1.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta’ Diċembru 2009

dwar l-għajnuna mill-Istat C 39/08 (ex N 148/08) ippjanata mir-Rumanija għal taħriġ minn Ford Craiova

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 9350)

(Il-test Rumen biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/357/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-1 ta’ April 2008 dwar għajnuna ad hoc għal taħriġ individwali għall-ammont ta’ EUR 57 miljun favur kumpanija li tipproduċi l-karozzi, Ford Romania SA, li tinsab fi Craiova.

(2)

Permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni informat lir-Rumanija li hija ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE (issal-Artikolu 108(2) TFUE) (2) fir-rigward tal-għajnuna nnotifikata, u talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom (3).

(3)

Ir-Rumanija ssottomettiet il-kummenti tagħha permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2008. Fit-18-19 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni ltaqgħet mal-awtoritajiet Rumeni u mar-rappreżentanti ta’ Ford fil-bini tal-impjant ta’ Craiova.

(4)

Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni aċċettat it-talba tal-benefiċjarja biex testendi l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-kummenti tagħha. Ford issottomettiet il-kummenti tagħha permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Diċembru 2008. Dawn il-kummenti ntbagħtu lir-Rumanija permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Marzu 2009.

(5)

Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni permezz ta’ ittri tas-6 ta’ Marzu 2009 u tat-23 ta’ Ġunju 2009. L-awtoritajiet Rumeni wieġbu fit-2 ta’ April 2009 u fit-22 ta’ Lulju 2009 rispettivament.

(6)

Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kumment minn partijiet terzi interessati oħrajn.

2.   DESKRIZZJONI TAL-PROĠETT

Il-benefiċjarja

(7)

Il-benefiċjarja tal-għajnuna hija Ford Romania SA, parti minn Ford Motor Company, li fit-12 ta’ Settembru 2007 xtrat mingħand l-aġenzija ta’ privatizzazzjoni Rumena AVAS l-impjant tal-karozzi u n-negozju li qabel kien jopera fi Craiova minn SC Automobile Craiova SA u SC Daewoo Automobile SA (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Ford Craiova”).

(8)

Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni sabet li l-ftehim ta’ privatizzazzjoni kien jinvolvi għajnuna inkompatibbli, u ordnat l-irkupru ta’ EUR 27 miljun (4). Is-somma ġiet irrimborżata bl-imgħax fis-27 ta’ Ġunju 2008.

(9)

Ford xtrat l-impjant tal-karozzi fi Craiova biex tibda tipproduċi, mill-2009, żewġ tipi ġodda ta’ vetturi (B-MAV, mudell multifunzjonali żgħir, u ISV, vettura ħafifa adattata għat-trasport ta’ prodotti u/jew passiġġieri), u mill-2011, ġenerazzjoni ġdida ta’ magni b’emissjonijiet baxxi ta’ CO2. Dan il-proġett sejjer jinvolvi l-ħolqien ta’ żewġ linji ta’ produzzjoni ġodda, għal stima ta’ investiment globali ta’ EUR 675 miljun. Skont il-ftehim ta’ privatizzazzjoni, Ford impenjat ruħha li żżomm it-3 900 ħaddiem eżistenti u li toħloq impjiegi ġodda, bil-mira li tilħaq total ta’ 9 000 impjegat sal-aħħar tas-sena 2012.

(10)

L-impjant ta’ Craiova huwa bbażat f’reġjun żvantaġġjat li huwa eliġibbli għal għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2008, il-Kummissjoni approvat is-somma ta’ EUR 143 miljun ta’ għajnuna reġjonali lil Ford Craiova, li tikkorrespondi għall-intensità ta’ għajnuna massima permessa għal proġett ta’ investiment kbir ta’ dan id-daqs f’reġjun li huwa eliġibbli għal intensità ta’ għajnuna massima bażika ta’ 50 % tal-ispejjeż tal-investiment eliġibbli (5).

Il-proġett ta’ taħriġ

(11)

L-għajnuna nnotifikata tappoġġa programm ta’ taħriġ komprensiv ta’ 5 snin li Ford għandha l-ħsieb li toffri kemm lill-ħaddiema eżistenti (3 900) kif ukoll lill-impjegati futuri tal-impjant tal-karozzi fi Craiova, sa total ta’ 9 000 impjegat. Il-programm ta’ taħriġ huwa stmat li jiswa total ta’ EUR 185,5 miljun (6), li EUR 128,5 miljun minnhom sejrin jiġu kkontribwiti minn Ford, u EUR 57 miljun sejrin jiġu pprovduti mir-Rumanija fil-forma ta’ għajnuna għat-taħriġ.

(12)

Il-programm ta’ taħriġ għandu struttura bidimensjonali.

(13)

Fuq id-dimensjoni vertikali, il-programm jikkonsisti f’diversi saffi. L-ewwel saff jinkludi taħriġ li huwa jew meħtieġ mil-liġi tal-UE/Rumena u/jew huwa neċessarju sabiex l-impjant jitmexxa b’mod effiċjenti – li jista’ jiġi definit bħala “taħriġ speċifiku għall-kumpanija”. Dan is-saff ta’ taħriġ mhuwiex eliġibbli għall-għajnuna. L-ispiża stmata tiegħu ta’ madwar EUR 29,7 miljun titħallas kollha kemm hi minn Ford. Is-saffi addizzjonali jinkludu: taħriġ li jiġi offrut biss parzjalment fin-nuqqas ta’ għajnuna (jiġifieri sa 40 % tal-kontenut tal-kors komplet); taħriġ li ma jiġix offrut fin-nuqqas ta’ għajnuna; u taħriġ relatat mal-għażla tal-kategoriji ta’ impjegati.

(14)

Fuq id-dimensjoni orizzontali, il-programm joffri 269 kors, miġbura madwar erba’ temi/blokok ta’ taħriġ ewlenin:

—

Sigurtà: 79 kors immirati biex jiżviluppaw kultura ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dawn il-korsijiet huma maqsuma f’erba’ sottotemi prinċipali: sigurtà bażika għall-post tax-xogħol; użu mingħajr periklu ta’ makkinarju u tagħmir personali protettiv; is-sigurtà tan-nies li jimxu fit-triq; l-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tar-riskji u l-perikli. Kull kors jikkonsisti minn parti introduttorja, li trid tiġi segwita minn taħriġ intensiv fl-imġiba. Mid-79 kors offruti taħt dan il-blokk, 61 huma indirizzati kemm għall-impjegati li jagħmlu xogħol manwali kif ukoll għall-persunal f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija, filwaqt li 18-il kors huma indirizzati biss għall-kategorija ta’ professjonisti msemmija l-aħħar.

It-taħriġ li għandu jiġi pprovdut mill-kumpanija sabiex jintlaħqu l-istandards interni ta’ sigurtà tal-kumpanija u sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li jirriżultaw mir-regolamenti tas-sigurtà tal-UE u tar-Rumanija mhuwiex meqjus bħala eliġibbli għall-għajnuna (7). L-ispejjeż eliġibbli għal dan il-blokk jammontaw għal EUR 17,57 miljun, li għalihom tista’ tintalab għajnuna sa EUR 8,43 miljun.

—

Ħiliet fundamentali: 59 kors immirati biex jappoġġaw l-iżvilupp personali tal-impjegati, billi jipprovdulhom ħiliet ta’ valur ġenerali. Il-korsijiet huma miġbura taħt is-sottotemi li ġejjin: il-lingwa Rumena għall-impjegati espatrijati; ħiliet ta’ tmexxija għal sorveljaturi/foremen; ħiliet fl-użu tal-Outlook u ħiliet bażiċi fl-IT; ħiliet fil-lingwa Ingliża għall-forza tax-xogħol lokali; ħiliet fil-kitba u l-qari u ħiliet numeriċi; ħiliet bażiċi fit-tmexxija għall-impjegati fil-livelli kollha; taħriġ estensiv fl-IT; taħriġ individwalizzat fid-dettall għal impjegati li jintgħażlu biex iservu bħala mudell. B’mod partikolari, 14 minn dawn il-korsijiet huma indirizzati kemm għall-persunal li jagħmlu xogħol manwali kif ukoll għal persunal f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija (8), filwaqt li 45 kors huma indirizzati biss għall-kategorija ta’ professjonisti msemmija l-aħħar.

L-ispiża stmata tal-korsijiet meqjusa bħala mhux eliġibbli għall-għajnuna sejra tkun koperta kompletament mill-Ford (9). L-ispejjeż eliġibbli għal dan il-blokk jammontaw għal EUR 93.13-il miljun, li għalihom tista’ tintalab għajnuna sa EUR 46,56 miljun. B’mod partikolari, il-korsijiet fil-kitba u l-qari u fl-għadd tan-numri, li sejrin jiġu pprovduti kemm lill-impjegati li jagħmlu xogħol manwali kif ukoll lill-persunal f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija, ingħataw baġit ta’ madwar EUR 22,5 miljun kull wieħed.

—

Prinċipji Fundamentali tan-Negozju: 73 kors maħsuba biex il-forza tax-xogħol tiġi aġġornata dwar il-prattiċi kummerċjali Ewropej u globali. Parti mill-korsijiet offruti taħt dan il-blokk, jiġifieri 20 (10), ikopru lill-impjegati li jagħmlu xogħol manwali u persunal f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija (mexxejja tat-timijiet, sorveljaturi, persunal speċjalizzat u maniġers). Il-bqija tal-korsijiet huma mmirati biss għall-kategoriji professjonali msemmija l-aħħar. Tliet oqsma ta’ taħriġ taħt dan il-blokk, jiġifieri, Sistemi Speċifiċi ta’ IT għal Ford, Proċessi Kummerċjali ta’ Ford, u Proċessi ta’ Kontroll Intern ta’ Ford, jinkludu korsijiet li huma meħtieġa għall-operat effiċjenti tal-impjant, u għalhekk mhumiex eliġibbli għall-għajnuna. Il-bqija tal-korsijiet huma definiti bħala mhux obbligatorji, jew addizzjonali, u l-għan tagħhom huwa li jieħdu lill-impjegati għal livell ogħla ta’ esperjenza u ħila. Dawn l-oqsma ta’ taħriġ addizzjonali jkopru temi ġenerali bħal: Ħiliet fil-Ġestjoni tal-Proġetti; Kompetenzi Funzjonali (Riżorsi Umani, Xiri, Finanzi); Sitt Sigma (titjib fil-kwalità); taħriġ individwalizzat addizzjonali għal impjegati magħżula li jservu bħala mudell.

L-ispejjeż totali eliġibbli ta’ dan il-blokk ta’ taħriġ huma stmati għal madwar EUR 8 miljun, li EUR 4 miljuni minnhom sejrin jiġu kkontribwiti minn Ford u l-EUR 4 miljuni l-oħrajn jiġu pprovduti bħala għajnuna. L-ispejjeż tat-taħriġ speċifiku għall-kumpanija taħt dan il-blokk jitħallsu kompletament mill-kumpanija (11).

—

Ħiliet Industrijali: 58 kors immirati biex iwasslu, fit-totalità tagħhom, livell ta’ ħila industrijali li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex il-ħaddiema jiffunzjonaw tajjeb fl-impjieg tagħhom, u jagħtu ċ-ċans lill-impjegati biex ilaħħqu mal-isfidi tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda fl-ambjent tal-manifattura b’mod ġenerali. Tnejn minn dawn il-korsijiet, jiġifieri Immuntar tal-Magna u Simulazzjoni tal-Manifattura, huma speċifiċi għall-kumpaniji, u għalhekk mhumiex eliġibbli għall-għajnuna. Il-bqija tal-korsijiet huma kkwalifikati bħala taħriġ addizzjonali/mhux obbligatorju, li jkopru diversi suġġetti taħt it-temi wiesgħa ta’ Snajja fil-qasam tal-Elettriku/Mekkanika u Manutenzjoni Estiża. Il-maġġoranza tal-korsijiet offruti taħt dan il-blokk huma indirizzati għall-impjegati li jagħmlu xogħol manwali u għall-persunal f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija (12).

L-ispejjeż totali eliġibbli ta’ dan il-blokk ta’ taħriġ huma stmati għal madwar EUR 39,1 miljun, li madwar EUR 18,9 miljun minnhom sejrin jitħallsu minn Ford, u madwar EUR 18,2 miljun jistgħu jintalbu bħala għajnuna.

(15)

Il-parti tal-programm ta’ taħriġ speċifiku għall-kumpanija, li sejra tkun iffinanzjata kollha kemm hi minn Ford, hija stmata li tiswa EUR 29,73 miljun (13). Għat-taħriġ addizzjonali li huwa ddikjarat bħala eliġibbli għall-għajnuna, id-distribuzzjoni tal-ispejjeż eliġibbli bejn il-blokok tal-programm ta’ taħriġ u l-kontribuzzjoni proprja ta’ Ford huma rrapportati fit-Tabella ta’ hawn taħt (f’miljuni ta’ euro).

 

Sigurtà

Ħiliet Fundamentali

Prinċipji Fundamentali tan-Negozju

Ħiliet Industrijali

Total

Spejjeż Eliġibbli tat-Taħriġ Ġenerali

16,17

93,13

7,94

36,67

153,91

Spejjeż Eliġibbli tat-Taħriġ Speċifiku

1,49

—

0,16

0,24

1,89

Għajnuna għal Taħriġ Ġenerali

8,08

46,56

3,97

18,33

76,94

Għajnuna għal Taħriġ Speċifiku

0,37

—

0,03

0,06

0,46

Għajnuna totali

8,45

46,56

4,00

18,39

77,44

Kontribuzzjoni ta’ Ford

9,2

46,56

4,08

18,50

78,39

Il-valuri tal-għajnuna totali u tal-kontribuzzjoni ta’ Ford irrapportati hawn fuq huma indikati f’valur nominali. Ir-Rumanija u Ford jenfasizzaw li l-kumpanija ddeċidiet li tillimita l-ammont totali ta’ għajnuna għal EUR 57 miljun. Id-differenza bejn l-għajnuna totali li jikkwalifika għaliha l-programm u l-ammont mitlub ta’ EUR 57 miljun hija koperta mill-kumpanija bħala kontribuzzjoni tagħha stess, li għalhekk tiżdied għal EUR 98,8 miljun.

(16)

In-numru totali ta’ ġranet ta’ taħriġ li jiġu offruti taħt il-parti tal-programm speċifika għall-kumpanija, li mhijiex eliġibbli għall-għajnuna, huwa ta’ madwar 200 000 fuq perjodu ta’ ħames snin, u n-numru totali ta’ ġranet ta’ taħriġ li jiġu offruti taħt il-parti eliġibbli tal-programm huwa ta’ madwar 800 000 fuq perjodu ta’ ħames snin. Għaldaqstant, id-9 000 impjegat għandhom jirċievu b’kollox, bħala medja, madwar 111-il ġurnata ta’ taħriġ kull wieħed, li għandhom jitqassmu fuq perjodu ta’ ħames snin. Ir-Rumanija u Ford ipprovdew ukoll evidenza biex juru li l-maġġoranza ta’ dawk li jagħtu t-taħriġ li huma involuti fil-programm (sa 90 %) sejrin jiġu rreklutati minn ċentri esterni ta’ taħriġ speċjalizzat, u li parti kbira mit-taħriġ sejjer jiġi offrut f’postijiet esterni għall-fabbrika (f’dan is-sens ara wkoll il-premessa 18 hawn taħt, fejn hemm indikati l-ispejjeż eliġibbli tal-ivvjaġġar kemm għal dawk li jitħarrġu kif ukoll għal dawk li jagħtu t-taħriġ).

