KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali Niksbu livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur Nibnu l-fiduċja fis-Suq Intern /* COM/2013/0138 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW Dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva
tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali
Niksbu livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur
Nibnu l-fiduċja fis-Suq Intern 1. INTRODUZZJONI Id-Direttiva 2005/29/KE dwar
il-Prattiċi Kummerċjali Żleali[1]
("id-Direttiva") ġiet adottata
fil-11 ta' Mejju 2005 biex tgħin lill-konsumaturi
jibbenefikaw mis-Suq Intern billi jitneħħew l-ostakli regolatorji li
ġejjin minn regoli nazzjonali diverġenti u li jiskoraġġixxu
lill-kumpaniji milli jbigħu u li jimminaw il-fiduċja tal-konsumaturi
fix-xiri minn fl-UE kollha. Id-Direttiva tikkostitwixxi l-entità
ġenerali ewlenija tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola
r-reklamar qarrieqi u prattiċi żleali oħrajn fi
tranżazzjonijiet tan-negozju mal-konsumatur. Din għandha kamp ta'
applikazzjoni wiesgħa, li tapplika għat-tranżazzjonijiet kollha
tan-negozju mal-konsumatur u fis-setturi kollha. Hija ma tapplikax biss
għall-istadju ta' reklamar u kummerċjalizzazzjoni ta'
tranżazzjoni imma wkoll "... matul u wara tranżazzjoni
kummerċjali relatata ma' prodott"[2]. Id-Direttiva tipprovdi livell għoli ta'
ħarsien tal-konsumatur fis-setturi kollha. Hija tagħmilha ta'
lqugħ li jimla l-vojt li jkun tħalla bla ma ġie rregolat minn
regoli oħra tal-UE speċifiċi għas-settur. Hija tiżgura
li l-konsumaturi ma jkunux mqarrqa jew esposti għal reklamar aggressiv u
li kull allegazzjoni mill-kummerċjanti fl-UE tkun ċara, preċiża
u sostanzjata li b'hekk tippermetti lill-konsumaturi jagħmlu
għażliet infurmati u raġunati. Flimkien ma' leġiżlazzjoni oħra
tas-Suq Intern[3]
u r-"Regolament tal-KPK" dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet
nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni
tal-konsumaturi[4],
id-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali tikkontribwixxi
għall-ilħuq tat-trasparenza u biex titħares il-kompetizzjoni
żleali fl-UE kollha. L-Istati Membri kollha implimentaw ir-regoli
tagħhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Din il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa
lejn il-konklużjonijiet ewlenin li jistgħu jinħarġu fuq
il-bażi tal-perjodu inizjali ta' esperjenza fl-infurzar tad-Direttiva
tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali, kif mitlub
mill-Artikolu 18 tagħha, u tistabbilixxi x'azzjonijiet huma
meħtieġa biex jiġu mmassimizzati l-benefiċċji
tad-Direttiva għall-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-ħarsien
tal-konsumatur. Rapport[5]
dettaljat dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri huwa ppubblikat
flimkien ma' din il-Komunikazzjoni. Dan huwa parti mill-Aġenda għall-Konsumaturi
Ewropej[6],
li għandha l-għan li timmassimizza l-parteċipazzjoni
tal-konsumatur u l-fiduċja fis-suq, li b'hekk tagħti spinta
lill-kunfidenza u t-tkabbir. In-nefqa tal-konsumatur tammonta għal
56 % tal-PDG tal-UE u hija essenzjali biex jintlaħaq l-għan ta’
tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli. Kif spjegat
fl-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej, l-istimolu ta' din id-domanda
jista' jkollu rwol ewlieni biex joħroġ lill-UE mill-kriżi. Biex dan ikun jista’ jsir, għandu
jiġu rrealizzat il-potenzjal tas-Suq Uniku. Id-dejta turi li l-konsumaturi, madwar l-UE,
li jixtru minn fuq l-internet għandhom 16-il darba aktar prodotti minn
