|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2334 |
10.10.2024 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2334 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-11 ta’ April 2024
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom għas-sena finanzjarja 2022
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0108/2024), |
|
A. |
billi, skont ir-rapporti finanzjarji tad-dħul u l-infiq tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2022 kien ta’ EUR 167 000, ammont li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 20,48 % meta mqabbel mal-2021 (EUR 210 000); billi l-baġit kollu tal-Aġenzija huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni; |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2022 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li hija kienet kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
|
C. |
billi, fir-rigward tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-Aġenzija, ma ġiet irrapportata ebda kwistjoni li teħtieġ azzjonijiet korrettivi għall-2022, u lanqas ma hemm azzjonijiet korrettivi għaddejjin jew pendenti mill-awditi u l-valutazzjonijiet tas-snin preċedenti; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota li l-isforzi għall-monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2022 irriżultaw fl-implimentazzjoni ta’ rata tal-approprjazzjonijiet ta’ impenji tas-sena attwali ta’ 96,88 % li tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta’ 2,88 % meta mqabbla mal-2021, u jinnota li l-eżekuzzjoni tar-rata tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 34,81 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 16,4 % meta mqabbla mal-2021; |
|
2. |
Jinnota li parti kbira mill-ispejjeż tal-Aġenzija huma koperti mill-Kummissjoni, inklużi EUR 1 937 817 ikkalkulati f’salarji, EUR 467 708 ikkalkulati fi spejjeż tal-bini u tal-IT u EUR 84 644 ikkalkulati fis-sistema tal-IT NOEMI (“Osservatorju Nukleari u Ġestjoni tal-Informazzjoni tal-ESA”); jinnota, barra minn hekk, li dawn l-ispejjeż huma inklużi fil-kontijiet annwali tal-Kummissjoni li jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-kapaċità amministrattiva tal-Aġenzija; |
Prestazzjoni
|
3. |
Jenfasizza li s-sena 2022 kienet ikkaratterizzata mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna, li qajmet tħassib tal-UE għas-sigurtà tal-enerġija b’mod ġenerali, u b’mod partikolari ddgħajjef is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni għall-materjali u l-fjuwil nukleari u taggrava l-kwistjonijiet ta’ dipendenza; jinnota li, ħafna impjanti tal-enerġija nukleari tal-Unjoni jiddependu fuq fornituri Russi għall-fjuwil, u li 20 sa 30 % tal-utilitajiet tal-Unjoni b’mod ġenerali huma dipendenti fuq il-provvista Russa ta’ materjali nukleari u s-servizzi taċ-ċiklu tal-fjuwil; jinnota li, filwaqt li tirrikonoxxi r-rwol tal-pagamenti għoljin għall-importazzjonijiet tal-enerġija fl-appoġġ tal-azzjonijiet tar-Russja, l-Unjoni ddeċidiet li tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq ir-Russja f’diversi setturi u s-suq nukleari, minħabba l-karatteristiċi uniċi tiegħu, jista’ wkoll jgħaddi minn bidliet fil-futur bħala parti minn din il-bidla usa’; jitlob lill-Aġenzija tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kif naqqset id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwil nukleari Russu mill-2022 b’mod partikolari mill-bidu tal-gwerra meta l-industrija nukleari ġiet eżentata mis-sanzjonijiet u kif it-tnaqqis u d-diversifikazzjoni affettwaw l-ispejjeż; |
|
4. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija tat attenzjoni speċjali lir-rieżami tal-kuntratti b’riskji ta’ dipendenza fuq ir-Russja, li kienet tinvolvi analiżi bir-reqqa tal-klawżoli, l-informazzjoni teknoloġika, il-ktajjen tal-provvista, id-disponibbiltà ta’ fjuwils alternattivi, u l-awtonomija operattiva tal-utilitajiet fuq l-istokkijiet tal-fjuwil eżistenti; ifaħħar il-fatt li l-Aġenzija ħadet passi biex tissimplifika l-proċess ta’ sottomissjoni tal-kuntratti filwaqt li żammet livell għoli ta’ sigurtà, u għodod tal-IT siguri ddedikati ffaċilitaw it-tlestija u s-sottomissjoni mill-bogħod; josserva li fl-2022, b’riżultat ta’ dawn l-isforzi, żdied l-għadd ta’ atti ffirmati elettronikament li jikkonformaw mar-regolamenti dwar l-identifikazzjoni għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq uniku; |
|
5. |
Jinnota li l-Aġenzija, f’konformità mal-objettivi strateġiċi tagħha u mal-politiki tal-Kummissjoni, kellha l-għan li tqassam is-sorsi ta’ provvista fiċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari għall-użi tal-enerġija u mhux tal-enerġija, filwaqt li tikkontribwixxi għal provvisti siguri fuq terminu medju u twil; |
|
6. |
Josserva li l-Aġenzija hija responsabbli għall-monitoraġġ tas-suq biex tidentifika xejriet li x’aktarx jaffettwaw is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni ta’ materjal u servizzi nukleari; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija ppubblikat analiżi tas-suq fir-rapport annwali tagħha, ipprovdiet informazzjoni dwar is-swieq nukleari tal-Unjoni u globali u qasmet informazzjoni u għarfien ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali tal-analiżi tas-suq oħrajn; |
|
7. |
Jilqa’ l-fatt li fl-2022 l-Aġenzija mexxiet l-azzjonijiet biex tiżgura l-provvista ta’ materjali sors għall-isotopi radjuattivi mediċi, wara li kkontribwiet għall-implimentazzjoni tal-“Aġenda Strateġika għall-Applikazzjonijiet Mediċi tar-Radjazzjoni Jonizzanti (Samira), u mexxiet l-Osservatorju Ewropew dwar il-Forniment ta’ Isotopi Radjuattivi Mediċi; |
|
8. |
Jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija biex tikkoopera mas-sħab u mal-partijiet ikkonċernati biex issaħħaħ is-sigurtà tal-provvista ta’ materjali nukleari fid-dawl tal-invażjoni illegali u mhux provokata tar-Russja fl-Ukrajna; |
Effiċjenza u titjib
|
9. |
Jinnota li l-Aġenzija ħadmet mill-qrib mal-Kummissjoni sabiex tippromwovi d-diversifikazzjoni tal-provvista; jinnota wkoll li l-Aġenzija għandha relazzjonijiet li ilhom stabbiliti dwar l-enerġija nukleari mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika u l-Aġenzija għall-Enerġija Nukleari fil-qafas tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi; jiġbed l-attenzjoni għall-benefiċċji orizzontali ta’ ħidma flimkien u l-adattament tal-aħjar prattiki u li l-inizjattivi konġunti jiġbru flimkien perspettivi differenti, inaqqsu d-duplikazzjoni tal-isforzi, itejbu t-tagħlim u jsaħħu r-relazzjonijiet bejn il-parteċipanti; |
|
10. |
Josserva li l-Aġenzija qed tiżviluppa s-sistema tal-IT NOEMI biex tippermetti l-ipproċessar diġitali sħiħ ta’ kuntratti ta’ provvista nukleari u informazzjoni tas-suq f’konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni u, b’mod parallel, qed taħdem biex testendi l-kapaċità analitika tagħha fuq id-data disponibbli; |
|
11. |
Jinnota li l-Aġenzija għamlet sforzi biex tikseb titjib fl-effiċjenza u r-riallokazzjoni tar-riżorsi umani għall-kompiti u l-isfidi l-ġodda li ġejjin; jinnota li aktar kisbiet fl-effiċjenza jkunu possibbli biss bl-użu ta’ sinerġiji u appoġġ mill-Kummissjoni permezz tal-forniment ta’ funzjonijiet ta’ appoġġ speċjalizzati, l-estensjoni tal-użu ta’ għodod korporattivi u ż-żieda tal-allokazzjoni għall-iżvilupp tas-sistema tal-IT NOEMI; jistieden lill-Aġenzija ssib aktar proċeduri interni li jistgħu jiġu ssimplifikati permezz ta’ għodod ġodda tal-IT; |
|
12. |
Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f’termini ta’ operazzjoni u ġestjoni interni iżda wkoll sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tkun proattiva f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata, u jinsisti li jiżdiedu l-isforzi kontra l-attakki ċibernetiċi jew it-tentattivi ta’ infiltrazzjoni li joriġinaw b’mod partikolari mir-Russja jew miċ-Ċina; |