(17)

L-ispejjeż tal-programm ta’ taħriġ kienu stmati li jibdew minn spejjeż simili magħmula minn Ford għal taħriġ offrut fl-impjant tagħha f’Dagenham (ir-Renju Unit), li ġew aġġustati biex jieħdu f’kunsiderazzjoni l-livelli tal-ispejjeż fir-Rumanija, ibbażati fuq previżjonijiet inizjali (dejta tal-2008 aġġustata għar-rati tal-inflazzjoni previsti għas-snin li ġejjin). Għaldaqstant, l-ispejjeż li ġejjin kienu kkalkolati għal kull jum ta’ taħriġ u għal kull apprendist (ma jinkludux il-pagi ta’ dawk li jkunu qegħdin jitħarrġu):

Kategoriji ta’ Spejjeż Eliġibbli

Taħriġ Ġenerali

Taħriġ Speċifiku

Gwida u Konsulenza

[…] (*1) EUR

[…] EUR

Miżata ta’ min iħarreġ (jumejn)

[…] EUR

[…] EUR

Spejjeż tal-ivvjaġġar ta’ min jagħti t-taħriġ

[…] EUR

[…] EUR

Spejjeż tal-ivvjaġġar ta’ min jitħarreġ

[…] EUR

[…] EUR

Deprezzament tal-għodda u t-tagħmir

[…] EUR

[…] EUR

Kera/deprezzament tal-faċilitajiet ta’ taħriġ

[…] EUR

[…] EUR

Materjal li jintuża fit-taħriġ

[…] EUR

[…] EUR

Totali

181,00 EUR

265,00 EUR

(18)

L-ispejjeż eliġibbli mitluba għal dan il-programm (li jkopru total ta’ 9 000 impjegat, u li għandhom jiġu pprovduti fuq perjodu ta’ erba’ snin) huma indikati hawn taħt (valuri nominali, f’miljuni ta’ euro):

 

Għajnuna għal Taħriġ Ġenerali

Għajnuna għal Taħriġ Speċifiku

Total

Spejjeż ta’ dawk li jagħtu t-taħriġ

[45-50]

[0,5-1,0]

[45-50]

Spejjeż tal-Ivvjaġġar ta’ dawk li jagħtu t-taħriġ

[10-15]

[0-0,5]

[10-15]

Spejjeż tal-Ivvjaġġar ta’ dawk li jitħarrġu

[0-5]

[0-0,5]

[-0-5]

Spejjeż Oħrajn skont l-Art, 4(7)(ċ)

[10-15]

[0-0,5]

[10-15]

Deprezzament

[0-5]

[0-0,5]

[0-5]

Faċilità ta’ Taħriġ

[5-10]

[0-0,5]

[5-10]

Gwida u Konsulenza

[25-30]

[0-0,5]

[25-30]

Spejjeż Interni ta’ dawk li jagħtu t-taħriġ

[0-5]

[0-0,5]

[0-5]

Kumpens għall-Pagi ta’ dawk li jitħarrġu

[40-45]

[0-0,5]

[40-45]

Spejjeż Eliġibbli li Jeskludu l-Kumpens għall-Pagi

[110-115]

[1-2]

[115-120]

Għajnuna Massima

76,96

0,47

77,44

Kontribuzzjoni ta’ Ford

76,96

1,42

78,39

L-għajnuna

(19)

L-għajnuna tikkonsisti f’għotja diretta lil Ford Craiova ta’ EUR 57 miljun għal perjodu ta’ ħames snin. L-għajnuna hija proposta bħala sostenn għal proġett ta’ taħriġ li b’kollox huwa stmat li jiswa EUR 185,5 miljun (valur nominali), li EUR 155,8 miljun minnhom huma kkwalifikati bħala eliġibbli għal għajnuna għat-taħriġ. Il-biċċa l-kbira tan-nefqa eliġibbli hija assoċjata mat-taħriġ ġenerali, jiġifieri EUR 153,93 miljun. EUR 1,88 miljun biss tal-ispejjeż eliġibbli huma marbuta mat-taħriġ speċifiku. Għal dan il-proġett, ir-Rumanija applikat intensità ta’ għajnuna ta’ 50 % għal miżuri ta’ taħriġ ġenerali, u 25 % għal miżuri ta’ taħriġ speċifiku. Għaldaqstant, il-proġett jikkwalifika għal EUR 76,96 miljun ta’ għajnuna għal taħriġ ġenerali, u għal EUR 0,47 miljun ta’ għajnuna għal taħriġ speċifiku – li jammontaw għal EUR 77,44 miljun ta’ għajnuna. Madankollu, il-benefiċjarju għażel li jillimita l-appoġġ mogħti mill-Istat għal EUR 57 miljun (ara wkoll il-premessa 15 hawn fuq).

(20)

Ir-Rumanija ssostni li, minħabba li mhuwiex realistiku li tipprevedi ex ante l-ispejjeż eżatti ta’ kors ta’ taħriġ għal programm skedat li jdum għaddej ħames snin, ikun meħtieġ li l-benefiċjarju tal-għajnuna jingħata xi flessibbiltà sabiex jerġa’ jalloka l-għajnuna bejn l-ispejjeż eliġibbli differenti, fejn l-ispejjeż attwali involuti jvarjaw mill-ispejjeż standard stmati. Din il-flessibbiltà għandha tippermetti lill-benefiċjarju jagħmel l-aħjar użu mill-programm ta’ taħriġ matul it-triq, filwaqt li l-iskop tat-taħriġ u l-intensitajiet u l-volum globali tal-għajnuna xorta waħda għandhom jiġu rrispettati.

(21)

Fis-sottomissjoni tagħha ta’ Lulju 2009, ir-Rumanija pproponiet ukoll li l-għajnuna għandha titħallas lill-benefiċjarju bil-quddiem, f’intervalli li jridu jiġu ddeterminati bi ftehim ma’ dan tal-aħħar (eż. fuq bażi ta’ kull tliet xhur), u fuq il-bażi tal-ispejjeż standard mitluba. L-ispejjeż attwalment minfuqa matul kull sena fiskali għandhom imbagħad jiġu vverifikati mill-awdituri interni tal-benefiċjarju, u l-ħlasijiet tal-għajnuna għandhom jiġu aġġustati kull sena għal-limiti ta’ intensità applikabbli. Ir-regoli u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tal-għajnuna għandhom jiġu stipulati f’att leġiżlattiv Rumen speċifiku.

3.   DEĊIŻJONI LI TINFETAĦ IL-PROĊEDURA TAL-INVESTIGAZZJONI FORMALI SKONT L-ARTIKOLU 82(2) KE

(22)

Fid-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali tal-10 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar l-aspetti li ġejjin: il-ġustifikazzjoni tal-għajnuna, l-effett ta’ inċentiv/ħtieġa tal-għajnuna, l-akkumulazzjoni tal-għajnuna reġjonali u għat-taħriġ, u l-konformità mal-hekk imsejjaħ “prinċipju Deggendorf” (kollha diskussi hawn taħt).

L-effett ta’ inċentiv/ħtieġa tal-għajnuna

(23)

B’mod partikolari, il-mistoqsijiet imqajma mill-Kummissjoni kienu: (i) jekk ikunx hemm bżonn li parti mit-taħriġ iddikjarat bħala eliġibbli għall-għajnuna tiġi pprovduta minn Ford fi kwalunkwe każ, għall-inqas għall-forza tax-xogħol eżistenti, sabiex ikun jista’ jitħaddem impjant li jintroduċi teknoloġija ta’ manifattura moderna u tal-aqwa kwalità; u (ii) jekk fil-fatt kienx obbligatorju li l-partijiet tat-taħriġ offruti taħt il-blokka tas-Sigurtà jiġu offruti mill-kumpanija skont ir-regolamenti tas-sigurtà Rumeni u/jew tal-UE. Jekk iva, l-għajnuna ma tkunx kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, minħabba li din tissussidja taħriġ li jsir fi kwalunkwe każ, u konsegwentement “ma tiffaċilitax l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi”.

Ġustifikazzjoni

(24)

Il-Kummissjoni staqsiet jekk il-partijiet tat-taħriġ proposti għall-impjegati futuri kinux ġustifikati jew le, minħabba li Ford kellha l-possibbiltà li tirrekluta impjegati kwalifikati ġodda.

Akkumulazzjoni/Żvantaġġi reġjonali intanġibbli

(25)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ qajmet il-kwistjoni ta’ jekk partijiet tat-taħriġ propost humiex sejrin jindirizzaw b’mod effettiv l-iżvantaġġi reġjonali intanġibbli fil-forma ta’ nuqqas ta’ ħiliet fil-forza tax-xogħol eżistenti, li diġà kienu kkumpensati permezz tal-għajnuna tal-investiment reġjonali mogħtija lill-kumpanija fl-2008 (14).

Il-prinċipju Deggendorf

(26)

Skont ġurisprudenza stabbilita (15), ma tistax titħallas għajnuna ġdida qabel ma tiġi rkuprata għal kollox l-għajnuna inkompatibbli li tkun ingħatat qabel. Fid-data tal-ftuħ tal-investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Rumeni naqsu milli jagħtu prova li l-għajnuna marbuta mal-privatizzazzjoni tal-impjant ta’ Craiova ddikjarata inkompatibbli mat-Trattat tal-KE (issa TFUE) mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Frar 2008 (16) kienet ġiet irkuprata għal kollox.

4.   KUMMENTI MIR-RUMANIJA

(27)

Wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni, ir-Rumanija ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar: (i) il-bażi legali għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mat-Trattat; (ii) l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna; u (iii) l-konformità mal-hekk imsejjaħ prinċipju Deggendorf.

Bażi legali għall-valutazzjoni

(28)

Ir-Rumanija ssostni li, skont il-prinċipju taċ-ċertezza legali, l-għajnuna għandha tiġi evalwata skont il-kriterji fis-seħħ fiż-żmien tan-notifika (April 2008). F’dak iż-żmien, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 68/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE dwar l-għajnuna għat-taħriġ (17) kien għadu applikabbli, filwaqt li r-Regolament dwar l-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (18) (minn hawn ‘il quddiem “il-GBER”) kien ippubblikat fid-9 ta’ Awwissu 2008, u daħal fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(29)

Ir-Rumanija tqis li l-kriterji tal-valutazzjoni li jirriżultaw mill-GBER huma parzjalment differenti minn dawk li jirriżultaw mir-Regolament (KE) Nru 68/2001. Hija tenfasizza wkoll li, għall-finijiet tan-notifika, hija ħadet f’kunsiderazzjoni l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna ta’ 50 % għal għajnuna ġenerali u 25 % għal għajnuna speċifika li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 68/2001, filwaqt li l-GBER jippermetti intensitajiet ta’ 60 % għal taħriġ ġenerali u 25 % għal taħriġ speċifiku.

(30)

Ir-Rumanija hija wkoll tal-fehma li, sa mid-deċiżjonijiet tagħha Ford Genk (19) u GM Antwerp (20), il-Kummissjoni adottat approċċ riġidu għall-valutazzjoni tal-għajnuna għat-taħriġ taħt il-kriterju tal-effett ta’ inċentiv li mhuwiex konsistenti mal-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni lejn l-għajnuna għat-taħriġ u mal-għanijiet tal-Aġenda ta’ Liżbona.

L-effett ta’ inċentiv

(31)

Neċessità: Ir-Rumanija essenzjalment issostni li, fin-nuqqas ta’ għajnuna, il-kumpanija tipprovdi programm ta’ taħriġ inqas ambizzjuż, billi minflok tagħżel li toffri biss lill-impjegati tagħha t-taħriġ li huwa neċessarju sabiex jopera l-impjant (li jammonta għal bejn wieħed u ieħor 17 % tal-programm propost, u l-ispejjeż involuti jitħallsu kollha mill-kumpanija) u ħafna inqas mit-taħriġ addizzjonali.

(32)

Huwa sostnut li Ford sejra tkun tista’ topera l-impjant ta’ Craiova mingħajr ma tipprovdi t-taħriġ addizzjonali li huwa kkwalifikat bħala eliġibbli għall-għajnuna, minħabba li l-forza tax-xogħol eżistenti għandha esperjenza fil-manifattura tal-karozzi, u t-teknoloġija ġdida li għandha tintuża fl-impjant tippermetti li jkun hemm proċess ta’ “tagħlim bil-prattika” li kien ivverifikat f’postijiet oħrajn ta’ Ford, fejn tabilħaqq tali taħriġ addizzjonali ma ngħatax.

(33)

Ir-Rumanija tipprovdi wkoll spjegazzjonijiet fil-fond rigward id-distinzjoni bejn il-korsijiet li huma neċessarji sabiex jopera l-impjant (u li sejrin ikunu ffinanzjati għal kollox mill-kumpanija) u korsijiet addizzjonali (“utli, iżda mhux indispensabbli”) għal kull blokk ta’ taħriġ.

(34)

Sigurtà: il-maġġoranza tal-korsijiet offruti taħt l-erba’ sottotemi proposti (Taħriġ Bażiku ta’ Sigurtà għal fuq il-Post tax-Xogħol, Użu Mingħajr Periklu ta’ Makkinarju u Tagħmir Personali Protettiv, is-Sigurtà tan-nies li jimxu fit-triq u l-Identifikazzjoni u l-Prevenzjoni tar-Riskji u l-Perikli) jitqiesu bħala neċessarji sabiex titrawwem kultura ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Parti minn dawn il-korsijiet sejrin jingħataw sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi li jirriżultaw mir-regolamenti tas-sigurtà Rumeni u tal-UE, u parti oħra minn dawn il-korsijiet huma mmirati biex jilħqu l-istandards tas-sigurtà interna f’impjant taFord. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, ir-Rumanija tispjega li Ford tapplika internament standards ta’ sigurtà li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi li jirriżultaw mil-liġi. Fi kwalunkwe rata, kemm il-korsijiet tas-sigurtà mitluba mil-liġi kif ukoll dawk li jikkorrespondu għall-politika tas-sigurtà interna tal-kumpanija mhumiex meqjusa bħala eliġibbli għall-għajnuna. L-ispiża tagħhom trid titħallas kollha kemm hi mill-kumpanija. It-taħriġ tas-sigurtà addizzjonali, li għalih tintalab għajnuna ta’ EUR 3,2 miljuni, jikkonsisti f’kowċing individwali sabiex ikomplu jiġu appoġġati l-għarfien u l-bidla fl-imġiba, u taħriġ individwalizzat għal impjegati magħżula biex iservu bħala mudell. Dawn it-tipi ta’ taħriġ intensiv huma utli għall-impjegati, iżda mhumiex indispensabbli għall-kumpanija.

(35)

Ħiliet Fundamentali: dan il-blokk ta’ taħriġ huwa mmirat biex jappoġġa l-iżvilupp personali tal-individwi, u ftit li xejn huwa relatat mal-funzjonament proprju fuq ix-xogħol. Parti tajba mit-taħriġ offrut taħt dan il-blokk tikkonċerna ħiliet ġenerali fl-IT, taħriġ fil-lingwa Ingliża, ħiliet fil-kitba u l-qari u fil-matematika, eċċ. Biex nieħdu eżempju, it-taħriġ fil-kitba u l-qari u fil-matematika huwa mfassal biex jimla l-lakuni li kienu vverifikati fl-adulti li jaħdmu f’setturi industrijali f’kull parti tad-dinja, irrispettivament mil-livell ta’ edukazzjoni tagħhom. It-taħriġ fil-kitba u l-qari u fil-matematika mhuwiex neċessarju biex wieħed jiffunzjona tajjeb fuq ix-xogħol, billi t-teknoloġija użata fl-impjant tiddependi fuq sistemi ta’ Fabbrika Viżwali li jwasslu struzzjonijiet simplifikati ta’ ħidma viżwali. It-taħriġ fil-qari u l-kitba u fil-matematika huwa maħsub biex itejjeb il-kapaċità tal-impjegati sabiex jifformulaw ideat/kunċetti u jikkomunikawhom b’mod elokwenti, u sabiex jinterpretaw il-bidliet fl-ambjent tal-madwar f’termini kwantitattivi. B’mod simili, dan il-blokk jinkludi taħriġ sabiex jiġu pprovduti ħiliet bażiċi ta’ tmexxija għall-impjegati fil-livelli kollha. Ir-Rumanija ssostni li ħiliet bħal dawn huma ta’ benefiċċju għall-kategoriji kollha tal-impjegati, irrispettivament mil-livell ta’ edukazzjoni tagħhom. Minn dan it-tip ta’ taħriġ jibbenifikaw l-aktar l-impjegati nfushom, billi jgħinhom itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom, u jiġġenera effetti pożittivi għar-reġjun u għas-soċjetà kollha kemm hi.

(36)

Prinċipji Fundamentali tan-Negozju: l-għan wiesa’ ta’ dan il-blokk ta’ taħriġ huwa li jwassal kompetenzi funzjonali u ġestjoni avvanzata ġenerali. Tliet oqsma ta’ taħriġ iwasslu ħiliet amministrattivi li huma speċifiċi għall-kumpanija (Sistemi Speċifiċi ta’ IT għal Ford, Proċessi Kummerċjali ta’ Ford, u Proċessi ta’ Kontroll Intern ta’ Ford), u l-ispejjeż tagħhom jitħallsu kollha mill-kumpanija. It-taħriġ addizzjonali jwassal ħiliet, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma trasferibbli lil kumpaniji jew industriji oħrajn, dwar suġġetti ġenerali bħal Ħiliet fil-Ġestjoni tal-Proġetti, Riżorsi Umani, Xiri, Finanzi, Sitt Sigma (metodoloġija għat-tnaqqis tal-iżbalji fi proċessi ripetuti li tiġi applikata f’ħafna industriji), u taħriġ individwalizzat għal impjegati li jservu bħala mudell għall-oħrajn, li bla dubju tibbenifika minnu l-kumpanija wkoll, minħabba li dan itejjeb l-ambjent tax-xogħol billi jgħinhom inaqqsu l-ġerarkiji, iżda minnu jibbenifikaw primarjament l-apprendisti nfushom u jagħmilhom aktar attraenti fis-suq tax-xogħol. Għal dan il-blokk ta’ taħriġ, tintalab għajnuna sa EUR 4,33 miljun.

