European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3173

20.6.2025

Opinjoni prospettiva tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Patt Ewropew għall-Oċeani

(C/2025/3173)

Relatur ġenerali

:

Mätta IVARSSON (SE/Il-Ħodor), Membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Skåne

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

1.

jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex issaħħaħ il-koerenza tal-politiki tal-UE dwar l-oċeani. Jissottolinja li, sabiex l-Ewropa tiġi ppożizzjonata bħala potenza marittima u biex jinħatfu l-opportunitajiet tal-oċeani, il-Patt Ewropew dwar l-Oċeani għandu jindirizza d-dimensjonijiet differenti tas-sostenibbiltà: il-protezzjoni u r-restawr tal-oċeani, l-iżvilupp ekonomiku blu sostenibbli, l-għarfien u r-riċerka tal-baħar, governanza tal-oċeani sensittiva għall-post, u l-benesseri taċ-ċittadini f’territorji kostali u f’territorji oħra b’rabtiet mal-oċeani. Jenfasizza li l-governanza olistika tal-oċeani tiddependi wkoll minn qafas ta’ governanza f’diversi livelli, b’mod partikolari mill-involviment mill-qrib tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll mill-ħtieġa li jiġu koperti l-attivitajiet ibbażati fuq l-art li għandhom impatt fuq is-saħħa tal-oċeani;

2.

jenfasizza li dawn il-prijoritajiet iridu jkunu interkonnessi biex jipproteġu l-ambjenti tal-oċeani, jappoġġjaw ekonomiji reżiljenti u kompetittivi u jiżguraw il-benesseri tal-komunitajiet lokali u reġjonali fiż-żoni kostali u lil hinn minnhom, waqt li jirrikonoxxu li l-benesseri u l-prosperità fit-tul ta’ ħafna minnhom jiddependu minn oċeani b’saħħithom; barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva tal-komunitajiet kostali, tal-komunitajiet tas-sajd fuq skala żgħira u ta’ partijiet ikkonċernati oħra fit-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati mal-oċeani, u li titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-individwi u ta’ dawn il-komunitajiet tas-sajd, li jinkludu sorsi potenzjali ta’ għajxien għall-popolazzjoni kostali, għall-impatti tad-degradazzjoni tal-oċeani, tal-perikli naturali, u tad-degradazzjoni ambjentali antropoġenika;

3.

jenfasizza li l-kisba ta’ “status ambjentali tajjeb” skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina hija essenzjali, peress li ambjent tal-baħar ippreservat tajjeb jirfed l-istabbiltà ekonomika u jgħin biex jittaffew l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq ir-reġjuni kostali Ewropej, kif enfasizzat fil-Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku fl-Ewropa tal-2024 mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (1);

4.

japprezza d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tibda ċ-ċiklu ġdid ta’ politika billi tħejji l-Patt Ewropew għall-Oċeani l-ġdid. Din turi r-rieda tagħha li tadotta approċċ strateġiku u olistiku għall-oċeani. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea toħroġ komunikazzjoni regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Patt kif ukoll pjan direzzjonali tal-impenji li jkun jakkumpanjah;

5.

jenfasizza d-diskrepanza fil-finanzjament li taffettwa l-attivitajiet marittimi u jappella għall-istabbiliment ta’ finanzjament adegwat għal tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija marittima b’impatt baxx u riġenerattiva u protezzjoni u restawr effettivi tal-ekosistemi tal-baħar u r-riċerka xjentifika. Iqis li l-Patt għandu jikkontribwixxi biex jiffaċilita l-ħolqien ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament u inċentivi innovattivi biex jiġu applikati prattiki sostenibbli;

6.

jissottolinja li l-QFP li jmiss għandu jipprovdi strumenti ta’ finanzjament xierqa li jridu jikkorrispondu għad-diversi nisġiet soċjoekonomiċi lokali; dan jirrikjedi l-iżvilupp ta’ approċċ olistiku ta’ governanza f’diversi livelli għall-ġestjoni ta’ dawn l-istrumenti bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

7.

waqt li jfakkar fl-esperjenza miksuba fit-tfassil tal-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE (2), jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-rabtiet ta’ benefiċċju reċiproku bejn iż-żoni kostali u interni jiġu integrati fil-politiki kollha tal-UE, billi jsir l-aħjar użu mill-interdipendenzi b’saħħithom bejn iż-żoni kostali u interni;

Approċċ olistiku għall-ġestjoni tal-oċeani

8.

jenfasizza li oċeani b’saħħithom huma fundamentalment vitali għall-UE, l-Istati Membri tagħha, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u ċ-ċittadini tal-UE, peress li dawn isostnu l-bijodiversità, jixprunaw l-ekonomiji, jappoġġjaw il-benesseri u huma prerekwiżit għall-ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi tal-baħar, u b’hekk jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel. Iqis li l-oċeani jinteraġixxu mal-bnedmin b’diversi modi, u huma ta’ importanza kbira mill-perspettivi ambjentali, ekonomiċi, kulturali, strateġiċi u rikreattivi;

9.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tfittex evoluzzjoni strateġika tal-approċċ tagħha għall-oċeani li tfittex li ssaħħaħ il-koerenza u s-sinerġija fost l-objettivi, l-għodod, il-politiki u l-prijoritajiet differenti, inklużi:

(a)

l-għanijiet ambjentali ġenerali tal-UE, kif deskritti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u kif definiti mill-konformità mal-impenji internazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri, il-kompetittività Ewropea msaħħa prevista mir-rapport ta’ Draghi, u l-preparatezza u t-tħejjija ċivili u tad-difiża tal-Ewropa previsti fir-rapport ta’ Niinistö;

(b)

oqsma ta’ influwenza politika Ewropea, inkluża d-diplomazija dwar l-oċeani u l-promozzjoni ta’ governanza internazzjonali u reġjonali tal-oċeani msaħħa;

(c)

il-politiki settorjali, bħall-politika komuni tas-sajd (PKS), l-ekonomija blu, l-Istrateġija tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar l-Oċeani, u l-Pjan Ewropew ta’ adattament għat-tibdil fil-klima;

jirrimarka li l-approċċ olistiku ta’ hawn fuq huwa adottat f’kuntest globali fejn l-oċeani huma ttrattati min-nazzjonijiet bħala żoni tal-art u huma oġġetti ta’ tilwim territorjali. Għalhekk, il-KtR jenfasizza li l-Patt għall-Oċeani għandu jħaddan ukoll ir-raba’ element, jiġifieri:

(d)

enfasi aktar qawwija fuq ir-riżorsi tal-baħar ikkontestati u l-importanza ġeostrateġika msaħħa tal-oċeani f’dinja multilaterali u frammentata. Dan huwa konformi mal-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza ta’ “reġjuni [...] tal-fruntiera esterni, kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar, bħala gateways ġeografiċi għall-Unjoni Ewropea, għas-sigurtà u r-reżiljenza tal-UE” (3). Jenfasizza li dan it-theddid ġeopolitiku ġdid jirfed il-ħtieġa li jiġi żgurat ippjanar spazjali marittimu adegwat bejn attivitajiet differenti u l-ħtieġa li tiġi evitata “restrizzjoni tal-ispazju”;

(e)

it-titjib tal-oqfsa ta’ ġestjoni, flimkien ma’ mekkaniżmi kkoordinati fil-livelli globali, reġjonali u nazzjonali, biex tiġi żgurata l-ġestjoni integrata tal-ekosistema u l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet kostali;

10.

jenfasizza li oċeani b’saħħithom huma l-pedament biex jiġi massimizza il-potenzjal ekonomiku fit-tul tal-industriji marittimi. Il-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi tal-baħar iridu jkunu fil-qalba tal-Patt, peress li ekosistemi b’saħħithom huma essenzjali biex jiġu żgurati l-produttività, ir-reżiljenza, u l-iżvilupp futur f’setturi li jiddependu mill-baħar;

11.

jirrimarka li approċċ olistiku ma jimplikax politiki ġenerali uniformi applikati b’mod indiskriminat fir-reġjuni kollha mingħajr kunsiderazzjoni bir-reqqa tad-differenzi lokali. Minflok, irid jirrifletti l-ħtiġijiet u l-interessi differenti tal-komunitajiet reġjonali u lokali, waqt li jirrikonoxxi li mudell “wieħed tajjeb għal kulħadd” la huwa effettiv u lanqas sostenibbli. Jitlob għalhekk li l-politiki marittimi jiġu żviluppati f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u ċ-ċittadini, u jibnu fuq il-prinċipji ta’ governanza f’diversi livelli, sussidjarjetà attiva u sħubija, li jkunu jippermettu approċċi mfassla apposta u speċifiċi għall-kuntest li jirrispettaw l-ispeċifiċitajiet lokali, u jippromovu l-iskambju ta’ prattiki tajbin u kooperazzjoni mis-setturi marittimi;

12.

jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-ġestjoni tal-oċean tkun sostnuta minn koerenza politika robusta u miri legalment vinkolanti li jiġu mmonitorjati u, jekk ikun meħtieġ, infurzati f’ċerti intervalli. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-konnessjoni bejn id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u l-objettivi tal-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu;

13.

ifakkar fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tad-Diretturi tal-Ibħra u l-Ilma tal-UE f’Ġunju 2024 li jappellaw għal aktar azzjoni biex jiġi żgurat status ambjentali tajjeb tal-ekosistemi tal-baħar, u b’mod partikolari biex id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina tinbidel f’“Liġi Ewropea tal-Baħar” (4);

14.

jitlob li jiġi stabbilit, fi ħdan il-Kulleġġ tal-Kummissarji, grupp ta’ proġetti relatat mal-implimentazzjoni tal-Patt dwar l-Oċeani, taħt it-tmexxija tal-Kummissarju għas-Sajd u l-Oċeani, biex jiġi żgurat li jittieħed approċċ olistiku fl-implimentazzjoni;

Ekonomija blu b’impatt baxx

15.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-attivitajiet marittimi affettwati mill-kriżijiet ambjentali tripli, jew li jsaħħuhom, fi tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija blu b’impatt baxx li tirrispetta l-limiti planetarji u l-kapaċità ta’ tagħbija tal-oċean tagħna;

16.