fejn jagħżlu, iżda 60 % tal-konsumaturi għadhom ma
bdewx jużaw dan il-mezz. Minħabba din ir-reżistenza, huma ma
jibbenefikawx totalment mill-għażla varjata u l-varjetà ta'
prezzijiet differenti disponibbli fis-Suq Uniku. Azzjonijiet politiċi li jtejbu
l-kunfidenza tal-konsumatur fix-xiri transkonfiniali onlajn jista' jkun ta'
spinta maġġuri għat-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa. 2. VALUTAZZJONI
TAL-BENEFIĊĊJI TAD-DIRETTIVA 2.1. Il-ksib ta' livell għoli
ta' ħarsien tal-konsumatur u kundizzjonijiet l-istess
għall-kummerċjanti L-ewwel esperjenza tal-implimentazzjoni
tad-Direttiva turi li hija tejbet konsiderevolment il-ħarsien tal-konsumatur
fl-Istati Membri, filwaqt li n-negozji leġittimi jitħarsu iktar minn
kompetituri li ma jsegwux ir-regoli. Il-benefiċċji tad-Direttiva
ġejjin l-iktar minn tnejn mill-fatturi speċifiċi tagħha,
jiġifieri l-karattru ta' lqugħ orizzontali tagħha u l-kumbinazzjoni
ta' regoli bbażati fuq il-prinċipju b'"Lista Sewda" ta'
ċerti prattiċi żleali speċifikatament ipprojbiti. Ir-regoli bbażati fuq prinċipji
tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali ppermettew
lill-awtoritajiet nazzjonali biex jadattaw ruħhom għal prodotti,
servizzi u metodi ta' bejgħ li qed jevolvu malajr. Dawn jaħdmu
bħala dispożizzjonijiet li jolqtu kollox u li jipprovdu kriterji li
jistgħu jintużaw, b'ċerta flessibilità, biex titħares
l-imġiba żleali li mhix koperta minn projbizzjonijiet
speċifiċi. Min-naħa l-oħra, il-"Lista
Sewda" ta' prattiċi pprojbiti f'kull ċirkostanza pprovdiet
lill-awtoritajiet nazzjonali b'għodda effettiva biex jittrattaw
prattiċi żleali komuni bħal reklamar bil-lixka, offerti foloz
ta' affarijiet b'xejn, reklamar moħbi u reklamar immirat direttament lejn
it-tfal. Hawn taħt hawn xi eżempji ta'
prattiċi pprojbiti skont id-Direttiva. L-attrazzjoni ta' konsumaturi lejn l-istabbiliment jew il-websajt ta'
kummerċjant permezz ta' offerti ta' prodotti jew servizzi li ma
jistgħux jiġu fornuti ("Reklamar bil-lixka") Sabine mill-Ġermanja sabet reklam f'magażin li offra
promozzjoni speċjali: "Tir sa Barċellona għall-prezz ta'
€1 biss!" Imma meta ppruvat tibbukkja t-titjira onlajn il-prezzijiet
kienu ferm ogħla. Meta kkuntattjat liċ-ċentru tas-servizz
tal-konsumatur tal-kumpanija qalulha li kienu biss għadd żgħir
ta' postijiet li ġew offruti b'din ir-rata mnaqqsa. Il-parti l-kbira
tal-konsumaturi ma setgħux jieħdu vantaġġ minn din
l-offerta. Bid-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali,
il-prattika ta' offerta ta' prodott bi prezz speċifiku mingħajr ma
jiġi ċċarat li d-disponibilità tista' tkun limitata fir-rigward
tal-ammont tar-reklamar u tal-prezz offrut hija illegali Offerti foloz ta' affarijiet "b'xejn": Marit mill-Estonja rċeviet l-email li ġejja mingħand
bejjiegħ bl-imnut onlajn ta' prodotti tas-sbuħija: "Ċempel
issa u ħu rigal B'XEJN, par nuċċalijiet tax-xemx
tad-ditta!" Meta ċemplet, qalulha li din l-offerta tapplika biss
meta tordna prodotti li jiswew €2 000 jew iktar. Id-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali tipprevjeni
lil kummerċjant milli jiddeskrivi oġġett bħala b'xejn meta
fir-realtà l-konsumatur ikollu jġarrab spiża oħra minbarra dik
ta' biex iwieġeb għall-prattika kummerċjali jew
għall-ħlas tal-konsenja tal-prodott. Ostakli għall-bdil Filip iddeċieda li jibdel l-assikurazzjoni tad-dar tiegħu u
li jidħol f'kuntratt iktar konvenjenti ma' kumpanija ġdida. Meta
jċempel lill-kumpanija assikurattiva tiegħu, jgħidulu li jrid
jimla bosta formoli differenti biex itemm il-kuntratt eżistenti.