(37)

Ħiliet Industrijali: għal darb’oħra, dan il-blokk jinkludi taħriġ li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex wieħed jiffunzjona tajjeb fl-impjieg tiegħu. Il-korsijiet li huma neċessarji għat-twettiq ta’ kompiti normali fil-produzzjoni, jiġifieri Tnedija, Manutenzjoni u Trakkijiet Forklifters, Robotika u Awtomatizzazzjoni, sejrin jiġu ffinanzjati għal kollox mill-kumpanija. Sejjer jiġi offrut taħriġ addizzjonali f’żewġ oqsma ġenerali: trawwim ta’ bosta ħiliet fi snajja fil-qasam tal-elettriku/mekkanika (li jtejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema, iżda mhuwiex neċessarju biex il-ħaddiema jiffunzjonaw tajjeb fix-xogħol tagħhom), u manutenzjoni, awtomatizzazzjoni u robotika (fil-fond) estiżi. Fiż-żewġ każijiet, l-impjegati jitgħallmu jużaw makkinarji differenti ta’ teknoloġija avvanzata minbarra dak li huwa rilevanti għall-impjieg attwali tagħhom. Dan il-blokk ta’ taħriġ huwa ddikjarat bħala eliġibbli għal għajnuna sa EUR 18,9 miljun.

(38)

Barra minn hekk, ir-Rumanija tqis li l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna proposta għandu jiġi evalwat għall-programm ta’ taħriġ b’mod ġenerali, u mhux separatament għal kull waħda mit-temi ta’ taħriġ jew korsijiet individwali. Il-valutazzjoni tat-temi ta’ taħriġ u/jew il-korsijiet individwalment, barra mill-kuntest globali tagħhom, x’aktarx li twassal għal riżultati distortivi. Tali evalwazzjoni individwali tonqos milli tieħu f’kunsiderazzjoni l-valur miżjud tal-programm ta’ taħriġ fit-totalità tiegħu, li huwa aktar mis-sempliċi somma ta’ benefiċċji li jinkisbu mit-taħriġ fuq suġġetti speċifiċi.

(39)

Ġustifikazzjoni. Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tat-taħriġ li għandu jiġi pprovdut lill-impjegati li għadhom kif ġew irreklutati, ir-Rumanija tifred il-kwistjoni tal-kapaċità (mhux ikkontestata) tal-kumpanija li tirrekluta impjegati kwalifikati ġodda mill-kwistjoni ta’ jekk it-taħriġ addizzjonali huwiex ġustifikat jew le fil-każ tagħhom. It-taħriġ addizzjonali jwassal ħiliet ġenerali li mhumiex neċessarji għall-funzjonament tajjeb fix-xogħol, u għalhekk huwa ġustifikat u ta’ benefiċċju għall-kategoriji kollha ta’ impjegati, irrispettivament mill-isfond edukattiv tagħhom.

(40)

Żvantaġġi reġjonali intanġibbli. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-għajnuna proposta għat-taħriġ tikkumpensax għal żvantaġġi reġjonali intanġibbli, fil-forma ta’ nuqqas ta’ ħiliet, li kienu diġà kkumpensati minn għajnuna reġjonali, ir-Rumanija ssostni li l-miżuri tal-għajnuna għall-investiment reġjonali u dawk tal-għajnuna għat-taħriġ għandhom għanijiet differenti (u għalhekk jindirizzaw problemi differenti) u jkopru spejjeż eliġibbli distinti. L-għan tal-għajnuna għall-investiment reġjonali huwa li din tappoġġa l-investiment fir-reġjuni żvantaġġjati tal-UE, filwaqt li l-għan tal-għajnuna għat-taħriġ huwa li tirrimedja n-nuqqas ta’ investiment fit-taħriġ, fenomenu osservat kullimkien madwar l-UE. Barra minn hekk, id-“distribuzzjoni” tal-benefiċċji tal-għajnuna reġjonali hija bil-maqlub tal-benefiċċji tal-għajnuna għat-taħriġ: waqt li minn tal-ewwel jibbenifika primarjament l-investitur, tal-aħħar hija ta’ benefiċċju l-aktar għall-impjegati.

(41)

Ir-Rumanija tenfasizza wkoll li l-iżvantaġġ reġjonali “intanġibbli” li jirriżulta minn nuqqas ta’ ħiliet lokali mhuwiex wieħed mill-kriterji għall-għażla tar-reġjuni żvantaġġjati tal-UE – il-kriterji jinkludu l-livelli tal-PDG għal kull ras, ir-rati tal-qgħad, id-densità tal-popolazzjoni, eċċ. Barra minn hekk, fil-passat, il-Kummissjoni kienet approvat għajnuna għal taħriġ ibbażata, inter alia, fuq l-argument li hija kienet sejra tagħti sehemha sabiex tegħleb l-iżvantaġġ kompetittiv li jirriżulta mill-kwalifiki dgħajfa tal-forza tax-xogħol lokali (Webasto (21), Vauxhall Motors (22)).

(42)

Barra minn hekk, raġunament li jistabbilixxi li l-proġetti li rċevew għajnuna għal investiment reġjonali ma għandhomx jirċievu għajnuna għat-taħriġ, jippenalizza b’mod impliċitu lir-reġjuni żvantaġġjati tal-Unjoni, billi jneħħilhom il-possibbiltà li jappoġġaw proġetti ta’ taħriġ.

Il-prinċipju Deggendorf

(43)

Ir-Rumanija ssottomettiet dokumentazzjoni li turi li l-għajnuna inkompatibbli għall-privatizzazzjoni ta’ EUR 27 miljun (23) u l-imgħax li jakkumula kienu rrimborżati minn Ford Motor Company fis-27 ta’ Ġunju 2008. Bħala konsegwenza, ir-Rumanija tqis li l-għajnuna nnotifikata hija konformi mal-hekk imsejjaħ prinċipju Deggendorf.

5.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(44)

Ford issottomettiet il-kummenti tagħha fit-18 ta’ Diċembru 2008, fejn appoġġat il-fatti u l-argumenti ppreżentati mir-Rumanija, u ppreżentat aktar argumenti dwar l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna proposta.

Kontribuzzjoni proprja sinjifikanti

(45)

Ford tenfasizza li parti konsiderevoli minn dan il-programm ta’ taħriġ komprensiv hija ffinanzjata minn riżorsi tagħha stess – sa EUR 128,5 miljun tal-ispiża totali stmata ta’ EUR 185,5 miljun għall-proġett kollu. Barra minn hekk, taħriġ li huwa legalment meħtieġ u/jew neċessarju għall-operat tal-impjant ma ġiex iddikjarat bħala eliġibbli għall-għajnuna, u sejjer jiġi ffinanzjat kollu kemm hu mill-kumpanija. Il-parti tat-taħriġ li hija speċifika għall-kumpanija, li hija stmata li tiswa madwar EUR 29,7 miljun, fil-fatt diġà bdiet tiġi offruta lill-forza tax-xogħol eżistenti fl-2009.

Effetti distortivi mnaqqsa tal-għajnuna

(46)

Fir-rigward tal-effetti distortivi potenzjali tal-għajnuna, Ford tenfasizza li l-programm jinvolvi fil-biċċa l-kbira taħriġ ġenerali, fejn l-impjegati huma l-benefiċjarji ewlenin, u li minnu l-kumpanija sejra tibbenifika indirettament biss. Konsegwentement, l-effetti distortivi tal-għajnuna għat-taħriġ għandhom ikunu biss sekondarji u indiretti. Ford tqis li, konsegwentement, kunsiderazzjonijiet relatati mal-impatt tal-għajnuna mill-perspettiva tal-“istruttura ta’ swieq rilevanti” u “l-karatteristiċi tal-industrija u s-settur” mhumiex pertinenti fir-rigward tat-taħriġ ġenerali, minħabba li l-kapaċitajiet tekniċi u l-produzzjoni proġettata bħala tali mhumiex sejrin jiġu mmodifikati. B’kuntrast, it-taħriġ speċifiku jista’ jtejjeb direttament il-produttività tal-kumpanija u b’hekk jaffettwa l-pożizzjoni tagħha fis-suq. Madankollu, it-taħriġ speċifiku jirrappreżenta biss parti żgħira mit-taħriġ addizzjonali propost.

In-neċessità tat-taħriġ

(47)

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk partijiet tat-taħriġ innotifikati bħala eliġibbli għall-għajnuna jkollhomx jingħataw fi kwalunkwe każ sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards tas-sigurtà interna tal-kumpanija, Ford tenfasizza li dan ir-raġunament iwassal għal distorsjonijiet normattivi tat-tip “tellieqa sal-qiegħ”: jekk ikunu biss il-kumpaniji bi standards baxxi ta’ sigurtà interna li jistgħu jibbenifikaw mill-għajnuna għat-taħriġ, eventwalment il-kumpaniji jiġu skoraġġiti milli jgħollu l-istandards tas-sigurtà interna tagħhom. Għaldaqstant, Ford tistaqsi jekk l-għajnuna proposta għat-taħriġ, li fi kwalunkwe każ għandha tingħata lill-benefiċjarju, għandhiex tiġi ddeterminata permezz ta’ referenza għall-istandards interni tal-kumpanija, jew inkella għal kriterji oġġettivi applikabbli għall-kumpaniji kollha f’settur partikolari. Barra minn hekk, b’dan il-proġett ta’ investiment, sas-sena 2012, Ford għandha ssir l-akbar impjegatur industrijali. Investimenti ta’ dan it-tip għandhom funzjoni ta’ “fanal” fl-ekonomija, u l-gvern Rumen jappoġġa l-pjanijiet ta’ Ford biex jagħmel l-impjant ta’ Craiova punt ta’ referenza għal impjegaturi oħrajn u għal investituri ġodda.

(48)

Ford tenfasizza wkoll li, f’termini aktar ġenerali, it-taħriġ addizzjonali ddikjarat bħala eliġibbli għall-għajnuna mhuwiex neċessarju għall-operat tal-impjant, minħabba s-sistema ta’ “lean manufacturing” li hija applikabbli llum il-ġurnata fi ħdan il-grupp Ford. Maż-żmien, il-manifatturi tal-karozzi mxew minn “manifattura tal-massa” lejn “lean manufacturing”, evoluzzjoni li tinvolvi primarjament bidla fl-imġiba, fis-sens ta’ żieda fl-awtorizzazzjoni fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni interna. Il-parti mhux eliġibbli tal-programm ta’ taħriġ għandha tkun biżżejjed biex issir din il-bidla fl-imġiba.

Żvantaġġ reġjonali intanġibbli

(49)

Ford tappoġġa l-argumenti mressqa mir-Rumanija kontra l-idea ta’ koinċidenza possibbli bejn l-għajnuna ta’ investiment reġjonali u l-għajnuna għat-taħriġ fir-rigward tal-iżvantaġġi reġjonali intanġibbli fil-forma ta’ ħiliet aktar baxxi, u tqis ukoll li l-livell ta’ ħiliet u edukazzjoni f’reġjun għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni fil-valutazzjoni ta’ jekk miżura proposta ta’ għajnuna għal taħriġ għandhiex esternalitajiet pożittivi.

Il-kontrofattwali

(50)

Ford tippreżenta paragun bejn il-programm ta’ taħriġ li offriet fl-impjant tagħha f’San Pietruburgu u dak propost li jitwettaq fl-impjant ta’ Craiova. L-għan tal-paragun huwa li juri li huwa possibbli li tmexxi impjant ta’ Ford b’mod effiċjenti bi programm ta’ taħriġ inqas ambizzjuż minn dak propost għall-impjant ta’ Craiova, u bħala konsegwenza, dik l-għajnuna għat-taħriġ addizzjonali offrut fl-impjant ta’ Craiova għandha effett ta’ inċentiv.

(51)

Ford tikkunsidra li paragun bejn iż-żewġ proġetti ta’ taħriġ huwa pertinenti, għar-raġunijiet li ġejjin:

—

Produzzjoni: F’San Pietruburgu Ford ħadet f’idejha impjant li fih qabel kienu jiġu prodotti magni kbar għas-settur tal-bini tal-bastimenti u għall-industrija tad-difiża, waqt li fl-impjant ta’ Craiova qabel kienu jiġu prodotti l-karozzi. Fl-impjant ta’ San Pietruburgu Ford tipproduċi biss vetturi (mill-2002, varjazzjonijiet tal-mudell Ford Focus II, u mill-2009, il-mudell Ford Mondeo), filwaqt li fi Craiova hija sejra tipproduċi kemm vetturi kif ukoll magni. L-impjant ta’ San Pietruburgu ma għandux press shop, kuntrarju għall-impjant ta’ Craiova. Minkejja dawn id-differenzi, Ford tikkunsidra li l-kundizzjonijiet tal-bidunett fl-impjanti ta’ Craiova u San Pietruburgu huma komparabbli, minħabba li ż-żewġ impjanti nkisbu bil-għan li fihom jiġu introdotti linji ġodda għall-produzzjoni tal-karozzi. Iż-żewġ impjanti jużaw l-istess “Sistema ta’ Produzzjoni ta’ Ford” (“FPS”), u l-istadji tal-produzzjoni huma komparabbli, inkluż f’termini tal-livell ta’ ħiliet meħtieġa mill-forza tax-xogħol.

—

Il-forza tax-xogħol: F’San Pietruburgu, Ford ma żammitx il-ħaddiema eżistenti. Il-ħaddiema rreklutati ġodda kienu, bħala medja, iżgħar, aktar kwalifikati u inqas esperjenzati mill-ħaddiema eżistenti fl-impjant ta’ Craiova. Minkejja dawn id-differenzi, Ford tikkunsidra li ż-żewġ forzi tax-xogħol kienu komparabbli fil-bidunett. Iż-żewġ forzi tax-xogħol kienu mdorrija għal kundizzjonijiet tax-xogħol fl-ekonomiji mhux tas-suq, kundizzjoni inizjali li kienet riflessa, pereżempju, f’kultura differenti ta’ sigurtà permezz ta’ paragun mal-kontropartijiet tagħhom fil-Punent, u bi ftit esperjenza funzjonali u amministrattiva f’kumpanija multinazzjonali (irrispettivament mil-livelli ta’ edukazzjoni).

(52)

L-istruttura tal-programm ta’ taħriġ offrut fl-impjant ta’ San Pietruburgu kienet simili għal dik proposta għall-impjant ta’ Craiova. Madankollu, fl-impjant ta’ San Pietruburgu Ford ipprovdiet biss il-minimu neċessarju tat-taħriġ, u l-persunal f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija rċevew aktar taħriġ mill-impjegati li jagħmlu xogħol manwali. Il-produzzjoni bdiet fl-2002 bil-livelli minimi biss ta’ taħriġ li huma meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-kwalità u s-sigurtà ta’ Ford.

(53)

IFord għamlet simulazzjoni tal-programm ta’ taħriġ ta’ San Pietruburgu jekk applikat għad-9 000 impjegat fl-impjant ta’ Craiova. Il-konklużjoni kienet li programm ta’ taħriġ tat-tip ta’ San Pietruburgu għandu jammonta globalment għal madwar 26 % biss tat-taħriġ li huwa propost li jiġi offrut fl-impjant ta’ Craiova. B’mod aktar speċifiku, tali programm joffri biss 57 % tas-Sigurtà, 2 % tal-Ħiliet Fundamentali, 30 % tal-Ħiliet fin-Negozju, u 47 % tal-Ħiliet Industrijali mit-taħriġ propost għall-impjant ta’ Craiova.

6.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

6.1.   Eżistenza tal-għajnuna

(54)

Il-miżura nnotifikata mir-Rumanija favur Ford Craiova tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi biex tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-miżura tikkonsisti f’għotja diretta ffinanzjata mill-Istat Rumen minn riżorsi pubbliċi. Il-miżura hija wkoll selettiva, minħabba li tinvolvi appoġġ finanzjarju individwali ad hoc lil benefiċjarju waħdieni, Ford Craiova. Il-benefiċjarju sejjer jieħu vantaġġ mill-miżura, li ttaffilu parti mill-ispejjeż tal-programm ta’ taħriġ propost. Il-miżura tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi l-kumpanija benefiċjarja fir-rigward tal-kompetituri li ma jirċevux għajnuna għal għanijiet simili. Fl-aħħarnett, il-kummerċ bejn l-Istati Membri jiġi affettwat, minħabba li l-benefiċjarju u l-kompetituri tiegħu jbiegħu l-prodotti tagħhom primarjament fl-UE, iżda anki fiż-ŻEE u fis-swieq madwar id-dinja.

