27.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/173


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2011

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2009

(2011/584/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2009,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

—

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2011 (05892/2011 — C7-0052/2011),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, u b’mod partikolari l-Artikolu 68 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar il-qafas ta’ Regolament Finanzjarju għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0153/2011),

1.

Jipposponi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti tal-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2009;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-direttur tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje L).

Il-President

Jerzy BUZEK

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)   ĠU C 338, 14.12.2010, p. 28.

(2)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)   ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(4)   ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2011

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2009

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMEA) għas-sena finanzjarja 2009,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

—

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2011 (05892/2011 — C7-0052/2011),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, u b'mod partikolari l-Artikolu 68 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar il-qafas ta’ Regolament Finanzjarju għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Awditjar Intern tas-Servizz tal-Awditjar Intern dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għall-2009;

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0153/2011),

A.

billi fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini għas-sena finanzjarja 2009, il-Qorti tal-Awdituri esprimiet riżervi fl-opinjoni tagħha dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi,

B.

billi fil-5 ta’ Mejju 2010, il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2008 (5), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta’ kwittanza, fost affarijiet oħra:

—

wera t-tħassib tiegħu dwar dak li sabet il-Qorti tal-Awdituri rigward l-ammonti tal-approprjazzjonijiet baġitarji trasferiti u mħassra li laħqu rispettivament EUR 36 000 000 (19,7 % tal-baġit) u EUR 9 700 000 (5,3 % tal-baġit),

—

jistieden lill-Aġenzija biex ittejjeb il-kwalità tal-proċeduri tal-akkwisti tagħha sabiex ittemm in-nuqqasijiet identifikati mill-Qorti tal-Awdituri (bħal pereżempju, f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ metodi ta’ evalwazzjoni għall-kriterji ta’ prezz u rigward il-ġustifikazzjonijiet indispensabbli għall-għażla tal-proċeduri),

C.

billi l-baġit tal-Aġenzija għall-2009 kien ta’ EUR 194 000 000, li jfisser żieda ta’ 6,28 % fuq is-sena finanzjarja 2008,

D.

billi l-baġit tal-Aġenzija hu ffinanzjat kemm mill-baġit tal-Unjoni, li jirrappreżenta 18,52 % mid-dħul totali tal-2009, u aktar u aktar, minn imposti mħallsa minn kumpaniji farmaċewtiċi, u billi konsegwentement, il-kontribut ġenerali tal-Unjoni naqas b'9,2 % bejn l-2008 u l-2009,

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

Jinsab serjament imħasseb dwar it-tweġibiet tal-Aġenzija għall-kwistjonijiet sinifikanti li tqajmu mill-Qorti tal-Awdituri u s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS), bħal pereżempju:

i.

il-ġestjoni tal-proċeduri tal-akkwist;

ii.

in-nuqqas ta’ rispett għal proċeduri implimentattivi rigward l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess għall-persunal u l-esperti tagħha;

iii.

il-kriterji użati għar-reklutaġġ tal-persunal;

2.

Iqis b'mod partikolari li l-aspetti msemmija hawn fuq jistgħu jwasslu għall-possibilità ta':

i.

żbalji persistenti fil-ġestjoni tal-proċeduri tal-akkwist, bħal dawk li nstabu fl-2009 li jikkorrispondu għal ammont sinifikanti tal-baġit totali tal-Aġenzija, li jistgħu jikkompromettu l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet tal-Aġenzija;

ii.

riskji potenzjali għall-indipendenza tal-esperti/persunal involuti fl-evalwazzjoni tal-prodotti mediċinali;

iii.

inuqqasijiet potenzjali fir-reklutaġġ tal-persunal/esperti li jistgħu jwasslu mhux biss għall-iskwalifika ta’ kandidati kompetenti u/jew ir-reklutaġġ ta’ kandidati inqas kwalifikati, iżda wkoll għal effetti negattivi fuq il-kwalità tal-ħidma ta’ valutazzjoni xjentifika tal-Aġenzija;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

Proċeduri ta’ akkwist

3.

