Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fis‑16 ta’ Lulju 2026 (1)
Kawża C‑273/24 [Naski] (i)
X.Y.
intervenjenti:
Prokurator Generalny,
Rzecznik Praw Obywatelskich
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Ġuriżdizzjoni – Ammissibbiltà – Stat tad-dritt – Qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja minn kulleġġ ġudikanti tal-Awla Ċivili tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Bidla fil-kompożizzjoni ta’ dak il-kulleġġ ġudikanti wara r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda għal deċiżjoni preliminari”
I. Introduzzjoni
1. Snin ta’ rigress fir-rigward tal-Istat tad-dritt fil-Polonja ħallew ferita li diffiċli tfiq, minkejja r-rieda ta’ dan l-Istat Membru li jirrimedja s-sitwazzjoni.
2. Din il-kawża hija eżempju inkwetanti ta’ dawn id-diffikultajiet.
3. Tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, u mhux għall-ewwel darba, dwar kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tar-rekwiżiti tal-Unjoni ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi, kif minqux fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tifformula r-rimedji f’każ ta’ ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti f’sitwazzjoni fejn il-ksur ikun sistemiku u jkun affettwa partijiet kbar tal-ġudikatura fil-Polonja, iżda jkun għadu ma ġiex indirizzat u rrimedjat b’suċċess mill-proċessi demokratiċi f’dan l-Istat Membru stess.
4. Id-diffikultajiet huma enfasizzati miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, li, kif ser nispjega f’iktar dettall iktar ’il quddiem, toriġina minn rikors ippreżentat minn imħallef ta’ dak iż-żmien li jikkontesta deċiżjoni li jiġi ttrasferit minn awla għal oħra ta’ qorti reġjonali fil-Polonja u li issa sar il-Ministru għall-Ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru.
5. Filwaqt li ċertament huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari li tinterpreta r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Istat tad-dritt kif ikkonkretizzat fl-Artikolu 19(1) TEU u fl-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex tipprovdi gwida lil qorti tar-rinviju biex tiddetermina jekk ċerti regoli jew sitwazzjonijiet fil-ġudikatura nazzjonali humiex kuntrarji għal dawk ir-rekwiżiti, fil-fehma tiegħi ma hijiex fil-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi kif għandu jiġi indirizzat tali ksur possibbli. Għall-kuntrarju, hija r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jara li l-ġudikatura tkun konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti.
6. Il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment esprimiet dan fis-sentenza reċenti tagħha tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju) (2). Filwaqt li rreferiet għas-sentenza pilota tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) fil-kawża Wałęsa vs Il‑Polonja (3), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-problemi sistemiċi li jippersistu fis-sistema ġudizzjarja Pollakka jirrikjedu miżuri leġiżlattivi u oħrajn xierqa mill-Istat Pollakk (4). Nifhem li din il-konstatazzjoni twassal ukoll il-messaġġ li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi soluzzjonijiet għall-irregolaritajiet sistemiċi persistenti.
7. Fid-dawl ta’ dawn ir-rimarki preliminari, ser nispjega qabelxejn, kemm jista’ jkun fil-qosor u b’mod sempliċi, iċ-ċirkustanzi kumplessi ta’ din il-kawża. Sussegwentement, ser niddeskrivi r-raġunijiet għaliex inqis li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tmur lil hinn mill-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari. Fl-aħħar nett, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tikkonstata li huwa neċessarju li tiddeċiedi dwar din il-kawża, ser nanalizza d-domanda preliminari.
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża
A. Kuntest usa’
8. Il-kuntest usa’, ikkaratterizzat mid-deterjorament tal-indipendenza ġudizzjarja fil-Polonja wara l-emendi leġiżlattivi introdotti mill-gvern preċedenti, huwa magħruf mill-Imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ diversi elementi ta’ dawn l-emendi f’għadd ta’ proċeduri ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni Ewropea u interpretat id-dritt tal-Unjoni rilevanti sabiex tevalwa l-validità ta’ dawn l-emendi f’numru saħansitra ikbar ta’ deċiżjonijiet preliminari. Dawn l-emendi ġew ukoll evalwati f’numru ta’ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, irċevew kritika internazzjonali mifruxa u saħansitra wasslu għall-bidu, għall-ewwel darba fl-istorja, tal-proċedura tal-Artikolu 7(1) TUE mill-Kummissjoni (5).
