KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SPIELMANN
ippreżentati fl‑1 ta’ Awwissu 2025 ( 1 )
Kawża C‑481/24
E. sp.j.
vs
C. sp. z o.o.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 3(1) u (3)(a) – Artikolu 6(1) u (2) – Dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tpaċija ta’ pretensjonijiet b’effett retroattiv”
Introduzzjoni
|
1. |
Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja) tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (3)(a), kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali ( 2 ). |
|
2. |
B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, fis-sentenza li għandha tingħata, fuq il-punt dwar jekk l-effett retroattiv mogħti lit-tpaċija tal-pretensjonijiet mil-leġiżlazzjoni Pollakka huwiex kompatibbli mad-Direttiva 2011/7. Din id-domanda toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tipprovdi preċiżazzjonijiet ta’ importanza kbira fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u hija partikolarment delikata minħabba l-fatt li t-tpaċija b’effett retroattiv hija ankrata b’mod solidu fit-tradizzjonijiet legali ta’ diversi Stati Membri tal-Unjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3. |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/7, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi […] 2. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali. […]” |
|
4. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/7 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-transazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi, il-kreditur huwa intitolat għall-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira meta l-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:
[…] 3. Fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ikunu sodisfatti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:
[…]” |
|
5. |
Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita ta’ EUR 40. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess. […]” |
Id-dritt Pollakk
Il-Kodiċi Ċivili
|
6. |
L-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. tal-2023, pożizzjoni 1610, kif emendata) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), tipprovdi, fl-Artikolu 498 tagħha: “1. Meta żewġ persuni jkunu simultanjament debitur u kreditur ta’ xulxin, kull waħda minnhom tista’ tirrikorri għat-tpaċija bejn il-pretensjoni tagħha u dik tal-parti l-oħra jekk iż-żewġ pretensjonijiet ikunu jirrigwardaw flus jew oġġetti ġeneriċi tal-istess natura, u jekk iż-żewġ pretensjonijiet ikunu eżiġibbli u jkunu jistgħu jiġu invokati quddiem qorti jew awtorità oħra tal-Istat. 2. It-tpaċija għandha bħala effett li ż-żewġ pretensjonijiet jiġu paċuti sal-ammont tal-iktar pretensjoni baxxa minnhom.” |
|
7. |
Skont l-Artikolu 499 tal-Kodiċi Ċivili: “It-tpaċija ssir permezz ta’ dikjarazzjoni lill-parti l-oħra. Id-dikjarazzjoni jkollha effett retroattiv b’effett mill-mument li t-tpaċija tkun saret possibbli.” |
Il-Liġi dwar id-Dewmien Eċċessiv
|
8. |
Permezz tal-ustawa o przeciwdziałaniu nadmiernym opóźnieniom w transakcjach handlowych (il-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra d-Dewmien Eċċessiv fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali), tat‑8 ta’ Marzu 2013 (Dz. U. tal‑2023, pożizzjoni 1790) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dewmien Eċċessiv”), l-awtoritajiet Pollakki ttrasponew id-Direttiva 2011/7 fl-ordinament ġuridiku nazzjonali. |
|
9. |
L-Artikolu 7 tal-Liġi dwar id-Dewmien Eċċessiv jipprevedi: “1. Fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, ħlief għat-tranżazzjonijiet li fil-kuntest tagħhom id-debitur ikun entità pubblika, il-kreditur ikollu dritt jikseb, mingħajr intimazzjoni, l-interessi legali għad-dewmien fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu fuq interessi ogħla, għall-perijodu li jibda mill-jum tal-eżiġibbiltà tal-obbligu pekunjarju sal-jum tal-ħlas, jekk il-kundizzjonijiet segwenti jkunu ssodisfatti b’mod kumulattiv:
[…]” |
|
10. |