6.2.   Bażi legali għall-valutazzjoni

(55)

Ir-Rumanija titlob approvazzjoni tal-għajnuna skont ir-regoli applikabbli fiż-żmien tan-notifika (April 2008). B’mod aktar speċifiku, ir-Rumanija ssostni li: (i) il-kompatibbiltà tal-għajnuna proposta mat-Trattat għandha tiġi evalwata skont il-kriterji li jirriżultaw mir-Regolament (KE) Nru 68/2001 (24), li kien fis-seħħ fiż-żmien tan-notifika; (ii) il-Kummissjoni ma għandhiex tapplika b’mod retroattiv ir-Regolament dwar l-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER) (li kien ippubblikat fid-9 ta’ Awwissu 2008 u daħal fis-seħħ għoxrin jum wara) (25); u fuq livell aktar ġenerali, li (iii) l-applikazzjoni stretta ħafna tal-kriterju tal-effett ta’ inċentiv li tibda b’deċiżjonijiet bħal Ford Genk (26) u GM Antwerp (27) mhijiex konsistenti mal-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni lejn l-għajnuna għat-taħriġ.

(56)

Fid-deċiżjoni Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni (28), il-QĠE iċċarat il-kwistjonijiet li jirrigwardjaw l-applikazzjoni rationae temporis tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati. Il-Qorti stabbiliet li, għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà, il-Kummissjoni għandha tapplika r-regoli, il-prinċipji u l-kriterji fis-seħħ fiż-żmien meta tingħata d-Deċiżjoni, li huma adattati aħjar għall-kuntest tal-kompetizzjoni (29). F’dan is-sens, il-Qorti tgħid ukoll li “[…] in-notifika minn Stat Membru ta’ għajnuna jew ta’ skema ta’ proġett ta’ għajnuna ma toħloqx sitwazzjoni ġuridika maħluqa definittivament li timplika li l-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni billi tapplika r-regoli fis-seħħ fid-data li fiha ssir in-notifika. Bil-kontra, hija l-Kummissjoni li għandha tapplika r-regoli fis-seħħ fil-mument meta hija tagħti d-deċiżjoni tagħha, l-uniċi regoli li abbażi tagħhom għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni li hija tadotta f’dan ir-rigward.” (30)

(57)

Il-Qorti tistabbilixxi wkoll li, meta l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ssir taħt regoli ġodda, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet interessati l-opportunità li jikkummentaw dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna ma’ dawn tal-aħħar. Notevolment, dan l-obbligu proċedurali ma jiskattax meta r-regoli l-ġodda ma jkunux jinkludu emendi sostanzjali fir-rigward ta’ dawk preċedenti (31).

(58)

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mat-TFUE skont ir-regoli u l-kriterji applikabbli fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni tagħha. L-għajnuna għat-taħriġ individwali li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni għandha tiġi evalwata direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, li jistipula li “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni” tista’ titqies bħala kompatibbli mat-TFUE. Ir-Regolament (KE) Nru 68/2001 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ (32) kien sostitwit mill-GBER (33) għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fid-9 ta’ Awwissu 2009. Skont il-premessi 29 u 32 u l-Artikolu 6(1)(g) tal-GBER, għajnuna għal taħriġ individwali li taqbeż EUR 2 miljuni għal kull proġett, irrispettivament minn jekk tingħatax ad hoc jew taħt xi skema, għandha tiġi evalwata individwalment mill-Kummissjoni, skont il-kriterji li jirriżultaw mill-istrumenti applikabbli tal-Unjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tibbaża fuq il-Komunikazzjoni (34) li tistabbilixxi l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-għajnuna għat-taħriġ soġġetta għal notifika individwali (minn hawn ‘il quddiem “il-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ”), li ġiet ippubblikata fil-11 ta’ Awwissu 2009 u daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha.

(59)

Sabiex nikkonkludu, b’konformità mal-prinċipji ta’ Freistaat Sachsen, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna nnotifikata skont l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, kontra l-isfond tal-GBER, u fuq il-bażi tal-kriterji ta’ evalwazzjoni individwali stabbiliti mill-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ.

(60)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-evalwazzjoni tal-għajnuna nnotifikata skont ir-regoli u l-kriterji li jirriżultaw mill-GBER u l-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ ma tiksirx id-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati (ara l-premessa 57 hawn fuq). Skont id-deċiżjoni Freistaat Sachsen, il-Kummissjoni għandha toffri lill-partijiet interessati l-possibbiltà li jikkummentaw fuq l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda għall-għajnuna nnotifikata biss sakemm ir-regoli l-ġodda jintroduċu bidliet sostantivi fir-rigward ta’ dawk preċedenti.

(61)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li, fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni formali ta’ Settembru 2008, hija indikat li l-għajnuna sejra tiġi evalwata b’referenza għall-GBER. Għalhekk, il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-evalwazzjoni tal-għajnuna nnotifikata b’referenza għall-GBER. Tabilħaqq, fil-kummenti tagħha ta’ Novembru 2008, ir-Rumanija invokat argumenti kontra l-applikazzjoni tal-GBER għall-każ preżenti. Ir-Rumanija sostniet b’mod partikolari li l-kriterji tal-evalwazzjoni li jirriżultaw mill-GBER huma parzjalment differenti minn dawk li kienu applikabbli qabel skont ir-Regolament 68/2001, speċjalment fir-rigward tal-intensità tal-għajnuna massima permessa għal taħriġ ġenerali, li żdiedet minn 50 % tal-ispejjeż eliġibbli skont ir-Regolament 68/2001 għal 60 % tal-ispejjeż eliġibbli skont il-GBER (35).

(62)

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ ma tintroduċi ebda bidla sostantiva fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-għajnuna tat-tip previst mid-deċiżjoni Freistaat Sachsen (36). Il-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ tikkodifika u tirrinforza prinċipji u kriterji li ilhom jeżistu ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat tal-UE, bħal falliment tas-suq/razzjonal tal-esternalitajiet pożittivi, id-distinzjoni bejn it-taħriġ ġenerali u t-taħriġ speċifiku, l-adegwatezza tal-għajnuna bħala strument ta’ politika, il-kriterju tal-effett ta’ inċentiv, il-prinċipju tal-proporzjonalità, l-analiżi tal-potenzjal distortiv tal-għajnuna.

(63)

Ir-Rumanija u l-benefiċjarja jidhru li huma prinċipalment ikkonċernati bl-allegazzjoni tal-interpretazzjoni stretta żżejjed u l-applikazzjoni tal-hekk imsejjaħ kriterju tal-inċentiv għall-evalwazzjoni tal-għajnuna għat-taħriġ. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-formulazzjoni tal-kriterju tal-inċentiv fil-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ ma tistax tiġi kkwalifikata bħala bidla sostantiva tar-regoli tal-evalwazzjoni. Id-deċiżjonijiet Ford Genk (37) u GM Antwerp (38), li r-Rumanija tinvoka bħala eżempji ta’ interpretazzjoni eċċessivament stretta tal-kriterju tal-effett ta’ inċentiv, fil-fatt imorru lura għal qabel il-mument tan-notifika. Il-kriterju tal-effett ta’ inċentiv ma ssemmiex espliċitament mir-Regolament (KE) Nru 68/2001, għalkemm il-loġika tiegħu hija inerenti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ kwalunkwe miżura ta’ għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE u kien impliċitu fir-raġunament li jikkonċerna l-irwol potenzjali tal-għajnuna fir-rimedju tal-fallimenti tas-suq, fil-Premessi 10 u 11 tiegħu. Il-Qafas preċedenti tal-1998 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ (39) kien diġà kkonferma l-kriterju tal-effett ta’ inċentiv bħala wieħed mill-pilastri ewlenin tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà għal dan it-tip ta’ għajnuna (40). Madankollu, matul l-investigazzjoni, ir-Rumanija u l-benefiċjarju pprovdew spjegazzjonijiet dettaljati dwar l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna proposta, rigward in-neċessità u l-adegwatezza tagħha, dwar id-distinzjoni bejn il-partijiet ġenerali u speċifiċi tat-taħriġ “eliġibbli” propost, u dwar il-potenzjal (allegatament limitat) tal-għajnuna li tfixkel il-kompetizzjoni.

(64)

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet huma ssodisfati għall-evalwazzjoni tal-għajnuna skont kriterji li jirriżultaw mill-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ u l-GBER, bid-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati jkunu salvagwardjati. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li matul l-investigazzjoni formali hija ma rċeviet ebda kumment minn partijiet terzi oħrajn (kompetituri tal-benefiċjarju, eċċ.).

6.3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna mat-TFUE

(65)

Il-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ tistabbilixxi l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mat-TFUE tal-għajnuna għat-taħriġ li taqbeż EUR 2 miljuni, kemm jekk mogħtija ad hoc jew inkella taħt skema, li għandha tingħata lil kumpaniji individwali. L-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali miżuri tinvolvi l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi tal-għajnuna proposta kontra l-konsegwenzi negattivi tagħha, sabiex jiġi evalwat jekk tal-ewwel humiex akbar minn tal-aħħar.

(66)

L-effetti pożittivi tal-għajnuna proposta sejrin jiġu evalwati b’referenza għal: (i) il-potenzjal tal-għajnuna proposta sabiex jiġu rrimedjati l-fallimenti speċifiċi tas-suq u jiġu ġġenerati esternalitajiet pożittivi (ġustifikazzjoni); (ii) l-adegwatezza tal-għajnuna bħala strument ta’ politika; (iii) l-effett ta’ inċentiv u n-neċessità tal-għajnuna; u (iv) jekk l-ammont tal-għajnuna jinżammx għall-minimu neċessarju sabiex jinkiseb l-objettiv tagħha (proporzjonalità). L-effetti negattivi tal-għajnuna sejrin jiġu evalwati f’termini tal-potenzjal tagħha li tfixkel il-kompetizzjoni u l-kummerċ fl-Unjoni, skont il-karatteristiċi tal-għajnuna u tas-suq/swieq rilevanti.

Falliment tas-suq/esternalitajiet pożittivi

(67)

Skont il-Punti 5-11 tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ, l-għajnuna għandha titqies bħala ġustifikata jekk l-Istat Membru juri li hija tikkontribwixxi sabiex titranġa s-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ investiment fit-taħriġ – falliment tas-suq li huwa osservat kullimkien fl-UE. Il-kumpaniji ta’ spiss isibuha bi tqila biex jinvestu fit-taħriġ tal-impjegati tagħhom sakemm ma jkunx hemm benefiċċji evidenti u immedjati tat-taħriġ għall-kumpanija nnifisha, jew it-taħriġ ikun fi kwalunkwe każ neċessarju sabiex il-kumpanija titmexxa b’mod effiċjenti. Madankollu, it-taħriġ jista’ jipproduċi wkoll benefiċċji għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi, speċjalment jekk il-ħiliet miksuba mill-impjegati jkunu trasferibbli għal postijiet tax-xogħol oħrajn jew jipproduċu effetti pożittivi għas-soċjetà. Fil-prinċipju, il-kumpaniji jkunu inqas suxxettibbli li jinvestu fit-taħriġ meta l-benefiċċji immedjati ta’ dan it-taħriġ għall-kumpanija ma jkunux jaqbżu l-effetti pożittivi tagħha. Fil-qosor, l-għajnuna hija ġustifikata mill-potenzjal tagħha li tikkumpensa għal falliment speċifiku fis-suq, jiġifieri nuqqas ta’ investiment fit-taħriġ, li huwa marbut mal-esternalitajiet pożittivi tat-taħriġ.

(68)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-għajnuna hijiex ġustifikata mill-potenzjal tagħha li tikkumpensa għan-nuqqas ta’ investiment fit-taħriġ, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tanalizza n-natura tat-taħriġ propost, jiġifieri jekk it-taħriġ huwiex ġenerali jew speċifiku fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 38 tal-GBER, jew inkella kombinazzjoni tat-tnejn. Id-distinzjoni bejn taħriġ ġenerali u speċifiku hija importanti, minħabba li t-taħriġ ġenerali huwa preżunt bħala li x’aktarx jiġġenera aktar esternalitajiet pożittivi mit-taħriġ speċifiku, li minnhom tibbenifika l-ewwel u qabel kollox il-kumpanija nnifisha. Bħala konsegwenza, l-għajnuna għat-taħriġ ġenerali titqies bħala aktar ġustifikata sabiex il-kumpaniji jiġu mħeġġa jagħmlu dan it-tip ta’ investiment milli hija l-għajnuna għal taħriġ speċifiku.

(69)

L-Artikolu 38(1) tal-GBER jiddefinixxi t-taħriġ speċifiku bħala “li jinvolvi tagħlim direttament u prinċipalment applikabbli għall-pożizzjoni preżenti u futura tal-impjegati fl-intrapriża u li jipprovdi kwalifiki li mhumiex jew huma biss sa ċertu punt trasferibbli għal intrapriżi jew oqsma tax-xogħol oħrajn”. It-taħriġ ġenerali huwa definit mill-Artikolu 38(2) tal-GBER bħala “li jinvolvi tagħlim li mhuwiex applikabbli biss jew prinċipalment għall-pożizzjoni preżenti jew futura tal-impjegati fil-kumpanija, iżda li jipprovdi kwalifiki li huma fil-biċċa l-kbira tagħhom trasferibbli għal intrapriżi jew oqsma tax-xogħol oħrajn”. Filwaqt li miż-żewġ tipi ta’ taħriġ tibbenifika sa ċertu punt il-kumpanija nnifisha, minħabba li fi kwalunkwe każ hija tgawdi mill-benefiċċji assoċjati ma’ li jkollha ħaddiema aktar kwalifikati, id-distinzjoni essenzjali bejn taħriġ ġenerali u taħriġ speċifiku tinsab fil-grad ta’ “trasferibbiltà” tal-ħiliet miksuba permezz tat-taħriġ.

(70)

L-Artikolu 38(2)(a) u (b) tal-GBER, u rispettivament, il-Punt 9.2 tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ, jelenkaw, permezz ta’ eżempji, fatturi li jistgħu jitqiesu bħala indikazzjonijiet li t-taħriġ huwa ta’ natura ġenerali. Dawn jinkludu: (i) it-taħriġ jiġi organizzat b’mod konġunt minn kumpaniji differenti, jew l-impjegati minn kumpaniji differenti jistgħu jissieħbu fil-proġett ta’ taħriġ; (ii) it-taħriġ ikun iċċertifikat, iwassal għal diploma rikonoxxuta, jew ikun validat minn awtoritajiet pubbliċi; (iii) it-taħriġ jiġi offrut lil kategoriji ta’ impjegati li huma kkaratterizzati minn rotazzjoni għolja fl-intrapriża u s-settur ikkonċernati; (iv) it-taħriġ jista’ jkun utli għall-impjegati lil hinn mill-impjieg attwali tagħhom (impjiegi futuri f’intrapriża oħra, il-ħajja soċjali, il-benesseri, eċċ.).

(71)

Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li r-Rumanija u Ford ġabu prova konvinċenti tar-raba’ indikatur fil-Punt 9.2. tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ, jiġifieri li t-taħriġ “eliġibbli għall-għajnuna” addizzjonali li għandu jiġi offrut sejjer ikun utli għall-impjegati lil hinn mill-impjieg attwali tagħhom. B’mod partikolari, ir-Rumanija u Ford urew li t-taħriġ addizzjonali li għandu jiġi pprovdut iwassal ħiliet trasferibbli li huma utli għall-impjegati barra mix-xogħol tagħhom, jikkontribwixxi għall-benesseri tagħhom, itejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom u l-impjegabilità tagħhom f’kumpaniji/setturi oħrajn, u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, jiġġenera effetti pożittivi għall-ekonomija u s-soċjetà kollha kemm hi, u primarjament fil-livell ta’ reġjun żvantaġġjat assistit skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE.

(72)

B’hekk, ir-Rumanija pproponiet għajnuna b’appoġġ għal proġett ta’ taħriġ li l-biċċa l-kbira tal-ispiża eliġibbli mitluba għalih hija assoċjata mat-taħriġ ġenerali. Mill-ispejjeż totali ta’ EUR 185,5 miljun bbaġittjati għall-proġett ta’ taħriġ kollu, EUR 113,7 miljun huma ddikjarati bħala spejjeż eliġibbli għal taħriġ ġenerali (minbarra l-kumpens għall-pagi) u EUR 1,5 miljun biss huma meqjusa bħala spejjeż eliġibbli għal taħriġ speċifiku (minbarra l-kumpens għall-pagi) (ara l-premessa 15 fuq). B’mod aktar speċifiku, it-taħriġ “speċifiku” addizzjonali li għandu jiġi offrut taħt il-blokok tas-Sigurtà, il-Prinċipji Fundamentali tan-Negozju u l-Ħiliet Industrijali huwa kważi esklussivament ta’ natura ġenerali, filwaqt li t-taħriġ addizzjonali offrut taħt il-blokk tal-Ħiliet Fundamentali huwa esklussivament ġenerali (ara l-premessa 14, iżda wkoll il-paragrafi 34-37 fuq).