Sfortunatament, iridu jgħaddu ġimagħtejn qabel ma jkunu
jistgħu (jew iridu) jipprovdu l-formoli neċessarji u s-sinjura fuq
it-telefon tgħidlu wkoll li jridu jgħaddu tliet xhur biex it-talba
tiegħu tiġi pproċessata. Filip jaqta' qalbu bil-frustrazzjoni li
qabbduh. Ta' rieda tajba kienu wkoll! Bid-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali
l-kummerċjanti ma jistgħux jimponu ostakli onerużi u
sproporzjonati u li mhumiex fil-kuntratt meta l-konsumatur ikun jixtieq
jeżerċita drittijietu skont il-kuntratt, inkluż id-dritt li
jtemm kuntratt jew li jaqleb għal prodott ieħor jew għal ma'
kummerċjant ieħor. Eżortazzjoni diretta lejn it-tfal Alain kien sorpriż li bintu f'daqqa waħda bdiet tiffittah
biex jixtrilha ġabra ta' films bil-karattru tal-kotba favorit tagħha.
Alain fehem x'kien ġara meta induna b'reklam televiżiv
għar-rilaxx tal-films li kien jgħid: "Il-ktieb favorit
tiegħek issa ħareġ fuq DVD - għid lil missierek
jixtrihulek!" Din hija prattika żleali, fl-ambitu tad-Direttiva tal-Prattiċi
Kummerċjali Żleali, li l-bejjiegħa jgħidu lit-tfal jistaqsu
lill-adulti jixtrulhom il-prodotti reklamati. Din il-projbizzjoni tapplika
għall-mezzi kollha ta' komunikazzjoni, inklużi t-televiżjoni u
r-reklamar fuq l-internet. Grazzi għad-Direttiva tal-Prattiċi
Kummerċjali Żleali, il-kontrolluri nazzjonali tal-ħarsien
tal-konsumatur setgħu jnaqqsu u jissanzjonaw firxa wiesgħa ta'
prattiċi tan-negozju żleali, inklużi allegazzjonijiet
ambjentali qarrieqa u prattiċi aggressivi[7]. Madankollu: –
Il-partijiet interessati jissuġġerixxu
li, minkejja l-qafas ġuridiku attwali, allegazzjonijiet
ekoloġiċi (pereżempju "ekoloġiku",
"bijodegradabbli", "sostenibbli" u "naturali")
għadhom mhumiex jintużaw b'mod responsabbli u spiss ikunu
ġenerali ħafna, vagi jew mhux definiti sew. L-Għaqdiet
tal-Konsumatur jissenjalaw li barra minn hekk huwa diffiċli li tivverifika
kemm l-allegazzjonijiet ikunu veritiera, speċjalment fis-setturi
tal-enerġija, tal-kożmetika, tal-karozzi u tad-deterġenti. –
Xi Stati Membri jissenjalaw prattiċi aggressivi
mmirati lejn it-tfal, fil-qasam tal-logħob onlajn, kif ukoll lejn
l-anzjani. Hemm bżonn li jsiru iktar sforzi biex jissaħħaħ
l-infurzar tad-Direttiva fir-rigward ta' dawn il-kategoriji ta' konsumaturi
vulnerabbli li jsibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' debolezza. B'mod
partikolari, irid jiġi żgurat li, meta jitqies li l-popolazzjoni
qiegħda progressivament tixjieħ, il-konsumaturi vulnerabbli
jitħarsu mir-riskji ġejjin mill-effetti tal-kriżi ekonomika u
l-kumplessità tas-swieq diġitali. 2.2. Nibnu l-fiduċja fis-Suq
Intern Bis-sostituzzjoni tar-regolamenti
diverġenti tal-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali
żleali b'sett wieħed ta' regoli, id-Direttiva ssemplifikat l-ambjent
regolatorju u għenet biex jingħelbu l-ostakli għall-kummerċ
transkonfinali. Id-Direttiva ntużat ħafna wkoll biex
jiġu ttrattati każijiet transkonfinali. Kważi 50 %
tat-talbiet għal għajnuna reċiproka li ttratta n-Netwerk tal-KPK[8] tul l-aħħar