9. Jidher li nħatru iktar minn 3 000 imħallef minn mindu saru l-emendi leġiżlattivi inkwistjoni (6).
10. Madankollu, sal-lum u wara l-bidla fil-gvern f’Diċembru 2023, il-Polonja jidher li għadha ma ħaditx miżuri ta’ natura ġenerali biex tindirizza l-ħatriet irregolari ta’ dawn l-imħallfin. Reċentement, pereżempju, il-Polonja pproponiet li l-imħallfin jinqasmu fi tliet kategoriji – ħadra (madwar 1 200 ħatra reċenti), safra (madwar 1 100 persuna) u ħamra (madwar 350 persuna fil-qrati ordinarji u 80 persuna fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Qorti Suprema”) u n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Qorti Amministrattiva Suprema”)) – u li tiġi indirizzata b’mod differenti l-illegalità tal-ħatriet tagħhom, billi tillegalizza wħud minnhom bis-saħħa tal-liġi, tissuġġetta oħrajn għal proċeduri ġodda ta’ ħatra jew tneħħi ċerti persuni mill-karigi li għalihom inħatru. Din il-proposta ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni ta’ Venezja, li wieġbet bl-Opinjoni Nru 1238/2025 f’Marzu 2026 (7), iżda sa issa għadha ma ttieħdet l-ebda miżura konkreta, la leġiżlattiva u lanqas ta’ xort’oħra mill-Istat Pollakk.
11. Huwa f’dan il-kuntest li taqa’ din il-kawża. Bħalissa hemm paraliżi istituzzjonali, kif innotat minn X.Y. fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-imħallfin maħtura skont proċeduri qabel l-emendi leġiżlattivi ma jixtiqux jiffurmaw awli ma’ persuni maħtura bħala mħallfin skont proċeduri wara l-emendi leġiżlattivi u b’hekk jagħtu leġittimità lill-ħatriet tagħhom. Fl-istess ħin, iċ-ċittadini u l-partijiet involuti f’tilwim quddiem il-qrati Pollakki ma jistgħux ikunu ċerti li l-kawżi qegħdin jiġu deċiżi minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi u jekk humiex ser jirriżultaw f’sentenzi validi.
B. Iċ-ċirkustanzi preċedenti għal din il-kawża
12. Sabiex nifhmu l-kawża inkwistjoni, jeħtieġ li nerġgħu lura għas-sajf tal‑2018.
13. X.Y., li preċedentement kien magħruf bħala W.Ż., kien imħallef ta’ qorti reġjonali fil-Polonja. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2018, il-President ta’ dik il-qorti ttrasferixxa lil X.Y., mingħajr il-kunsens tiegħu, mit-taqsima ta’ dik il-qorti li fiha huwa kien jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu għal taqsima oħra tal-istess qorti.
14. Skont id-dritt nazzjonali applikabbli, X.Y. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja; iktar ’il quddiem il-“KRS”), li ddeċieda li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-KRS”).
15. Fl‑14 ta’ Novembru 2018, X.Y. ippreżenta appell minn dik id-deċiżjoni tal-KRS quddiem il-Qorti Suprema. L-eżami tiegħu kien ir-responsabbiltà tal-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“Awla Straordinarja”).
16. Fil-kuntest ta’ dan l-appell, X.Y. ressaq ukoll talba għar-rikuża tal-imħallfin kollha li minnhom kienet komposta l-Awla Straordinarja minħabba li, fid-dawl tal-mod kif inħatru, huma ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ġudizzjarja. L-eżami ta’ din it-talba għal rikuża kien ir-responsabbiltà tas-Sąd Najwyższy (Izba Cywilna) (il-Qorti Suprema (Awla Ċivili), il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“Awla Ċivili”), ikkostitwita minn tliet imħallfin sedenti.
17. Madankollu, fil-frattemp, permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Marzu 2019, l-Awla Straordinarja, ikkostitwita minn imħallef wieħed sedenti li kien jinkludi lil BD, ċaħdet l-appell ta’ X.Y. mid-deċiżjoni tal-KRS (iktar ’il quddiem id-“digriet ta’ BD”), minkejja l-fatt li l-proċess tal-kawża kien fil-pussess tal-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin tal-Awla Ċivili u li X.Y. ma kienx instema’.
18. Id-digriet ta’ BD temm il-proċedura tal-appell u, flimkien magħha, il-proċedura għal miżuri provviżorji li fiha l-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin tal-Awla Ċivili ġie mistieden jiddeċiedi. Madankollu, il-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, peress li qies li d-digriet ta’ BD kien kiser il-liġi, iddeċieda li jirrinvija ċerti domandi lil kompożizzjoni estiża tal-Awla Ċivili, ikkostitwita minn seba’ mħallfin sedenti. Dawn id-domandi kienu jikkonċernaw, fost oħrajn, l-effetti legali tad-digriet ta’ BD minħabba l-mod kif BD inħatar bħala mħallef.