Skont l-Artikolu 10 tal-Liġi dwar id-Dewmien Eċċessiv: “1. B’effett mill-jum li fih jikseb id-dritt għall-interessi msemmija fl-Artikolu 7(1), […] il-kreditur ikollu d-dritt jirċievi mingħand id-debitur, mingħajr intimazzjoni, kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru, li jkun ekwivalenti għall-ammont ta’:
[…]” |
Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
11. |
Il-kumpannija E. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) għandha għaxar pretensjonijiet ta’ ħlas fil-konfront tal-kumpannija C. (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”), ikkostitwiti minn fatturi li jirrigwardaw is-servizzi ta’ trasport, li jipprevedu perijodi ta’ ħlas li skadew bejn ix-xahar ta’ Frar u x-xahar ta’ Settembru 2022. |
|
12. |
Peress li l-konvenuta ma ħallsitx id-djun tagħha fit-termini imposti lilha, ir-rikorrenti ressqet azzjoni għall-ħlas quddiem is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja) li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
13. |
Ir-rikorrenti talbet il-ħlas, minn naħa, tal-ammont ta’ PLN 26 715.60 (madwar EUR 5 676.56) ( 3 ) bħala s-somma tal-pretensjonijiet ta’ ħlas, miżjuda, skont l-Artikolu 7 tal-Liġi dwar id-Dewmien Eċċessiv, bl-interessi kkalkolati fuq kull somma mhux imħallsa, bir-rata prevista fl-Artikolu 4(3)(b) ta’ din il-liġi, u, min-naħa l-oħra, bis-somma ta’ PLN 1 997.29 (madwar EUR 424.39) bħala kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru, skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi, minħabba d-dewmien fil-ħlas ta’ kull waħda mis-somom mhux imħallsa. |
|
14. |
Il-konvenuta talbet li r-rikors jiġi miċħud. Hija ħallset lir-rikorrenti l-ammont ta’ PLN 1 697.40 (madwar EUR 360.67) u, b’att tat‑2 ta’ Settembru 2022, hija ppreżentat dikjarazzjoni ta’ tpaċija, fis-sens tal-Artikoli 498 u 499 tal-Kodiċi Ċivili, għall-ammont ta’ PLN 25 018.20 (madwar EUR 5 315.90). Peress li ħallset b’hekk l-ammont totali ta’ PLN 26 715.60, hija qieset id-dejn tagħha bħala mħallas. |
|
15. |
Id-dikjarazzjoni ta’ tpaċija ppreżentata mill-konvenuta kienet ibbażata fuq pretensjoni ta’ kumpens għad-danni li hija kellha kontra r-rikorrenti, minħabba l-qerda tal-merkanzija matul trasport imwettaq minn din tal-aħħar iżda li ma huwiex is-suġġett tal-azzjoni għall-ħlas. Fir-rigward ta’ din il-pretensjoni ta’ kumpens għad-danni, il-konvenuta sostniet li l-perijodu ta’ ħlas li hija kienet iffissat fl-ittra ta’ intimazzjoni tal‑15 ta’ Frar 2022 kien jiskadi fis‑7 ta’ Marzu 2022. |
|
16. |
Skont il-konvenuta, isegwi li, anki jekk id-dikjarazzjoni ta’ tpaċija kienet tirrigwarda biss l-ammonti dovuti bħala kapital prinċipali minn kull waħda mill-kumpanniji kkonċernati, ir-rikorrenti tilfet id-dritt, abbażi tal-effett retroattiv ta’ din id-dikjarazzjoni kif previst fl-Artikolu 499 tal-Kodiċi Ċivili, li titlob l-interessi akkumulati u l-kumpens għad-danni mġarrba wara s‑7 ta’ Marzu 2022. Fil-proċedura fil-kawża prinċipali, dawn huma l-interessi u l-kumpens għad-danni li jirriżultaw mid-dewmien għall-ħlas ta’ disa’ mill-għaxar pretensjonijiet ta’ ħlas invokati fir-rikors. |
|
17. |
Ir-rikorrenti ma kkontestatx ir-responsabbiltà tagħha għad-dannu invokat mill-konvenuta. Madankollu, hija kkontestat l-effikaċità stess ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ tpaċija u l-ammont ta’ dan id-dannu. |
|
18. |
Peress li kellha dubji dwar l-impatt tal-effett retroattiv tat-tpaċija fuq id-dritt għall-interessi moratorji u għall-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru li joħorġu mil-Liġi dwar id-Dewmien Eċċessiv li tittrasponi d-Direttiva 2011/7, is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 3(1) u (3)(a) kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva [2011/7] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprevedu li interessi moratorji legali kif ukoll kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma jkunux dovuti lill-kreditur fejn id-debitur, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas iddeterminat f’kuntratt, ikun ħallas id-dovut lill-kreditur permezz ta’ tpaċija li jkollha effett retroattiv ipso jure mill-mument meta t-tpaċija saret possibbli?” |