ħames snin (talbiet għal informazzjoni, għarfien u talbiet
għall-infurzar) kienu jikkonċernaw ksur tad-Direttiva
tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali. Barra minn hekk, in-Netwerk
tal-KPK wettaq bosta azzjonijiet ta' sorveljanza konġunta
("sweeps") fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva
(prodotti/servizzi diġitali, websajts li jbigħu biljetti tal-ajru,
servizzi tal-mowbajl onlajn, websajts li jbigħu prodotti elettroniċi)[9]. Parti sostanzjali tad-Direttiva għandha
l-għan li tiżgura li l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi
ewlenin ta' prodott jew servizz, dwar il-prezz u l-kundizzjonijiet ewlenin huma
pprovduti lill-konsumaturi b'mod sinċier, sħiħ u f'waqtu. Dan
jagħmilha eħfef għall-konsumaturi biex jifhmu u jqabblu
l-offerti u jolqot direttament it-tekniki ta' rekalmar żviluppati
mill-kummerċjanti. Ir-reklamar għandu rwol vitali f'Suq
Uniku li jiffunzjona u huwa għodda ewlenija għall-kumpaniji biex
ibigħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom transkonfinalment. Ir-reklamar
jippermetti lill-kumpaniji jiddifferenzjaw ruħhom b'mod miftuħ: huwa
jistimula l-kompetizzjoni, iraħħas il-prezzijiet u jtejjeb il-kwalità.
Informazzjoni iktar preċiża u
trasparenti u offerti transkonfinali ġew identifikati wkoll
fil-Komunikazzjoni reċenti tal-kummerċ elettroniku bħala
wieħed mill-fatturi ewlenin biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur
u biex il-bejjiegħa jitħeġġew ibigħu onlajn[10]. Evidenza reċenti tiżvela li hemm
iktar konsumaturi li issa huma interessati li jixtru transkonfinalment
(52 %, +19 punti perċentwali) u li huma lesti li jonfqu iktar
transkonfinalment (18 %, +5 punti perċentwali) milli fl-2006, meta
d-Direttiva kienet għadha ma ġietx trasposta fl-Istati Membri[11]. Id-Direttiva
tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali tat sehemha biex
tiġġenera din l-attitudni iktar miftuħa fost il-konsumaturi
Ewropej, peress li hija waħda mill-għodod leġiżlattivi
ewlenin tal-UE maħsuba biex iżżidilhom il-kunfidenza u tistimula
l-kummerċ transkonfinali. Madankollu, ta' min jagħraf li t-tkabbir
fix-xiri transkonfinali onlajn għadu ferm lura meta mqabbel mat-tkabbir
domestiku onlajn li b'hekk juri li hemm iktar xi jsir. Is-servizzi finanzjarji u l-proprjetà
immobbli huma setturi kritiċi, minħabba
l-kumplessità tagħhom u riskji inerenti serji. F'dawn l-oqsma ġew
irrappurtati bosta prattiċi żleali, bħal nuqqas ta'
informazzjoni essenzjali fl-istadju tar-reklamar u deskrizzjoni qarrieqa
tal-prodotti. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri daħħlu regoli
nazzjonali li jipprovdu salvagwardji lill-konsumaturi li jikkomplementaw u
jkomplu jżidu fuq dawk stipulati fid-Direttiva tal-Prattiċi
Kummerċjali Żleali. Ir-riżultati tal-investigazzjoni
jiżvelaw li ma jkunx xieraq, għall-mument, li titneħħa
l-possibilità prevista mid-Direttiva, li Stati Membri jmorru oltre l-livell ta'
armonizzazzjoni stabbilit f'dawn is-setturi speċifiċi[12]. 2.3. Infurzar adegwat u effettiv