19. Dan il-kulleġġ ġudikanti ta’ seba’ mħallfin tal-Awla Ċivili, min-naħa tiegħu, iddeċieda li jressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
20. Dak ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari wassal għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021 f’W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (8), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li minnha jirriżulta, essenzjalment, li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-ħatra tiegħu, id-digriet ta’ BD ma jistax jitqies li joriġina minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi (9). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk qieset li l-kulleġġ ġudikanti ta’ seba’ mħallfin għandu, fit-tweġiba tiegħu lill-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, jikkonkludi li, f’konformità mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, huwa għandu jiddikjara d-digriet ta’ BD null u bla effett (10).
C. Il-kawża inkwistjoni, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
21. Wara s-sentenza W.Ż., il-kulleġġ ġudikanti ta’ seba’ mħallfin tal-Awla Ċivili kellu biss jwieġeb lill-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin billi jgħid li l-kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef wieħed tal-Awla Straordinarja ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi, li tippermetti lill-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin jiddikjara d-digriet ta’ BD null u bla effett.
22. Madankollu, matul il-perijodu bejn il-preżentata tad-deċiżjoni tar-rinviju (fil‑21 ta’ Mejju 2019) u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza W.Ż. (fis‑6 ta’ Ottubru 2021), tliet imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti ta’ seba’ mħallfin tal-Awla Ċivili rtiraw.
23. B’digriet tas‑26 ta’ Jannar 2022, MB, bħala l-President tal-Qorti Suprema li jidderieġi x-xogħol tal-Awla Ċivili (iktar ’il quddiem il-“President tal-Awla Ċivili”), ħatar kulleġġ ġudikanti ġdid ta’ seba’ mħallfin, fejn it-tliet imħallfin fi tmiem il-kariga tagħhom ġew sostitwiti b’persuni ġodda, flimkien mal-imħallef li preċedentement kien qiegħed imexxi dak il-kulleġġ ġudikanti.
24. Dan il-kulleġġ ġudikanti l-ġdid jikkonsisti minn: JK, il-Prim Imħallef tal-Qorti Suprema u President tal-kulleġġ ġudikanti, flimkien ma’ KS, CV u RX, li l-erbgħa li huma kienu nħatru bħala mħallfin ġodda fil-Qorti Suprema wara l-emendi leġiżlattivi fis-sistema ġudizzjarja Pollakka. It-tliet imħallfin l-oħra kienu sedenti fil-kulleġġ ġudikanti inizjali: KW, li jibqa’ l-Imħallef Relatur, kif ukoll PW u WZ. Dawn it-tliet imħallfin inħatru fil-Qorti Suprema qabel dawn l-emendi leġiżlattivi.
25. Dan jista’ jitqassar fit-tabella li ġejja:
|
|
Il-kulleġġ ġudikanti l-qadim |
Il-kulleġġ ġudikanti l-ġdid |
|
(1) |
TN, President |
JK, il-Prim Imħallef tal-Qorti Suprema, President – ġdid |
|
(2) |
A – irtirat |
KS – ġdid |
|
(3) |
B – irtirat |
CV – ġdid |
|
(4) |
C – irtirat |
RX – ġdid |
|
(5) |
KW, Imħallef Relatur |
KW, Imħallef Relatur – l-istess |
|
(6) |
PW |
PW – l-istess |
|
(7) |
WZ |
WZ – l-istess |
26. KW, l-Imħallef Relatur tal-kulleġġ ġudikanti ta’ seba’ mħallfin, iddeċieda li jressaq din it-talba għal deċiżjoni preliminari għaliex għandu dubji dwar jekk il-bidla fil-kompożizzjoni ta’ dak il-kulleġġ ġudikanti hijiex kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.
27. Dan l-imħallef jenfasizza, inter alia, li l-bidla fil-kompożizzjoni ta’ dak il-kulleġġ ġudikanti saret mingħajr raġunijiet oġġettivi u b’mod kuntrarju għall-prassi preċedenti tal-Awla Ċivili li fiha kulleġġ ġudikanti kien jiġi ssupplimentat pjuttost milli jinħatar mill-ġdid fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, il-kulleġġ ġudikanti huwa kompost minn maġġoranza ta’ persuni ġodda li nħatru taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li fihom inħatar bħala mħallef BD. Dan jissuġġerixxi li tali miżuri jistgħu jitqiesu li għandhom l-għan li jinfluwenzaw id-deċiżjoni tal-kulleġġ ġudikanti. Din l-impressjoni hija msaħħa mill-fatt li l-bidla saret minn MB, bħala l-President tal-Awla Ċivili, li wkoll inħatar bħala mħallef fil-Qorti Suprema fl-istess ċirkustanzi bħal BD, u li l-għan tal-evalwazzjoni li għandha ssir mill-kulleġġ ġudikanti huwa preċiżament iċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ BD. Konsegwentement, kull deċiżjoni tal-kulleġġ ġudikanti hija vvizzjata bl-istess difetti bħal dawk li vvizzjaw id-digriet ta’ BD.
28. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li X.Y. ressaq talbiet għar-rikuża tal-erba’ persuni l-ġodda sedenti fil-kulleġġ ġudikanti, li kienu għadhom ma ġewx mistħarrġa fil-mument tat-talba għal deċiżjoni preliminari (11).
29. F’dawn iċ-ċirkustanzi, KW, bħala l-Imħallef Relatur tal-kulleġġ ġudikanti ta’ seba’ mħallfin, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“(1) F’sitwazzjoni fejn korp ġudizzjarju tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru (is-Sąd Najwyższy, il-Qorti Suprema), wara li jkun kiseb l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] fir-rigward tal-konsegwenzi legali tal-ksur tal-liġijiet fundamentali ta’ tali Stat li jirrigwardaw il-ħatra tal-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li tikkonsisti:
a) fil-kunsinna, min-naħa tal-Prezydent Rzeczypospolitej Polskiej (il-President tar-Repubblika tal-Polonja, il-Polonja), tal-atti tal-ħatra fil-kariga ta’ Imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), minkejja l-fatt li r-riżoluzzjoni tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura), li tinkludi l-proposta għall-ħatra fil-kariga ta’ Imħallef, kienet preċedentement ġiet ikkontestata quddiem il-korp ġudizzjarju nazzjonali kompetenti (in-Naczelny Sąd Administracyjny; il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), minkejja s-sospensjoni, min-naħa tan-Naczelny Sąd Administracyjny, tal-eżekuzzjoni ta’ tali riżoluzzjoni, konformement mad-dritt nazzjonali, u minkejja li l-proċedura ta’ kontestazzjoni kienet għadha pendenti, li meta din il-proċedura ntemmet in-Naczelny Sąd Administracyjny annullat definittivament ir-riżoluzzjoni kkontestata tal-Krajowa Rada Sądownictwa minħabba li kienet illegali, u b’hekk eliminata definittivament mill-ordinament ġuridiku, bil-konsegwenza li l-att tal-ħatra fil-kariga ta’ Imħallef tas-Sąd Najwyższy ġie mċaħħad mill-bażi legali meħtieġa mill-Artikolu 179 tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja), fil-forma ta’ proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa għall-ħatra fil-kariga ta’ Imħallef,
b) fit-twettiq ta’ proċeduri preċedenti għall-ħatra mingħajr ma ġew osservati l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ekwità, min-naħa ta’ organu nazzjonali (il-Krajowa Rada Sądownictwa, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura) li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li wasslu għall-kostituzzjoni tiegħu kif ukoll tal-mod kif dan jopera, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ korp kostituzzjonali li jħares l-indipendenza tal-qrati u tal-Imħallfin, sa fejn il-kompożizzjoni tiegħu ġiet iddefinita skont il-metodi previsti mill-ustawa z 8 grudnia 2017 r. o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017, li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u ċerti liġijiet oħra) (Dz.U. – il-Ġurnal Uffiċċjali Pollakk – tal‑2018, Pożizzjoni 3),
– ikollu jiddeċiedi fuq il-kwistjoni ġuridika mressqa quddiem tali korp ġudizzjarju, billi japplika l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2, l-Artikolu 6(1) u (3), u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], kif ukoll tal-Artikolu 267 TFUE, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 47 [tal-Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-parteċipazzjoni fil-kompożizzjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li tiddeċiedi fuq tali kwistjoni legali ta’ kull persuna maħtura fil-kariga ta’ imħallef tas-Sąd Najwyższy bi ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru deskritta fil-punt 1(a) jew (b) iktar ’il fuq, u anki fis-sens li dawn jipprekludu tibdil fil-kompożizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti tal-korp ġudizzjarju tal-Istat Membru li kien għamel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjoni fejn il-bdil sar wara li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet is-sentenza b’risposta għall-imsemmija domanda u ma kienx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi (pereżempju, il-mewt jew l-irtirar tal-imħallef li kien jifforma parti mill-kulleġġ ġudikanti li kien għamel id-domanda preliminari)?