Jinsab imħasseb dwar dak li sabet il-Qorti tal-Awdituri rigward żbalji fil-proċeduri tal-akkwist li jikkorrispondu għal ammont sinifikanti tal-baġit totali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja tal-2009; jenfasizza li fl-2008, il-Qorti tal-Awdituri kienet diġà identifikat nuqqasijiet f'din il-kwistjoni u b'mod partikolari fl-applikazzjoni ta’ metodi ta’ evalwazzjoni għall-kriterji ta’ prezz u fil-ġustifikazzjoni għall-għażla ta’ proċeduri;

4.

Jirrikonoxxi b'mod partikolari li f'għadd ta’ proċeduri għall-akkwist ta’ kuntratti qafas kbar tal-IT bil-valur stmat ta’ EUR 30 000 000, l-Aġenzija għamlet ħafna żbalji fl-2009 meta nfetħu l-proċeduri bħal:

i.

żbalji aritmetiċi fl-evalwazzjoni tal-kriterji għall-għoti;

ii.

dokumentazzjoni mhux xierqa tal-evalwazzjoni minn membru tal-kumitat tal-evalwazzjoni;

iii.

nuqqas ta’ evidenza li l-metodu ta’ evalwazzjoni tal-kriterji tal-għażla kien ġie applikat b'mod konsistenti u li għalhekk kien jagħti lok għal interpretazzjonijiet differenti;

iv.

nuqqas ta’ kontrolli biex jitnaqqas ir-riskju ta’ żbalji fil-ftuħ ta’ proċedura negozjata li, b'riżultat, ma tawx garanzija li kien inkiseb l-akbar valur għall-flus minfuqa bħala riżultat ta’ żbalji fl-implimentazzjoni tal-kriterji tal-għotjiet;

5.

Jirrikonoxxi wkoll li f'żewġ akkwisti nnegozjati oħrajn ta’ EUR 5 300 000 u EUR 4 000 000 ma’ fornitur wieħed, saru għal darba oħra ħafna żbalji meta nfetħet il-proċedura, bħal pereżempju:

i.

il-fatt li ma nħarget ebda sejħa formali għall-offerti;

ii.

il-fatt li ma ġiet ippreparata minn qabel l-ebda speċifikazzjoni teknika ddettaljata;

iii.

speċifikazzjonijiet tekniċi li ma ddefinixxewx b'mod ċar il-prodotti kollha li jridu jinxtraw qabel ma nbeda n-negozjar;

iv.

ma nħatar l-ebda kumitat ta’ evalwazzjoni;

v.

ma ġie ppreparat l-ebda rapport ta’ evalwazzjoni;

6.

Jieħu nota, għalhekk, tal-fatt li l-Aġenzija naqset milli tikkonforma mad-diversi rekwiżiti tar-regolamenti relevanti dwar l-akkwist pubbliku;

7.

Mhuwiex lest li jaċċetta li l-Aġenzija ma kinitx kapaċi twaqqaf sistema ta’ kontroll biex jiġu evitati jew identifikati fil-ħin l-iżbalji persistenti ta’ hawn fuq li jheddu l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjoni ta’ bażi għall-kontijiet tal-Aġenzija; għal din ir-raġuni, iħeġġeġ lill-Aġenzija biex ittejjeb il-kwalità tal-proċeduri tal-akkwist tagħha sabiex ittemm in-nuqqasijiet identifikati mill-Qorti tal-Awdituri;

8.

Jitlob lill-Aġenzija tistabbilixxi pjan ta’ akkwist pubbliku multiannwali li jiżgura kontrolli tekniċi u proċedurali iktar b'saħħithom u tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar din il-kwistjoni sat-30 ta’ Ġunju 2011;

9.

Jitlob lill-Aġenzija tiżgura li r-riżultati tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku jiġu verifikati qabel ma jingħataw il-kuntratti; jistenna li dejjem jiġu ppreparati speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati, fid-dawl ta’ dak li sabet il-Qorti tal-Awdituri;

Approprjazzjonijiet ittrasferiti

10.