tad-Direttiva Kumplessivament, il-qafas ġuridiku
tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali tidher li hi
adatta sew biex tivvaluta kemm ikunu ġusti prattiċi onlajn ġodda
li qed jiżviluppaw b'mod parallel mal-evoluzzjoni tat-tekniki tar-reklamar
għall-bejgħ, bħat-tqabbil tal-prezzijiet u websajts ta'
reżervazzjoni kollettiva jew fir-rigward, pereżempju, tal-involviment
dejjem jiżdied tar-reklamar fin-netwerks soċjali. L-Istati Membri u l-partijiet interessati
jidhru li jqisu l-infurzar nazzjonali tad-Direttiva, f'termini ġenerali,
bħala adegwati u effettivi imma jissenjalaw li n-nuqqas ta' riżorsi,
il-kumplessità jew it-tul tal-proċeduri interni u n-nuqqas ta'
sanzjonijiet deterrenti jheddu li jimminaw l-applikazzjoni xierqa tagħhom. F'każijiet ta' prattiċi kummerċjali
żleali transkonfinali, hija sfida kbira għall-infurzaturi biex
jipprovdu reazzjoni rapida u effiċenti. Dan iħalli impatt ukoll fuq
l-infurzar tal-leġiżlazzjoni fil-livell transkonfinali u, kif
joħroġ mir-riżultat tal-konsultazzjoni, qed jidher iktar
ċar fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva bbażata fuq
ir-Regolament tal-KPK. L-esperjenza ta' infurzar tikkonferma li
waħda mill-problemi ewlenin li jikkonċernaw l-għodod ta'
reviżjoni tal-klijenti u, speċjalment, il-websajts tat-tqabbil
tal-prezzijiet, hija li huma ma jiddikjarawx b'mod ċar l-identità
tal-kummerċjant li jopera s-sit u/jew jekk il-bejjiegħa jħallsux
biex jidhru l-prodotti u s-servizzi tagħhom (jiġifieri jekk is-sit
hux sponsorjat jew le). Kummenti mill-partijiet interessati jissuġġerixxu
li l-obbligu li tipprovdi informazzjoni dwar il-prezzijiet ċara u
sħiħa spiss tiġi injorata f'offerti kummerċjali,
speċjalment fis-settur tal-ivvjaġġar u tat-trasport. Fiż-żewġ każijiet,
il-partijiet interessati ma jitolbux miżuri leġiżlattivi imma
azzjoni ta' infurzar iktar iebsa u koerenti. 3. PRIJORITAJIET EWLENIN
GĦAL AZZJONI ULTERJURI B'konformità ma' dak li ġie enfasizzat
fl-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej u fil-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni dwar funzjonament aħjar tas-Suq Uniku[13], l-iżgurar ta'
implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli eżistenti jkunu
"rebħa miksuba malajr" għat-tkabbir u l-impjiegi. F'dan il-kuntest, id-Direttiva għandha
rwol kruċjali u l-Kummissjoni identifikat il-kummerċ bl-imnut
(inkluż il-kummerċ elettroniku), is-settur tal-ivvjaġġar u
tat-trasport, is-servizzi finanzjarji, l-ekonomija diġitali,
l-enerġija u s-sostenibilità bħala oqsma prijoritarji ewlenin biex
jilliberaw il-potenzjal ta' tkabbir tas-Suq Uniku[14]. Biex jiġi żgurat li d-Direttiva
żżomm livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur u tipprovdi
l-benefiċċji tagħha lis-suq intern, hemm bżonn ta' infurzar
nazzjonali intensifikat u kooperazzjoni msaħħa fl-infurzar
transkonfinali. Dan japplika partikolarment f'każ ta' prattiċi
żleali li jfeġġu simultanjament fi Stati Membri differenti.