jenfasizza l-importanza tal-ippjanar spazjali marittimu biex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-politiki ambjentali, klimatiċi, tal-benesseri soċjoekonomiku u settorjali. Jirrikonoxxi l-isfida ta’ “restrizzjoni tal-ispazju” fl-ilmijiet tal-UE u jenfasizza li l-koeżistenza tista’ tkun għodda strateġika biex tappoġġja l-kisba tal-miri tal-bijodiversità tal-UE u dawk internazzjonali, waqt li tappoġġja l-komunitajiet lokali. Jenfasizza li l-kolokazzjoni tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta b’sajd b’impatt baxx jew akkwakultura b’livell trofiku baxx trid tiġi esplorata fil-qafas tal-ippjanar spazjali marittimu;

17.

ifakkar li l-użu tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta huwa fil-qalba tat-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-iżgurar tal-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa. Jitlob li jiġu żviluppati offerti transkonfinali għall-enerġija lil hinn mill-kosta biex jiġu limitati l-kunflitti tal-użu u jiġu razzjonalizzati l-infrastrutturi tal-enerġija. Jafda lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw strateġiji tal-enerġija adatti.

18.

jistieden lill-Kummissjoni tipproteġi l-industriji tal-enerġija lil hinn mill-kosta Ewropej minn kompetizzjoni inġusta billi tistabbilixxi prezzijiet minimi u rekwiżit li tiżgura li l-maġġoranza l-kbira tal-katina tal-valur tibqa’ Ewropea, waqt li tistabbilixxi kriterji ġodda fl-offerti tal-enerġija lil hinn mill-kosta, inkluż billi tintroduċi kriterji obbligatorji mhux tal-prezz dwar il-bijodiversità, l-aspetti soċjali u ċ-ċirkolarità u torbot dawk il-proġetti ma’ programmi ta’ restawr tal-bijodiversità kontigwi;

19.

jirrikonoxxi li l-attivitajiet differenti jistgħu jkunu sinerġetiċi jew antitetiċi skont in-natura u l-lokalizzazzjoni tagħhom fl-ispazju u l-ħin. Iqis li l-Patt għall-Oċeani għandu jikkontribwixxi biex jippermetti l-ippjanar spazjali lokali, biex jiġi żgurat li s-sinerġiji jiġu massimizzati bejn l-attivitajiet marittimi u li l-kompromessi jitnaqqsu u/jew jiġu ġestiti. Jenfasizza li ż-żoni tal-baħar protetti ma jistgħux jitqiesu bħala attività b’kompromessi possibbli;

L-ikel

20.

jirrikonoxxi li r-riżorsi tas-sajd huma limitati fil-volum u interkonnessi mill-qrib mal-kwalità ġenerali tal-ekosistemi tal-baħar. Jirrimarka li s-sovranità fit-tul tal-ikel tal-UE tibqa’ objettiv strateġiku ewlieni tal-Unjoni li jista’ jinkiseb biss permezz ta’ ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi tal-baħar. Jirrikonoxxi r-rwol tal-oċeani u tal-għarfien tradizzjonali tal-professjonisti marittimi fil-produzzjoni ta’ ikel ta’ valur għoli miksub mis-sajd u l-akkwakultura kif rikonoxxut mill-Komunikazzjoni Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel (5). Jenfasizza l-impatt tal-politika agrikola fuq is-saħħa tal-ekosistemi marittimi, u l-isfidi kkawżati mill-iskular u l-ewtrofikazzjoni tan-nutrijenti kemm fuq il-kisba tal-għanijiet ambjentali tal-Unjoni kif ukoll fuq is-settur tas-sajd;

21.

iqis li l-istokkijiet tal-ħut ġestiti b’mod sostenibbli huma kruċjali għaż-żamma ta’ industrija tas-sajd profittabbli li tkun kapaċi tiżgura l-impjiegi fis-settur tas-sajd u l-katina tal-provvista lokali li tiddependi minnu. Iqis li s-segment fuq skala żgħira tas-settur tas-sajd huwa dak bl-akbar benefiċċju għall-komunitajiet lokali, u impenjat fi prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u għandu jiġi appoġġjat għar-reżiljenza fit-tul tal-attivitajiet tagħhom. Jirrikonoxxi li s-sajd huwa parti fundamentali mill-kultura u l-ekonomija ta’ ħafna komunitajiet kostali. Jenfasizza li stokkijiet ta’ ħut sfruttati żżejjed, eżawriti u li qed jirkupraw għandhom jitħallew jiġu ripopolati, waqt li jitħeġġu l-isforzi biex jiġi żgurat li r-riżorsi ħajjin ma jibqgħux jiġu esposti għal prattiki ta’ sajd eċċessiv fl-oċeani, anke fid-dawl tal-effetti tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (sajd IUU) minn flotot tas-sajd ta’ pajjiżi terzi, biex b’hekk tiġi appoġġjata r-reżiljenza fit-tul tas-sajjieda kostali. Iqis li l-effett tat-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi għandu jiġi indirizzat ukoll;

22.

jenfasizza l-ħtieġa li jinbidlu x-xejriet tal-konsum fl-UE biex jiddependu inqas mill-prodotti importati u aktar mill-produzzjoni lokali. Jindika l-potenzjal għall-iżvilupp lokali u reġjonali biex jiżdied il-konsum ta’ prodotti minn sorsi lokali bi ktajjen tal-provvista qosra. Jenfasizza r-rwol detrimentali li l-akkwakultura industrijali jista’ jkollha fuq ir-riżorsi proprji tagħna u fuq ir-riżorsi ta’ pajjiżi terzi meta tħeġġeġ is-sajd eċċessiv għall-produzzjoni tal-ħut mitħun. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir sforz għal akkwakultura b’impatt baxx, b’mod partikolari dik tal-algi u tal-bivalvi, bħala l-aktar alternattivi sostenibbli għall-produzzjoni tal-proteini akkwatiċi, fid-dawl tat-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut u l-ħtieġa tal-konservazzjoni tagħhom;