|
19. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-konvenuta, mill-Gvern Pollakk, Belġjan, Ġermaniż u tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Pollakk, Ġermaniż u tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta tal‑14 ta’ Mejju 2025. |
Analiżi
|
20. |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) u (3)(a), kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2011/7 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-interessi moratorji legali u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma jkunux dovuti lill-kreditur fejn id-debitur, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas iddeterminat f’kuntratt, ikun ħallas id-dejn tiegħu lill-kreditur permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija li jkollha effett retroattiv ipso jure mill-mument meta t-tpaċija saret possibbli. |
|
21. |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jidhirli li huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li jsiru xi osservazzjonijiet preliminari qosra fir-rigward tat-tpaċija tal-pretensjonijiet, qabel ma tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-Direttiva 2011/7. |
Osservazzjonijiet preliminari
|
22. |
Iddefinita bħala l-mod kif jispiċċaw żewġ obbligazzjonijiet distinti, sal-ammont l-iktar baxx, bejn żewġ persuni li jkunu simultanjament kredituri u debituri ta’ xulxin, it-tpaċija għandha l-għeruq tagħha fid-dritt Ruman ( 4 ). Hija taqdi funzjoni doppja. Minn naħa, hija tippermetti li jitħaffef u jiġi ssemplifikat l-istabbiliment mill-ġdid tal-bilanċ f’relazzjoni kummerċjali, billi jiġi evitat ħlas doppju inversament. Min-naħa l-oħra, hija għandha rwol ta’ garanzija, sa fejn jekk waħda mill-partijiet tħallas mingħajr ma tistenna l-ħlas mingħand il-parti l-oħra, tesponi ruħha għar-riskju ta’ insolvenza ta’ din tal-aħħar u għal kompetizzjoni mal-kredituri l-oħra tal-parti insolventi. |
|
23. |
It-tpaċija tista’ tkun legali, konvenzjonali jew ġudizzjarja. |
|
24. |
Il-mekkaniżmu inerenti għat-tpaċija legali jimplika l-estinzjoni tal-pretensjonijiet reċiproċi, sal-ammont tal-iktar pretensjoni baxxa, fid-data tal-koeżistenza tagħhom, meta jkunu ssodisfatti ċerti rekwiżiti. Dawn huma r-rekwiżiti ta’ reċiproċità, funġibbiltà, ċertezza, likwidità u eżiġibbiltà tal-pretensjonijiet. |
|
25. |
Il-liġijiet tal-Istati Membri jipprevedu ġeneralment li l-pretensjonijiet reċiproċi jispiċċaw awtomatikament, ipso jure, jew wara dikjarazzjoni unilaterali, li tagħti lit-tpaċija effett retroattiv ( 5 ), bħalma hija dik inkwistjoni f’dan il-każ. |
|
26. |
L-ewwel għażla ġiet adottata, pereżempju, mid-dritt Belġjan ( 6 ), Spanjol ( 7 ) u Lussemburgiż ( 8 ), li jistabbilixxu li t-tpaċija sseħħ ipso jure, anki mingħajr l-għarfien tal-partijiet. |
|
27. |
It-tieni għażla hija wkoll preżenti ħafna fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali. Minbarra d-dritt Pollakk, li huwa s-suġġett tal-analiżi tagħna f’dan il-każ, jistgħu jiġu ċċitati eżempji oħra. Id-dritt Ġermaniż jipprevedi tpaċija permezz ta’ dikjarazzjoni li, irrispettivament mill-mument tad-dikjarazzjoni, ikollha effett retroattiv għad-data li fiha l-pretensjoni prinċipali u l-pretensjoni rikonvenzjonali jkunu jeżistu flimkien għall-ewwel darba ( 9 ). Id-dritt Franċiż jipprovdi li t-tpaċija sseħħ fid-data li fiha jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti tagħha, bil-kundizzjoni li din trid tiġi invokata ( 10 ). Id-dritt Olandiż jistabbilixxi t-tpaċija permezz ta’ dikjarazzjoni li jkollha effett retroattiv għall-mument li fih ikun tnissel id-dritt għat-tpaċija ( 11 ). |
Fuq id‑domanda preliminari
|
28. |
Fil-paragrafi li ġejjin, wara li nipprovdi ċerti elementi essenzjali dwar id-Direttiva 2011/7, ser nittratta, fl-ewwel lok, il-punt dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tpaċija b’effett retroattiv taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fit-tieni lok, ser neżamina l-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali mal-għanijiet u l-effett utli tal-imsemmija direttiva. |