(73)

Il-Kummissjoni tqis li r-Rumanija u Ford issostanzjaw id-distinzjoni bejn il-partijiet ġenerali u speċifiċi tal-programm ta’ taħriġ propost b’mod sodisfaċenti. B’mod partikolari, ir-Rumanija u Ford urew li t-taħriġ ġenerali “eliġibbli” addizzjonali li għandu jiġi offrut taħt kull waħda mill-erba’ blokok ta’ taħriġ ewlenin iwassal ħiliet li għandhom ikunu utli għall-impjegati lil hinn mill-impjieg attwali tagħhom fl-impjant ta’ Craiova, ħiliet li huma “trasferibbli” fi ħdan it-tifsira tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ u l-GBER. Ir-Rumanija turi li t-taħriġ addizzjonali li għandu jiġi offrut taħt il-blokk Ħiliet Fundamentali huwa mmirat biex jappoġġa l-iżvilupp personali tal-individwi, u ftit li xejn huwa relatat mal-funzjonament proprju fuq ix-xogħol (ara l-premessa 35 hawn fuq). It-taħriġ offrut taħt dan il-blokk iwassal għarfien ġenerali (pereżempju ħiliet ġenerali fl-IT, taħriġ fil-lingwa Ingliża, ħiliet fil-kitba u l-qari u fil-matematika) li huwa ta’ benefiċċju għall-kategoriji kollha ta’ impjegati, irrispettivament mill-isfond edukattiv tagħhom. It-taħriġ personalizzat fil-kitba u l-qari u fil-matematika, pereżempju, itejjeb il-kapaċità tal-impjegati bi sfondi edukattivi differenti sabiex ikunu jistgħu jikkomunikaw u jwasslu kunċetti u ideat, u l-abbiltà tagħhom li jinterpretaw, f’termini kwantitattivi, bidliet fl-ambjent tal-madwar. B’mod simili, il-blokk jinkludi taħriġ personalizzat fit-tmexxija għall-impjegati tal-kategoriji kollha. Minn ħiliet bħal dawn jibbenifikaw l-aktar l-impjegati nfushom, billi jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom, u jiġġeneraw esternalitajiet pożittivi għall-ekonomija u s-soċjetà kollha kemm hi. Dawn l-esternalitajiet pożittivi sejrin jinħassu b’mod partikolari fil-livell tar-reġjun fejn jinsab l-impjant ta’ Craiova, li huwa reġjun żvantaġġjat tal-Unjoni assistit skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE.

(74)

It-taħriġ ġenerali addizzjonali li għandu jiġi offrut taħt il-blokk tal-Prinċipji Fundamentali tan-Negozju sejjer iwassal ħiliet ġenerali li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma trasferibbli lil kumpaniji jew industriji oħrajn, dwar suġġetti ġenerali bħal Ħiliet fil-Ġestjoni tal-Proġetti, Riżorsi Umani, Xiri, Finanzi, Sitt Sigma (għat-tnaqqis tal-iżbalji fi proċessi ripetuti, metodoloġija li hija applikabbli f’setturi industrijali differenti) (ara l-premessa 36 fuq). Tali ħiliet ġenerali mistennija jagħmlu l-impjegati aktar attraenti fis-suq tax-xogħol. B’mod simili, it-taħriġ ġenerali addizzjonali li għandu jiġi offrut taħt il-blokk Ħiliet Industrijali sejjer ikopri żewġ oqsma wesgħin: titjib tal-ħiliet għal snajja’ fil-qasam elettriku/mekkaniku, li jtejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema, u taħriġ estiż (fil-fond) fuq il-manutenzjoni, l-awtomatizzazzjoni u r-robotika. Fiż-żewġ każijiet, l-impjegati jitgħallmu jħaddmu tipi differenti ta’ magni minn dik li jużaw fl-impjieg proprju tagħhom, u bħala tali, il-ħiliet miksuba huma trasferibbli.

(75)

Fil-każ ta’ taħriġ taħt il-blokk tas-Sigurtà (ara l-premessa 34 fuq), it-taħriġ eliġibbli addizzjonali li għandu jiġi offrut, li jinvolvi taħriġ parzjalment ġenerali u taħriġ parzjalment speċifiku, jikkonsisti f’taħriġ individwalizzat għal aktar għarfien dwar is-sigurtà u bidla fl-imġiba relatata mas-sigurtà. Minħabba li l-parti ġenerali tat-taħriġ tas-sigurtà addizzjonali twassal ħiliet li huma utli għall-impjegati lil hinn mill-prestazzjoni tal-kompiti proprji tagħhom fuq ix-xogħol, u li minnhom jistgħu jibbenifikaw f’post tax-xogħol differenti u anki fil-ħajja privata tagħhom, taħriġ bħal dan jista’ jitqies bħala li jiġġenera t-tip ta’ esternalitajiet pożittivi assoċjati mat-taħriġ ġenerali.

(76)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-Rumanija u Ford urew b’mod sodisfaċenti li l-ħiliet miksuba permezz tat-taħriġ ġenerali addizzjonali għandhom ikunu utli għall-impjegati lil hinn mill-impjieg attwali tagħhom, possibbilment f’impjiegi futuri oħrajn, fil-ħajja soċjali tagħhom, jew għall-benesseri tagħhom - fis-sens tal-Punt 9.2(d) fil-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ. Din is-sejba hija msaħħa mill-evidenza sottomessa minn Ford u mir-Rumanija (ara l-premessa 16 fuq) sabiex juru li parti sostanzjali mill-għalliema involuti fil-programm (sa 90 %) sejrin ikunu għalliema esterni minn ċentri ta’ taħriġ speċjalizzat, u li parti konsiderevoli mit-taħriġ sejra tiġi offruta barra mill-bini tal-fabbrika (f’dan is-sens ara wkoll l-ispejjeż eliġibbli tal-ivvjaġġar kemm għal dawk li jagħtu t-taħriġ kif ukoll għal dawk li jitħarrġu fil-premessa 18 tad-Deċiżjoni).

(77)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tosserva li l-indikaturi l-oħrajn ta’ “trasferibbiltà” elenkati permezz ta’ eżempji fl-Artikolu 38(2)(a) u (b) tal-GBER u l-Punt 9.2(a), (b) u (c) tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ ma jidhrux li ġew issodisfati fil-każ preżenti. B’mod partikolari, il-proġett ta’ taħriġ jiġi organizzat minn kumpanija waħda, u l-parteċipazzjoni fih mhijiex miftuħa għal impjegati minn kumpaniji oħrajn. Ir-Rumanija u Ford ma ssottomettew ebda informazzjoni dwar jekk it-taħriġ għandux jiġi ċċertifikat. Minħabba li ħafna mit-taħriġ x’aktarx li jitwettaq minn għalliema magħżula minn kumpaniji privati, mhuwiex probabbli li l-apprendisti jistgħu jirċievu diplomi/ċertifikati li jiġu rikonoxxuti jew validati mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-partijiet interessati ma ppreżentaw ebda informazzjoni dwar il-grad ta’ mobilità tal-impjegati lejn kumpaniji u/jew setturi oħrajn. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li t-trasferibbiltà tal-ħiliet miksuba għandha tissaħħaħ permezz tal-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ attendenza għall-apprendisti. Għalkemm din il-kundizzjoni mhijiex biżżejjed weħidha biex jiġi ssodisfat il-Punt 9.2(b) tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ, hija madankollu ssaħħaħ il-konformità mar-rekwiżit tat-trasferibbiltà fl-istadju tal-implimentazzjoni. Din il-kwistjoni hija indirizzata mill-Artikolu 2(5) ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni tqis li r-raba’ indikatur fil-Punt 9.2.(d) tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ huwa ssostanzjat. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Kummissjoni ssib li r-rekwiżit tat-trasferibbiltà fir-rigward tat-taħriġ ġenerali addizzjonali propost huwa ssodisfat.

(78)

Fid-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni, il-Kummissjoni staqsiet jekk partijiet mit-taħriġ “eliġibbli” addizzjonali kienux tabilħaqq meħtieġa għall-impjegati futuri, speċjalment meta wieħed iqis li l-benefiċjarju kellu l-opportunità li jimpjega persunal bi kwalifiki edukattivi ogħla. Dan id-dubju ġie riżolt permezz tal-kunsiderazzjonijiet li saru qabel fir-rigward tat-trasferibbiltà tat-taħriġ ġenerali addizzjonali propost li jiġi pprovdut u l-potenzjal tiegħu li jiġġenera esternalitajiet pożittivi f’reġjun assistit u għall-ekonomija u s-soċjetà kollha kemm hi.

(79)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ fuq, il-kriterju ta’ ġustifikazzjoni jitqies li ġie ssodisfat.

L-adegwatezza tal-għajnuna bħala strument ta’ politika

(80)

Skont il-Punti 10-11 tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex l-aktar strument ta’ politika adattat sabiex tinkoraġġixxi taħriġ ta’ dan it-tip li qiegħed jiġi propost. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni l-alternattivi għall-għoti tal-għajnuna kkunsidrati mir-Rumanija, bħall-appoġġ għat-taħriġ permezz tas-sistema tal-edukazzjoni reġjonali, jew l-għoti ta’ appoġġ lill-impjegati individwali sabiex jagħmlu t-taħriġ f’kuntest differenti, barra mill-kumpanija.

(81)

Ir-Rumanija sostniet li l-proġett ta’ taħriġ sejjer jiddependi kważi esklussivament fuq għalliema esterni, li għandhom jiġu rreklutati bl-għajnuna ta’ kumpanija speċjalizzata minn kumpaniji privati speċjalizzati reġjonali jew barranin. Il-Kummissjoni tqis li l-alternattivi għall-għoti (għall-inqas parti) tat-taħriġ previst b’dipendenza fuq istituzzjonijiet lokali tal-edukazzjoni pubblika ma ġewx esplorati b’mod sodisfaċenti. Minkejja dan, il-Kummissjoni taċċetta l-argument tar-Rumanija li programm ta’ taħriġ komprensiv bħal dak propost għall-impjant ta’ Craiova jieħu valur miżjud mis-sinerġiji li għandhom jiġu ġġenerati bejn it-tipi differenti ta’ taħriġ offrut, li jmur lil hinn mis-sempliċi somma tal-valuri tal-korsijiet ta’ taħriġ individwali dwar suġġetti speċifiċi.

(82)

Għalhekk, ġie konkluż li l-kriterju ta’ adegwatezza ġie ssodisfat ukoll.

Effett ta’ inċentiv/neċessità tal-għajnuna

(83)

Skont il-Punt 12 tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ, l-għajnuna proposta għandha titqies bħala li għandha effett ta’ inċentiv meta jintwera li hija tirriżulta fit-tibdil tal-imġiba tal-benefiċjarju sabiex jipprovdi aktar taħriġ u/jew taħriġ aħjar milli fin-nuqqas ta’ għajnuna. Il-konformità mal-kriterju tal-effett ta’ inċentiv hija kundizzjoni sine qua non għall-approvazzjoni tal-għajnuna (Premessa 28 tal-GBER).

(84)

L-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna huwa identifikat permezz ta’ analiżi kontrofattwali, jiġifieri permezz ta’ tqabbil tal-livelli tat-taħriġ li għandu jiġi offrut mal-għajnuna, u rispettivament, fin-nuqqas ta’ għajnuna (Punt 13 tal-Linji Gwida tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ).

(85)

Sabiex turi l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna proposta, Ford ippreżentat paragun bejn il-programm ta’ taħriġ li offriet lill-impjegati tal-impjant tal-karozzi tagħha f’San Pietruburgu u dak propost għall-impjant ta’ Craiova. Għall-programm ta’ taħriġ f’San Pietruburgu, il-kumpanija ma rċeviet ebda għajnuna. L-istruttura tal-programm ta’ taħriġ offrut kienet simili għal dik tal-proġett ta’ taħriġ propost għall-impjant ta’ Craiova, għalkemm l-ambitu tal-programm u l-grad ta’ elaborazzjoni tal-kontenut kienu differenti. F’San Pietruburgu, il-kumpanija offriet biss il-minimu tat-taħriġ meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tas-sigurtà u l-livelli fil-kwalità tal-produzzjoni ta’ Ford. Ford issostni li, permezz ta’ paragun, il-programm ta’ San Pietruburgu offra biss 57 % tas-Sigurtà, 2 % tal-Ħiliet Fundamentali, 30 % tal-Ħiliet fin-Negozju u 47 % tal-Ħiliet Industrijali mit-taħriġ li huwa propost li jiġi offrut fl-impjant ta’ Craiova.

(86)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-paragun bejn il-programmi ta’ taħriġ f’San Pietruburgu u fi Craiova mhuwiex konvinċenti għal kollox. Il-kundizzjonijiet tal-bidu u l-karatteristiċi tal-produzzjoni taż-żewġ impjanti mhumiex komparabbli. F’San Pietruburgu, Ford ħadet f’idejha impjant li fih qabel kienu jiġu prodotti magni kbar għas-settur tal-bini tal-vapuri u l-industrija tad-difiża, filwaqt li fl-impjant ta’ Craiova qabel kienu jiġu prodotti l-vetturi. F’San Pietruburgu, Ford ma kellhiex bżonn iżżomm il-forza tax-xogħol eżistenti. Bħala konsegwenza, hija setgħet tirrekluta impjegati iżgħar fl-età u aktar kwalifikati, għalkemm b’inqas esperjenza. L-impjant ta’ San Pietruburgu għandu produzzjoni iżgħar minn dak ipproġettat għall-impjant ta’ Craiova. F’San Pietruburgu, Ford tipproduċi biss vetturi (mis-sena 2002, fl-impjant bdew jiġu prodotti l-mudelli Ford Focus II u Ford Mondeo), filwaqt li fl-impjant ta’ Craiova jiġu prodotti kemm vetturi (il-mudelli multifunzjonali B-MAV u ISV) kif ukoll magni. L-impjant f’San Pietruburgu ma għandux press shop, kuntrarju għal dak fi Craiova. Bħala konsegwenza, il-ħtiġijiet tat-taħriġ tal-kumpanija sabiex l-impjant jopera b’mod effiċjenti u sabiex jiġu ssodisfati l-istandards regolatorji u interni tas-sigurtà u l-kwalità (x’aktarx differenti) għandhom ikunu differenti.

(87)

Minkejja dan, il-Kummissjoni tqis li l-paragun ta’ San Pietruburgu huwa fi kwalunkwe każ evidenza tal-fatt li impjant tal-karozzi ta’ Ford jista’ jitmexxa b’mod effiċjenti u jissodisfa l-istandards interni tal-kwalità u s-sigurtà tal-kumpanija b’ammont konsiderevolment inqas ta’ taħriġ minn dak li huwa propost għall-impjant fi Craiova. Din is-sejba tappoġġa l-argument tar-Rumanija li, fin-nuqqas ta’ għajnuna, il-kumpanija tillimita lilha nnifisha milli toffri fl-impjant ta’ Craiova ftit biss aktar mit-taħriġ li huwa meħtieġ għat-tmexxija tal-impjant (jiġifieri l-hekk imsejjaħ taħriġ speċifiku għall-kumpanija, li għalih il-benefiċjarju impenja ruħu li jalloka EUR 29,7 miljuni ta’ fondi proprji). Tabilħaqq Ford tispeċifika li, fin-nuqqas ta’ għajnuna, hija toffri biss it-taħriġ speċifiku għall-kumpanija (jiġifieri taħriġ li huwa meħtieġ sabiex titħaddem it-teknoloġija l-ġdida fl-impjant u jiġu ssodisfati l-istandards interni tas-sigurtà u l-kwalità, li ma kienx iddikjarat eliġibbli għall-għajnuna, u li għalhekk l-ispejjeż tiegħu għandhom jitħallsu kollha minnha) u sa 40 % biss ta’ ċerti korsijiet ta’ taħriġ addizzjonali (kif elenkati fid-dokumentazzjoni sottomessa fir-rigward tal-proġett ta’ taħriġ). Barra minn hekk, Ford ippreżentat estimi dettaljati tal-ispejjeż tat-taħriġ, il-baġits, il-parteċipanti, il-kontenut u l-iskedar għall-programm ta’ taħriġ propost fl-impjant ta’ Craiova, flimkien ma’ informazzjoni ekwivalenti suffiċjenti dwar il-programm ta’ taħriġ li kien offrut fl-impjant ta’ San Pietruburgu – elementi li għandhom jiġu vverifikati mill-Kummissjoni skont il-Punt 15(a) tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ. Il-kumpanija ppreżentat ukoll evidenza estensiva li permezz tagħha tagħmilha possibbli li tiddistingwi bejn korsijiet li huma obbligatorji li jingħataw skont ir-regolament eżistenti tal-UE u/jew tar-Rumanija – fis-sens tal-Punt 15(b) tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ. L-ispejjeż ibbaġittjati għall-parti “eliġibbli” addizzjonali tal-programm ta’ taħriġ huma kredibbli meta mqabbla mal-ispejjeż allokati għall-parti (mhux eliġibbli) tal-programm ta’ taħriġ speċifika għall-kumpanija, li kienet diġà bdiet fis-Sajf tal-2009. Għalhekk, il-kriterju stabbilit fil-Punt 15(ċ) tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ jitqies ukoll bħala li ġie ssodisfat.