– kif ukoll li dawn jipprekludu l-eżerċizzju ta’ kull attività deċiżjonali fil-kawża relattiva għad-definizzjoni ta’ tali kwistjoni legali, inkluża l-adozzjoni tad-digrieti li bihom, b’mod partikolari, tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jew tiġi ffissata d-data tas-seduta ta’ tali kulleġġ biex tiġi deċiża l-kawża, min-naħa ta’ persuna maħtura fil-kariga ta’ Prezes Sądu Najwyższego (il-President tal-Qorti Suprema, il-Polonja) li tidderiġi x-xogħol tal-Izba Cywilna (it-Taqsima Ċivili; iktar ’il quddiem it-‘Taqsima Ċivili’), li ġiet maħtura hija wkoll għall-kariga ta’ imħallef tas-Sąd Najwyższy bi ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru msemmija fil-punt 1(a) jew (b) iktar ’il fuq, jew minn kwalunkwe persuna oħra maħtura fil-kariga ta’ imħallef tas-Sąd Najwyższy bi ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru deskritta fil-punt 1(a) jew (b) iktar ’il fuq, bil-konsegwenza li tali digrieti jew attivitajiet deċiżjonali għandhom jitqiesu li ma għandhomx effetti legali?
– kif ukoll fis-sens li imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li l-ħatra tiegħu ma kienet ivvizzjata minn ebda irregolarità deskritta fil-punt 1(a) jew (b) iktar ’il fuq, għandu d-dritt u l-obbligu, għall-finijiet li jevita li kawża tiġi deċiża minn korp ġudizzjarju li ma jikkostitwixxix korp ġudizzjarju indipendenti, imparzjali u stabbilit mil-liġi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, li jirrifjuta li jipparteċipa f’kulleġġ tas-Sąd Najwyższy kompost minn persuni maħtura fil-kariga ta’ imħallef tas-Sąd Najwyższy bi ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru deskritti fil-punt 1(a) jew (b), kif ukoll, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal tali domanda, fis-sens li l-imħallef ta’ tali korp ġudizzjarju, li l-ħatra tiegħu għall-kariga ta’ imħallef tas-Sąd Najwyższy ma ġietx ivvizzjata minn irregolarità fis-sens tal-punt 1(a) jew (b), li huwa imħallef relatur fil-kawża relattiva għal-kwistjoni legali kkunsidrata, jista’ leġittimament jaħtar il-kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Najwyższy imsejjaħ sabiex jiddeċiedi fuq tali kwistjoni, mingħajr ma japplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jattribwixxu lill-Prezes Sądu Najwyższego (il-President tal-Qorti Suprema), li jidderiġi x-xogħol tat-Taqsima Ċivili, is-setgħa li jaħtar il-kulleġġi ġudikanti fil-kawżi li jidħlu fil-kompetenza tat-Taqsima Ċivili tas-Sąd Najwyższy, sabiex jiggarantixxi l-effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tal-interpretazzjoni tal-istess dritt ifformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll fis-sens li dawn jipprekludu li l-persuna maħtura fil-kariga ta’ imħallef tas-Sąd Najwyższy bi ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru deskritti fil-punt 1(a) jew (b) iktar ’il fuq, jew kwalunkwe persuna oħra maħtura fil-kariga ta’ imħallef fis-Sąd Najwyższy bi ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru deskritta fil-punt 1(a) jew (b) iktar ’il fuq, ikollhom kwalunkwe inkarigu eżekuttiv fi ħdan is-Sąd Najwyższy (pereżempju, il-karigi ta’ President ta’ tali korp ġudizzjarju, inkluża l-kariga ta’ prim’imħallef ta’ tali korp ġudizzjarju jew il-karigi ta’ president tat-taqsimiet tas-Sąd Najwyższy) jew jeżerċitaw kwalunkwe funzjoni fi ħdan l-organi tas-Sąd Najwyższy [pereżempju, il-funzjoni ta’ membru jew ta’ deputat membru tal-Kolegium Sądu Najwyższego (il-Kulleġġ tal-Qorti Suprema) jew il-funzjoni ta’ Rzecznik dyscyplinarny Sądu Najwyższego (Uffiċjal tad-Dixxiplina fil-Qorti Suprema)], funzjonijiet li jistgħu jiġu eżerċitati biss mill-imħallfin tas-Sąd Najwyższy maħtura leġittimament, kif ukoll li jwettqu kwalunkwe att li jifforma parti mill-kompetenzi tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy li għandhom tali funzjonijiet, b’kunsiderazzjoni tal-possibbiltà ta’ influwenza materjali jew legali tagħhom fuq l-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja min-naħa tas-Sąd Najwyższy?”