|
29. |
Jeħtieġ li jitfakkar mill-ewwel li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan tad-Direttiva 2011/7 huwa li tiġġieled il-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi ttejjeb għaldaqstant il-kompetittività tal-impriżi u b’mod partikolari l-impriżi żgħar u medji ( 12 ). |
|
30. |
Kif jirriżulta mill-preambolu ta’ din id-direttiva, minn naħa, il-ħlas tard jikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt li sar finanzjarjament attraenti għad-debituri minħabba li fuq ħlasijiet tard jintalbu rati baxxi ta’ interessi jew l-ebda interessi ( 13 ). Min-naħa l-oħra, il-ħlas tard iħalli effetti negattivi fuq il-likwidità u jikkumplika l-ġestjoni finanzjarja tal-impriżi, u jagħmel ħsara lill-kompetittività u l-vijabbiltà tagħhom, peress li l-kreditur ikollu jikseb finanzjament estern minħabba dan il-ħlas tard ( 14 ). |
|
31. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset għaldaqstant li l-imsemmija direttiva hija intiża prinċipalment li tipproteġi lill-kreditur kontra l-ħlasijiet tardivi u li tiskoraġġixxi l-ħlasijiet tardivi ( 15 ). |
|
32. |
L-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2011/7 jirriflettu dan l-għan doppju billi jistabbilixxu d-drittijiet tal-kreditur li jitlob interessi minħabba ħlas tard u jitlob kumpens għall-ispejjeż imġarrba biex jirkupra l-pretensjoni tiegħu. |
|
33. |
Skont l-Artikolu 3(1) u (3)(a) ta’ din id-direttiva, il-kreditur huwa intitolat jitlob l-interessi fil-każ ta’ ħlas tard b’effett mill-għada tad-data tal-ħlas jew ta’ tmiem il-perjodu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt, mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira, meta l-kreditur ikun wettaq l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu u ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin, ħlief jekk ir-responsabbiltà tal-ħlas tard ma tkunx imputabbli lid-debitur. |
|
34. |
L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li, fejn l-interessi ikunu dovuti skont din id-direttiva, il-kreditur ikun intitolat jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, ħlas b’rata fissa ta’ EUR 40. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li din ir-rata fissa tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur. |
|
35. |
Fil-bażi tad-dritt tal-kreditur li jikseb l-imsemmija interessi u kumpens hemm il-kunċett ta’ “ħlas tard”. Dan jinsab iddefinit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 bħala ħlas li ma jsirx fil-perijodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju u fejn il-kreditur ikun wettaq l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu u ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin, ħlief jekk id-debitur ma jkunx responsabbli għall-ħlas tard. |
|
36. |
Għalkemm din id-direttiva tirregola d-dritt għall-interessi moratorji u għall-ispejjeż ta’ rkupru u dawn id-drittijiet jiddependu mill-eżistenza tad-dejn prinċipali, minn analiżi kuntestwali u teleoloġika jirriżulta li hija ma tistabbilixxix sistema legali li tirrigwarda d-dejn prinċipali u ma tirregolax għaldaqstant it-tpaċija tal-pretensjonijiet. |
|
37. |
Fuq livell kuntestwali, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “ammont dovut”, l-Artikolu 2(8) tad-Direttiva 2011/7 sempliċement jipprovdi li huwa jirreferi għas-somma prinċipali li għandha tkun tħallset fil-perijodu ta’ ħlas kuntrattwali u legali u li dan l-ammont għandu jinkludi t-taxxi, dazji, imposti jew miżati applikabbli ( 16 ). |
|
38. |
Fuq livell teleoloġiku, jeħtieġ li jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-Direttiva 2011/7 ma twettaqx armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli kollha relatati mal-ħlasijiet tardivi fit-tranżazzjonijiet kummerċjali. Din id-direttiva tindika biss ċerti regoli f’dan il-qasam, li fosthom hemm dawk relatati mal-interessi moratorji u mal-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ( 17 ). |
|
39. |