(88)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni staqsiet jekk il-partijiet tal-programm ta’ taħriġ innotifikati bħala eliġibbli għall-għajnuna kinux fil-fatt meħtieġa jew le sabiex titħaddem it-teknoloġija ġdida introdotta fl-impjant ta’ Craiova. F’dan il-każ, l-effett tal-għajnuna sejjer ikun biss li din tkopri l-ispejjeż operattivi tal-kumpanija, jiġifieri l-ispejjeż li l-kumpanija kellha tkopri fi kwalunkwe każ, u bħala tali, l-għajnuna tkun nieqsa mill-effett ta’ inċentiv. Sitwazzjoni bħal din tkun simili għal dawk ivverifikati f’Ford Genk (41), GM Antwerp (42) u DHL Leipzig (43), fejn il-Kummissjoni sabet l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern għal dawk il-partijiet tal-programm ta’ taħriġ marbuta ma’, pereżempju, ir-ristrutturar, it-tnedija ta’ prodotti ġodda, jew li huma obbligatorji li jingħataw skont ir-regolamenti dwar is-sigurtà. Il-Kummissjoni sabet li, fejn l-għajnuna hija destinata li tiffinanzja operazzjonijiet normali li l-kumpaniji għandhom fi kwalunkwe każ iħallsu għalihom infushom, l-għajnuna ma jkollha ebda effett ta’ inċentiv reali, iżda sempliċiment tissussidja l-ispejjeż operattivi tal-benefiċjarju billi ttaffilu l-ispejjeż li normalment ikollu jipprovdi għalih innifsu.

(89)

Ir-Rumanija u Ford jenfasizzaw li t-taħriġ li huwa meħtieġ sabiex topera t-teknoloġija l-ġdida kien separat b’mod ċar mit-taħriġ ġenerali addizzjonali, li mhuwiex neċessarju biex persuna tiffunzjona tajjeb fix-xogħol tagħha. Taħt il-blokk Prinċipji Fundamentali tan-Negozju, il-kumpanija għandha tiffinanzja għal kollox il-korsijiet ta’ taħriġ speċifiċi għall-kumpaniji offruti fl-oqsma ta’ Sistemi Speċifiċi ta’ IT għal Ford, Proċessi Kummerċjali ta’ Ford, u Proċessi ta’ Kontroll Intern ta’ Ford. Bl-istess mod, taħt il-blokk Ħiliet Industrijali, il-kumpanija sejra tiffinanzja għal kollox korsijiet li huma neċessarji biex wieħed jiffunzjona tajjeb fix-xogħol tiegħu, bħal Tnedija, Manutenzjoni u Trakkijiet Forklifters, Robotika u Awtomatizzazzjoni. It-taħriġ ġenerali addizzjonali offrut taħt il-blokk Ħiliet Fundamentali la huwa neċessarju biex persuna tiffunzjona tajjeb fuq ix-xogħol, u lanqas biex tkun tista’ ssegwi l-partijiet aktar speċjalizzati tal-programm ta’ taħriġ, minħabba li t-teknoloġija ġdida użata fl-impjant tistrieħ fuq struzzjonijiet viżwali li huma faċli biex jiġu segwiti u li jistgħu jiġu assimilati fi stil ta’ “tagħlim bil-prattika”. Il-Kummissjoni taċċetta dawn l-argumenti, li huma konsistenti mal-osservazzjoni li ħafna mit-taħriġ “eliġibbli” addizzjonali propost iwassal ħiliet ġenerali u trasferibbli li mhumiex marbuta direttament mal-prestazzjoni fuq ix-xogħol. F’dan is-sens, il-Kummissjoni tinnota wkoll li r-relazzjoni bejn it-taħriġ addizzjonali li għandu jiġi offrut u l-attivitajiet kummerċjali tal-benefiċjarju (jiġifieri l-produzzjoni ta’ vetturi u magni) hija inqas mill-qrib fil-każ ta’ korsijiet offruti taħt il-blokok tas-Sigurtà, il-Ħiliet Fundamentali u l-Prinċipji Fundamentali tan-Negozju (ara wkoll il-premessi 35-36 hawn fuq) milli hija għall-blokk Ħiliet Industrijali (ara wkoll il-premessa 37 hawn fuq). Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet magħmula hawn fuq fir-rigward tan-neċessità tat-taħriġ offrut taħt dan il-blokk għall-benefiċjarju, itaffu dan it-tħassib u jagħmluha possibbli li jiġi konkluż li r-relazzjoni bejn it-taħriġ taħt il-blokk Ħiliet Industrijali u l-attività tal-benefiċjarju mhijiex ta’ natura li tindika nuqqas ta’ effett ta’ inċentiv fit-tifsira tal-Punt 15(d) tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ. Din is-sejba hija ssostanzjata mill-fatt li r-Rumanija u Ford ipprovdew evidenza li tindika li parti sostanzjali mit-taħriġ sejra tiġi offruta barra l-bini tal-fabbrika nnifisha, u minn għalliema esterni rreklutati minn ċentri esterni ta’ taħriġ speċjalizzat (ara l-premessi 16 u 76 fuq). Din hija indikazzjoni addizzjonali tal-fatt li r-relazzjoni bejn it-taħriġ offrut u l-attivitajiet tal-benefiċjarju hija inqas mill-qrib skont it-tifsira tal-Punt 15(d) fil-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ.

(90)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tinnota li r-Rumanija u l-benefiċjarju ma ppreżentawx evidenza biex jissostanzjaw li l-benefiċjarju mhuwiex sejjer jinkludi fl-ispejjeż eliġibbli dawk l-ispejjeż li eventwalment jistgħu jiġu rkuprati mill-benefiċjarju bħala konsegwenza ta’ benefiċċju mill-ħiliet miksuba mill-impjegati permezz tat-taħriġ – kif mitlub mill-aħħar paragrafu tal-Punt 16 (bin-nota 1 f’qiegħ il-paġna relatata) tal-Linji Gwida tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li effetti bħal dawn jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu kkwantifikati u juru ex ante fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-programm ta’ taħriġ propost f’dan il-każ, fejn parti kbira mit-taħriġ addizzjonali propost hija ta’ natura ġenerali, li fil-prinċipju minnu jibbenifika biss il-benefiċjarju indirettament, u n-natura u l-kontenut tat-taħriġ propost jeskludu l-ipoteżi li dan jista’ jsir fil-kuntest tal-kompiti attwali jew l-impjiegi mwettqa mill-impjegati. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li titlob lill-benefiċjarju jagħmel impenn dwar l-esklużjoni tal-ispejjeż mill-ispejjeż eliġibbli mitluba matul l-implimentazzjoni tal-programm – f’dan is-sens ara l-Artikolu 2(6) ta’ din id-Deċiżjoni.

(91)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni staqsiet ukoll jekk il-partijiet tat-taħriġ li huma ddikjarati bħala eliġibbli għall-għajnuna kinux fil-fatt meħtieġa biex jiġu offruti mill-kumpanija, kif mitlub mir-regolamenti tas-sigurtà tal-UE u/jew tar-Rumanija, jew li jirriżultaw mill-istandards interni ta’ sigurtà tal-kumpanija. Ir-Rumanija u Ford ippreżentaw dokumentazzjoni li turi li t-taħriġ tas-sigurtà meħtieġ mir-regolament sejjer jiġi pprovdut għal kollox bi spejjeż għall-kumpanija, fi ħdan il-parti mhux eliġibbli speċifika għall-kumpanija tal-programm ta’ taħriġ. Ford issostni wkoll li l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna ma għandux jiġi evalwat b’referenza għall-istandards interni tal-kumpanija – standards interni tas-sigurtà f’dan il-każ – minħabba li approċċ bħal dan ikollu l-effett distortiv li l-kumpaniji jiġu mħeġġa jbaxxu l-istandards interni tagħhom (jew iżommuhom baxxi) sabiex ikunu kkunsidrati bħala eliġibbli għall-għajnuna. Il-Kummissjoni tikkonkludi li din il-mistoqsija ġiet imwieġba wkoll b’mod sodisfaċenti.

Proporzjonalità

(92)

Skont il-Punt 16 tal-Linji Gwida tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ, il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-ammont tal-għajnuna huwa limitat għall-minimu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-għajnuna. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tivverifika jekk l-ispejjeż eliġibbli mitluba humiex ikkalkolati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39(4) tal-GBER u jekk humiex limitati għall-ispejjeż li jirriżultaw mit-taħriġ li ma kienx isir fin-nuqqas tal-għajnuna, u tiżgura li jiġu rrispettati l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna stabbiliti mill-Artikolu 39(2) tal-GBER.

(93)

Il-kategoriji ta’ spejjeż eliġibbli mitluba mir-Rumanija għall-parti “eliġibbli” addizzjonali tal-programm ta’ taħriġ (ara l-premessa 18 fuq) jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 39(4) fil-GBER u għalhekk tal-Punt 16 fil-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ. B’mod partikolari, ir-Rumanija u l-benefiċjarju ppreżentaw estimi separati tal-ispejjeż għall-parti (mhux eliġibbli) speċifika għall-kumpanija, u rispettivament, il-parti ġenerali u speċifika “eliġibbli” tal-programm ta’ taħriġ, billi fil-każ tal-aħħar għamlu distinzjoni bejn il-kategoriji li ġejjin: l-ispejjeż tal-persunal ta’ dawk li jagħtu t-taħriġ; spejjeż tal-ivvjaġġar ta’ dawk li jagħtu t-taħriġ u tal-apprendisti (inkluża l-akkomodazzjoni); deprezzament tal-għodda u t-tagħmir użati esklussivament għall-proġett ta’ taħriġ; gwida u konsulenza relatati mal-proġett ta’ taħriġ; u kumpens għall-pagi ta’ dawk li jitħarrġu limitat għall-ġranet/sigħat ta’ taħriġ previsti li jittieħdu. Barra minn hekk, ir-Rumanija u Ford ipprovdew spjegazzjonijiet dettaljati fir-rigward tas-suppożizzjonijiet tal-ispejjeż u tbassir bħala bażi għal pretensjonijiet skont il-kategoriji tal-infiq eliġibbli, kemm għall-parti ġenerali kif ukoll għal dik speċifika tat-taħriġ addizzjonali. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li ġew ippreżentati spjegazzjonijiet dettaljati fir-rigward tan-numru approssimattiv ta’ impjegati li għalihom kien indirizzat kull kors ta’ taħriġ speċifiku (b’distinzjoni bejn l-impjegati preżenti u futuri, u b’għoti ta’ estimi separati għas-snin suċċessivi ta’ implimentazzjoni tal-programm), u b’relazzjoni mill-qrib, in-numru stmat ta’ ġranet/sigħat ta’ taħriġ li għandu jiġi offrut skont il-kors ta’ taħriġ, skont il-blokk ta’ taħriġ u skont is-sena tal-implimentazzjoni tal-programm. Ir-Rumanija turi wkoll li, għall-finijiet ta’ dan il-proġett, ġew applikati intensitajiet massimi ta’ għajnuna ta’ 50 % għal taħriġ ġenerali u 25 % għal taħriġ speċifiku, rispettivament. Għalhekk, l-intensità massima tal-għajnuna applikata fir-rigward tat-taħriġ ġenerali eliġibbli hija aktar baxxa minn dik permessa mill-Artikolu 39(2)(a) tal-GBER. Barra minn hekk, ir-Rumanija turi li l-ammont ta’ għajnuna kien fil-fatt limitat għal EUR 57 miljun mill-benefiċjarju, għalkemm anki permezz tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 68/2001, li huwa inqas permissiv, dwar l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna għall-ispejjeż eliġibbli stmati, il-proġett xorta kien jikkwalifika għal EUR 76,96 miljun ta’ għajnuna għal taħriġ ġenerali u għal EUR 0,47 miljun ta’ għajnuna għal taħriġ speċifiku.

(94)

Fid-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni staqsiet jekk (għall-inqas partijiet minn) l-għajnuna għat-taħriġ proposta hijiex sejra tikkumpensa għall-iżvantaġġi reġjonali intanġibbli, fil-forma ta’ nuqqas ta’ ħiliet, li kienu diġà kkumpensati permezz tal-għajnuna reġjonali li tammonta għal EUR 143 miljun li kienet approvata mill-Kummissjoni f’April 2008 għal investiment fl-impjant ta’ Ford fi Craiova (44).

(95)

Din il-kwistjoni hija marbuta mal-kwistjoni ta’ konformità mar-regoli ta’ akkumulazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-GBER. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-għajnuna għat-taħriġ ma għandhiex tiġi akkumulata ma’ kwalunkwe għajnuna oħra fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli – li jidħlu f’xulxin parzjalment jew għal kollox – jekk tali akkumulazzjoni taqbeż il-limitu massimu ta’ intensità tal-għajnuna applikabbli skont l-Artikolu 39 tal-GBER.

(96)

Ir-Rumanija wriet li l-għajnuna nnotifikata għat-taħriġ u l-għajnuna reġjonali li ngħatat qabel ma jkoprux spejjeż eliġibbli li jidħlu f’xulxin. L-għajnuna reġjonali approvata f’April 2008 kienet relatata ma’ spiża eliġibbli ta’ investiment inizjali (makkinarju, impjanti, bini) f’konformità mal-Punt 4.2 tal-Linji Gwida tal-2006 dwar l-Għajnuna Reġjonali (45). Fil-każ preżenti, l-ispejjeż eliġibbli nnotifikati jkopru kategoriji ta’ spejjeż għal kollox differenti: l-ispejjeż tal-persunal ta’ dawk li jagħtu t-taħriġ, spejjeż tal-ivvjaġġar ta’ dawk li jagħtu t-taħriġ u tal-apprendisti, materjali u provvisti, deprezzament ta’ materjali u għodda li jintużaw għat-taħriġ, gwida u konsulenza, kumpens għall-pagi ta’ dawk li jitħarrġu relatat esklussivament mal-ħin iddedikat għat-taħriġ. Il-Kummissjoni ssib li r-Rumanija ssostanzjat id-distinzjoni bejn l-ispejjeż eliġibbli koperti mill-għajnuna reġjonali mogħtija u l-għajnuna għat-taħriġ proposta għall-impjant ta’ Craiova.

(97)

Mod ieħor kif wieħed jista’ jħares lejn l-istess kwistjoni huwa billi jistaqsi jekk l-għajnuna għat-taħriġ hijiex ġustifikata bħala tali sal-punt li tikkumpensa għal żvantaġġ reġjonali intanġibbli li diġà kien ikkumpensat permezz tal-għajnuna reġjonali. Ir-Rumanija twieġeb din il-mistoqsija billi tenfasizza li l-miżuri tal-għajnuna reġjonali u tal-għajnuna għat-taħriġ għandhom għanijiet differenti u jkopru spejjeż eliġibbli differenti. L-għan tal-għajnuna reġjonali huwa li tistimula l-investiment fir-reġjuni żvantaġġati tal-Unjoni, filwaqt li l-għajnuna għat-taħriġ timmira li tirrimedja n-nuqqas ta’ investiment fit-taħriġ. Mill-għajnuna reġjonali tibbenifika l-ewwel u qabel kollox il-kumpanija, filwaqt li mill-għajnuna għat-taħriġ, speċjalment meta marbuta mat-taħriġ ġenerali, jibbenifikaw primarjament l-impjegati, u sekondarjament biss il-kumpanija. Ir-Rumanija tenfasizza wkoll li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE ma jipprojbixxux l-akkumulazzjoni tal-għajnuna reġjonali u għat-taħriġ għall-istess kumpanija. Barra minn hekk, kif tirrimarka ġustament ir-Rumanija, jekk il-kumpaniji li rċevew għajnuna reġjonali ma jitħallewx jirċievu għajnuna għat-taħriġ, ir-reġjuni l-aktar żvantaġġati tal-Unjoni jkunu ddiskriminati de facto minħabba li ma jkollhomx il-possibbiltà li jipprovdu għajnuna għat-taħriġ.