30. Madwar xahar wara li t-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, X.Y. ġie reintegrat fil-kariga preċedenti tiegħu ta’ mħallef u, fl‑24 ta’ Lulju 2025, huwa nħatar Ministru għall-Ġustizzja, u b’hekk irriżenja mill-kariga tiegħu ta’ mħallef fl-istess jum (12).
31. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li titlob kjarifiki addizzjonali lill-qorti tar-rinviju (13), u din tal-aħħar wieġbet fid‑9 ta’ April 2025.
32. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża minn X.Y., il-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali, il-Polonja), ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni.
33. Saret seduta fis‑16 ta’ Marzu 2026 li matulha dawn il-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, ippreżentaw osservazzjonijiet orali. Ir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja) ipparteċipa wkoll.
III. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
34. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, għandu jitfakkar li, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin neċessarjament tikkostitwixxi element inerenti għall-kunċett ta’ “qorti stabbilita minn qabel mil-liġi”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Għaldaqstant, l-indipendenza ta’ qorti tista’ titkejjel, inter alia, bil-mod kif jinħatru l-membri tagħha (14). Il-proċess ta’ ħatra għandu konsegwenzi mhux biss fuq l-indipendenza ta’ qorti bħala tali, iżda wkoll fuq il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti f’kull kawża (15).
35. Fil-Polonja, l-imħallfin jinħatru permezz ta’ deċiżjoni tal-President tar-Repubblika fuq proposta mill-KRS, li huwa responsabbli li jiżgura l-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin (16). Minn mindu saru l-emendi leġiżlattivi introdotti mil-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (17), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li jeżistu dubji leġittimi dwar l-indipendenza tal-KRS fir-rwol tiegħu fil-proċess tal-ħatra tal-imħallfin (18).
36. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li s-sempliċi fatt li mħallef inħatar fuq bażi ta’ proposta mill-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu ma huwiex biżżejjed biex jappoġġja l-konklużjoni li r-rekwiżiti inerenti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU u fl-Artikolu 47 tal-Karta ma ġewx issodisfatti (19).
37. Għall-kuntrarju, sabiex tiġi deċiża l-indipendenza ta’ mħallef partikolari, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-ħatra tiegħu (20).
38. Barra minn hekk, mhux kull difett fil-proċedura tal-ħatra jwassal għall-invalidazzjoni tal-kompożizzjoni ta’ qorti; huma rilevanti biss l-irregolaritajiet ta’ natura li jqajmu, f’moħħ l-individwi, dubji serji u leġittimi dwar il-fatt li din il-qorti ma hijiex mingħajr influwenza esterna, b’mod partikolari minn fergħat oħra tal-Gvern (21).
39. Huwa importanti li, abbażi ta’ tali evalwazzjoni olistika, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ċ-ċirkustanzi li fihom inħatru mħallfin fi proċeduri bbażati fuq ir-Riżoluzzjonijiet 330/2018 (22) u 331/2018 (23) tal-KRS joħolqu dubji serji u leġittimi f’moħħ l-individwi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-persuni maħtura abbażi ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet.
40. Dawn iċ-ċirkustanzi kienu, essenzjalment, li dawn ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS, li permezz tagħhom il-KRS ippropona lil dawn il-persuni għall-ħatra bħala mħallfin mill-President tar-Repubblika tal-Polonja, ġew sospiżi mill-Qorti Amministrattiva Suprema sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża A.B. (24), li, mingħajr ma stenna d-deċiżjoni finali ta’ din il-qorti, il-President ħatar lil dawn l-imħallfin u li l-Qorti Suprema Amministrattiva, wara li rċeviet id-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża A.B., annullat ir-riżoluzzjonijiet kontenzjużi tal-KRS (25).
41. F’dan il-punt, huwa utli li niftakru li, fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar jekk awla komposta minn imħallfin li nħatru fi proċeduri li jqajmu dubji dwar l-indipendenza tagħhom hijiex “qorti jew tribunal” għall-għanijiet li jkollha d-dritt tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fis-sentenza Krajowa Rada Sądownictwa (26) li l-Awla Straordinarja, li għaliha l-persuni kollha nħatru fuq il-bażi tar-Riżoluzzjoni 331/2018 tal-KRS, ma setgħetx titqies li tissodisfa dik il-kundizzjoni, u b’hekk ċaħdet il-preżunzjoni li qorti nazzjonali tissodisfa r-rekwiżiti ta’ “qorti jew tribunal” għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFEU (27).