Fi kliem ieħor, id-Direttiva 2011/7 sempliċement tistabbilixxi regoli speċifiċi li għandhom jiġu inkorporati fid-drittijiet ċivili u kummerċjali nazzjonali. Billi l-ewwel adotta d-Direttiva 2000/35, u mbagħad id-Direttiva 2011/7, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jistabbilixxi qafas ġuridiku ġenerali għall-obbligi u l-kuntratti ( 18 ). Fid-dawl tad-diversità ta’ approċċi tal-Istati Membri f’dawn il-materji, tali intenzjoni tal-leġiżlatur kellha toħroġ b’mod assolutament ċar mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, mill-għanijiet tagħha jew mix-xogħlijiet preparatorji tagħha. Evidentement, dan ma huwiex il-każ. |
|
40. |
Minn dan isegwi li d-Direttiva 2011/7 bl-ebda mod ma hija intiża li tistabbilixxi regoli li jirrigwardaw ir-rekwiżiti għall-ħolqien, l-iskadenza u l-estinzjoni ta’ dejn. |
|
41. |
Peress li l-mekkaniżmu tat-tpaċija huwa relatat mal-estinzjoni tad-dejn, dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi tpaċija b’effett retroattiv, bħalma huwa l-Artikolu 499 tal-Kodiċi Ċivili Pollakk, taqa’ għaldaqstant barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
42. |
Fid-dawl ta’ dan, l-affermazzjoni, li tinsab fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, li tgħid li l-leġiżlazzjoni tat-tpaċija retroattiva taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, tidher neċessarjament żbaljata. Fil-fatt, tali awtonomija tapplika biss meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ħaġa li ma hijiex il-każ hawnhekk ( 19 ). Analiżi ġuridika intiża li tivverifika l-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ma hijiex għaldaqstant iġġustifikata f’dan il-każ. |
|
43. |
Din l-aħħar kunsiderazzjoni hija kkorroborata, fil-fehma tiegħi, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Nemec ( 20 ). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha b’mod partikolari l-punt dwar jekk id-Direttiva 2000/35 kinitx tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tipprevedi li l-interessi moratorji li jkunu skattaw imma li ma jkunux ġew imħallsa jieqfu jiddekorru meta l-ammont tagħhom jilħaq dak tas-somma prinċipali (ne ultra alterum tantum). Fir-risposta tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tqis, l-istess bħall-Avukat Ġenerali, li din il-leġiżlazzjoni kienet tikkonċerna l-livell minimu ta’ dawn l-interessi, b’mod li l-Istati Membri jibqgħalhom il-fakultà li jiffissaw limitu fuq l-akkumulazzjoni ta’ dawn l-interessi ( 21 ). Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li d-Direttiva 2000/35 ma tistabbilixxix ir-regoli dwar il-perijodu li matulu jgħaddu l-interessi moratorji jew dwar l-ammont massimu ta’ dawn l-interessi ( 22 ), u eżaminat imbagħad jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kinitx tali li tikser l-għanijiet ta’ din id-direttiva jew li ċċaħħadha mill-effett utli tagħha. |
|
44. |
Dan l-aħħar eżami jikkorrispondi, fil-fehma tiegħi, għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħmel f’dan il-każ fis-sentenza li ser tagħti. |
|
45. |
Fil-fatt, għalkemm l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jadottaw dispożizzjoni li tistabbilixxi tpaċija li jkollha effett retroattiv, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din ma tistax minn daqshekk twassal sabiex jinkisru l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2011/7 jew sabiex din tiċċaħħad mill-effett utli tagħha ( 23 ). |
|
46. |
Għal dak li jirrigwarda l-għanijiet li jiġu evitati l-effetti negattivi fuq il-likwidità tal-kreditur u li jkunu skoraġġuti l-ħlasijiet tardivi fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, il-qorti tar-rinviju tidher li hija tal-fehma li tpaċija retroattiva hija inkompatibbli mad-Direttiva 2011/7, inkwantu din id-direttiva timponi li l-kreditur jingħata d-dritt li jitlob interessi moratorji u l-ispejjeż ta’ rkupru meta l-ħlas tad-dejn tiegħu iseħħ wara l-iskadenza tat-terminu previst kuntrattwalment. |
|
47. |