23.

jirrimarka li r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar li għadhom ma ġewx ivvalutati fir-reġjuni ultraperiferiċi, li l-ilmijiet tal-oċeani tagħhom jammontaw għal aktar minn nofs is-superfiċje kollha taż-żoni ekonomiċi esklużivi fl-UE kollha kemm hi, jistgħu jiġu ġestiti b’mod effettiv u sostenibbli, u fl-istess ħin jibqgħu konsistenti mal-objettivi li jiġu ġġenerati benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-prodotti tal-ikel, mhux biss għall-iżvilupp ta’ dawn ir-reġjuni, iżda wkoll għall-UE kollha kemm hi;

24.

jirrikonoxxi r-rwol li jista’ jkollu l-iżvilupp tal-akkwakultura b’livell trofiku baxx fis-sigurtà tal-ikel u l-impjiegi, mhux l-inqas fiż-żoni rurali, u l-ħtieġa li jiġi promoss l-iżvilupp tal-akkwakultura sostenibbli;

25.

jirrimarka li l-UE hija l-akbar suq dinji tal-frott tal-baħar u jirrikonoxxi s-sehem kbir tagħha ta’ responsabbiltà fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali. Fl-istess ħin, iqis li huwa kruċjali li l-flotta tas-sajd u l-industrija tas-sajd Ewropej jiġu protetti minn kompetizzjoni globali inġusta u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ma’ prodotti tal-frott tal-baħar importati, b’mod partikolari li jiġu minn sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, jew minn prattiki ambjentalment distruttivi;

It-turiżmu

26.

japprezza r-rwol tat-turiżmu sostenibbli fiż-żoni kostali u l-importanza tiegħu biex jiġu żgurati komunitajiet kostali b’saħħithom. Jirrikonoxxi r-riskju ppreżentat mit-turiżmu żbilanċjat f’żoni sensittivi b’ekosistemi fraġli. Jikkunsidra li l-Patt għall-Oċeani għandu jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta’ għodod u mekkaniżmi biex jiġi minimizzat ir-riskju prodott mill-isfruttament żejjed u d-degradazzjoni ambjentali u tal-patrimonju kkawżati minn influss turistiku mhux ikkontrollat u mhux regolat, ġeografikament u temporalment ikkonċentrat;

27.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ oċean nadif biex tiġi żgurata l-attraenza fit-tul tat-turiżmu kostali, permezz tal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u kulturali, u l-benefiċċji multipli li jġibu ż-żoni marini protetti għall-attivitajiet tat-turiżmu lokali;

28.

jenfasizza li għadu ’l bogħod milli jintlaħaq l-għan tal-Unjoni Ewropea li tikseb kopertura ta’ 30 % taż-żoni marini protetti, b’10 % taħt protezzjoni stretta għal kull reġjun. Jinnota li aktar minn 80 % taż-żoni marini protetti tal-UE jipprovdu biss regolazzjoni minima tal-attivitajiet tal-baħar;

29.

jappella għal projbizzjoni fuq l-attivitajiet distruttivi tas-sajd, bħat-tkarkir tal-qiegħ, fiż-żoni marini protetti kollha. Jenfasizza l-impatt detrimentali tat-tkarkir pelaġiku industrijali f’xi żoni, b’mod partikolari fuq is-sajd kostali u l-komunitajiet lokali;

Ekonomija sostenibbli u ċirkolari

30.

jenfasizza li r-reġjuni għandhom potenzjal varjat li jiddependi mill-qrib mill-karatteristiċi fiżiċi u ġeografiċi tagħhom. Jenfasizza l-potenzjal għall-produzzjoni tal-enerġija sostenibbli mill-iżvilupp ta’ parks eoliċi lil hinn mill-kosta, l-enerġija mill-marea u l-konverżjoni tal-enerġija termali tal-oċeani;

31.

ifakkar li l-użu tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta huwa fil-qalba tat-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-iżgurar tal-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa. Jirrimarka li l-istrateġija tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta tipproponi modi konkreti kif jista’ jiġi appoġġjat l-iżvilupp sostenibbli fit-tul tas-settur u jenfasizza l-ħtieġa li jsir aktar investiment fl-infrastruttura tal-grilja u tal-interkonnetturi meħtieġa biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta;

32.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżviluppaw strateġiji tal-enerġija adatti b’enfasi fuq l-appoġġ ta’ offerti transfruntiera u r-razzjonalizzazzjoni tal-użu tal-infrastrutturi tal-enerġija;

33.