42. Fis-sentenza Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów (28), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din il-preżunzjoni kienet ikkonfutata fir-rigward ta’ persuna maħtura abbażi tar-Riżoluzzjoni 330/2018 tal-KRS. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li anki jekk, b’differenza mill-Awla Straordinarja, l-Awla Ċivili ma hijiex awla ġdida, il-proċedura għall-ħatra tal-imħallfin fl-Awla Straordinarja (ibbażata fuq ir-Riżoluzzjoni 331/2018 tal-KRS) u dik tal-ħatra tal-imħallfin fl-Awla Ċivili (ibbażata fuq ir-Riżoluzzjoni 330/2018 tal-KRS) isofru mill-istess difetti, li huma “suffiċjenti, waħedhom, sabiex joħolqu dubji leġittimi u serji, f’moħħ l-individwi, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef” (29).
43. Ser nirreferi għal dawn il-proċeduri bħala “proċeduri rrikonoxxuti bħala irregolari”, peress li jista’ jiġi konkluż li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imħallfin maħtura fi proċeduri bbażati fuq ir-Riżoluzzjonijiet 330/2018 u 331/2018 tal-KRS ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-indipendenza tad-dritt tal-Unjoni.
44. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, erba’ persuni maħtura fil-kulleġġ ġudikanti l-ġdid ta’ seba’ mħallfin, jiġifieri JK, KS, CV u RX, kif ukoll MB, li ħatarhom f’dan il-kulleġġ ġudikanti, inħatru bħala mħallfin fl-Awla Ċivili abbażi tar-Riżoluzzjoni 330/2018 tal-KRS.
45. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex gwida dwar it-tliet kwistjonijiet li ġejjin: l-ewwel nett, il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li persuni maħtura fil-kuntest ta’ proċeduri rrikonoxxuti bħala irregolari jipparteċipaw f’kulleġġ ġudikanti li jkun mistieden japplika d-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja (fis-sentenza W.Ż.); it-tieni nett, jekk deċiżjoni ta’ persuna maħtura bħala President tal-Awla Ċivili fil-kuntest ta’ proċedura rrikonoxxuta bħala irregolari għandhiex titqies li hija nieqsa minn effetti legali; u, it-tielet nett, x’inhuma l-konsegwenzi ta’ tali irregolaritajiet għal imħallfin oħra sedenti f’dak il-kulleġġ ġudikanti, u iktar speċifikament, fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn l-imħallfin jistgħux jirrifjutaw li jkunu sedenti f’tali kulleġġ ġudikanti u jekk l-Imħallef Relatur huwiex awtorizzat jaħtar imħallfin oħra fil-kulleġġ ġudikanti.
46. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni f’din il-kawża sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi (B). Madankollu, sabiex inkun utli għall-Qorti tal-Ġustizzja f’każ li din tiddeċiedi mod ieħor, ser nanalizza wkoll dawn id-domandi (C).
B. Oġġezzjonijiet proċedurali
47. Tqajmu żewġ oġġezzjonijiet proċedurali, essenzjalment, mill-Ombudsman u mill-Kummissjoni f’din il-kawża.
48. L-ewwel oġġezzjoni tikkonċerna l-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-partijiet isostnu li ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi f’din il-kawża, fid-dawl tal-effett tal-iżviluppi ulterjuri dwar ir-reintegrazzjoni ta’ X.Y. bħala mħallef u l-ħatra sussegwenti bħala Ministru għall-Ġustizzja.
49. It-tieni eċċezzjoni tikkonċerna l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, fid-dawl tad-dubji tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti.
1. Ġuriżdizzjoni
50. Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġuriżdizzjoni biss sabiex tirrispondi domandi li jkunu meħtieġa għas-soluzzjoni ta’ tilwima pendenti. Fi kliem ieħor, għandu jkun hemm kawża li trid tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, anki jekk tali domandi jistgħu jkunu utli għal kawżi oħra (30).
51. F’dan il-każ, kif muri fil-punti 12 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-domanda ġiet magħmula fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji relatati mat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal miżuri provviżorji, il-kulleġġ ġudikanti ta’ seba’ mħallfin għandu jagħti parir lill-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin dwar l-eżistenza ġuridika tad-digriet ta’ BD, li temm ir-rikors fil-kawża prinċipali u l-proċeduri għal miżuri provviżorji.
52. Ir-rikors fil-kawża prinċipali jirrigwarda t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-KRS. Jekk dan ir-rikors jintlaqa’, minn dan tirriżulta r-reintegrazzjoni ta’ X.Y. fit-taqsima rilevanti tal-qorti reġjonali li fiha huwa eżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Madankollu, fil-frattemp, X.Y. ġie reintegrat fil-kariga preċedenti tiegħu fi ħdan din il-qorti u sussegwentement irriżenja mill-funzjoni tiegħu ta’ mħallef ladarba nħatar Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Polonja. Konsegwentement, it-talba hija mingħajr skop, kif isostnu, essenzjalment, l-Ombudsman u l-Kummissjoni.