Huwa minnu li l-effett retroattiv tat-tpaċija għandu bħala konsegwenza li l-kreditur li, wara l-iskadenza tat-terminu previst kuntrattwalment, jaffaċċja dikjarazzjoni ta’ tpaċija li l-effett tagħha ikun retroattiv għad-data li fiha t-tpaċija tkun saret possibbli, ma għandu dritt la għal dawn l-interessi u lanqas għall-kumpens għall-perijodu ta’ bejn din l-aħħar data sad-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ tpaċija. |
|
48. |
Madankollu, ir-raġunament tal-qorti tar-rinviju huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-ħlas tad-dejn iseħħ fil-mument tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ tpaċija. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tistabbilixxi li l-estinzjoni tad-dejn isseħħ fil-mument, qabel dan, li fih it-tpaċija tkun saret possibbli. Peress li l-leġiżlazzjoni ta’ tali estinzjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali, dan l-aħħar mument huwa dak li għandu jiġi adottat. |
|
49. |
Il-konsegwenzi inerenti għall-effett retroattiv tat-tpaċija ma jmorrux għaldaqstant kontra l-għan tad-Direttiva 2011/7 li tiskoraġġixxi l-ħlasijiet tardivi għas-sempliċi raġuni li, meta t-tpaċija ssir possibbli, id-dejn jiġi estint. Għaldaqstant, l-ebda ħlas ieħor ma jkun dovut ( 24 ) u l-interessi moratorji ma jkunux applikabbli. Barra minn hekk, b’effett mill-mument li fih it-tpaċija ssir possibbli, l-ammont paċut jaffettwa l-likwidità tal-kreditur, b’mod li ebda ħlas tardiv li jkollu riperkussjonijiet negattivi fuq tali likwidità ma jista’ jseħħ sussegwentement. |
|
50. |
Jeħtieġ li jiżdied li dawn l-għanijiet jinkisru jekk l-eventwali interessi moratorji u l-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba bejn id-data tal-iskadenza tat-terminu għall-ħlas u dik li fiha t-tpaċija tkun saret possibbli ma jkunux dovuti lill-kreditur. Madankollu, ma jistax jiġi argumentat li dan huwa l-każ hawnhekk, mingħajr ma jiġi żnaturat il-mekkaniżmu stess tat-tpaċija retroattiva. |
|
51. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien tal-fehma li leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi tpaċija b’effett retroattiv ma hijiex tali li tikser l-għanijiet tad-Direttiva 2011/7 u lanqas li ċċaħħadha mill-effett utli tagħha. |
|
52. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni madankollu li l-interpretazzjoni li tgħid li, fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk ta’ dan il-każ, il-kreditur ma jkollux id-dritt li jiġi kkumpensat għall-ispejjeż ta’ rkupru li huwa jkun ġarrab tikser l-għanijiet tad-Direttiva 2011/7 ( 25 ). Hija tibbaża l-argument tagħha fuq is-sentenzi Česká pojišťovna ( 26 ) u BFF Finance Iberia ( 27 ). |
|
53. |
Fil-kawża li wasslet għall-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-kreditur, li jitlob il-kumpens għal-ispejjeż li jirriżultaw mit-tfakkiriet indirizzati lid-debitur minħabba l-ħlas tardiv minn dan tal-aħħar, id-dritt li jikseb, għal dan il-għan, apparti s-somma fissa minima, prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, kumpens raġonevoli, fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu. Fil-kawża li wasslet għat-tieni sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk l-istess artikolu għandux jiġi interpretat fis-sens li s-somma fissa minima, bħala kumpens lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tardiv tad-debitur, hija dovuta għal kull tranżazzjoni kummerċjali mhux imħallsa mal-iskadenza. |
|
54. |
Fiż-żewġ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja mmotivat ir-risposta tagħha fl-affermattiv bil-konstatazzjoni li d-Direttiva 2011/7 hija intiża mhux biss sabiex tiskoraġġixxi l-ħlasijiet tardivi, billi tevita li jkun finanzjarjament attraenti għad-debituri, minħabba r-rata baxxa jew l-assenza ta’ interessi moratorji ffatturati f’tali sitwazzjoni, imma wkoll li tipproteġi b’mod effikaċi lill-kreditur kontra tali ħlas tardiv, billi jiġi żgurat lilu l-iktar kumpens sħiħ possibbli għall-ispejjeż ta’ rkupru li huwa jkun ġarrab ( 28 ). |
|
55. |
Għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, insostni li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex trasponibbli għal dan il-każ, peress li, f’dawk il-każijiet, l-eżistenza ta’ dritt għall-kumpens tal-ispejjeż ta’ rkupru ma kinitx ikkontestata, peress li d-dubji tal-qorti tar-rinviju kienu jirrigwardaw biss id-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens. |
|
56. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jidhirli li l-Artikolu 3(1) u (3)(a), kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2011/7 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-interessi moratorji legali u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma jkunux dovuti lill-kreditur meta d-debitur ikun issodisfa d-dejn tiegħu fil-konfront tal-kreditur permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija, ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt, li jkollha effett retroattiv b’effett mill-mument li fih din it-tpaċija saret possibbli. |
Konklużjoni
|
57. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja) kif ġej: L-Artikolu 3(1) u (3)(a) kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2011/7 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li: ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-interessi moratorji legali u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma humiex dovuti lill-kreditur meta d-debitur ikun issodisfa d-dejn tiegħu fil-konfront tal-kreditur permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija, ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt, li jkollha effett retroattiv b’effett mill-mument li fih din it-tpaċija saret possibbli. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 (ĠU 2011, L 48, p. 1). Din id-direttiva ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mis‑16 ta’ Marzu 2013, id-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 226).
( 3 ) Bir-rata ta’ kambju tat‑2 ta’ Settembru 2022.
( 4 ) Skont il-Kodiċi Ġustinjan: “Compensationes ex omnibus actionibus ipso iure fieri sancimus nulla differentia in rem vel personalibus actionibus inter se observanda” (“It-tpaċija għandha tirriżulta ipso jure għall-azzjonijiet kollha mingħajr distinzjoni bejn l-azzjonijiet personali u l-azzjonijiet reali” (traduzzjoni libera)). Ara Iust C. 4,31,14, Iohanni, a. 531. Dwar l-oriġini tat-tpaċija, ara, b’mod partikolari, De Kotzebue, R., Compensation et procédure; essai de critique et de science juridique pure, Sirey, Pariġi, 1945.
( 5 ) Ara Zimmermann, R., Comparative Foundations of a European Law of Set-Off and Prescription, Cambridge University Press, Cambridge, 2002, p. 32 sa 43.
( 6 ) Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5.255 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan: “It-tpaċija legali sseħħ ipso jure, anki mingħajr l-għarfien tad-debituri”. Fuq it-tpaċija legali fid-dritt Belġjan, ara Van Ommeslaghe, P., De Page, Traité de Droit Civil Belge – Tome II – Les obligations, Vol. 3, Bruylant, Brussell, 2013, p. 2235 sa 2271.
( 7 ) Skont l-Artikolu 1202 tal-Código Civil de España (il-Kodiċi Ċivili Spanjol): “El efecto de la compensación es extinguir una y otra deuda en la cantidad concurrente, aunque no tengan conocimiento de ella los acreedores y deudores” (“It-tpaċija għandha bħala effett l-estinzjoni taż-żewġt idjun sal-ammont l-iktar baxx, anki jekk il-kredituri u d-debituri ma jkollhomx għarfien tagħha”).
( 8 ) L-Artikolu 1290 tal-Kodiċi Ċivili Lussemburgiż huwa fformulat kif ġej: “It-tpaċija sseħħ ipso jure bis-saħħa tal-liġi waħidha, anki mingħajr l-għarfien tad-debituri; iż-żewġt idjun jispiċċaw reċiprokament, fil-mument li huma jkunu jeżistu fl-istess ħin, sal-limitu tal-ammont rispettiv tagħhom”.
( 9 ) Ara l-Artikoli 388 u 389 tal-Burgeliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż).
( 10 ) Ara l-Artikolu 1347 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż. Fuq it-tpaċija legali fid-dritt Franċiż, ara Flour, J. et al., Droit civil. Les obligations. Le rapport d’obligation: Le rapport d’obligation, Dalloz, Pariġi, 2024, p. 301 sa 314.
( 11 ) Ara l-Artikolu 6:127(1) u l-Artikolu 6:129(1) tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili Olandiż).