F'każijiet bħal dawn, koordinazzjoni effiċjenti bejn
il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali, l-għaqdiet tal-konsumatur u
n-negozji hija element kruċjali biex jiġu ttrattati prattiċi li
jħallu impatt mal-UE kollha[15]. Il-bżonn li jiżdied l-infurzar kemm
fil-livell tanskonfinali u kemm f'dak nazzjonali jitlob rwol iktar
prominenti mill-Kummissjoni, li għandha tingħaqad mal-Istati
Membri u tappoġġahom fl-applikazzjoni tad-Direttiva mal-UE kollha.
F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tqis kif, skont it-Trattati, jista' jkollha
rwol iktar attiv biex tħeġġeġ applikazzjoni koerenti
tad-Direttiva b'mod partikolari fir-rigward ta' prattiċi żleali li
għandhom dimensjoni transkonfinali bħal dawk li qed iseħħu
fl-ambjent onlajn u li joħolqu problemi komuni għall-inforzaturi.
Il-promozzjoni tal-prattiċi konverġenti fl-implimentazzjoni
tad-Direttiva hija essenzjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi
għal kummerċjanti, l-iktar meta jaġixxu f'kuntest transkonfinali,
u fl-aħħar nett għall-iżgurar ta' livell għoli ta'
ħarsien tal-konsumatur madwar l-Ewropa. 3.1. L-iżgurar ta' konformità
sħiħa ta' liġijiet nazzjonali mad-Direttiva Fir-rwol tagħha ta' gwardjan
tat-Trattati, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja mill-qrib
it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretti tad-Direttiva fl-Istati
Membri kollha. Hija se twettaq kontrolli ta' konformità u tagħmel
reviżjonijiet fil-fond biex tara kif jaħdmu r-regoli fil-prattika u
tiddefinixxi azzjoni korrettiva fejn ikun hemm bżonn. L-analiżi
attwali tindika li f'bosta Stati Membri għad jeżistu diskrepanzi bejn
il-liġijiet nazzjonali u d-Direttiva. Is-servizzi tal-Kummissjoni
qegħdin għalhekk f'kuntatt mal-Istati Membri kkonċernati.
Il-Kummissjoni se tieħu l-azzjonijiet neċessarji skont
l-Artikolu 258 tat-TFUE, kull meta Stat Membru jonqos milli jikkonforma
mal-obbligi ta' traspożizzjoni u ta' infurzar tiegħu. 3.2. L-iżgurar ta'
applikazzjoni uniformi u adegwata tad-Direttiva fl-Istati Membri Biex tiżgura
li d-Direttiva tkun applikata b'mod xieraq u konsistenti l-Kummissjoni: ·
se tkompli tiżviluppa d-dokument ta' Gwida
b'reazzjoni għall-informazzjoni li tirċievi mill-inforzaturi
nazzjonali u partijiet interessati oħrajn, l-emerġenza ta'
prattiċi ġodda, iklużi dawk onlajn, u l-iżvilupp ta'
każistika nazzjonali u tal-UE[16]. ·
se ttejjeb, tespandi u taġġorna
l-Bażi ta' Dejta tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali
Żleali[17]. 3.3. It-tisħiħ
tal-infurzar u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri Meta titqies l-informazzjoni li waslet
mingħand l-Istati Membri u l-partijiet interessati kif ukoll id-dejta
disponibbli, il-Kummissjoni identifikat is-setturi ewlenin fejn instab li ssir
ħsara u telf ta' opportunitajiet lill-konsumaturi u fejn il-potenzjal ta'
tkabbir tas-Suq Uniku huwa l-ikbar. F'dawn l-oqsma, il-Kummissjoni se tniedi
inizjattivi speċifiċi mmirati lejn it-tisħiħ tal-infurzar,
b'konformità mal-għanijiet stabbiliti fl-Aġenda