Jinsab imħasseb li l-Qorti tal-Awdituri rrappurtat trasferiment ta’ EUR 19 500 000 (38 % tal-impenji tal-Aġenzija) u li madwar EUR 14 800 000 ta’ dan it-trasferiment kien għal attivitajiet li s'issa kienu għadhom mhumiex implimentati (jew, f'ċerti każijiet, prodotti mhux irċevuti) fl-aħħar tas-sena; jenfasizza li din is-sitwazzjoni tindika dewmien fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet iffinanzjati mit-Titolu II (Bini, tagħmir u attivitajiet ta’ nefqa operattiva mixxellanja) tal-baġit tal-Aġenzija u li l-Aġenzija mhijiex konformi mal-prinċipju baġitarju tal-annwalità; evalwa t-tweġiba tal-Aġenzija dwar l-osservazzjonijeit u jilqa' pożittivament l-isforzi biex jitnaqqsu t-trasferimenti tal-bilanċi mill-Aġenzija; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli b'dan il-proċess sabiex tapplika bis-sħiħ il-prinċipju ta’ annwalità;

11.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri diġà rrappurtat livell għoli ta’ trasferimenti fis-snin finanzjarji preċedenti u jinsab imħasseb li din is-sitwazzjoni tmur kontra l-prinċipju tal-annwalità; jinnota b'mod partikolari li l-ammonti tal-approprjazzjonijiet baġitarji tal-2008 trasferiti u mħassra laħqu rispettivament EUR 36 000 000 (19,7 % tal-baġit tal-2008) u EUR 9 700 000 (5,3 % tal-baġit tal-2008);

Dħul minn ħlasijiet

12.

Jistieden lill-Aġenzija tiżgura koordinazzjoni aħjar bejn is-servizzi finanzjarji u xjentifiċi sabiex tirrimedja d-dewmien twil u mhux aċċettabbli għall-ordnijiet ta’ rkupru; jinnota l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri rrappurtat li żewġ ordnijiet ta’ rkupru (EUR 226 200 u EUR 110 200), minn għaxra ttestjati, kellhom dewmien twil ħafna (21 u 5 xhur rispettivament), dewmien li jikser ir-regoli interni tal-Aġenzija;

13.

Jenfasizza li l-baġit tal-Aġenzija hu ffinanzjat kemm mill-Baġit tal-Unjoni kif ukoll mid-drittijiet imħallsa mill-industrija farmaċewtika għall-applikazzjoni jew għaż-żamma ta’ awtorizzazzjoni tal-Unjoni għat-tqegħid fis-suq; jinnota, madankollu, li l-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE tirrappreżenta biss 18,7 % tal-baġit kumplessiv u dan naqas tul is-snin; pereżemppju, fl-2005, il-kontribuzzjoni kienet tirrappreżenta 22,7 %); jenfasizza li l-baġit kumplessiv disponibbli għall-Aġenzija kien jammonta għal EUR 194 389 000;

Kuntratti ta’ kambju esteru

14.

Jistenna li l-Aġenzija timmaniġġja b'mod prudenti l-politika stabbilita tagħha li tidħol f'kuntratt tal-kambju bil-quddiem sabiex tipproteġi parti mill-baġit amministrattiv tagħha mill-varjazzjonijiet sfavorevoli fir-rata tal-kambju tal-isterlina; jistenna li l-Aġenzija timmaniġġja b'mod prudenti tranżazzjonijiet bħal dawn biex jiġi evitat it-telf fil-kambju bħal ma ġara bit-telf ta’ EUR 900 000 fl-2009; jinnota li din hija osservazzjoni rikorrenti magħmula mill-Qorti tal-Awdituri; jitlob lill-Aġenzija tikkomunika l-politika tagħha tat-teżor riveduta lill-kumitat kompetenti tal-Parlament mingħajr dewmien; bi ħsiebu jsegwi l-politika tat-teżor riveduta;

15.

Jinnota min-naħa tal-Aġenzija li l-politika tat-teżor ġiet riveduta, adottata u approvata formalment mill-Kumitat Konsultattiv tal-Verifika tal-Aġenzija; jitlob lill-Aġenzija biex sat-30 ta’ Ġunju 2011 tipprovdi lill-Parlament ġabra ta’ informazzjoni ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-politika tat-teżor riveduta;

Prestazzjoni

16.

