27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 21/16


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/113

tat-23 ta’ Jannar 2020

li temenda d-Deċiżjoni 2009/11/KE li tawtorizza metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fi Spanja

(notifikata bid-dokument C(2020) 232)

(it-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 20(p) u (t) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-punt 1 tat-Taqsima B.IV tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li, għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjal, il-kontenut tal-laħam dgħif irid jiġi vvalutat permezz ta’ metodi ta’ klassifikazzjoni awtorizzati mill-Kummissjoni u jistgħu jiġu awtorizzati biss metodi ta’ valutazzjoni ppruvati statistikament ibbażati fuq il-kejl fiżiku ta’ parti anatomika waħda jew aktar tal-karkassa tal-majjal. Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tal-metodi ta’ klassifikazzjoni tkun soġġetta għall-konformità ma’ tolleranza massima għall-erruri statistiċi fil-valutazzjoni. Dik it-tolleranza hi definita fil-Parti A tal-Anness V tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182 (2).

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/11/KE (3), ġie awtorizzat l-użu ta’ disa’ metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fi Spanja.

(3)

Jenħtieġ li ma jitħallewx isiru modifiki tal-apparat jew tal-metodi ta’ klassifikazzjoni, sakemm dawn ma jkunux awtorizzati espliċitament permezz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

(4)

Spanja talbet lill-Kummissjoni biex tirtira l-awtorizzazzjoni tal-metodu “Ultrafom 300” mil-lista tal-metodi awtorizzati għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fit-territorju tagħha, minħabba li l-metodu ma għadux jintuża fit-territorju tagħha.

(5)

Spanja talbet lill-Kummissjoni tawtorizza metodu ġdid għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjal fit-territorju tagħha, u ppreżentat deskrizzjoni dettaljata tal-provi tad-dissezzjoni, u indikat il-prinċipji li fuqhom se jissejsu dawn il-metodi, ir-riżultati tal-provi tad-dissezzjoni tagħha u l-ekwazzjonijiet użati biex jiġi vvalutat il-perċentwal tal-laħam dgħif fil-protokoll previst fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182.

(6)

L-eżami ta’ dik it-talba wera li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ dawk il-metodi ta’ klassifikazzjoni huma ssodisfati. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-metodi ta’ klassifikazzjoni jiġu awtorizzati fi Spanja.

(7)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/11/KE tiġi emendata skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2009/11/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-ewwel paragrafu huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (c) jitħassar;

(ii)

il-punt (i) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

l-apparat “gmSCAN” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti 9 tal-Anness;”;

(iii)

jiżdied il-punt (j) li ġej:

“(j)

l-apparat “OptiScan TP” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti 10 tal-Anness.”;

(b)

it-tieni paragrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-metodu manwali ZP b’riga, imsemmi fil-punt (g) tal-ewwel paragrafu, għandu jiġi awtorizzat biss għall-biċċeriji:

(a)

li fihom ma jinqatlux iktar minn 700 majjal fil-ġimgħa fuq bażi medja annwali; kif ukoll

(b)

li jkollhom linja tal-qatla li fiha ma jkunux jistgħu jiġu pproċessati aktar minn 50 majjal fis-siegħa.”;

(2)

L-Anness hu emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kummissjoni

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u dwar ir-rapportar tal-prezzijiet tas-suq ta’ ċerti kategoriji ta’ karkassi u annimali ħajjin (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 74).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/11/KE tad-19 ta’ Diċembru 2008 li tawtorizza metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fi Spanja (ĠU L 6, 10.1.2009, p. 79).


ANNESS

L-Anness huwa emendat kif ġej:

(1)

il-Parti 3 titħassar;

(2)

il-Partijiet 5, 6 u 7 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“ Parti 5

FAT-O-MEAT’ER (FOM II)

1.

Ir-regoli previsti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-apparat magħruf bħala “Fat-O-Meat’er (FOM II)”.

2.

L-apparat huwa verżjoni ġdida tas-sistema tal-kejl Fat-O-Meat’er. Il-FOM II jikkonsisti f’sonda ottika b’sikkina, tagħmir għall-kejl tal-fond li jkollu distanza operattiva ta’ bejn 0 u 125 mm u bord tal-akkwist u l-analiżi tad-data - kompjuter Carometec Touch Panel i15 (Ingress Protection IP69K). Ir-riżultati tal-kejl jinqalbu f’kontenut tal-laħam dgħif stmat permezz tal-apparat FOM II stess.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif ta’ karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

Ŷ = 69,592 – (0,741 × X1)+ (0,066 × X2)

fejn:

Ŷ =

il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat f’karkassa;

X1 =

il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (bil-ġilda ta’ barra) f’millimetri, imkejla b’mod perpendikulari sad-dahar tal-karkassa f’6 ċentimetri ’l bogħod mil-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma, bejn it-tielet u r-raba’ kustilja tal-aħħar,

X2 =

il-ħxuna tal-muskolu dorsali f’millimetri, imkejla fl-istess ħin, fl-istess post u bl-istess mod bħal X1.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kilogramm (f’piż tal-karkassa sħuna).

