Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi /* COM/2010/0372 final - NLE 2010/0220 */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussell, 20.7.2010 KUMM(2010) 372 finali 2010/0220 (NLE) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi {SE G(2010) 850}{SEG(2010) 851} MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Kuntest tal-proposta L-għajnuna lill-industrija tal-UE tal-antraċit (hard coal) hija rregolata bi strumenti legali speċifiċi għas-settur: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-Industrija tal-Faħam[1] (ir-"Regolament dwar il-Faħam"). Ir-Regolament dwar il-Faħam jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010. Fin-nuqqas ta' qafas legali ġdid li jippermetti ċerti tipi speċifiċi ta' għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna biss fi ħdan il-limiti previsti mir-regoli tal-għajnuna mill-Istat applikabbli għas-setturi kollha. Meta mqabbla mar-Regolament dwar il-Faħam, ir-regoli ġenerali tal-għajnuna mill-Istat inaqqsu l-possibiltajiet ta' għajnuna mill-Istat lil-industrija tal-faħam, speċjalment iżda mhux biss fir-rigward ta' għajnuna għall-produzzjoni. Madanakollu, xi Stati Membri qed jiffaċċjaw kosti ta' produzzjoni għoljin ħafna meta mqabbla mal-prezzijiet tas-suq dinji kurrenti u mbassra u għalhekk illum, u wisq probabbli fil-futur, għandhom produzzjoni tal-antraċit li mhux ekonomikament kompettitiva. Faħam issussidjat għandu biss impatt marġinali fuq is-sigurtà tal-fornitura tal-enerġija fuq livell tal-UE. (minkejja li s-sitwazzjoni tvarja fil-livell tal-Istati Membri). Il-kontribuzzjoni żgħira tal-antraċit sussidjat għat-taħlita enerġetika ġenerali tal-UE tillimita bis-saħħa l-kapaċità ta' tali sussidji biex jikkompensaw għall-interruzzjonijiet fil-forniment, jew fil-faħam jew f'sorsi oħra ta' enerġija. Il-faħam issussidjat iservi biss għal 5.1% tal-produzzjoni tal-elettriċità fl-UE. Meta tkun ikkunsidrata biss l-għajnuna biex tkopri t-telf fil-produzzjoni, din iċ-ċifra tonqos għal 1.4% (anke jekk tista' tkun ogħla għal Stati Membri individwali). Iżda hekk kif l-iskadenza tar-Regolament dwar il-Faħam ser iġġiegħel xi Stati Membri jagħlqu l-minjieri tal-antraċit tagħhom, huma ser ikollhom jitrattaw il-konsegwenzi soċjali u reġjonali. Minħabba l-konċentrazzjoni reġjonali tal-minjieri tal-faħam (eż. ir-Ruhrgebiet fil-Ġermanja, il-majjistral ta' Spanja, il-Wied ta’ Jiu fir-Rumanija), l-impatt soċjali tal-għeluq simultanju tal-minjieri jista' ikun sinifikanti. Meta jkunu kkunsidrati l-impjiegi f'industriji relatati, sa 100000 impjieg huma fil-periklu. L-għeluq immedjat tal-minjieri li jista' jseħħ wara li twaqqif sobtu tas-sussidji jitfa’ piż żejjed fuq is-swieq tax-xogħol reġjonali li jfuru bil-ħaddiema tal-minjieri qiegħda, li ma jistgħux ikunu impjegati f'industriji oħra malajr biżżejjed u għalhekk hemm ir-riskju li jkunu qiegћda gћal żmien twil. Fir-rigward tal-ambjent, għandu jkun ikkunsidrat ukoll li l-għeluq ta' minjiera jeħtieġ serje ta' miżuri biex ikun riabilitat is-sit għat-tħaffir, bħat-tneħħija tat-tagħmir mill-minjiera, it-tindif tas-sit, xogħol ta' sigurtà taħt l-art, tneħħija ta' ilma maħmuġ, eċċ. F'każ li l-impriża tkompli b'attivitajiet ekonomiċi kemm tat-tħaffir u kemm le, il-finanzjament mill-Istat jista' jammonta għal għajnuna mill-Istat u l-attivitajiet l-oħra tal-impriża jistgħu jkunu f'riskju jekk l-impriża jkollha tbati dawn il-kosti weħedha. Din il-proposta għandha l-għan li toffri lill-Istati Membri qafas legali li jippermettilhom jindirizzaw b'mod iktar effettiv l-effetti negattivi possibbli tal-għeluq tal-minjieri li jistgħu jseħħu wara t-tneħħija gradwali tas-sussidji., speċjalment fir-rigward tal-apsetti soċjali u ambjentali tagħhom waqt li jkunu minimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fuq is-suq intern. 