Iqis il-valutazzjoni tal-adegwatezza u l-effettività tas-sistemi implimentati biex jingħata appoġġ għall-għoti tal-parir xjentifiku għall-mediċini tal-bniedem fl-Aġenzija bħala għodda importanti biex titkejjel il-prestazzjoni tal-Aġenzija; jirrikonoxxi li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) għamel verifiki u sab nuqqasijiet kritiċi f'dan ir-rigward;

Il-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess

17.

Jaħseb li mhux aċċettabbli l-fatt li l-Aġenzija ma tapplikax ir-regoli relevanti b'mod effettiv, li jwassal għall-fatt li m'hemm l-ebda garanzija li l-evalwazzjoni ta’ mediċini għall-użu tal-bniedem titwettaq minn esperti indipendenti; jindika li tnax-il rakkomandazzjoni “importanti ħafna” u waħda “kritika” minn bosta Rapporti Annwali tal-Awditjar preċedenti tal-IAS dwar l-Aġenzija, li l-biċċa l-kbira minnhom jirrigwardaw l-indipendenza ta’ esperti, kienu għadhom ma ġewx implimentati fl-2009, filwaqt li l-ewwel waħda minnhom tmur lura sal-2005;

18.

Jinnota l-impjegar tal-eks Direttur Direttur tal-Aġenzija minn kumpanija ta’ konsulenza li tagħti parir, fost kumpaniji oħrajn, lil kumpaniji farmaċewtiċi dwar l-iżvilupp ta’ mediċini ġodda u t-tnaqqis tal-perjodu meħtieġ biex jiddaħħlu fis-suq; jenfasizza li dan il-pass joħloq xi dubju dwar l-indipendenza reali tal-Aġenzija; jinnota li l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) jagħti setgħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa lill-Bord Maniġerjali biex jippermetti jew jipprojbixxi dan it-tip ta’ impjegar; jinnota l-fatt li wara li aċċetta l-impjegar futur tal-eks Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, il-Bord Maniġerjali eventwalment iddeċieda li jistipula limiti rigward l-attivitajiet professjonali ġodda u futuri tiegħu; jitlob, madankollu, li l-Aġenzija tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza, sat-30 ta’ Ġunju 2011, rapport li jniżżel il-każijiet kollha komparabbli li seħħew mindu nħolqot l-Aġenzija u li jispjega bir-reqqa d-deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali f'kull każ;

19.

Mhuwiex lest jaċċetta li l-Aġenzija ma tikkonformax b'mod effettiv mal-Kodiċi ta’ Kondotta tagħha billi tistipula prinċipji u gwida dwar l-indipendenza u l-kunfidenzjalità applikabbli għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija u tal-Kumitati, għall-esperti u għall-persunal tal-Aġenzija; jippretendi mill-Aġenzija li tivvaluta fid-dettall, qabel l-allokazzjoni ta’ mexxejja tat-timijiet tal-proġetti għall-prodotti, jekk l-interessi ddikjarati mill-membri tal-persunal jistgħux jinfluwenzaw l-imparzjalità u l-indipendenza tagħhom; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Aġenzija biex tiddokumenta u tivvaluta l-kontrolli tagħha u biex tiffalja d-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni relevanti li jridu jkunu disponibbli fuq is-sit elettroniku tagħha;

20.

Jenfasizza li r-reputazzjoni tal-Aġenzija tista' tiġi affettwata f'każijiet fejn l-evalwazzjonijiet jistgħu jiġu kkontestati fuq il-bażi tal-possibilità ta’ kunflitti ta’ interess;

21.

Jitlob minnufih li l-Aġenzija tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza l-miżuri li hija ħadet biex tiggarantixxi l-indipendenza tal-esperti minn mindu nħolqot;

22.

Kurjuż li jkun jaf għaliex ir-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija mill-2006 'l hawn ma jsemmu xejn dwar nuqqasijiet rigward l-evalwazzjoni tal-indipendenza tal-esperti;

23.

Jitlob li jkun infurmat jekk u kif l-esperti u l-persunal li qed jindirizzaw kwalunkwe waħda mill-mediċini tal-grupp benfluorex ġew iċċekkjati dwar l-indipendenza tagħhom u kif l-interessi ddikjarati tagħhom ġew verifikati;

Proċeduri li jappoġġaw l-għoti ta’ evalwazzjoni xjentifika għall-mediċini tal-bniedem

24.