Parti 6

AUTOFOM III

1.

Ir-regoli stipulati f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz ta’ apparat magħruf bħala “AutoFOM III”.

2.

L-apparat għandu jkun mgħammar b’16-il transducer ultrasoniċi ta’ 2 MHz (Carometec A/S), b’distanza operattiva bejn it-transducers ta’ 25 mm. Id-data ultrasonika għandha tinkludi l-kejl tal-ħxuna tax-xaħam tad-dahar, il-ħxuna tal-muskolu u l-parametri relatati. Ir-riżultati tal-kejl jinqalbu fi stimi tal-perċentwal tal-laħam dgħif bl-użu ta’ kompjuter.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif ta’ karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

Ŷ = 75,39088 – (1,39968 × R2P1) – (0,45787 × R2P4) – (0,47094 × R2P10) + (0,20349 × R4P6)

fejn:

Ŷ =

il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat f’karkassa,

R2P1 =

il-ħxuna medja tal-ġilda;

R2P4 =

Il-kejl tax-xaħam P2 fil-pożizzjoni magħżula f’millimetri;

R2P10 =

ix-xaħam minimu tas-sezzjoni trażversali f’millimetri;

R4P6 =

il-kejl tax-xaħam fat 1 fil-punt MFT magħżul.

Din il-formula hija valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kg (piż tal-karkassa sħuna).

Parti 7

METODU MANWALI (ZP)

1.

Ir-regoli pprovduti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-“metodu manwali (ZP)” bil-kejl bir-riga.

2.

Dan il-metodu jista’ jiġi implimentat permezz ta’ riga, meta l-klassifika tiġi ddeterminata abbażi ta’ ekwazzjoni ta’ tbassir. Huwa bbażat fuq il-kejl manwali tal-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma tal-ħxuna tax-xaħam u l-ħxuna tal-muskolu.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassi għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

Ŷ = 66,324 – (0,526 × F) + (0,034 × M)

fejn:

Ŷ =

il-perċentwal stmat ta’ laħam dgħif fil-karkassa,

F =

il-ħxuna minima tax-xaħam viżibbli (inkluża l-ġilda ta’ barra), f’millimetri, fuq il-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma f’millimetri, li tkopri l-muskolu gluteus medius,

M =

il-ħxuna viżibbli tal-muskolu lumbari, f’millimetri, fuq il-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma, imkejla fuq l-iqsar konnessjoni bejn it-tarf ta’ quddiem (tal-kranju) tal-muskolu gluteus medius u t-tarf ta’ fuq (dorsali) tal-kanal vertebrali.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kg (piż tal-karkassa sħuna).”

(3)

Tiżdied il-Parti 10 li ġejja:

“ Parti 10

OPTISCAN TP

1.

Ir-regoli stipulati f’din il-parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-apparat magħruf bħala “OptiScan TP”.

2.

L-apparat Optiscan-TP għandu jkun mgħammar b’imager diġitali li tieħu ritratt illuminat taż-żewġ punti tal-kejl fuq il-karkassi. L-immaġnijiet għandhom ikunu l-bażi għall-kalkolu tal-ħxuna tax-xaħam u tal-muskolu. Ir-riżultati tal-kejl għandhom ikunu kkonvertiti f’kontenut ta’ laħam dgħif stmat permezz tal-apparat Optiscan-TP nnifsu. Ir-ritratti jinħażnu u mbagħad aktar tard jistgħu jiġu kkontrollati. L-interfaċċa Bluetooth® integrata tippermetti t-trasferiment faċli tad-data.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif ta’ karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

Ŷ = 67,496 – (0,522 × F) + (0,032 × M)

fejn:

Ŷ =

il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat f’karkassa;

F =

il-ħxuna minima tax-xaħam viżibbli (inkluża l-ġilda ta’ barra), f’millimetri, fuq il-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma f’millimetri, li tkopri l-muskolu gluteus medius;

M =

il-ħxuna viżibbli tal-muskolu lumbari, f’millimetri, fuq il-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma, imkejla fuq l-iqsar konnessjoni bejn it-tarf ta’ quddiem (tal-kranju) tal-muskolu gluteus medius u t-tarf ta’ fuq (dorsali) tal-kanal vertebrali.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kilogramm (f’piż tal-karkassa sħuna).”.