Politika dwar il-persunal
|
13. |
Jinnota li fil-31 ta’ Diċembru 2022, it-tabella tal-persunal kienet 100 % mimlija b’17-il post permanenti, 8 amministraturi, 7 postijiet ta’ assistent u 2 karigi ta’ assistent u segretarju; jinnota, barra minn hekk, li l-għadd ogħla ta’ amministraturi milli awtorizzat huwa kkawżat minn valorizzazzjoni mill-ġdid mill-Kummissjoni ta’ post wieħed ta’ assistent; |
|
14. |
Ifakkar id-diffikultà tal-Aġenzija biex issib assistenti fi gradi aktar baxxi, minħabba l-profil speċjalizzat meħtieġ u l-livelli tal-pagi assoċjati meta mqabbla mal-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu; jinnota madankollu li l-Aġenzija, minkejja l-isforzi tagħha, fl-2022 irreklutat 2 aġenti temporanju f’karigi permanenti (assistent wieħed u assistent u segretarju wieħed); |
|
15. |
Jinnota li l-Aġenzija rrappurtat proporzjon bejn il-ġeneri għall-persunal kollu ta’ 59 % nisa u 41 % irġiel fl-2022, li huwa xhieda tal-politika ta’ opportunitajiet indaqs; |
|
16. |
Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-offerta ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll il-promozzjoni tat-trattament ugwali tagħhom l-opportunitajiet offrunti lilhom; |
Akkwist
|
17. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti l-osservazzjoni li l-Aġenzija sistematikament tat kuntratti ta’ valur baxx (inqas minn EUR 15 000) mingħajr ma ħarġet rapporti ta’ evalwazzjoni u deċiżjonijiet ta’ aġġudikazzjoni korrispondenti, li jmur kontra l-punti 30.3 u 30.4 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju; jinnota wkoll mit-tweġiba tal-Aġenzija li tqis ir-rakkomandazzjoni u se tipprovdi gwida xierqa lill-persunal kollu involut fl-akkwist u l-ġestjoni finanzjarja; jistieden lill-Aġenzija ttejjeb il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tagħha, filwaqt li tiżgura konformità sħiħa mar-regoli applikabbli, biex jinkiseb l-aħjar valur possibbli għall-flus; |
Kummenti oħra
|
18. |
Jinnota li l-Aġenzija saħħet is-sigurtà tal-aċċess għall-bini tagħha, u l-membri kollha tal-persunal u l-kuntratturi esterni kollha għandhom approvazzjoni tas-sigurtà; |
|
19. |
Jieħu nota li s-sistema tal-IT NOEMI għaddiet minn valutazzjoni tal-vulnerabbiltà, li għandha tiġi ripetuta wara kull fażi ta’ żvilupp jew wara li r-rakkomandazzjonijiet kollha jiġu implimentati; |
|
20. |
Jinnota b’apprezzament li l-Aġenzija pparteċipat fis-Simpożju Nukleari Dinji f’Londra f’Settembru 2022, li wassal messaġġ ċar lill-ogħla mexxejja, esperti u eżekuttivi tal-industrija nukleari parteċipanti dwar il-ħtieġa li jiġu indirizzati r-riskji relatati mal-istruttura l-ġdida tas-suq; jinnota wkoll li l-analiżi u l-prospetti tas-suq tal-Aġenzija ġew ippreżentati fil-Forum ta’ Varsavja dwar is-Sigurtà u fiċ-Ċiklu Dinji tal-Fjuwil Nukleari, u kienet irrappreżentata fl-Ewwel Konferenza Internazzjonali dwar il-Liġi Nukleari u fil-Konferenza Ewropea dwar ir-Reatturi ta’ Riċerka; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija kkontribwiet għall-avvenimenti tas-Soċjetà Nukleari Ewropea; |
|
21. |
Jinnota li l-Aġenzija ma toħroġx dikjarazzjoni ambjentali u lanqas ma implimentat Skema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS); iħeġġeġ lill-Aġenzija tirrapporta dwar il-prestazzjoni klimatika, enerġetika u ambjentali tagħha u barra minn hekk timplimenta l-EMAS; |
|
22. |
Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħra li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ April 2024 (1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) Testi adottati, P9_TA(2024)0280.
ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2334/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)