Mhuwiex lest li jaċċetta mingħand l-Aġenzija li l-informazzjoni inkluża fil-fajls tal-mediċini għall-użu tal-bniedem ma tkunx kompluta; f'dan ir-rigward iħeġġeġ lill-Aġenzija biex tiggarantixxi li l-informazzjoni ewlenija tkun faċilment aċċessjata u li jiġu stabbiliti l-linji gwida relevanti kollha dwar is-sistema tal-fajls;

25.

Barra minn hekk jitlob lill-Aġenzija biex id-Database tal-Esperti Ewropej tkun kompluta u regolarment aġġornata kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 726/2004, u biex tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza b'dan; iħeġġeġ ukoll lill-Aġenzija tippermetti li jkun hemm irkupru effikaċi tal-informazzjoni permezz tad-databases SIAMED u Product Overview;

Ir-rwol tal-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali

26.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija biex tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-kundizzjonijiet tal-ftehim tagħha mal-Istati Membri rigward ir-rwoli u t-trasferiment tal-ħidmiet lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali meta jiġu ttrattati suġġetti bħal ma huma l-indipendenza tal-kumitati, tal-esperti u l-proċess tal-evalwazzjoni minn mindu daħal fis-seħħ il-ftehim, u dwar il-livell ta’ implimentazzjoni, inkluż rekord dettaljat dwar kif dan evolva tul iż-żmien; iżomm lill-Aġenzija responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ proċeduri preeżistenti dwar l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess għall-esperti tagħha sakemm dan il-ftehim mal-Istati Membri jiġi għal kollox implimentat;

Pariri Xjentifiċi

27.

Jilqa' favorevolment l-isforzi tal-Aġenzija biex tipprovdi numru akbar ta’ pariri xjentifiċi fil-fażijiet bikrin tal-iżvilupp ta’ mediċini ġodda kif ukoll l-introduzzjoni ta’ miżuri biex titħaffef il-valutazzjoni tal-mediċini li huma ta’ importanza ewlenija għas-saħħa pubblika u biex jitħaffef il-proċess ta’ żvilupp u ta’ implimentazzjoni ta’ programmi telematiċi;

Il-ġestjoni tar-riżorsi umani

28.

Jistieden lill-Aġenzija biex tiżgura li x-xogħlijiet sensittivi ma jiġux mogħtija lill-persunal interim; fil-fatt jirrikonoxxi li l-Aġenzija ħaddmet persunal interim (32 fl-2009) bil-kundizzjoni li l-kandidati jkunu għaddew mit-testijiet għal aġenti kuntrattwali u li wħud mill-persunal interim jagħmlu xogħol sensittiv jew għandhom aċċess għal informazzjoni sensittiva; jenfasizza r-riskji ta’ ksur tas-sigurtà potenzjali marbuta mal-aċċess tal-persunal interim għall-informazzjoni sensittiva jew in-nuqqas ta’ għarfien tal-persunal interim dwar il-proċedura li għandhom isegwu;

29.

Jistieden lill-Aġenzija biex issaħħaħ il-proċess tar-reklutaġġ tagħha u biex tiżgura li d-dokumentazzjoni tagħha tiġi mmaniġġjata b'mod korrett; jirrikonoxxi, fil-fatt, li l-IAS sab nuqqasijiet f'dan ir-rigward; jenfasizza wkoll li dokumentazzjoni mhux suffiċjenti fil-proċeduri tar-reklutaġġ tnaqqas il-possibilità li Aġenzija twieġeb għall-allegazzjonijiet ta’ trattament mhux ugwali ta’ kandidati u/jew deċiżjonijiet arbitrarji dwar ir-reklutaġġ tal-persunal; barra minn hekk iqis li sakemm il-kompetizzjoni hija limitata, ir-reklutaġġi li jirriżultaw ma jistgħux jirrappreżentaw l-aħjar għażla u li r-riżorsi umani u finanzjarji jistgħu jintużaw b'mod ineffikaċi;

Verifika interna

30.

