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet mhux bil-kamin. |
|
(11) |
Il-qtugħ tal-kamini huwa biss l-aħħar pass ta’ manifattura tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk, fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet mhux bil-kamin u nofshom lesti jistgħu jiġu importati fl-Unjoni skont il-kodiċi TARIC residwu, li għalihom ma japplikawx il-miżuri anti-dumping, u jistgħu jgħaddu mill-proċess ta’ qtugħ ta’ kamini fl-Unjoni. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni qieset li d-data rkuprabbli mill-istruttura tal-kodiċi TARIC attwali mhijiex adegwata biżżejjed biex timmonitorja l-flussi tal-importazzjoni ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet mhux bil-kamin mir-RPĊ, minħabba li bħalissa huma mħallta mal-għadd kbir ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi TARIC residwu 7307191090. |
|
(13) |
Għalhekk, il-kodiċijiet TARIC taħt il-kodiċi NM ex 7307 19 10 jenħtieġ li jiġu ristrutturati fi prodotti bil-kamin (il-kodiċijiet TARIC 7307191003, 7307191005, 7307191010, 7307191013, 7307191020, 7307191030), jew mhux bil-kamin (il-kodiċijiet TARIC 7307191035, 7307191040, 7307191045). Barra minn hekk, kemm għall-prodotti bil-kamin kif ukoll għal dawk mhux bil-kamin, għandu jiġi speċifikat jekk humiex magħmula minn ħadid fondut malleabbli (kodiċijiet TARIC 7307191010 u 7307191035 rispettivament), ħadid fondut bil-grafit sferojdali (kodiċijiet TARIC 7307191020 u 7307191040 rispettivament) jew materjali oħra (kodiċijiet TARIC 7307191030 u 7307191045 rispettivament). Fl-aħħar nett, fi ħdan il-fittings ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafit sferojdali, għandhom jinħolqu kodiċijiet TARIC speċifiċi ġodda għall-prodotti espressament esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri korpi ta’ fittings ta’ kompressjoni bl-użu tal-kamin metriku ISO DIN 13, ta’ ħadid fondut malleabbli (kodiċi TARIC 7307191003), kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid fondut malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu (kodiċi TARIC 7307191005) u komponenti ta’ fittings ta’ kompressjoni bl-użu tal-kamin metriku ISO DIN 13, ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali (kodiċi TARIC 7307191013). |
|
(14) |
Il-kodiċijiet TARIC li għalihom japplikaw il-miżuri — il-kodiċijiet TARIC 7307191010 u 7307191020 — jibqgħu l-istess u d-deskrizzjoni biss jenħtieġ li tiġi aġġornata għal “Oħrajn” biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-istruttura l-ġdida tat-TARIC. |
|
(15) |
Din l-istruttura TARIC ġdida se tippermetti lill-Kummissjoni timmonitorja b’mod adegwat l-iżvilupp tal-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet mir-RPĊ, b’mod partikolari l-flussi ta’ importazzjoni ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet mhux bil-kamin mir-RPĊ, li mhumiex soġġetti għal miżuri anti-dumping, meta mqabbla mal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġett għal miżuri anti-dumping. Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-data, l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet mir-RPĊ se jkunu soġġetti għal sorveljanza. |
|
(16) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit bl-Artikolu 285 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-paragrafi li ġejjin huma miżjuda mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1259:
“6. Il-kodiċijiet u d-deskrizzjonijiet TARIC ġodda li ġejjin għandhom jinħolqu għall-prodotti indikati:
|
|
- - - - Bil-kamin |
|
|
- - - - - Ta’ ħadid fondut malleabbli |
|
7307191003 |
- - - - - - Korpi ta’ fittings ta’ kompressjoni bl-użu tal-kamin metriku ISO DIN 13 |
|
7307191005 |
- - - - - - Kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu |
|
|
- - - - - Ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali |
|
7307191013 |
- - - - - - Korpi ta’ fittings ta’ kompressjoni bl-użu tal-kamin metriku ISO DIN 13 |
|
7307191030 |
- - - - - Oħrajn |
|
|
- - - - - Mingħajr kamin |
|
7307191035 |
- - - - - Ta’ ħadid fondut malleabbli |
|
7307191040 |
- - - - - Ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali |
|
7307191045 |
- - - - - Oħrajn |
7. Id-deskrizzjonijiet il-ġodda li ġejjin għandhom jiġu attribwiti lill-kodiċijiet TARIC indikati:
|
7307191010 |
- - - - - Oħrajn |
|
7307191020 |
- - - - - - Oħrajn” |
Artikolu 2
L-importazzjonijiet taħt il-kodiċijiet TARIC imsemmija fl-Artikolu 1, jew kwalunkwe kodiċi futur korrispondenti, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ ssegwi x-xejriet statistiċi tal-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet, skont l-Artikolu 56(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Jannar 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(3) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1259 tal-24 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 197, 25.7.2019, p. 2).
(4) It-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea.
(5) Ara https://uokik.gov.pl/news.php?news_id=17989 u d-Deċiżjoni DKK-83/2022 tas-16 ta’ Marzu 2022, disponibbli fuq: https://uokik.gov.pl/koncentracje.php?news_id=17397
(6) Ara kemm il-bażi tad-data Orbis M&A kif ukoll https://globallegalchronicle.com/meide-groups-acquisition-of-odlewnia-zawiercie/
(7) Ara d-Deċiżjoni DKK-83/2022, cit.