11.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/236

tal-10 ta' Frar 2017

li jiċħad li jawtorizza indikazzjoni dwar is-saħħa magħmula fuq l-ikel u li jirreferi għat-tnaqqis tar-riskju ta' mard

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa mogħtija fuq l-ikel huma pprojbiti sakemm dawn ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni f'konformità ma' dak ir-Regolament u inklużi f'lista ta' indikazzjonijiet permessi.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jistgħu jitressqu mill-operaturi tan-negozji tal-ikel lill-awtorità kompetenti nazzjonali ta' Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tibgħat l-applikazzjonijiet li jkunu validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Awtorità”.

(3)

Wara li tirċievi applikazzjoni, l-Awtorità għandha tinforma bla dewmien lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan, u għandha tagħti l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-indikazzjoni dwar is-saħħa kkonċernata.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa filwaqt li tqis l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità.

(5)

Wara applikazzjoni minn Anxiofit Ltd. u ExtractumPharma Co Ltd, imressqa skont l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni fir-rigward ta' indikazzjoni dwar is-saħħa marbuta mal-Anxiofit-1 u t-tnaqqis tal-ansjetà taħt il-limitu u ħafifa (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2015-00006 (2)). L-indikazzjoni proposta mill-applikant kienet tgħid dan li ġej: “L-Anxiofit-1 intwera li jtejjeb l-ansjetà taħt il-limitu u ħafifa. L-ansjetà taħt il-limitu u dik ħafifa huma fatturi ta' riskju fl-iżvilupp tad-disturbi tal-ansjetà u d-dipressjoni”.

(6)

Fit-8 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità, li kkonkludiet li, abbażi tad-dejta mressqa, l-evidenza xjentifika mhijiex biżżejjed biex tistabbilixxi relazzjoni ta' kawża u effett bejn il-konsum tal-Anxiofit-1 u r-riduzzjoni tal-ansjetà taħt il-limitu u ħafifa. Għaldaqstant, billi l-indikazzjoni ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, din ma għandhiex tiġi awtorizzata.

(7)

Il-miżura prevista f'dan ir-Regolament hija f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-indikazzjoni dwar is-saħħa mniżżla fl-Anness ta' dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni ta' indikazzjonijiet permessi kif previst fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(2)   EFSA Journal 2016;14(1):4365.


ANNESS

Indikazzjoni dwar is-saħħa miċħuda

Applikazzjoni — Dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006

Nutrijent, sustanza, ikel jew kategorija tal-ikel

Indikazzjoni

Referenza għall-opinjoni tal-EFSA

L-Artikolu 14(1)(a): indikazzjoni dwar is-saħħa li tirreferi għal tnaqqis ta' riskju ta' mard.

Anxiofit-1

L-Anxiofit-1 intwera li jtejjeb l-ansjetà taħt il-limitu u ħafifa. L-ansjetà taħt il-limitu u dik ħafifa huma fatturi ta' riskju fl-iżvilupp tad-disturbi tal-ansjetà u d-dipressjoni

Q-2015-00006