( 12 ) Il-ħlas tardiv ġie rregolat l-ewwel darba mid-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Volum 1, p. 226). Id-Direttiva 2011/7, li l-interpretazzjoni tagħha hija mitluba f’dan il-każ, tikkostitwixxi, skont il-premessa 1 tagħha, tfassil mill-ġdid ta’ din tal-aħħar. Peress li dan it-tfassil mill-ġdid ma involviex modifiki sostanzjali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2000/35 tibqa’ rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/7.
( 13 ) Ara l-premessa 12 tad-Direttiva 2011/7.
( 14 ) Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2011/7.
( 15 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, X (Provvisti ta’ materjal mediku) (C‑419/21, EU:C:2022:948, punt 26).
( 16 ) B’mod iktar preċiż, din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej: “is-somma prinċipali li għandha tkun tħallset fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju, inklużi t-taxxi, dazji, imposti jew miżati speċifikati fil-fattura jew talba għal ħlas ekwivalenti” (enfasi miżjuda minni).
( 17 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, A (Nuqqas ta’ rkupru tal-interessi għall-ħlas tardiv) (C‑406/21, EU:C:2022:816, punti 52 u 53).
( 18 ) F’dan ir-rigward, ġew espressi xi dubji fir-rigward tal-eżattezza tal-għażla tal-Artikolu 114 TFUE bħala l-bażi legali ta’ dawn iż-żewġ direttivi, ara, Editorial Comments, “Union competences in the field of contract law: Some questions – no answers”, Common Market Law Review, Vol. 48, Nru 3, 2011, p. 655 sa 657.
( 19 ) Minn dan jirriżulta loġikament li l-kwistjoni, iddibattuta fis-seduta, dwar in-natura sostantiva u proċedurali tal-Artikolu 499 tal-Kodiċi Ċivili Pollakk, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ.
( 20 ) Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Nemec (C‑256/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Nemec”, EU:C:2016:954).
( 21 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Nemec (C‑256/15, EU:C:2016:619, punti 56 sa 71).
( 22 ) Sentenza Nemec (punt 48).
( 23 ) Sentenza Nemec (punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Jeħtieġ li jiġi osservat li l-kreditur li jkun ippreżenta dikjarazzjoni ta’ tpaċija ma għandux id-dritt jitlob l-interessi moratorji fuq l-ammont li jkun is-suġġett tat-tpaċija għall-perijodu bejn id-data li fiha din tkun saret possibbli sad-data tal-preżentazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni. Għalhekk, huwa irrilevanti li l-ewwel dejn, li jirriżulta minn tranżazzjoni kummerċjali, seta’ ġġenera interessi ogħla minn dawk dovuti lill-konvenuta skont il-pretensjoni għal kumpens.
( 25 ) Huwa minnu li, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, meta ma jirċevix il-ħlas fil-ħin, il-kreditur jista’ jieħu miżuri konkreti sabiex jirkupra d-dejn tiegħu, mingħajr ma jkollu għarfien tal-fatt li sussegwentement ser isseħħ it-tpaċija, u jbati għaldaqstant spejjeż li bilkemm ikun jista’ jirkuprahom kieku l-effett retroattiv tat-tpaċija previst fl-Artikolu 499 tal-Kodiċi Ċivili Pollakk jitqies bħala li huwa kompatibbli mad-Direttiva 2011/7. Madankollu, jien persważ li, f’dawn il-każijiet, tapplika l-massima Latina “ignorantia legis non excusat”.
( 26 ) Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018 (C‑287/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Česká pojišťovna”, EU:C:2018:707).
( 27 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022 (C‑585/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza BFF Finance Iberia”EU:C:2022:806).
( 28 ) Sentenzi Česká pojišťovna (punti 25 u 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u BFF Finance Iberia (punt 36). Din il-konstatazzjoni hija ġġustifikata, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, bil-formulazzjoni tal-premessa 19 tad-Direttiva 2011/7, li tipprovdi kif ġej: “L-ispejjeż ta’ rkupru għandhom ukoll jinkludu l-irkupru ta’ spejjeż amministrattivi u kumpens għal spejjeż interni mġarrba minħabba ħlas tard […] Il-kumpens fil-forma ta’ somma stabbilita għandu jkun immirat lejn it-trażżin tal-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru”.