iqis li l-Patt għall-Oċeani għandu jinsisti fuq approċċ ibbażat fuq ix-xjenza u prekawzjonarju għall-estrazzjoni tal-minerali mill-oċeani, biex jiġi evitat kwalunkwe impatt irriversibbli potenzjali fuq l-ekosistemi u l-bijodiversità tal-baħar, waqt li jitqiesu wkoll il-kompromessi probabbli ma’ attivitajiet ekonomiċi oħra bħas-sajd, l-akkwakultura u t-turiżmu. F’dan ir-rigward, jenfasizza wkoll l-importanza ta’ sensibilizzazzjoni fost il-popolazzjoni dwar l-integrazzjoni tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta u r-rwol essenzjali tagħhom fit-tranżizzjoni tal-enerġija;

34.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tniġġis tal-ambjent tal-baħar fil-forom kollha tiegħu, inkluż it-tniġġis kimiku u tal-plastik, f’approċċ “mis-sors għall-baħar”;

35.

jistieden lill-UE taqdi rwol ta’ tmexxija biex tiżgura l-adozzjoni ta’ Trattat Globali dwar il-Plastik ambizzjuż li jindirizza ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-plastik, inklużi l-plastik li jintuża darba biss, il-mikroplastiċi u l-irkaptu tas-sajd; kif ukoll addittivi kimiċi perikolużi u miżuri upstream li jiffukaw fuq il-produzzjoni u t-tnaqqis tal-plastik;

It-trasport marittimu

36.

jirrikonoxxi li l-UE għandha rwol ewlieni x’taqdi bħala mexxej internazzjonali fejn il-maġġoranza l-kbira tat-trasport marittimu huwa rregolat fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI);

37.

jisħaq fuq l-importanza tal-industrija tat-tarzna għal ħafna reġjuni kostali u ta’ industrija Ewropea tat-tarzna għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà fit-tarzna;

38.

jirrimarka li l-acquis tat-trasport tal-UE (6) jirregola l-proċess tal-ġestjoni tal-iskart mix-xatt permezz ta’ dispożizzjonijiet li jiżguraw id-disponibbiltà tal-faċilitajiet portwarji ta’ lqugħ u l-konsenja tal-iskart lil dawk il-faċilitajiet. Jenfasizza li t-tniġġis tal-arja li ġej mit-tbaħħir, kemm meta jkun fil-baħar kif ukoll fil-portijiet, jeħtieġ li jiġi indirizzat ukoll;

39.

jirrimarka l-importanza li jiġu adottati r-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-KtR (7), b’mod partikolari dwar il-ħtieġa li jinħolqu inċentivi biex l-iskart mill-bastimenti jiġi kkonsenjat lejn il-portijiet inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ tariffa unika;

40.

jenfasizza l-importanza tat-trasport marittimu internazzjonali għall-bliet u r-reġjuni portwarji Ewropej u jiġbed l-attenzjoni għall-Opinjoni maħruġa mill-KtR (8) li tirrakkomanda li “l-politiki tal-UE dwar it-trasport, l-ekonomija marittima u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u tal-ħabitats akkwatiċi jikkunsidraw l-isfidi ta’ żvilupp tal-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet”. Jilqa’ l-adozzjoni imminenti ta’ strateġija portwarja tal-UE fl-2026 u jitlob li din l-istrateġija tindirizza l-ħtieġa li jiġi dekarbonizzat it-tbaħħir, li l-infrastruttura tal-portijiet tiġi adattata għat-tibdil fil-klima, u li tiġi żgurata t-tranżizzjoni tal-portijiet tal-UE għal mudell li jaqbel mal-limiti planetarji. Ifakkar li l-enerġija hija spiża kbira għas-settur. L-isfidi għall-bidla għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ karbonju jinkludu l-finanzjament u l-limiti massimi tal-kapaċità tal-flotta peress li t-teknoloġiji l-ġodda jeħtieġu aktar piż mill-magni diżil konvenzjonali;

Il-protezzjoni u r-restawr tal-ambjent, l-ekosistemi tal-baħar u kostali u l-bijodiversità

41.

jirrikonoxxi l-interkonnessjoni mill-qrib bejn il-preservazzjoni tal-ekosistema, il-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar u l-attivitajiet soċjoekonomiċi relatati mal-baħar u l-produzzjoni tal-ikel. Jenfasizza r-rwol tal-oċean fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Jirrikonoxxi r-rwol tal-ekosistemi tal-baħar, inklużi l-artijiet mistagħdra u l-iskollijiet tal-qroll, bħala buffers naturali kontra l-maltempati u l-erożjoni kostali u jenfasizza r-rwol tagħhom fil-protezzjoni tal-infrastruttura, il-ħajjiet u l-għajxien minn temp estrem u eventi li jevolvu bil-mod;

42.

jitlob li, meta jiġi indirizzat it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja ġġenerat mit-trasport marittimu, titqies id-dipendenza assoluta ta’ ċerti reġjuni fuq it-trasport marittimu sabiex tiġi żgurata l-provvista tagħhom ta’ materjali essenzjali, u dan permezz ta’ miżuri bbilanċjati;

43.

jindika l-firxa tal-leġiżlazzjoni u l-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar, u l-ħtieġa li jinkiseb “status ambjentali tajjeb” tal-oċeani (9), li jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ ibbilanċjat ibbażat fuq ix-xjena u l-ekosistema għall-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem fuq il-baħar u jirrikjedi l-espansjoni ta’ żoni protetti tal-baħar u kostali li huma mxekkla minn implimentazzjoni fqira (10);

44.