Mhuwiex lest li jaċċetta li d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv tat-13 ta’ Mejju 2010 ma ssemmi l-ebda riserva u, konsegwentement, mhijiex konsistenti mal-impenn mogħti fil-Kodiċi ta’ Kondotta adottat mill-Aġenzija fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni tal-IAS u l-Qorti tal-Awdituri;

31.

Ifakkar li r-rapport tad-Direttur Eżekuttiv għandu l-obbligu li jinkludi fir-rapport tiegħu ġabra fil-qosor atl-kontenut tar-rapporti tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) għall-awtorità ta’ kwittanza u, partikolarment:

i.

in-numru u t-tipi ta’ verifiki interni li saru mill-IAS;

ii.

ir-rakkomandazzjonijiet kollha (inklużi dawk li setgħu ġew irrifjutati mill-Aġenzija); u

iii.

l-azzjonijiet kollha meħuda abbażi ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

Kurjuż ikun jaf jekk dawn l-obbligi twettqux fi snin preċedenti u jitlob lill-Aġenzija biex tibgħat lill-awtorità ta’ kwittanza, sat-30 ta’ Ġunju 2011, ir-rapporti tal-IAS mill-2007 'l hawn;

32.

Jinnota li l-inizjattiva tal-Aġenzija tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza bir-Rapport Annwali tal-Verifika Interna dwar l-Aġenzija mħejji mill-IAS; iqis li din għandha tkun il-prattika normali ta’ trasparenza u jistenna li l-aġenziji kollha l-oħra tal-Unjoni jsegwu din il-prattika;

33.

Jirrikonoxxi li, mit-32 rakkomandazzjoni tal-IAS, waħda hija “kritika” dwar il-proċeduri implimentattivi li jinvolvu l-esperti, u tnax huma “importanti ħafna”, l-aktar dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani, dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess tal-persunal u dwar proċeduri oħrajn li jappoġġaw l-għoti ta’ evalwazzjoni xjentifika għall-mediċini għall-użu tal-bniedem fl-Aġenzija; Jistieden, għalhekk, lill-Aġenzija biex tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-kontenut preċiż ta’ dawn ir-rakkomandazzjoni mingħajr dewmien; iħeġġeġ lill-Aġenzija biex timplimenta b'ħeffa r-rakkomandazzjonijiet tal-IAS u biex sal-30 ta’ Ġunju 2011 tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza ġabra sħiħa ta’ informazzjoni dwar il-miżuri meħuda u implimentati biex jiġu indirizzati kif xieraq dawn ir-rakkomandazzjonijiet; barra minn hekk jitlob lill-Qorti tal-Awdituri biex timmonitorja u tinforma l-awtorità ta’ kwittanza dwar l-effikaċja tal-miżuri meħuda;

L-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Aġenzija sat-30 ta’ Ġunju 2011

34.

Iħeġġeġ lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, f'kooperazzjoni mal-IAS, biex jagħmel verifika ddettaljata tal-użu effettiv tal-proċeduri eżistenti rigward l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess għall-persunal u l-esperti tiegħu u biex jikkomunika r-riżultati lill-awtorità ta’ kwittanza sat-30 ta’ Ġunju 2011;

35.

Jistenna li l-Bord Governattiv jadotta malajr pjan ta’ azzjoni bħala soluzzjoni għan-nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku; jitlob, b'mod partikolari, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, f'kooperazzjoni mal-IAS u d-direttorat ġenerali (DĠ) inkarigat, biex ifassal dan il-pjan ta’ azzjoni li għandu jinkludi miżuri speċifiċi u l-kalendarju għall-implimentazzjoni; jistenna li l-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza b'dawn il-miżuri speċifiċi sat-30 ta’ Ġunju 2011;

36.

Jistieden għalhekk lill-Aġenzija biex tgħarraf lill-awtorità ta’ kwittanza sat-30 ta’ Ġunju 2011 bil-miżuri li ttieħdu u t-titjib li sar fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet kollha ta’ tħassib;

37.

Jirreferi, fir-rigward tal-osservazzjonijiet l-oħra li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2011 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 338, 14.12.2010, p. 28.

(2)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)   ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(4)   ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)   ĠU L 252, 25.9.2010, p. 164.

(6)   ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2011)0163 (Ara paġna 269 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).