(98)

Il-Kummissjoni tikkonkludi mill-osservazzjonijiet magħmula fil-paragrafu 94 li, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata, jista’ jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet tal-proporzjonalità li jirriżultaw mill-Artikolu 39(2) tal-GBER (li jistabbilixxi l-intensitajiet ta’ għajnuna applikabbli), l-Artikolu 39(4) tal-GBER (li jiddefinixxi l-kategoriji ta’ spejjeż eliġibbli li jistgħu jiġu kkalkolati), u l-Punt 16 tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ, huma ssodisfati. B’mod partikolari, fir-rigward tal-ispejjeż tal-pagi ta’ dawk li jitħarrġu, kienu biss dawk l-ispejjeż relatati maż-żmien iddedikat għat-taħriġ li ttieħdu f’kunsiderazzjoni, f’konformità mal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 39(4)(f) tal-GBER.

(99)

Madankollu, il-Kummissjoni għandha tosserva li l-evidenza relatata mal-proporzjonalità sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna tiġi limitata għall-minimu neċessarju sottomess f’dan il-każ tikkonsisti kważi esklussivament minn estimi tal-ispejjeż futuri u l-proġezzjonijiet ta’ azzjoni futura. Dan huwa l-każ, pereżempju, fir-rigward tan-numru totali ta’ impjegati li għandhom jiġu koperti mill-proġett ta’ taħriġ propost, li jinkludi estimi ta’ forza tax-xogħol totali ta’ 9 000 persuna sal-2012. Raġunament simili japplika għal estimi ta’ spejjeż eliġibbli skont il-kategoriji tal-ispejjeż skont l-Artikolu 39(4) tal-GBER. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li huwa ġustifikat li taċċetta li, għall-finijiet ta’ proġett ta’ taħriġ ta’ tali importanza bħal dan inkwistjoni, li huwa mfassal biex ikun immirat għal 9 000 impjegat, u li jkopri ‘l fuq minn 269 kors differenti li għandhom jiġu implimentati fuq perjodu ta’ ħames snin, l-ispejjeż eliġibbli kkunsidrati bħala neċessarji jistgħu jkunu biss estimi derivati minn spejjeż simili mġarrba fil-passat (fir-rigward tal-proġetti ta’ taħriġ offruti f’postijiet oħrajn tal-kumpanija) u waqt li jitqiesu l-proġezzjonijiet u previżjonijiet realistiċi tal-ispejjeż għar-Rumanija (ara l-premessa 20 fuq). Madankollu, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-ispejjeż attwalment imġarrba jistgħu eventwalment ikunu inqas minn dawk previsti. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu introdotti salvagwardji addizzjonali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità matul l-implimentazzjoni tal-proġett. Din il-kwistjoni hija indirizzata permezz tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni.

Distorsjoni tal-kompetizzjoni

(100)

Skont il-Punt 17 tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ, il-Kummissjoni għandha tevalwa fil-fond l-effetti distortivi potenzjali tal-għajnuna f’dawk il-każijiet fejn l-għajnuna proposta tista’ tirriżulta f’bidla sinifikanti fl-imġiba tal-benefiċjarju li x’aktarx tfixkel il-kompetizzjoni. Il-potenzjal distortiv tal-għajnuna jista’ jvarja skont il-karatteristiċi tal-għajnuna u s-suq/swieq affettwat/i.

(101)

Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna proposta hija kważi esklussivament marbuta mat-taħriġ ġenerali, li min-natura tagħha hija preżunta li minnha jibbenifikaw primarjament l-impjegati nfushom, u b’mod sekondarju biss il-benefiċjarju (għalkemm dan tal-aħħar jibbenifika mill-benefiċċji assoċjati mal-fatt li huwa jkollu ħaddiema kwalifikati aħjar għad-dispożizzjoni tiegħu). B’hekk jista’ jiġi sostnut li l-għajnuna ma tħalli ebda impatt sostanzjali f’termini ta’ kwalità, kwantità tal-produzzjoni jew l-ipprezzar – effetti tat-tip li jiffavorixxu lill-benefiċjarju għad-detriment tal-kompetituri tiegħu. Minbarra dan, il-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità għandha tillimita wkoll l-effetti distortivi tal-għajnuna.

(102)

Madankollu, skont il-Punt 18 tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ, is-selettività tal-għajnuna, id-daqs tal-għajnuna, u t-tul ta’ żmien tal-programm megħjun huma indikaturi tal-probabbiltà u l-firxa tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-għajnuna proposta hija selettiva (din tinvolvi appoġġ ad hoc individwali lil kumpanija kbira), l-ammont tal-għajnuna huwa eċċezzjonalment għoli (EUR 57 miljun), u l-programm ta’ taħriġ megħjun jestendi fuq perjodu ta’ ħames snin (li barra minn hekk jikkoinċidi mal-perjodu għat-tnedija ta’ żewġ proġetti ta’ produzzjoni ġodda).

(103)

Il-Kummissjoni hija partikolarment imħassba dwar l-impatt tal-ammont totali eċċezzjonalment għoli tal-għajnuna proposta, jiġifieri EUR 57 miljun. Għajnuna ta’ daqs bħal dan, speċjalment jekk is-somma sħiħa trid titħallas lill-benefiċjarju f’daqqa, ikollha effetti distortivi simili għal dawk ta’ għotja ta’ flus f’daqqa. F’din is-sitwazzjoni, il-benefiċjarju jista’ jiddisponi mis-somma, għall-inqas fl-istadji inizjali tal-implimentazzjoni tal-programm, anki għal għanijiet operattivi oħrajn minbarra li jiġu koperti l-ispejjeż ta’ programm ta’ taħriġ kontinwu.

(104)

Tħassib ieħor huwa l-vantaġġ finanzjarju possibbli li jista’ jinkiseb mill-benefiċjarju mill-fatt li l-għajnuna għat-taħriġ tkopri parzjalment il-kumpens għall-pagi tal-impjegati fir-rigward taż-żmien iddedikat sabiex tiġi segwita l-parti “eliġibbli” addizzjonali tat-taħriġ. Skont l-informazzjoni ppreżentata mir-Rumanija u minn Ford, il-proġett ta’ taħriġ propost jinvolvi b’kollox total medju ta’ 111-il jum ta’ taħriġ għal kull impjegat (jiġifieri medja ta’ 22.2 jum ta’ taħriġ fis-sena), li jinkludu kemm il-parti (mhux eliġibbli) tal-programm ta’ taħriġ speċifiku għall-kumpanija kif ukoll il-parti “eliġibbli” addizzjonali tal-programm.

(105)

Sabiex tevalwa l-potenzjal distortiv tal-għajnuna proposta, il-Kummissjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni l-karatteristiċi tas-settur u l-istruttura tas-suq/swieq rilevanti għall-proġett ta’ taħriġ megħjun. Sabiex teżamina dawn l-aspetti, il-Kummissjoni tibbaża fuq is-suq tal-prodott rilevanti, is-suq ġeografiku rilevanti u l-analiżi tas-sehem tas-suq imwettqa mill-Kummissjoni fl-2008 għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-għajnuna reġjonali għal Ford Craiova (46), li l-konklużjonijiet tagħha jikkuntrastaw mad-dejta riċenti dwar il-bejgħ tal-karozzi mid-ditta ta’ konsulenza Global Insight (47), u jiġu interpretati fl-isfond tal-informazzjoni riċenti rigward ir-rati ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità fl-industrija.

(106)

Il-benefiċjarja tal-għajnuna għat-taħriġ hija kumpanija kbira fis-settur tal-produzzjoni tal-vetturi bil-mutur. Fl-impjant ta’ Craiova, Ford sejra tipproduċi żewġ tipi ġodda ta’ vetturi: B-MAV, vettura multifunzjonali żgħira mibnija fuq pjattaforma kklassifikata minn Ford bħala li tappartjeni għall-karozzi tal-passiġġieri tas-segment B, u ISV, vettura żgħira ta’ utilità, li tista’ tintuża kemm għal trasport kummerċjali kif ukoll għat-trasport ta’ passiġġieri, mibnija fuq pjattaforma kklassifikata minn Ford bħala li tappartjeni għall-karozzi tal-passiġġieri tas-segment Ċ. Mis-sena 2011, fl-impjant ta’ Craiova sejra tibda tiġi prodotta linja ġdida ta’ magni b’livelli baxxi ta’ CO2, li għandhom jiġu inkorporati kważi esklussivament fuq vetturi tal-marka Ford.

(107)

Fid-deċiżjoni dwar l-għajnuna reġjonali ta’ April 2008, il-Kummissjoni kkonkludiet li, safejn il-magni jkunu prodotti intermedjarji li għandhom jiġu inkorporati fuq vetturi Ford, is-swieq ġeografiċi u tal-prodotti rilevanti għall-magni jikkoinċidu ma’ dawk definiti għall-prodotti finali (il-vetturi). Rigward is-swieq ġeografiċi u tal-prodotti rilevanti għall-vetturi B-MAV u IVS, minħabba l-eżistenza ta’ sistemi differenti għall-klassifikazzjoni tas-segmenti tal-karozzi rilevanti, il-Kummissjoni ħadet f’kunsiderazzjoni definizzjonijiet alternattivi differenti ta’ suq tal-prodotti. Il-vetturi prodotti fl-impjant ta’ Craiova sejrin jinbiegħu prinċipalment fis-swieq tal-UE u taż-ŻEE, iżda l-kumpanija għandha wkoll il-ħsieb li tibda tesporta l-vetturi tagħha lejn destinazzjonijiet oħrajn madwar id-dinja. Il-Kummissjoni stmat l-ishma tas-suq rilevanti matul il-perjodu 2007-2012 fil-livelli taż-ŻEE u madwar id-dinja, u kkonkludiet li l-ogħla sehem possibbli tas-suq rilevanti li ntlaħaq minn Ford kien ta’ 16,8 % fil-livell taż-ŻEE fl-2007, b’tendenza li jonqos xi ftit matul iż-żmien lejn l-2013. Il-Kumpaniji li jipproduċu vetturi b’karatteristiċi simili ħafna għall-vetturi B-MAV u IVS huma Renault u Opel, u rispettivament, Renault, Citroen, Fiat u Volkswagen.

(108)

Is-settur Ewropew tal-karozzi b’mod ġenerali huwa kkaratterizzat minn kapaċità żejda tal-produzzjoni – fl-2007, pereżempju, li kienet meqjusa bħala sena tajba għall-bejgħ tal-karozzi fl-Ewropa, il-produtturi poġġew fis-suq 4 miljun karozza aktar milli setgħu jinxtraw fis-suq (48). L-ACEA (l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Produtturi tal-Karozzi) tirrapporta li r-reġistrazzjonijiet ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda sa 3.5t naqsu b’31,4 % fl-Ewropa bejn Lulju 2008 u Lulju 2009 (49).

(109)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-karatteristiċi tas-settur (kapaċità żejda b’mod prinċipali) u tas-swieq rilevanti (kompetizzjoni intensa bejn ftit produtturi kbar), jindikaw li l-għajnuna għandha potenzjal ċar li tfixkel il-kompetizzjoni. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jiġu bbilanċjati kontra l-ħtieġa li jiġi mħeġġeġ l-investiment futur meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul tas-settur Ewropew tal-vetturi bil-mutur b’mod ġenerali. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Ir-Reazzjoni għall-kriżi fl-industrija awtomobilistika Ewropea” (50) il-Kummissjoni identifikat firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ għajnuna bil-għan li tgħin lill-industrija fil-kuntest tal-kriżi preżenti, inkluża l-għajnuna għat-taħriġ. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġi mfakkar li, filwaqt li l-għajnuna hija kbira f’termini assoluti, hija tirrappreżenta biss madwar terz tal-impenn finanzjarju globali għat-taħriġ tal-impjegati fl-impjant ta’ Craiova. Għaldaqstant, dan it-tħassib fih innifsu ma jikkostitwixxi ebda bażi suffiċjenti sabiex tiġi rrifjutata l-għajnuna. Madankollu, dan it-tħassib jissuġġerixxi li huwa meħtieġ li jiġu imposti ċerti kundizzjonijiet fuq il-ħlas tal-għajnuna, sabiex jiġi żgurat li Ford ma tiġix ipprovduta b’likwidità eċċessiva għal perjodu ta’ żmien qasir. Din il-kwistjoni hija indirizzata permezz tal-kundizzjonijiet rigward l-implimentazzjoni tal-programm stabbilit fl-Artikolu 2 fis-sezzjoni konklużiva tad-Deċiżjoni.

Bilanċ bejn l-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna

(110)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-effetti pożittivi tal-għajnuna proposta, f’termini ta’ (i) l-introduzzjoni tal-benefiċjarju sabiex joffri taħriġ ġenerali addizzjonali tat-tip li x’aktarx jiġġenera effetti pożittivi għall-ekonomija u s-soċjetà, u b’mod partikolari fil-livell ta’ reġjun assistit skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE, (ii) l-adegwatezza tal-għajnuna bħala strument ta’ politika u (iii) l-effett ta’ inċentiv tagħha kienu murija b’mod sodisfaċenti. Il-Kummissjoni ssostni ċertu tħassib fir-rigward tal-proporzjonalità tal-għajnuna proposta fuq il-bażi tal-estimi tal-ispejjeż futuri u l-proġezzjonijiet tal-azzjoni futura, iżda madankollu tikkonkludi li l-evidenza ex ante fuq il-proporzjonalità ippreżentata fil-każ hija aċċettabbli. Fir-rigward tal-effetti negattivi tal-għajnuna, assoċjati mal-potenzjal tagħha li tfixkel il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tesprimi tħassib, b’mod partikolari relatat mal-impatt ta’ għajnuna individwali ta’ dan id-daqs, inter alia, billi tikkunsidra l-karatteristiċi tas-settur u tas-swieq rilevanti. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan it-tħassib relatat mal-effetti distortivi u l-proporzjonalità jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet rigward l-implimentazzjoni tal-programm megħjun, li huma destinati sabiex jiżguraw li l-għajnuna titħallas biss f’pagamenti perjodiċi retroattivi wara l-preżentazzjoni minn Ford ta’ evidenza tal-ispejjeż reali mġarrba. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-effetti pożittivi tal-għajnuna proposta jissuperaw l-effetti negattivi potenzjali kkawżati minnha. Dan il-bilanċ pożittiv globali jiġġustifika li l-għajnuna titħalla kompatibbli mat-TFUE skont l-Artikolu 107(3)(ċ).

Akkumulazzjoni ta’ għajnuna

(111)

Din il-kwistjoni ġiet ittrattata fil-premessi 96-97 tad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna proposta tissodisfa r-rekwiżiti fir-rigward tal-akkumulazzjoni tal-għajnuna li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tal-GBER.

Il-prinċipju Deggendorf

(112)

Fid-dawl tad-dokumentazzjoni ppreżentata mir-Rumanija biex turi li l-għajnuna inkompatibbli tal-privatizzazzjoni ta’ EUR 27 miljun u l-imgħax li akkumula kienu rrimborżati minn Ford fis-27 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna proposta tissodisfa l-hekk imsejjaħ prinċipju Deggendorf.

7.   KONKLUŻJONI

(113)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżura ta’ għajnuna għat-taħriġ innotifikata mir-Rumanija favur Ford Romania SA, li tinsab fi Craiova, u li tikkonsisti f’għajnuna li tammonta għal total ta’ EUR 57 miljun bħala appoġġ għal programm ta’ taħriġ ta’ ħames snin li jkopri sa total ta’ 9 000 impjegati fl-impjant ta’ Craiova, hija kompatibbli mas-Suq Intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE.

(114)

Fid-dawl tat-tħassib rigward il-proporzjonalità u l-effetti potenzjalment distortivi tal-għajnuna msemmi fil-premessi 99, 109 u 110 ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tippermetti, bħala meħtieġa u ġustifikata, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni pożittiva b’kundizzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Proċedurali (51). Dawn il-kundizzjonijiet huma destinati li jiżguraw il-proporzjonalità matul l-implimentazzjoni tal-proġett (billi jiżguraw li l-ammont ta’ għajnuna jkun limitat strettament biex ikopri l-ispejjeż eliġibbli li ntefqu attwalment), li jillimitaw il-potenzjal distortiv ta’ ħlas immedjat tal-ammont sħiħ tal-għajnuna, u li jsaħħu t-trasferibbiltà tal-ħiliet miksuba mill-impjegati permezz tat-taħriġ li rċevew.