jafferma mill-ġdid it-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-ambjent tal-baħar tal-UE ma kisibx status ambjentali tajjeb sal-2020, kif espress fl-Opinjoni tal-KtR tal-2021 (11);

45.

jirrimarka li l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 għandha l-għan li tipproteġi mill-inqas 30 % tal-ibħra tal-UE, b’10 % taħt protezzjoni stretta, u li tirrestawra l-ekosistemi tal-baħar billi tnaqqas it-tniġġis, is-sajd eċċessiv u l-qerda tal-ħabitats. Jirrimarka li l-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura tistabbilixxi miri legalment vinkolanti għar-restawr ta’ mill-inqas 20 % tal-ekosistemi tal-baħar degradati sal-2030, li jtejbu l-bijodiversità, is-sekwestru tal-karbonju, u r-reżiljenza għall-klima (ara wkoll il-miri tal-PKS u l-objettivi ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida dwar is-sigurtà tal-ikel — Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li Jmiss 2024-2029;

46.

jiġbed l-attenzjoni għall-Opinjoni tal-KtR tal-2021 dwar Ekonomija blu u akkwakultura sostenibbli (12) li tistabbilixxi l-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra bħala prijorità u jappella biex l-ekonomija blu tiġi implimentata fi ħdan il-konfini ekoloġiċi, skont il-kunċett ta’ limiti planetarji. Jenfasizza wkoll l-użu ekonomiku kompatibbli tal-ibħra fir-rigward tal-ħabitats tal-baħar bħala l-boxxla għall-investimenti pubbliċi u privati;

47.

jafferma mill-ġdid li ekonomija ċirkolari reali bbażata fuq produzzjoni responsabbli, konsum imnaqqas, użu mill-ġdid, tiswija u riċiklaġġ hija essenzjali biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal restawr b’suċċess tal-bijodiversità u t-treġġigħ lura tad-degradazzjoni ambjentali;

48.

jenfasizza wkoll l-importanza tal-prevenzjoni tat-tniġġis u t-tnixxija ta’ sustanzi kimiċi perikolużi biex tiġi evitata kwalunkwe interazzjoni ma’ fatturi oħra ta’ stress ambjentali li jista’ jkollhom impatti ambjentali fit-tul u fuq skala kbira fuq l-ambjent terrestri u tal-baħar, kif imsemmi fl-Opinjoni tal-KtR Lejn ġestjoni reżiljenti tal-ilma biex tiġi miġġielda l-kriżi klimatika fi ħdan Patt Blu tal-UE (13). Jenfasizza l-ħtieġa li l-Patt għall-Oċeani li jmiss jiġi appoġġjat minn żviluppi ta’ politika oħra li ġejjin, bħar-reviżjoni tad-Direttiva REACH, biex jitqies it-theddid ġdid, bħat-tniġġis mill-PFAS;

Il-prevenzjoni, il-preparatezza u l-adattament għat-tibdil fil-klima

49.

jirrikonoxxi li għalkemm l-agħar xenarju possibbli tat-tibdil fil-klima għadu jista’ jiġi evitat, l-effetti tat-tibdil fil-klima li diġà seħħ ser jinħassu mill-komunitajiet lokali, b’mod partikolari fiż-żoni kostali. Jindika r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala dawk li jagħtu l-ewwel rispons f’avvenimenti estremi tat-temp aktar frekwenti kkawżati mit-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, għandhom jiġu żviluppati strateġiji ta’ adattament biex jindirizzaw l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-oċeani, bħaż-żieda fil-livelli tal-baħar, l-aċidifikazzjoni, u t-tniġġis mill-plastik, min-nutrijenti u mis-sustanzi kimiċi;

50.

jindika l-proposta tal-KtR lill-Kummissjoni Ewropea biex taħdem fuq it-tisħiħ tad-dimensjoni tar-reżiljenza fl-għodod ta’ politika tagħha bl-għan li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ rispons għad-diżastri tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll ir-reżiljenza ekonomika u t-tkabbir fit-tul tagħhom madwar l-UE;

51.

iqis li l-Patt għandu jinkludi l-bini ta’ pjani lokali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima li jinkludu pjani għal rispons adegwat għal diżastri fiż-żoni kostali li, billi jqisu l-ispeċifiċitajiet lokali, jippermettu prevenzjoni, preparatezza u rispons effettivi għal kriżijiet bla mistenni, b’mod partikolari marbuta ma’ avvenimenti estremi tat-temp kif ukoll proċessi li jevolvu bil-mod;

52.

jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-sistemi tal-ikel ibbażati fuq il-ktajjen tal-provvista lokali biex jiġu żgurati reżiljenza fit-tul u soċjetajiet robusti;

53.

jemmen li l-Patt għall-Oċeani jrid jiżgura tranżizzjoni ġusta u ekwa li tappoġġja lir-reġjuni ultraperiferiċi, lill-gżejjer u lill-komunitajiet kostali billi tiżgura s-sostenibbiltà soċjoekonomika tagħhom, il-protezzjoni tal-impjiegi, il-benesseri soċjali u l-parteċipazzjoni attiva fit-tfassil ta’ politiki li jaffettwaw l-għajxien tagħhom u li tħares il-prinċipju tad-“dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju” għar-reġjuni ultraperiferiċi, għall-komunitajiet insulari u kostali billi ttejjeb l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, l-akkomodazzjoni, il-konnettività, it-trasport, l-edukazzjoni u l-impjiegi;

Ħtiġijiet u rekwiżiti reġjonali speċifiċi

54.

ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni insulari jiddependu b’mod partikolari mill-oċeani biex jiżguraw il-konnettività u l-provvista tagħhom kif ukoll l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. Għandhom ħtiġijiet speċifiċi u jirrikjedu miżuri ad hoc biex jiżguraw loġistika vijabbli għall-ħajja u l-għajxien taċ-ċittadini, inkluż fir-rigward tad-dipendenza tagħhom mit-trasport bl-ajru u dak marittimu, biex jiżguraw il-konnettività u l-provvisti tagħhom;

Governanza internazzjonali tal-oċeani

55.

jirrikonoxxi l-importanza ewlenija tal-istrutturi ta’ governanza stabbiliti fil-livell globali (14) u tal-UE (15), li jippermettu l-ġestjoni tal-oċeani u l-użu tar-riżorsi tagħhom b’mod sostenibbli;

56.

ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi huma ta’ valur ġeostrateġiku kbir għall-Unjoni Ewropea minħabba l-pożizzjoni unika tagħhom, in-natura transfruntiera tagħhom u l-fatt li huma mifruxa fuq żona wiesgħa fuq il-mappa globali tal-oċeani, kif ukoll minħabba li għandhom moviment liberu fl-ilmijiet tagħhom, mingħajr restrizzjonijiet minħabba theddid għas-sigurtà;

57.

barra minn hekk, fid-dawl tad-daqs kbir taż-żoni ekonomiċi esklużivi (ŻEE) tar-reġjuni ultraperiferiċi, li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali biex l-UE jkollha l-akbar ŻEE fid-dinja, huwa tal-fehma li għandha tingħata aktar importanza lil dawn ir-reġjuni, u jeħtieġ li jingħataw il-mezzi operattivi biex jiġi żgurat li jkunu effettivament fuq quddiem nett tal-UE fil-ġestjoni integrata tal-oċeani;

58.

ifakkar fl-Opinjoni tal-KtR dwar Insaħħu l-kooperazzjoni transfruntiera sostenibbli u effettiva mal-ġirien tagħna (16) li fiha l-KtR enfasizza l-“ħtieġa ta’ kooperazzjoni transfruntiera marittima li tkun strutturata aħjar”;

59.

iqis li l-UE tista’ tmexxi bl-eżempju u tispira oqsma oħra biex isegwu approċċi simili. Jenfasizza li l-Patt għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ, fl-istess ħin, tal-governanza interna effettiva kif ukoll għall-istabbiliment ta’ kollaborazzjoni parteċipattiva ma’ reġjuni transfruntiera barra mill-Unjoni, u jibni fuq u jsaħħaħ l-approċċ ta’ governanza f’diversi livelli tal-UE li jiżgura l-involviment mill-qrib tal-livell lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika. Jipproponi li tiġi sfruttata d-diplomazija tal-UE dwar l-oċeani biex tikkontribwixxi għall-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-oċeani madwar id-dinja.

Il-kapital uman, ir-riċerka u l-innovazzjoni

60.

iqis li l-Patt għandu jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ aktar investiment fir-riċerka tal-baħar biex jiġu indirizzati l-lakuni fl-għarfien, b’mod partikolari fil-bijodiversità, is-servizzi tal-ekosistema, l-impatti klimatiċi u fil-protezzjoni tal-wirt kulturali ta’ taħt l-ilma, kif ukoll fuq opportunitajiet teknoloġiċi u ta’ negozju ġodda, skont il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara”. Jissuġġerixxi li jiġu sfruttati l-għarfien u n-networks lokali biex iż-żoni kostali jkunu jistgħu jsiru ċentri għar-riċerka u l-innovazzjoni. Jipproponi li jiġi ffaċilitat rwol adegwat għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-governanza globali l-ġdida, u nibdew mir-rappreżentanza tal-KtR fil-Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani f’Nizza f’Ġunju 2025. Jirrakkomanda t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi biex jiġu indirizzati l-isfidi globali tal-oċeani. Jappella għal koerenza politika, valutazzjonijiet tal-impatt trasparenti, u implimentazzjoni msaħħa tal-miżuri eżistenti. Għandha tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-istrumenti u l-miżuri eżistenti, u għandu jiġi kkonsolidat ir-rwol tal-UE bħala waħda minn ta’ quddiem bħala leġiżlatur f’dawn l-oqsma. Jirrakkomanda ġestjoni integrata taż-żoni kostali, kollaborazzjoni transsettorjali, u pjattaformi ta’ djalogu għax-xjenzati, għal dawk li jfasslu l-politika, għall-industrija u għas-soċjetà ċivili. Jenfasizza l-importanza ta’ ekonomija blu sostenibbli għall-komunitajiet kostali u l-allinjament tal-politiki u l-baġits tal-UE mal-objettivi tas-sostenibbiltà. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu promossi l-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ data xjentifika biex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika, jissaħħaħ ir-rwol tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jappoġġjaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet, u jissaħħaħ l-għarfien ġenerali bbażat fuq ix-xjenza u l-bini tal-kapaċitjiet għall-ġestjoni tal-oċeani. Bl-istess mod, għandha tiġi indirizzata l-ħtieġa ta’ infrastruttura għall-osservazzjoni tal-oċeani, inkluż il-bini tal-kapaċitajiet b’rabta mal-oċeani u ż-żoni kostali, u għandha titwettaq valutazzjoni globali integrata tal-kundizzjoni tal-ambjent tal-baħar, inklużi l-aspetti soċjoekonomiċi tiegħu;