2. Konsultazzjoni pubblika Il-Kummissjoni għamlet konsulatzzjoni miftuħa permezz tal-internet fit-13 u l-15 ta' Mejju 2009. Għal dan il-għan, is-servizzi tal-Kummissjoni ppubblikaw dokument ta' konsultazzjoni fuq is-sit tal-Internet tagħhom li ddeskriva l-problema preżenti, l-objettivi tal-politika u l-għażliet varji tal-politika li l-partijiet involuti kienu mistiedna jikkumentaw dwarhom. Addizzjonalment, il-Kumitat Settorjali għad-Djalogu Soċjali "Industriji tal-Estrazzjoni" kien ikkonsulatat waqt laqgħa plenarja fl-4 ta' Ġunju 2009. Il-Kummissjoni rċeviet 60 kontribut. L-imsieħba soċjali tal-industrija tal-faħam u tal-industrija tat-tagħmir għat-tħaffir ġeneralment jargumentaw favur il-kontinwazzjoni tal-kategoriji ta' għajnuna mill-Istat attwalment permessi skont ir-Regolament dwar il-Faħam. Huma jsejħu għal almenu sistema ġdida tal-UE ta’ għajnuna mill-Istat għat-tnaqqis tal-attività kif ukoll għajnuna għall-għeluq ta' minjieri u għar-responsabbiltajiet li jkunu ntirtu. Kontrarjament għal dan, l-organizzazzjonijiet ambjentali ma jaqblux ma' sistema ġdida ta' għajnuna mill-Istat speċifika għas-settur tal-faħam. Huma jargumentaw li l-għajnuna mill-Istat għat-tħaffir għall-faħam għandha impatt negattiv fuq il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi nodfa, sostenibbli u rinnovabbli u ma tipprovdix inċentivi għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u li jibżgħu għaliha. Huma jargumentaw li jistgħu jinħolqu iktar postijiet tax-xogħol fis-settur tal-enerġija rinnovabbli milli ser jintilfu fis-settur tal-faħam. Il-gvernjiet tal-parti l-kbira tal-Istati Membri li jipproduċu l-faħam jippreferu jew titwil tar-Regolament dwar il-Faħam attwali jew Regolament ġdid li jippermetti almenu parti mill-għajnuna attwalment koperti. Xi ftit mill-Istati Membri li jipproduċu l-faħam urew inqas tħassib, jew għax huma diġà ma jagħtux għajnuna mill-Istat, jew għax jemmnu li r-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat ikunu biżżejjed biex jippovdu sostenn lill-industrija tal-faħam tagħhom. 3. Valutazzjoni tal-impatt Il-Kummissjoni Ewropea vvalutat għażliet ta' politika varji li jindirizzaw l-effetti negattivi possibbli tal-għeluq tal-minjieri li jistgħu jseħħu wara t-tneħħija grawdwali tas-sussidji, speċjalment fir-rigward tal-aspetti soċjali u ambjentali tagħhom. Għażla nru 1: ix-xenarju bażiku Skont ix-xenarju bażiku, il-Kummissjoi ma tiproponix strument legali ġdid speċifiku għas-settur applikabbli wara l-iskadenza tar-Regolament dwar il-Faħam. Mill-2011għas-settur tal-antraċit ikunu japplikaw biss ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ġenerali. Għażla nru 2: Linjigwida tal-Kummissjoni Skont l-għażla nru 2, il-Kummissjoni tadotta linjigwida bbażati fuq l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), li jkunu simili għal dawk adottati fis-setturi tal-bini tal-vapuri u tal-azzar u li jippermettu lill-Istati Membri jagħtu għajnuna limitata biex tkopri pagamenti mill-impriżi tal-faħam lill-ħaddiema li jitkeċċew jew biex jaċċettaw irtirar kmieni minħabba l-għeluq tal-minjieri, il-kosti biex tali ħaddiema jingħataw pariri u l-kosti biex jingħataw taħriġ vokazzjonali mill-ġdid. Tista' wkoll tkopri l-kostijiet biex jitlestew kuntratti li jkunu għaddejjin (għal massimu ta' sitt (6) xhur) jew il-kostijiet relatati mal-kanċellazzjoni ta' tali kuntratti, skont liema minn dawn jkun l-irħas. Addizzjonalment, tista' tkopri n-nefqa mġarrba għat-tindif immedjat u r-riabilitazzjoni tas-siti ta' produzzjoni, iżda ma tistax tkopri l-ammonti, kultant sinifikanti, involuti fir-riabilitazzjoni ta' taħt l-art minħabba li l-iskop u d-durata (xi kultant anki eterna) tagħhom jeċċedu dak li jista' ikun awtorizzat skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Għażla nru 3: Regolament tal-Kunsill li jippermetti għajnuna operattiva għal żmien limitat (għajnuna ta' għeluq) Skont l-għażla nru 3, il-Kumissjoni tipproponi Regolament tal-Kunsill fuq il-bażi tal-Artiklu 107(3)(e) TFUE. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jagħtu għajnuna operattiva ċarament digressiva mmirata biex tkopri t-telf mill-produzzjoni attwali sakemm takkompanja l-istralċ ordnat tal-attivitajiet fil-kuntest ta' pjan definit tajjeb għall-għeluq tal-minjiera (tikkonċerna biss minjieri li diġà jeżistu). Dan ikun tneħħija gradwali tal-għajnuna operattiva matul perjodu massimu ta' 10 snin. Għażla nru 4: Regolament tal-Kunsill li jippermetti għajnuna biex jiġu koperti kostijiet eċċezzjonali (responsabbiltajiet soċjali u ambjentali li jintirtu) Skont l-għażla nru 4, il-Kumissjoni tipproponi Regolament tal-Kunsill fuq il-bażi tal-Artiklu 107(3)(e) TFUE. Dan ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jagħtu għajnuna għall-kostijiet soċjali u ambjentali marbuta mal-għeluq tal-minjieri tal-faħam, bħal benefiċċji soċjali u kostijiet relatati mar-riabilitazzjoni tas-siti preċedentament użati għal minjieri tal-faħam, kif spjegat fl-Anness tar-Regolament dwar il-Faħam attwali. Għażla nru 5: l-għażla 3 u l-għażla 4 flimkien Skont