(115)

Barra minn hekk, kif propost mir-Rumanija nnifisha fis-sottomissjoni tagħha tad-9 ta’ Lulju 2009 (52), ir-regoli u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tal-għajnuna għandhom jiġu stipulati f’att leġiżlattiv speċifiku tar-Rumanija.

(116)

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna li r-Rumanija qiegħda tippjana li timplimenta għal Ford Romania SA, li tinsab fi Craiova, li tammonta għal EUR 57 miljun, hija kompatibbli mas-suq intern soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

1.   L-għajnuna għandha titħallas f’pagamenti perjodiċi ex post, f’intervalli li t-tul tagħhom għandu jiġi stabbilit bi ftehim bejn l-awtorità tal-għoti Rumena u l-benefiċjarju, iżda li f’ebda każ ma għandhomx jaqbżu t-tul ta’ sena. Is-somma totali tal-pagamenti perjodiċi għandha tikkorrispondi għall-ispejjeż attwalment imġarrba, kif iddikjarat mill-benefiċjarju lill-awtorità tal-għoti Rumena.

2.   L-awtoritajiet Rumeni għandhom jinformaw lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni Rumen, li huwa fdat bil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din il-miżura ta’ għajnuna, u lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni, dwar it-termini tal-ftehim milħuqa fuq it-tul tal-intervalli tal-pagamenti ex post.

3.   Fil-konklużjoni ta’ kull sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ taħriġ, il-benefiċjarju għandu jissottometti lill-awtorità Rumena tal-monitoraġġ u lill-Kummissjoni indipendentement rapporti dettaljati vverifikati dwar l-applikazzjoni tal-programm u l-ispejjeż imġarrba għall-perjodu rrapportat. Ir-rapporti tal-implimentazzjoni għandhom jinkludu informazzjoni dettaljata dwar l-ispejjeż imġarrba u t-taħriġ offrut. Ir-rapporti għandhom jikklassifikaw il-kategoriji tal-ispiża eliġibbli kif definit fl-Artikolu 39(4) tal-GBER għal kull blokk ta’ taħriġ. Ir-rapporti annwali tal-implimentazzjoni għandhom jelenkaw ukoll il-korsijiet ta’ taħriġ offruti taħt kull blokk matul il-perjodu rrapportat, in-numru ta’ impjegati li attendew il-korsijiet b’distinzjoni skont il-kategorija ta’ impjegati, in-numru totali ta’ ġranet/sigħat ta’ taħriġ offruti skont il-kors u skont il-blokk ta’ taħriġ, u n-numru totali ta’ impjegati tal-kumpanija fi tmiem kull sena ta’ implimentazzjoni tal-programm (għadd tal-persunal). L-awditur indipendenti għandu jintgħażel permezz ta’ ftehim reċiproku bejn il-benefiċjarju u l-awtorità Rumena tal-monitoraġġ.

4.   Il-ħlasijiet tal-pagamenti bin-nifs għas-snin suċċessivi ta’ implimentazzjoni tal-programm għandhom ikunu marbuta mal-kundizzjoni li jiġu aċċettati r-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni mill-awtorità Rumena tal-monitoraġġ u mill-Kummissjoni, fi żmien sitt ġimgħat mid-data meta r-rapport sottomess jitqies bħala komplet. In-nuqqas ta’ reazzjoni fi żmien l-iskadenza stabbilita għandu jiġi interpretat bħala aċċettazzjoni taċita tar-rapporti dwar l-implimentazzjoni.

5.   Il-benefiċjarju għandu joħroġ iċ-ċertifikati tal-attendenza għal kull wieħed u waħda mill-impjegati li jattendu l-programm ta’ taħriġ, fi tmiem il-programm jew fuq bażi annwali (skont kif ikun l-aktar konvenjenti), billi jelenka l-korsijiet li jkunu attendew għalihom u n-numru ta’ ġranet/sigħat ta’ taħriġ irċevuti skont il-kors. Dawn iċ-ċertifikati tal-attendenza għandhom f’kull każ jinħarġu fuq it-talba tal-impjegat jekk u meta dan tal-aħħar ikun għamel talba formali biex iħalli l-kumpanija. Iċ-ċertifikati tal-attendenza għandhom b’hekk isaħħu t-trasferibbiltà tal-ħiliet miksuba permezz tat-taħriġ ipprovdut.

6.   L-awtoritajiet Rumeni għandhom jittrasponu l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafi 1-5 ta’ hawn fuq f’att leġiżlattiv li jirregola l-implimentazzjoni tal-programm ta’ taħriġ. Minbarra li jirrifletti l-kundizzjonijiet imsemmija fuq, l-att leġiżlattiv għandu jistipula kundizzjonijiet speċifiċi li jiggarantixxu l-ħlas lura ta’ ammonti ta’ għajnuna li kienu tħallsu f’pagamenti perjodiċi preċedenti li nstab li kienu aktar mill-ispejjeż attwalment minfuqa u/jew aktar mill-intensitajiet tal-għajnuna li fuq il-bażi tagħhom l-għajnuna kienet approvata skont il-kwalifika “ġenerali” jew “speċifika” tat-taħriġ li għandu jiġi pprovdut. L-att leġiżlattiv għandu jistipula wkoll obbligu għall-benefiċjarju li jeskludi mill-ispejjeż eliġibbli ddikjarati dawk l-ispejjeż li eventwalment jiġu rkuprati bħala konsegwenza ta’ benefiċċju mill-ħiliet miksuba mill-impjegati permezz tat-taħriġ, fis-sens tal-aħħar paragrafu tal-Punt 16 tal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ. L-att leġiżlattiv għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni bl-inqas dewmien possibbli. L-għajnuna ma tistax tiġi implimentata qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att.

7.   Il-Kummissjoni tistieden lir-rappreżentanti tal-impjegati fl-impjant ta’ Ford Craiova sabiex jippreżentaw, fl-aħħar ta’ kull sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ taħriġ, kummenti bil-miktub rigward il-kontenut tal-korsijiet ta’ taħriġ li ġew ipprovduti u l-attendenza fil-korsijiet (f’termini ta’ numru ta’ impjegati li jattendu t-taħriġ u l-ħin imqatta’ fit-taħriġ).

Artikolu 3

Ir-Rumanija għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, dwar il-miżuri meħuda sabiex tintlaħaq konformità magħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 270, 25.10.2008, p. 29.

(2)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza, identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE, fejn xieraq.

(3)  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinfetaħ il-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(4)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/717/KE tas-27 ta’ Frar 2008 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 46/07 (ex NN 59/07), Il-privatizzazzjoni ta’ Automobile Craiova, ir-Rumanija, (li qabel kienet Daewoo Romania) ĠU L 239, 6.9.2008, p. 12. Il-Kummissjoni sabet li l-prezz tal-privatizzazzjoni tnaqqas, bi skambju għall-impenji tal-kumpanija Ford li żżomm il-forza tax-xogħol eżistenti (3 900) u toħloq impjiegi ġodda sa total ta’ 9 000 sas-sena 2012, u li sal-aħħar tal-2012 tilħaq livell ta’ produzzjoni ta’ 200 000 vettura fis-sena. Il-Kummissjoni ordnat l-irkupru ta’ EUR 27 miljun, li jirrappreżenta d-differenza bejn il-valur nett tal-assi u l-prezz tax-xiri. Bħala parti mill-ftehim tal-privatizzazzjoni, fis-7 ta’ Novembru 2007, il-gvern Rumen iffirma Ittra ta’ Impenn Vinkolanti, li permezz tagħha wiegħed li jagħti lill-kumpanija Ford għajnuna reġjonali li tammonta għal total ta’ EUR 156 miljun u għajnuna għat-taħriġ li tammonta għal total ta’ EUR 57 miljun fir-rigward tal-proġett ta’ Craiova.

(5)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat N 767/2007, Għajnuna ta’ investiment reġjonali lil Ford Craiova, ĠU C 238, 17.9.2008, p. 4.

(6)  Kif sottomess mill-benefiċjarja fit-18 ta’ Diċembru 2008.

(7)  Skont kif ġej: Introduzzjoni għas-Saħħa u s-Sigurtà għall-Produzzjoni; Taħriġ dwar Safe Cell Entry; ECPL Stand Down; ECPL Stand Down għall-Produzzjoni; Introduzzjoni għas-Saħħa u s-Sigurtà għall-Ħaddiema fl-Uffiċini; Introduzzjoni għas-Sit għal Viżitaturi u Kuntratturi; Pjan ta’ Rispons għall-Enerġija Ambjentali; Sistema MATS u Mmaniġġjar tad-Dejta għal Materjali Perikolużi; Evalwaturi tar-Riskju; Introduzzjoni għal Żoni Magħluqa b’Sisien u Siti ta’ Kostruzzjoni; Stima tar-Riskju ta’ Nirien u Sigurtà; Stand Down ta’ Sigurtà fuq rekwiżiti legali (darbtejn fis-sena); Stand Down ta’ Sigurtà għas-Sigurtà tan-Nies li Jimxu fit-Triq (darbtejn fis-sena); Saħħa u Sigurtà għall-Maniġers u l-Kumitat ta’ Saħħa u Sigurtà; L-Ewwel Għajnuna.

(8)  Skont kif ġej: L-Irwol ta’ Timijiet fl-Iffissar ta’ Objettivi u l-Iskjerament ta’ Politika; Titjib Kontinwu; Introduzzjoni għall-PC bl-MS Windows XP; Aspetti Fundamentali tal-MS Excel; Aspetti Fundamentali tal-MS Word 2003; Ħiliet ta’ Bini ta’ Timijiet; Valutazzjoni tad-Differenzi, Ħolqien ta’ Suċċess – Diversità u Dinjità fuq ix-Xogħol; Taħriġ għal min iħarreġ; Laqgħat Effettivi tat-Tim; Ħiliet ta’ Litteriżmu; Matematika għan-Negozju; Introduzzjoni għal Scorecards; Taħriġ fil-Lingwa Ingliża; Taħriġ Speċjalizzat dwar Tmexxija ta’ Prodotti.

(9)  Skont kif ġej: Taħriġ dwar Task Cards; Introduzzjoni għal Scorecards; u Strateġiji, Objettivi u Indikaturi Ewlenin ta’ Prestazzjoni.

(10)  Bħal: Prinċipji ta’ Manifattura, Analiżi tal-Għeruq tal-Kawża (5 Għalfejn); Tekniċi Viżwali tal-Fabbrika; Miżuri biex ma jkunx hemm Żbalji; Identifikazzjoni u Riżoluzzjoni ta’ Difetti; Titjib Kontinwu; Ħarsa Ġenerali lejn il-Kwalità; Kontroll tal-Proċess Statistiku; Prinċipji ta’ Kondotta Korporattiva; Sistemi ta’ Manifattura; eċċ.

(11)  Li jkopru dawn il-korsijiet speċifiċi għal kumpaniji: Kontroll tal-Proċess fl-Istazzjon; Immaniġġjar u Żamma ta’ Dokumenti; L-Użu ta’ Kontroll tal-Proċess Statistiku f’Ford; Kondotta Korporattiva f’Ford; Kontroll Intern f’Ford; Manifattura ta’ Sistemi Operattivi f’Ford; Taħriġ dwar Captura; Kontabilità Maniġerjali f’Ford; Kontabilità Finanzjarja u Proċessi tat-Taxxa f’Ford; Proċessi ta’ Analiżi Finanzjarja f’Ford; Proċessi ta’ Xiri f’Ford; Proċessi ta’ Riżorsi Umani f’Ford; Sistemi ta’ Xiri u Ordnijiet; Kontroll ta’ Rekwiżizzjonar u Approvazzjonijiet; Sistemi ta’ Akkwisti u Rekwiżizzjonar għax-Xerrejja; Proċessar tal-Ordnijiet On-Line mhux tal-Produzzjoni (SNOOPE); Għażla ta’ Ordni Ġenerika.

(12)  Ħlief żewġ korsijiet ta’ Ħiliet Mediċi, jiġifieri, Qawmien u Trattament għal Xokk Elettriku, u Titjib fil-Ħiliet Mediċi.

(13)  Valur nominali.

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali.

(14)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 hawn fuq.

(15)  Kawżi Magħquda T-244/93 u T-486/93 TWD v Il-Kummissjoni [1997 II-2265, u l-Kawża C-355/95 P TWD v Il-Kummissjoni [1997] Ġabra I-2549.

(16)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 hawn fuq.

(17)   ĠU L 10, 13.1.2001, p. 20.

(18)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).

(19)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/938/KE tal-4 ta’ Lulju 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat C 40/2005 (ex N 331/2005) li l-Belġju qiegħed jippjana li jimplementa lill-Ford Genk (ĠU L 366, 21.12.2006, p. 32).

(20)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/612/KE tal-4 ta’ April 2007 dwar l-għajnuna mill-Istat C 14/06 li l-Belġju qiegħed jippjana li jimplementa lill-General Motors Antwerp (ĠU L 243, 18.9.2007, p. 71).

(21)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat N 653/2005, Għajnuna għat-Taħriġ għal Webasto Portugal (ĠU C 306, 15.12.2006, p. 14).

(22)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat C 23/2007, Għajnuna għat-Taħriġ għal Vauxhall at Ellesmere Port (ĠU C 243, 17.10.2007, p. 4).

(23)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

(24)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 17.

(25)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 18.

(26)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 19.

(27)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 20.

(28)  Kawża C-334/07 P, [2008] Ġabra I-9975.

(29)   Idem, premessa 51.

(30)   Idem, premessa 53.

(31)   Idem, premessa 56; ara wkoll il-Każ C-49/05 P Ferriere Nord vs. il-Kummissjoni [2008], sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, mhux irrapportata, punti 68-71.

(32)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 17.

(33)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 18.

(34)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ soġġetta għal notifika individwali (ĠU C 188, 11.8.2009, p. 1).

(35)  Artikolu 39(2) tal-GBER.

(36)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 28.

(37)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 19.

(38)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 20.

(39)   Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Qafas dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ (ĠU C 343, 11.11.1998, P. 10).

(40)  Punti 27-28 tal-Qafas tal-1998 dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ. Il-Punt 28, pereżempju, iddikjara li: “Sabiex tiddetermina l-effett ta’ inċentiv, il-Kummissjoni sejra tikkunsidra jekk l-għajnuna għat-taħriġ għandhiex l-effett li tħeġġeġ lill-kumpaniji jagħmlu aktar fir-rigward ta’ taħriġ milli normalment jagħmlu jew jonfqu aktar milli normalment jonfqu fuq it-taħriġ. Miżura ta’ għajnuna relatata mal-ispejjeż operattivi normali ta’ kumpanija (korsijiet ta’ introduzzjoni standard għal ħaddiema ġodda u oħrajn), li hija intiża biss biex tnaqqas, kontinwament jew perjodikament, l-ispejjeż li l-kumpanija normalment ikollha tagħmel, mhijiex inċentiv u bħala regola ma tistax tiġi approvata. […]”. Ara wkoll Loredana von Buttlar u Salim Medghoul (2008): “The Principle of the Incentive Effect Applied to Training Aid – Some Recent Cases”, Competition Policy Newsletter Nru 3, 2008, pp. 85-88, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/competition/publications/cpn/2008_3_85.pdf

(41)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 19, premessi 28-38 tad-Deċiżjoni.

(42)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 20, premessi 43-45 tad-Deċiżjoni.

(43)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/878/KE tat-2 ta’ Lulju 2008 dwar il-Każ ta’ Għajnuna mill-Istat C 18/07 (ex N 874/06) li l-Ġermanja qiegħda tippjana li timplimenta għal DHL (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 31).

(44)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 4.

(45)  Linji Gwida dwar Għajnuna Reġjonali Nazzjonali għal 2007-2013 (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13).

(46)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 4, premessi 70-129.

(47)  Dejta ta’ Global Insight minn Ottubru 2009 miksuba mis-servizzi tal-Kummissjoni. Ara http://www.ihsglobalinsight.com.

(48)  Ara The Economist tas-17 ta’ Settembru 2009, “Small Isn’t Beautiful”, li tikkwota estimi tal-PWC ta’ kapaċità eċċessiva fl-industrija Ewropea tal-karozzi matul il-perjodu 2005-2010.

(49)  Ara l-Istqarrija għall-Istampa ta’ ACEA tal-24 ta’ Settembru 2009, Reġistrazzjonijiet ta’ Vetturi Kummerċjali Ġodda għal Lulju u Awwissu 2009, l-UE u l-Pajjiżi tal-EFTA, disponibbli fuq http://www.acea.be/index.php/news/news_detail/commercial_vehicles_registrations_down_374_eight_months_into_2009

(50)  Komunikazzjoni għall-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2009, test disponibbli fuq http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri = COM:2009:0104:FIN:EN:PDF

(51)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(52)  Ara l-premessa 21 hawn fuq.