għall-Konsumaturi Ewropej. Il-Kummissjoni se tieħu l-miżuri li ġejjin: Ø tistabbilixxi laqgħat ta' ħidma tematiċi regolari bejn l-inforzaturi nazzjonali u torganizza taħriġ għall-inforzaturi u għall-ġudikatura Ø issaħħaħ l-effiċenza tan-Netwerk tal-KPK u tkompli tippromwovi azzjonijiet ta' infurzar ikkoordinati ("sweeps") Ø tgħin lill-Istati Membri jiżguraw applikazzjoni effettiva tad-Direttiva permezz tal-iżvilupp ulterjuri tad-dokument ta' Gwida u l-qsim tal-aqwa prattiċi mal-Istati Membri Ø tiżviluppa indikaturi ta' infurzar, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, speċifiċi għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali, li se jsibu n-nuqqasijiet li jitolbu azzjoni investigattiva u/jew korrettiva ulterjuri. Dawn il-miżuri se jikkonċentraw fuq is-setturi / oqsma ewlenin li ġejjin: Ø Vjaġġi u trasport Ø Is-swieq diġitali / onlajn Ø L-allegazzjonijiet ambjentali Ø Is-Servizzi Finanzjarji Ø Il-Proprjetà Immobbli F'kull wieħed minn dawn is-setturi se tingħata kunsiderazzjoni speċifika fir-rigward tal-prattiċi li għandhom il-konsumaturi vulnerabbli fil-mira, b'mod partikolari l-anzjani u l-minorenni. 3.4. Il-monitoraġġ
tal-iżviluppi tas-suq u s-sensibilizzazzjoni Il-Kummissjoni se
tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi tas-suq biex tiżgura li l-qafas
regolatorju jkompli jipprovdi livell għoli ta' protezzjoni
lill-konsumaturi fix-xiri domestiku u transkonfinali tagħhom. Se jkun hemm fokus
speċifiku fuq l-adattabilità tal-qafas ġuridiku biex
ilaħħaq mal-iżvilupp rapidu tat-tekniki tar-reklamar u
tal-bejgħ, tal-prodotti u s-servizzi fid-dinja onlajn. Flimkien ma'
infurzar imsaħħaħ, inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni huma
importanti biex il-konsumaturi jkunu f'pożizzjoni fejn ikunu jistgħu
jasserixxu drittijiethom. Fl-2013, bħala parti mis-Sena Ewropea
taċ-Ċittadini, se titnieda kampanja mal-UE kollha biex
jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet tal-konsumatur, inkluża
d-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali, b'kooperazzjoni
mill-qrib mal-partijiet interessati kollha, inklużi n-negozji u
l-għaqdiet tal-konsumatur. 4. KONKLUŻJONIJIET Jidher li
d-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali hija għodda
siewja biex jiżdied il-benessri tal-konsumatur. Hija ssemplifikat
l-ambjent regolatorju u għenet biex jiġu eliminati l-ostakli
għall-kummerċ transkonfinali. L-esperjenza wriet l-utilità u
l-flessibilità ta' din il-leġiżlazzjoni orizzantali bbażata fuq
il-prinċipju. L-ambjent regolatorju ssemplifikat qed jagħmilha
eħfef biex in-negozji jwettqu azzjonijiet transkonfinali, filwaqt li
jippermetti lill-konsumaturi u n-negozji biex jibbenefikaw dejjem iżjed
mill-potenzjal tas-Suq Intern li għadu mhux qed jiġi sfruttat. Il-Kummissjoni tqis li ma jkunx xieraq li
d-Direttiva tiġi emendata f'dan l-istadju, anke minħabba li
l-esperjenza fl-infurzar fl-Istati Membri għadha limitata wisq
fiż-żmien għal korp ta' leġiżlazzjoni tant inklussiv.
