|
20.7.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 184/7 |
DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1028
tad-19 ta' Lulju 2018
li tikkoreġi d-Direttiva ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2109 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE fir-rigward tal-inklużjoni tal-ispeċi ġodda u l-isem botaniku tal-ispeċi Lolium x boucheanum Kunth
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta' Ġunju 1966 dwar il-marketing ta' żerriegħa ta' pjanti tal-għalf (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 21a tagħha,
Billi:
|
(1) |
Minħabba żball klerikali fid-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2109 (2) li emendat id-Direttiva 66/401/KEE, ir-referenza f'qiegħ il-paġna “(1)” fl-Anness III tad-Direttiva 66/401/KEE tħassret bi żball mill-entrata “Poaceae (Gramineae)”. B'riżultat ta' dan, m'għadux possibbli għall-Istati Membri li jawtorizzaw li l-piż massimu tal-lott jiżdied b'25 tunnellata meta l-fornitur ikun ġie awtorizzat fir-rigward ta' dan minn awtorità kompetenti. |
|
(2) |
Għalhekk l-Anness rilevanti għad-Direttiva ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2109 jenħtieġ li jiġi kkoreġut skont dan. |
|
(3) |
Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emenda għad-Direttiva ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2109
L-Anness tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2109 qed jiġi emendat skont l-Anness ta' din id-Direttiva.
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1. Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2018, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawk id-dispożizzjonijiet.
Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2019.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom immedjatament jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Lulju 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298/66.
(2) Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2109 tal-1 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE fir-rigward tal-inklużjoni tal-ispeċi ġodda u l-isem botaniku tal-ispeċi Lolium x boucheanum, Kunth (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 59).
ANNESS
Fil-punt 2 tal-Anness tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2109, li temenda l-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE, fl-ewwel kolonna tat-tabella, l-entrata għal “ Poaceae (Gramineae) ” tiġi sostiwita bl-entrata li ġejja bin-nota ta' qiegħ il-paġna li takkumpanja:
“ Poaceae (Gramineae) (1)
(1) Il-piż massimu tal-lott jista' jiżdied b'25 tunnellata jekk il-fornitur ikun ġie awtorizzat biex jagħmel dan minn awtorità kompetenti.” ”