l-għażla nru 5, il-Kummissjoni tipproponi Regolament tal-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(e) TFUE li jippermetti lill-Istati Membri jagħtu kemm għajnuna għall-għeluq (bħal fl-għażla 3) kif ukoll għajnuna li tkopri kostijiet eċċzzjonali (bħal fl-għażla 4) Għażla nru 6: titwil b'għaxar (10) snin tar-Regolament dwar il-Faħam attwali Skont l-għażla nru 6, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill biex itawwal ir-Regolament tal-Kunsill 1407/2002 - kif inhu llum - b'10 snin oħra, jiġifieri sal-aħħar tal-2020. Din l-għażla tkun differenti mill-għażla nru 5 billi tneħħi l-kondizzjonalità fir-rigward tal-għeluq tal-minjieri u l-possibbiltà li tingħata għajnuna għall-investiment. l-għażliet varji ġew imqabbla bil-preżunzjoni li l-Istati Membri kkonċernati fil-fatt jagħtu l-għajnuna kif permess skont l-għażliet rispettivi. Regoli tal-għajnuna mill-Istat speċifiċi għas-settur jipprovdu biss il-possibbiltà – mhux l-obbligu – ta’ għajnuna mill-Istat; il-valutazzjoni tal-impatt ma tistax tippresupponi d-deċiżjonijiet li l-Istati Membri ser jieħdu fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat. Minn perspettiva ekonomika , l-għażla nru 2 tidher preferibbli għax-xenarju bażiku f'termini ta' mitigazzjoni tal-impatt ekonomiku dirett fuq ir-reġjuni u l-industriji l-iktar ikkonċernati. Fl-istess ħin, hija preferuta iktar mill-għażliet nru 3 u 5 f'termini ta’ minimizzar tal-impatt fuq il-kompetizzjoni. Mill-perspettiva soċjali , l-għażla nru 5 tagħti l-iktar riżultat favorevoli meta imqabbla max-xenarju bażiku. L-għeluq gradwali tal-minjieri, li jagħmel l-aħjar użu mill-possibiltajiet tal-irtirar (kmieni) flimkien ma’ sostenn kumplimentari f'termini ta' għoti ta' pariri u taħriġ mill-ġdid effettivament inaqqsu l-impatt soċjali negattiv tal-għeluq tal-minjieri fir-reġjuni kkonċernati. Għalkemm ma tippromwovix il-ħolqien ta' impjiegi permanenti, din l-għażla tindirizza direttament il-problema li l-impatt soċjali tal-għeluq tal-minjieri huwa kkonċentrat fi ftit reġjuni. Minn perspettiva ambjentali, hemm ħafna inċertezzi. Għalkemm l-ambjent immedjat tal-minjieri ċertament jibbenefika minn waqfien tal-produzzjoni immedjat jew kważi immedjat (l-għażliet nru 1, 2 u 4), l-istampa mhux ċara fir-rigward tal-emissjonijiet globali tal-gass b'effett serra meta l-emissjonijiet mill-ħruq tal-faħam mill-produtturi tal-elettriċità jiġu kkunsidrati. Din l-inċertezza tirriżulta mir- rata għolja ta' sostituzzjoni tal-faħam lokali mill-faħam impurtat. Għalkemm din mhux ser tkun sostituzzjoni 100%, id-differenza bejn l-għażliet ta' politika tidependi fuq il-modalitajiet tal-politiki nazzjonali dwar preferenza għall-bidla lejn sorsi oħra ta' enerġija. Finalment, dwar l-impatt lokali, hemm bżonn nikkunsidraw li l-għażla nru 5 tiżgura l-finanzjament tar-riabilitazzjoni tas-siti tal-minjieri u li l-għeluq gradwali tal-minjieri jippermetti li jkunu kkunsidrati aħjar preparazzjonijiet li hemm bżonn isiru ħafna minn qabel l-għeluq. Il-valutazzjoni tal-impatt tikkonkludi li ma hemmx objettiv ċarament preferut għall-għażla ta' politika partikolari. L-għażliet 2 u 5 jispikkaw bħala l-iktar adegwati biex jintlaħqu l-objettiv tal-politika li jittaffa l-impatt tal-għeluq tal-minjieri filwaqt li wieħed jikkunsidra l-limitazzjonijiet legali imposti mill-Artikolu 107(3)(c) u l-Artikolu 107(3)(e), jiġifieri li l-ebda għajnuna operattiva ma tista' tingħata skont tal-ewwel. Fir-rigward tas-sempliċi titwil tar-Regolament dwar il-Faħam attwali (għażla nru 6), l-esperjenza fl-imgħoddi b'dan ir-Regolament uriet li d-digressività tiegħu u l-kondizzjonijiet marbuta miegħu huma dgħajfa wisq biex jiżguraw ristruttarazzjoni effettiva tal-industrija tal-faħam. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri jistgħu jitbiegħdu mill-objettiv tal-politika billi sempliċiment ikomplu jipprovdu għajnuna għall-produzzjoni lil minjieri li mhumiex kompetittivi mingħajr impenn ċar li jagħlqu. Minn dan joħroġ li l-istess impriżi tal-minjieri jistgħu jkunu għadhom mhux kompetittivi fid-data ta' skadenza ġdida tar-Regolamet 10 snin oħra. Il-problema sottostanti ta' nuqqas ta' kompetittività ma tkunx solvuta, iżda biss posposta. Abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiproponi Regolament tal-Kunsill ġdid ibbażat fuq l-għażla nru 5. Huwa minnu li l-għeluq tal-minjieri ser ikollu impatt soċjali kbir ikkonċentrat fi ftit reġjuni fl-UE li jirrikjedi perjodu tranżitorju adegwat. Matul dan il-perjodu tranżitorju, ser tkun neċessarja għajnuna operattiva biex tiżgura tneħħija gradwali xierqa u progressiva. Għar-raġunijiet legali spjegati hawn taħt, dan l-objettiv jista' jintlaħaq biss permezz ta' regolament tal-Kunsill ibbażat fuq l-Artikolu 107(3)(e). Fil-kuntest tal-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li se tingħata iktar attenzjoni lid-dimensjoni soċjali fit-tfassil tal-politika Ewropea, strument addizzjonali għall-Istati Membri biex itaffu l-impatt soċjali u reġjonali tal-għeluq tal-minjieri ser jikkontribwixxi biex itejjeb il-koeżjoni soċjali tar-reġjuni Ewropej. 