61.

jitlob li r-reġjuni marittimi jikkunsidraw l-iżvilupp ta’ “Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti Blu” biex jikkomplementaw l-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3) reġjonali eżistenti;

62.

jenfasizza li t-titjib tal-effikaċja tal-governanza interna tal-UE jeħtieġ approċċ komprensiv għall-politika marittima, li jinvolvi l-korpi u l-awtoritajiet pubbliċi kollha speċjalizzati fil-governanza marittima. Barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-koordinazzjoni bejn l-atturi involuti, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-għarfien;

63.

jilqa’ l-proposta leġiżlattiva adottata mill-Parlament Ewropew dwar “fjuwils marittimi sostenibbli”, b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ Fond għall-Oċeani biex itejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti u jappoġġja l-investiment immirat biex jgħin fid-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu. Jiġbed l-attenzjoni għall-Opinjoni tal-KtR tal-2024 dwar “Il-Politika Komuni tas-Sajd fil-livell lokali: lejn komunitajiet kostali sostenibbli u reżiljenti fl-UE”, li tenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni ġusta għal sajd b’impatt baxx. Jenfasizza l-ħtieġa għal tranżizzjoni ġusta għall-attivitajiet ekonomiċi marittimi kollha biex tiġi żgurata r-reżiljenza u l-kompetittività tagħhom fit-tul; jilqa’ l-proposta adottata f’Novembru 2024 dwar FuelEU Maritime — Fjuwils marittimi sostenibbli. Jenfasizza li, biex il-flotta tas-sajd tadotta sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, huwa essenzjali li jingħelbu l-ostakli eżistenti permezz ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati, jitneħħew il-lakuni fl-għarfien u fit-teknoloġija permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, jiġu żviluppati l-ħiliet u l-forza tax-xogħol meħtieġa għat-tranżizzjoni tal-enerġija, u jittejjeb l-ambjent tan-negozju, inkluż l-aċċess għall-finanzjament;

64.

jappoġġja l-idea li l-Patt għall-Oċeani għandu jkun l-ewwel pass fl-iżvilupp ta’ qafas leġiżlattiv u mhux leġiżlattiv koerenti għall-oċeani b’Att għall-Oċeani kif ukoll reviżjonijiet koordinati tal-leġiżlazzjoni eżistenti bħall-Qafas dwar l-Istrateġija Marina u d-Direttivi dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu li għandhom jiġu segwiti.

Brussell, it-3 ta’ April 2025.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Kata TÜTTŐ


(1)   Rapport tal-EEA, 1/2024, European Climate Risk Assessment (Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku fl-Ewropa, mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE, ( ĠU C 270, 13.7.2022, p. 18).

(3)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Nagħmlu r-reġjuni reżistenti għax-xokkijiet: it-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika lokali u reġjonali fl-evoluzzjoni strateġika tas-Suq Uniku (ĠU C, C/2024/7061, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7061/oj).

(4)   Laqgħa informali tad-Diretturi tal-Ibħra u l-Ilma tal-UE — Konklużjonijiet finali tat-13 u l-14 ta’ Ġunju 2024 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)   COM(2025) 75 final.

(6)  Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32019L0883).

(7)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-awtoritajiet lokali u reġjonali jħarsu l-ambjent tal-baħar ( ĠU C 300, 27.7.2021, p. 36).

(8)  COR/2016/05650 Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ir-riġenerazzjoni tal-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet ( ĠU C 207, 30.6.2017, p. 25).

(9)  B’mod partikolari: id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19)) u r-reviżjoni tagħha, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma) (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1)), il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 (2020) u l-Liġi tal-UE dwar ir-Restawr tan-Natura (Regolament (UE) 2024/1991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2024 dwar ir-restawr tan-natura u li jemenda r-Regolament (UE) 2022/869 (ĠU L, 2024/1991, 29.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1991/oj)), li tinkludi mira speċifika dwar l-oċeani biex jiġu restawrati 20 % taż-żoni tal-baħar sal-2030, Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero (2021).

(10)   Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali 26/2020: Ambjent tal-baħar: il-protezzjoni tal-UE hija wiesgħa iżda mhux approfondita.

(11)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-awtoritajiet lokali u reġjonali jħarsu l-ambjent tal-baħar ( ĠU C 300, 27.7.2021, p. 36).

(12)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ekonomija blu u akkwakultura sostenibbli ( ĠU C 97, 28.2.2022, p. 36).

(13)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn ġestjoni reżiljenti tal-ilma biex tiġi miġġielda l-kriżi klimatika fi ħdan Patt Blu tal-UE (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C, C/2024/5367, 17.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5367/oj).

(14)   Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)   Il-Politika Marittima Integrata, id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, il-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-aġenda tal-UE għall-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani, l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030.

(16)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Insaħħu l-kooperazzjoni transfruntiera sostenibbli u effettiva mal-ġirien tagħna (ĠU C, C/2024/1038, 9.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1038/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3173/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)