|
9.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 324/49 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-8 ta’ Diċembru 2010
li tirrigwarda l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament għall-2010 fil-qafas tas-sikurezza tal-ikel
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 8620)
(2010/764/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament Finanzjarju”), u b’mod partikulari l-Artikolu 75 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-“Regoli Implimentattivi”), u b’mod partikolari l-Artikolu 90 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (3) u partikolarment, l-Artikolu 66 (1) (c) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
B’mod konformi mal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90(1) tar-Regoli Implimentattivi, l-impenn ta’ nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jkollu qablu deċiżjoni ta’ finanzjament li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa u għandu jiġi adottat mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet li s-setgħat tagħhom ġew delegati mill-istituzzjoni. |
|
(2) |
Huma previsti azzjonijiet differenti biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 kif ġie spjegat fir-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament inkwistjoni (4), partikolarment dawk relatati mal-emenda tad-Direttiva tal_kummissjoni 96/23/KE (5) dwar miżuri għall-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi u residwi tagħhom f’annimali ħajjin u prodotti tal-annimali u dwar ir-reviżjoni tar-regoli dwar il-finanzjament ta’ kontrolli uffiċjali (miżati għall-ispezzjoni – l-Artikoli minn 26 sa 29 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004); |
|
(3) |
Huwa previst li fl-2010 se jsiru studji dwar l-impatti possibbli tal-alternattivi differenti tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti dwar il-miżati għall-ispezzjoni u dwar il-kontroll ta’ residwi ta’ mediċini veterinarji f’ikel li joriġina mill-annimali; |
|
(4) |
L-Artikolu 66 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiffinanzja l-miżuri neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 inkluża l-organizzazzjoni ta’ studji; |
|
(5) |
Huwa xieraq li jitwarrbu riżorsi finanzjarji adegwati għall-organizzazzjoni ta’ studji relatati ma’ reviżjoni possibbli tar-regoli eżistenti dwar il-kontrolli tar-residwi u l-miżati għall-ispezzjoni; |
|
(6) |
Id-deċiżjoni finanzjarja preżenti tista’ tkopri wkoll il-ħlas ta’ imgħax dovut għal ħlas tard abbażi tal-Artikoli 83 tar-Regolament Finanzjarju u 106(5) tar-Regoli Implimentattivi. |
|
(7) |
Huwa xieraq li jiġi definit it-terminu “bidla sostanzjali” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 90(4) tar-Regoli Implimentattivi għall-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
L-organizzazzjoni ta’ studji biex jappoġġaw ir-reviżjoni tar-regoli eżistenti dwar il-kontrolli tar-residwu u l-miżati għall-ispezzjoni hija adottata hawnhekk. Tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 2
Il-kontribuzzjoni massima awtorizzata b’din id-Deċiżjoni għall-implimentazzjoni tal-istudji dwar il-miżati għall-ispezzjoni hija ta’ EUR 70 000 u għall-kontroll tar-residwi hija ta’ EUR 30 000, u għandha tiġi ffinanzjata mill-Intestatura tal-Baġit li ġejja tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2010:
|
— |
Intestatura tal-Baġit nru 17 04 07 01 |
Dawn l-approprjazzjonijiet jistgħu jkopru wkoll imgħax dovut għal ħlas tard.
Artikolu 3
Bidliet akkumulati tal-allokazzjonijiet għall-azzjonijiet speċifiċi li ma jaqbżux l-20 % tal-kontribuzzjoni massima awtorizzata b’din id-Deċiżjoni ma jkunux ikkunsidrati li huma sostanzjali sakemm ma jaffettwawx b’mod sinifikanti n-natura u l-objettiv tal-programm ta’ ħidma.
L-uffiċjal awtorizzanti jista’ jadotta tali bidliet skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda u dawk ta’ proporzjonalità.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-uffiċjali awtorizzanti permezz ta’ delega.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2010.
Għall-Kummissjoni
John DALLI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(2) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.
(3) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.
(4) COM (2009) 334 finali.
ANNESS
Il-miżati għall-ispezzjoni u l-kontrolli tar-residwi: fil-kuntest tar-reviżjoni li qiegħda ssir, hemm bżonn ta' informazzjoni speċifika u analiżi b’referenza għall-impatti possibbli tal-alternattivi differenti għall-bidla li ġew identifikati mill-Kummissjoni. Għal din il-parti tal-eżerċizzju, il-konsulent estern li jieħu l-kuntratt se jingħata l-kariga li jiġbor id-dejta u l-informazzjoni neċessarji. Huwa previst li r-riżultati ta' din il-ħidma jintbagħtu sal-aħħar tat-tieni kwart tal-2011.