4. Elementi legali tal-proposta Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi ta' l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern., ħlief jekk stipulat mod ieħor fit-Trattat. L-Artikolu 107(2) tat-TFUE jiddisponi li ċertu għajnuna hija awtomatikament kompatibbli mas-suq intern. L-Artikolu 107(3) tat-TFUE jelenka l-għajnuna li l-Kummissjoni tista' tiddikjara kompatibbli mas-suq intern. Ta' interess partikolari hu l-Artikolu 107(3) li jiddisponi għal derogi għal għajnuna mogħtija sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess tal-UE. L-Artikolu 107(3)(e) jiddisponi li kategoriji oħra ta' għajnuna kompatibbli mas-suq intern jistgħu jkunu speċifikati permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tqis li t-tip ta' għajnuna mill-Istat prevista fil-proposta preżenti - speċjalment fir-rigward ta' għajnuna operattiva ta' ammont sinifikanti u għal tul ta' żmien - tmur lilhinn mill-possibiltajiet offruti mill-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex juża l-Artikolu 107(3)(e) sabiex jiddefinixxi l-kategoriji tal-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-antraċit li l-Kummissjoni tista' tiddikjara kompatibbli mas-suq intern. 5. Implikazzjonijiet baġitarji Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit Komunitarju. 6. Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta Il-Kummissjoni tipproponi sistema ta' għajnuna mill-Istat speċifika għas-settur li għandha tiġi kkunsidrata bħala waħda tranżitorja lejn l-applikazzjoni kompluta tar-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-istat fis-settur tal-faħam (antraċit). Flimkien mal-possibiltajiet offruti mar-regoli ġenerali tal-għajnuna mill-Istat, il-proposta toffri l-possibbiltà li żewġ tipi ta' għajnuna għall-industrija tal-antraċit ikunu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern: għajnuna għall-għeluq u għajnuna biex tkopri kosti eċċezzjonali. Għajnuna għall-għeluq L-għajnuna għall-għeluq hija għajnuna operattiva maħsuba biex tkopri t-telf kurrenti fuq il-produzzjoni tal-unitajiet ta' produzzjoni li huma ppjanati għall-għeluq. Tippermetti proċess gradwali ta' għeluq tal-minjieri tal-faħam mhux kompetittivi. Din it-tip ta' għajnuna tista' tingħata biss lil minjieri tal-faħam fil-kuntest ta' pjan definittiv ta' għeluq. Għalhekk, l-għajnuna hija digressiva u trid tkun irkuprata f'każ li l-minjiera kkonċernata ma tingħalaqx. Tali għajnuna tista' tingħata biss lill-unitajiet ta' produzzjoni li kienu diġà attivi qabel ma l-Kummissjoni għamlet il-proposta tagħha. Diskussjonijiet bikrija mal-Istati Membri kkonċernati wrew li avvenimenti mhux mistennija jistgħu jeħtieġu stabilizzazzjoni temporanja jew żieda ta' sussidji bejn snin suċċessivi sabiex jippermettu li minjiera tal-faħam tkompli l-attività sad-data ta' għeluq ippjanata. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li titbiegħed ħarira minn waħda mill-modalitajiet deskritti fl-għażla nru 5 tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt: waqt li żżomm l-obbligu ġenerali ta' digressività sostanzjali, tipproponi rata ta' digressività definita bejn perjodi suċċessivi ta' ħmistax-il xahar (flok annwali). Hija tipproponi rata ta' digressività minima ta' 33% bejn perjodi suċċessivi ta' ħmistax-il xahar u tul massimu tal-pjan ta' għeluq ta' 4 snin. Il-proposta fiha wkoll salvagwardji biex ikunu evitati kumpensi żejda u biex ikunu limitati distorsjonijiet possibbli tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-enerġija. Għajnuna biex tkopri l-kosti eċċezzjonali Tali għajnuna hija mmirata biex tkopri kosti li mhumiex relatati mal-produzzjoni kurrenti u li jinqalgħu fil-kuntest tal-għeluq ta' minjieri, bħal l-hekk imsejħa responsabbiltajiet soċjali u ambjentali li jintirtu. L-anness tar-Regolament propost jinkludi lista eżawrjenti tal-kategoriji tal-kosti li jistgħu jkunu koperti. Proċeduri Il-proposta fiha dispożizzjonijiet proċedurali li huma simili ħafna għal dawk tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 u li l-aktar jiċċaraw kif tali għajnuna għandha tkun notifikata lill-Kummissjoni sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni qabel tikkonsidra l-awtorizazzjoni. 