Il-Kummissjoni issa se tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-koerenza
tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, billi tieħu azzjonijiet konkreti biex
l-infurzar jaħdem aħjar f'oqsma ewlenin
għall-benefiċċju tal-kunfidenza tal-konsumatur u t-tkabbir. [1] Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali
żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva
tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [2] Ara l-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva. [3] Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti
legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment
il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ
elettroniku); u d-Direttiva 2011/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur. [4] Ir-Regolament Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet
nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni
tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni
tal-konsumaturi”). [5] Ara r-Rapport li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni "First
Report on the application of Directive 2005/29/EC concerning unfair
business-to-consumer commercial practices in the internal market (‘Unfair Commercial Practices Directive’)" [6] Ara "Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej
Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir", COM(2012) 225 finali tat-22.05.2012
- http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/index_mt.htm. [7] Ara t-Taqsima 4 dwar l-infurzar tar-Rapport
akkompanjanti dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva. [8] Ir-Regolament tal-KPK Nru 2006/2004 stabbilixxa qafas li
jippermetti lill-infurzaturi jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex iwaqqfu
prattiċi kummerċjali transkonfinali li jkunu jiksru l-liġijiet
tal-konsumatur. In-Netwerk KPK ilu mill-2007 jittratta ma' każijiet
transkonfinali li jinvolvu ksur tad-Direttiva tal-Prattiċi
Kummerċjali Żleali. [9] http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/index_en.htm [10] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni, Bringing e-commerce benefits to consumers, dokument li
jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew,
lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat
tar-Reġjuni, Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq
Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online, COM
(2011) 942 finali tal-11.01.2012 -
http://ec.europa.eu/internal_market/e-commerce/communication_2012_en.htm. [11] Ara l-Flash Eurobarometer 332, Consumers' attitudes
towards cross-border trade and consumer protection, Mejju 2012 p. 8. http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_332_en.pdf Popolazzjoni dejjem tikber ta' konsumaturi, 50%, huma lesti li jixtru
prodotti u servizzi billi jużaw lingwa oħra tal-UE (+17-il punt meta
mqabbel mal-2006). Il-perċentwal li ma jkun lest xejn li jixtri f'lingwa
differenti waqa' minn 42 % fl-2008 għal 30 % fl-2011.
Il-proporzjon tal-Ewropej li jgħidu li jafu minn fejn iġibu
l-informazzjoni u l-pariri dwar xiri transkonfinali żdied ukoll b'mod
sinifikanti, minn 24 % fl-2006 għal 39 % fl-2011. [12] Ara l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva tal-Prattiċi
Kummerċjali Żleali u l-iStudy on the application of the Unfair
Commercial Practices Directive to financial services and immovable property
li sar minn Civic Consulting f'isem il-Kummissjoni Ewropea, DĠ Justice
2012, li ssibu f': http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/document. [13] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Governanza
aqwa tas-suq uniku, COM(2012) 259/2. http://ec.europa.eu/internal_market/strategy/docs/governance/20120608-communication-2012-259-2_en.pdf [14] Ara l-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej. [15] Ara r-Rapport akkompanjanti dwar l-applikazzjoni
tad-Direttiva, Taqsima 3.3.3., pereżempju fir-rigward
tad-deċiżjoni tal-Awtorità Taljana tal-Antitrust AGCM) PS7256 – Comet-Apple
Prodotti in Garanzia, Provvedimento n. 23193 tas-27 ta' Diċembru 2011.
[16] Fost affarijiet oħra, il-Kummissjoni tippjana li
tkompli tiżviluppa l-Gwida għal allegazzjonijiet ambjentali qarrieqa,
abbażi tar-riżultati ta' studju speċifiku li jrid isir tul
l-2013 u x-xogħol li għaddej dwar il-Konsum Sostenibbli u l-Pjan ta'
Azzjoni dwar il-Produzzjoni. [17] Ara https://webgate.ec.europa.eu/ucp/public/
Din il-bażi ta' dejta hija bbażata fuq id-Deċiżjoni Nru
1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006
li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika
tal-konsumatur (2007-2013).