2010/0220 (NLE) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru .../... dwar għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 107(3)(e) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[4], Billi: 1. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002[5] tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2010. 2. Il-kontribuzzjoni żgħira tal-faħam issussidjat lejn it-taħlita enerġetika ġenerali ma għadhiex tiġġustifika ż-żamma ta' tali sussidji bil-għan li tkun żgurata l-provvista tal-enerġija fuq il-livell tal-Unjoni. 3. Il-politiki tal-Unjoni li jinkoraġġixxu enerġija rinnovabbli u l-użu ta' karburant fossili b'inqas karbonju għall-ġenerazzjoni tal-enerġija ma jiġġustifikawx is-sostenn indefinit tal-minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi. Il-kategoriji ta' għajnuna permessi mir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 għalhekk ma għandhomx jitkomplew indefinittivament. 4. Madanakollu, fin-nuqqas ta' regoli speċifiċi għas-settur dwar l-għajnuna mill-Istat, ser japplikaw biss ir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat għall-faħam. F'dan il-kuntest minjieri tal-faħam mhux kompetittivi li attwalment qed jibbenefikaw minn għajnuna skont ir-Regolament (KE) Nru 1407/2002, jistgħu ma jibqgħux eliġibbli għall-għajnuna u jistgħu jkunu mġiegħla jagħlqu. 5. Mingħajr ħsara għar-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri biex itaffu l-konsegwenzi soċjali u reġjonali tal-għeluq ta' dawk il-minjieri, jiġifieri l-istralċ ordnat tal-attivitajiet fil-kuntest ta' pjan ta' għeluq irrivokabbli u/jew il-finanzjament tal-kosti eċċezzjonali, partikolarment ir-responsabbiltajiet li jintirtu. 6. Dan ir-Regolament jimmarka t-tranżizzjoni tas-settur tal-faħam minn regoli speċifiċi għas-settur għar-regoli ġenerali ta' għajnuna mill-Istat li huma applikabbli għas-setturi kollha. 7. Sabiex jimminimizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern li jirriżultaw minn għajnuna, tali għajnuna għandha tkun digressiva u strettament limitata għall-unitajiet ta' produzzjoni li huma ppjanati għal għeluq irrevokabbli. 8. Sabiex jittaffa l-impatt ambjentali negattiv ta' għajnuna għall-faħam, l-Istati Membri għandhom jipprovdu pjan ta' miżuri xierqa, pereżempju fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija, enerġija rinnovabbli u l-ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju. 9. L-impriżi għandhom ikunu eliġibbli wkoll għal għajnuna biex ikopru kosti li, skont il-prattiċi normali tal-kontabbiltà, ma jaffettwawx direttament il-kosti ta' produzzjoni. Tali għajnuna hija intenzjonata biex tkopri kosti eċċezzjonali li jirriżultaw mill-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni. Sabiex ikun evitat li tali għajnuna tibbenifika impriżi li ma ħaqqhomx u li jagħlqu biss xi wħud mis-siti ta' produzzjoni tagħhom, l-impriżi kkonċernati għandhom iżommu kontijiet separati għal kull wieħed mill-unitajiet ta' produzzjoni tagħhom. 10. Fit-twettiq tal-kompitu tagħha, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni jiġu stabbiliti, miżmuma u mħarsa. Fir-rigward ta' iktar għajnuna lill-industrija tal-faħam, speċjalment għas-suq tal-elettriċità, din ma għandhiex tkun tali li taffetwa lilll-produtturi tal-enerġija fl-għażla tas-sorsi primarji ta’ provvista ta' enerġija. Konsegwentament, il-prezzijiet u l-kwantitajiet tal-faħam għandhom ikunu maqbula liberament bejn il-partijiet kontraenti fid-dawl tal-kondizzjonijiet prevalenti fis-suq dinji. 11. L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ma teskludix li għajnuna għall-industrija tal-faħam tista' tinsab kompatibbli mas-suq intern għal raġunijiet oħra; 12. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-miżuri notifikati abbażi ta’ dan ir-Regolament u tieħu d-deċiżjonijiet skont ir-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE[6]. ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: TAQSIMA I DISPOżIZZJONIJIET PRELIMINARI ARTIKOLU 1 Definizzjonijiet Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: (a) "faħam" tfisser faħam fil-kategoriji A u B ta' grad għoli, grad medju u grad baxx fi ħdan it-tifsira tas-sistema ta' kodifikazzjoni internazzjonali għall-faħam stabbilita mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti[7]; (b) "għeluq" tfisser il-waqfien permanenti tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-faħam; (c) "pjan ta' għeluq" tfisser pjan imfassal minn Stat Membru li jipprovdi għal miżuri li jilħqu l-qofol tagħhom fl-għeluq definittiv ta’ unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam; (d) "unità ta' produzzjoni tal-faħam" tfisser sit tal-faħam taħt l-art jew fil-miftuħ u infrastrutturi relatati kapaċi jipproduċu faħam grezz indipendentament minn partijiet oħra tal-impriża; (e) "Sena tal-faħam" tfisser sena kalendarja jew perjodu ieħor ta' 12-il xahar użat bħala referenza għal kuntratti fl-industrija tal-faħam; (f) "kosti tal-produzzjoni" tfisser kosti totali relatati mal-produzzjoni attwali, inklużi operazzjonijiet ta' tħaffir, operazzjonijiet għat-tlestija tal-faħam, b'mod partikolari il-ħasil, l-għażla skont id-daqs u l-kwalità, u t-trasport lejn il-post tal-kunsinna, deprezzament normali u imposti ta' interessi bbażati fuq is-suq fuq kapital misluf. (g) "telf fuq il-produzzjoni attwali" tfisser id-differenza pożittiva bejn il-kost tal-produzzjoni tal-faħam u l-prezz tal-bejgħ fil-waqt tal-kunsinna miftiehem liberament bejn il-partijiet kontraenti fid-dawl tal-kondizzjonijiet prevalenti fis-suq dinji; (h) "importazzjoni tal-faħam" tfisser kwalunkwe kunsinna tal-prodotti tal-faham li toriġina minn pajjiżi terzi u li tidħol fit-territorju doganali tal-Komunità għal għanijiet oħra minbarra ta’ tranżitu, maħsuba għall-produzzjoni tal-elettriċità jew għall-provvista tal-fran tal-kokk tal-Istati Membri. Taqsima II KOMPATIBILITÀ TAL-GħAJNUNA ARTIKOLU 2 Prinċipju 1. Fil-kuntest tal-għeluq definittiv ta’ minjieri nonkompetittivi, għajnuna lill-industrija tal-faħam tista' tkun ikkunsidrata kompatibbli mal-funzjonament xieraq tas-suq intern jekk tirrispetta d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. 2. L-għajnuna għandha tkopri biss kosti dwar faħam għall-produzzjoni tal-elettriċità, il-produzzjoni tas-sħana u l-elettriċità flimkien, il-produzzjoni tal-kokk u l-karburazzjoni tal-kalkari tal-blast fl-industrija tal-azzar, fejn tali użu jseħħ fl-Unjoni, Artikolu 3 Għajnuna għall-għeluq 1. L-għajnuna lil xi impriża maħsuba speċifikament biex tkopri t-telf mill-produzzjoni kurrenti tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam tista’ titqies biss kompatibbli mas-suq intern jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin: (a) l-operazzjoni tal-unitajiet ta' produzzjoni kkonċernati trid tkun tagħmel parti minn pjan ta’ għeluq li l-iskadenza tiegħu ma taqbiżx l-1 ta’ Ottubru 2014; (b) l-unitajiet ta' produzzjoni kkonċernati jridu jingħalqu definittivament skont il-pjan ta' għeluq; (c) l-għajnuna nnotifikata ma għandhiex teċċedi d-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni prevedibbli u d-dħul prevedibbli għal sena tal-faħam; l-għajnuna attwalment imħallsa trid tkun suġġetta għal korrezzjoni annwali, bbażati fuq il-kosti u d-dħul attwali, sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena ta' produzzjoni tal-faħam wara is-sena li fiha ingħatat l-għajnuna; (d) l-ammont ta’ għajnuna ekwivalenti għal kull tunnellata ta’ faħam ma tridx twassal biex il-prezzijiet mal-kunsinna tal-faħam ikunu orħos mill-prezzijiet ta’ faħam ta’ kwalità simili minn pajjiżi terzi; (e) l-unitajiet ta’ produzzjoni kkonċernati kellhom ikunu attivi fil-31 ta' Diċembru 2009; (f) l-ammont globali tal-għajnuna għall-għeluq mogħtija minn Stat Membru għal kwalunkwe impriża partikolari jrid isegwi xejra 'l isfel, fejn it-tnaqqis bejn il-perjodi suċċessivi ta' ħmistax-il xaħar ma jridx ikun inqas minn 33 fil-mija tal-għajnuna pprovduta fil-perjodu inizjali ta' ħmistax-il xaħar tal-pjan ta' għeluq; (g) l-ammont globali tal-għajnuna għall-għeluq lill-industrija tal-faħam ta' Stat Membru ma jridx jeċċedi, fi kwalunkwe sena wara l-2010, l-ammont ta' għajnuna mogħtija minn dak l-Istat Membru u awtorizzata mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002 għas-sena 2010. (h) l-Istat Membru għandu jipprovdi pjan biex jieħu miżuri bil-għan li jittaffa l-impatt ambjentali tal-użu tal-faħam, pereżempju fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija, enerġija rinnovabbli u l-ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju. L-inklużjoni ta' miżuri li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) f'tali pjan hija mingħajr ħsara għall-obbligi ta' notifika u ta' waqfien imposti fuq l-Istat Membru permezz tal-Artikolu 108(3) TFUE fir-rigward ta' dawn il-miżuri, u għal kompatibbiltà ta' dawn il-miżuri mas-suq intern." 2. Jekk l-unitajiet ta' produzzjoni li għalihom tingħata l-għajnuna skont il-paragrafu 1 ma jingħalqux fid-data stabbilita fil-pjanijiet ta' għeluq awtorizzati mill-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirkupra l-għajnuna kollha mogħtija għall-perjodu kollu kopert mill-pjan ta' għeluq. Artikolu 4 Għajnuna biex tkopri l-kosti eċċezzjonali 1. Għajnuna mill-Istat mogħtija lill-impriżi li jwettqu jew wettqu xi attività konnessa mal-produzzjoni tal-faħam sabiex ikunu jistgħu jkopru l-kosti li jiġu jew li ġew miill-għeluq ta’ unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam u li mhumiex relatati mal-produzzjoni kurrenti, tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern sakemm l-ammont imħallas ma jeċċedix dawn il-kosti. Tali għajnuna tista' tintuża biex tkopri: (a) il-kosti mġarrba biss mill-impriżi li qed jagħlqu jew għalqu unitajiet ta' produzzjoni, inkluż impriżi li jibbenefikaw minn għajnuna għall-għeluq; (b) il-kosti mġarrba minn għadd ta' impriżi. 2. Il-kategoriji ta' kosti koperti mill-paragrafu 1 huma definiti fl-Anness. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal kosti li jirriżultaw minn nonkonformità mar-regolamenti ambjentali. Artikolu 5 Kumulazzjoni 1. L-ammont massimu ta' għajnuna awtorizzata skont dan ir-Regolament għandu japplika kemm jekk l-għajnuna tkun iffinanzjata kompletament mir-riżorsi tal-Istat kif ukoll jekk tkun parzjalment finanzjata mill-Unjoni. 2. Għajnuna awtorizzata skont dan ir-Regolament ma għandhiex tkun kombinata ma’ għajnuna oħra mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE jew ma’ forom oħra ta' finanzjament Komunitarju għall-istess kosti eliġibbli jekk tali kombinazzjoni.tirriżulta f'ammont ta' għajnuna ogħla minn dak awtorizzat skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Artikolu 6 Separazzjoni tal-kontijiet Kull għajnuna li jirċievu l-impriżi għandha tintwera fil-kontijiet ta’ qligħ u telf bħala entrata separata ta’ dħul distinta mill-fatturat. Impriżi li jibbenefikaw minn għajnuna skont dan ir-Regolament għandhom iżommu kontijiet preċiżi u separati għal kull waħda mill-unitajiet ta' produzzjoni u għall-attivitajiet ekonomiċi li mhumiex relatati mat-tħaffir għall-faħam. Il-fondi għandhom ikunu ġestiti b'tali mod li ma jkun hemm l-ebda possibiltà li jkunu trasferiti lil unitajiet ta' produzzjoni oħra li ma jkunux parti mill-pjan ta' għeluq jew lil attivitajiet ekonomiċi oħra tal-istess impriża. Taqsima III PROċEDURI ARTIKOLU 7 Informazzjoni li għandha tkun ipprovduta mill-Istati Membri 1. Flimkien mad-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE[8], l-għajnuna kif imsemmija f’dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għar-regoli speċjali stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6. 2. Stati Membri li jkollhom l-intenzjoni li jagħtu għajnuna għall-għeluq kif imsemmija fl-Artikolu 4 għandhom jinnotifikaw pjan ta' għeluq għall-unitajiet ta' produzzjoni kkonċernati lill-Kummissjoni. Il-pjan għandu jkun fih almenu dan li ġej: (a) identifikazzjoni tal-unitajiet ta' produzzjoni, (b) il-kosti tal-produzzjoni reali jew stmati kull sena tal-faħam għal kull unità ta' produzzjoni, (c) il-produzzjoni tal-faħam stmata, kull sena tal-faħam, mill-unitajiet ta' produzzjoni li jkunu suġġetti għal pjan ta’ għeluq; (d) l-ammont stmat ta' għajnuna għall-għeluq għall kull sena tal-faħam. 3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kwalunkwe emenda għall-pjan ta' għeluq lill-Kummissjoni. 4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-għajnuna kollha li għandhom l-intenzjoni li jagħtu lill-industrija tal-faħam skont dan ir-Regolament matul sena tal-faħam. Huma għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni d-dettalji kollha relevanti għall-kalkolu tal-kosti tal-produzzjoni prevedibbli flimkien mar-relazzjoni tagħhom mal-pjan ta' għeluq li jkun ġie nnotifikat lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2. 5. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-ammont u dwar il-kalkoli tal-għajnuna attwalment imħallsa matul sena tal-faħam sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem ta’ dik is-sena. Fejn issir kwalunkwe korrezzjoni lill-ammonti oriġinarjament imħallsa matul sena tal-faħam partikolari, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni qabel it-tmiem tas-sena tal-faħam segwenti. 6. Meta jinnotifikaw għajnuna kif imsemmi fl-Artikoli 4 u 5 u meta jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar għajnuna attwalment imħallsa, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja biex il-Kummissjoni tivverifika li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament huma mħarsa. Taqsima IV DISPOżIZZJONIJIET FINALI ARTIKOLU 8 Miżuri ta' implimentazzjoni Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Tista' tistabbilixxi qafas konġunt għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni imsemmija fl-Artikolu 7. Artikolu 9 Dħul fis-seħħ 1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2011. 2. Dan ir-Regolament għandu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, […] Għall-Kunsill Il-President […] ANNESS Definizzjoni tal-kosti imsemmija fl-Artikolu 4 1. Kosti imġarrba u dispożizzjonijiet għall-kosti magħmula biss minn impriżi li qed jagħlqu unitajiet ta' produzzjoni. Esklussivament il-kategoriji ta' kosti li ġejjin u biss jekk jirriżultaw mill-għeluq ta' unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam : (a) l-kost tal-ħlas ta’ benefiċċji soċjali biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jirtiraw qabel jilħqu l-età tal-pensjoni; (b) nefqa oħra eċċezzjonali fuq ħaddiema li jitilfu xogħolhom; (c) il-ħlas ta' pensjonijiet u benefiċċji barra mis-sistema statutorja lil ħaddiema li jitilfu xogħolhom u lil ħaddiema li kienu intitolati għal dawn il-ħlasijiet qabel l-għeluq; (d) il-kost kopert mill-impriżi biex il-ħaddiema jerġgħu jaddattaw irwieħhom u b’hekk jiġu megħjuna jsibu xogħol ġdid barra mill-industrija tal-faħam, b'mod speċjali kosti għat-taħriġ; (e) il-provvista ta' faħam b'xejn lil ħaddiema li jitilfu xogħolhom u lil ħaddiema li kienu intitulati għal tali provvista qabel l-għeluq, jew il-valur monetarju ekwivalenti; (f) kosti residwi li jirriżultaw min dispożizzjonijiet amministrattivi, legali jew fiskali li huma speċifiċi għall-industrija tal-faħam; (g) xogħol ieħor għas-sigurtà taħt l-art li jirriżulta mill-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni; (h) dannu kkawżat mill-minjieri, bil-kondizzjoni li dan kien ikkawżat mill-unitajiet ta' produzzjoni soġġetti għall-għeluq; (j) kosti relatati mar-riabilitazzjoni ta' dawk li qabel kienu siti tal-minjieri, b’mod partikolari: - kosti residwi li jirriżultaw minn kontribuzzjonijiet lill-korpi responsabbli mill-provvista tal-ilma u mit-tneħħija tal-ilma maħmuġ, - kosti residwi oħra li jirriżultaw mill-provvista tal-ilma u mit-tneħħija tal-ilma maħmuġ; (j) kosti residwi li jkopru l-assigurazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema tal-minjieri rtirati; (k) kosti relatati mal-kanċellazzjoni jew il-modifikazzjoni ta' kuntratti li għadhom għaddejjin (għal valur massimu ta' 6 xhur produzzjoni) (l) deprezzament intrinsiku eċċezzjonali sakemm jirriżulta fl-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni Iż-żieda fil-valur tal-art għandha titnaqqas mill-kosti eliġibbli għall-kategoriji (g), (h) u (i). 2. Kosti imġarrba u dispożizzjonijiet għall-kosti magħmula minn bosta impriżi (a) żieda fl-kontribuzzjonijiet, barra mis-sistema statutorja, li tkopri kosti tas-sigurtà soċjali b'riżultat tat-tnaqqis fin-numru ta' kontributuri, wara l-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni; (b) nefqa, li tirriżulta mill-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni, fuq il-provvista tal-ilma u t-tneħħija tal-ilma maħmuġ; (c) żieda fil-kontribuzzjonijiet lill-korpi responsabbli mill-provvista tal-ilma u mit-tneħħija tal-ilma maħmuġ, sakemm din iż-żieda tirriżulta mit-tnaqqis, wara l-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni, fil-produzzjoni tal-faħam soġġetta għal imposta. [1] ĠU L205, 2.8.2002, p.1 [2] ĠU C […], […], p. […]. [3] ĠU C […], […], p. […]. [4] ĠU C […], […], p. […]. [5] ĠU L 205, 2.8.2002,p.1 [6] ĠU L83, 27.3.1999, p.1 [7] Sistema internazzjonali għall-kodifikazzjoni tal-faħam ta' grad medju u għoli (1998). Klassifikazzjoni internazzjonali tal-faħam fis-saff (1998) u Sistema internazzjonali tal-kodifikazzjoni ta' faħam ta' grad baxx (1999). [8] ĠU L 83, 27.3.1999, p.1