53. Madankollu, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-qorti tar-rinviju spjegat li hija ma għamlet ebda konstatazzjoni dwar jekk X.Y. kienx ġie reintegrat fit-taqsima tal-qorti reġjonali li minnha kien ġie ttrasferit, peress li tali konstatazzjonijiet ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħha. Skont dik il-qorti, sa fejn l-appell ippreżentat minn X.Y. mid-deċiżjoni tal-KRS ma ġiex irtirat, il-kompitu tagħha, li jikkonsisti f’li tiddeċiedi dwar it-talba għal rikuża sabiex jiġi żgurat li t-tilwima fil-kawża prinċipali tiġi ttrattata minn kulleġġ ġudikanti kkostitwit regolarment, jibqa’ mhux affettwat indipendentement minn kull emenda ta’ natura fattwali relatata mal-kawża prinċipali. Fi kliem ieħor, it-talba ta’ X.Y. għar-rikuża tal-imħallfin tal-Awla Straordinarja tibqa’ valida, b’tali mod li jibqa’ neċessarju li din it-talba tiġi ttrattata u li jiġu solvuti l-kwistjonijiet legali kollha li hija tqajjem. Waqt is-seduta, X.Y. ikkonferma li r-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-KRS ma kienx ġie rrevokat.
54. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li indikazzjoni tal-qorti tar-rinviju li l-proċedura fil-kawża prinċipali għadha pendenti torbot lill-Qorti tal-Ġustizzja u ma tistax, bħala prinċipju, tiġi kkontestata mill-partijiet fil-kawża prinċipali (31).
55. Madankollu, dan ma jbiddel xejn mill-fatt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fejn xieraq, li għandha teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom hija tiġi adita mill-qorti nazzjonali sabiex tevalwa jekk għandhiex ġuriżdizzjoni (32).
56. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “[j]ekk jidher li d-domanda magħmula manifestament ma tkunx għadha rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni” (33).
57. F’dan il-każ, minn naħa, il-kawża prinċipali, li magħha hija marbuta l-proċedura għal miżuri provviżorji dwar ir-rikuża tal-imħallfin, għadha formalment pendenti. Dan jista’ jkun argument intiż sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi f’din il-kawża.
58. Madankollu, min-naħa l-oħra, huwa ċar u ma huwiex ikkontestat li X.Y. ma jistax jiġi reintegrat fil-kariga preċedenti tiegħu ta’ mħallef fil-qorti reġjonali tal-Polonja (34). Konsegwentement, ir-rikors fil-kawża prinċipali ma għadx għandu skop għal X.Y. bħala mħallef u rikorrent f’din il-kawża.
59. Dak li X.Y. essenzjalment sostna waqt is-seduta huwa li għad hemm interess fit-tkomplija tal-kawża prinċipali mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-interess ġenerali taċ-ċittadini fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. Huwa invoka l-kuntest usa’ billi spjega li t-tkomplija tas-sitwazzjoni li fiha l-imħallfin maħtura irregolarment jibqgħu sedenti f’kulleġġi ġudikanti tinvolvi riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli għall-partijiet fil-kawżi u twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
60. Fil-fehma tiegħi, u abbażi ta’ dawn l-osservazzjonijiet, jidher li X.Y., bħala l-Ministru għall-Ġustizzja, effettivament iddeċieda li ma jirrevokax ir-rikors li huwa ppreżenta meta kien imħallef sabiex jirċievi mill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun fl-interess ġenerali li jiġu solvuti problemi li għadhom preżenti fis-sistema ġudizzjarja Pollakka.
61. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tagħti interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari billi tagħti opinjoni konsultattiva, anki jekk ir-risposta tkun ta’ benefiċċju għall-interess ġenerali (35).
62. Bl-istess mod, il-possibbiltà ta’ rikors futur għad-danni lanqas ma tista’ tikkostitwixxi raġuni li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari. Tali rikors ma huwiex pendenti (36), u għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda tirrispondi domanda ipotetika (37), li jista’ jkun li qatt ma titressaq quddiem qorti (38).
63. Bħala konklużjoni, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-fatt li l-proċedura għadha formalment pendenti ma jistax jipprevali fuq ir-regola li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tagħti opinjonijiet konsultattivi jew ipotetiċi fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari f’sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tkun taf li l-kawża prinċipali ma għadx għandha skop (39).
64. Fil-fehma tiegħi, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-għoti ta’ gwida lill-qrati nazzjonali permezz tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’każijiet konkreti huwa essenzjali sabiex tiġi ppreżervata l-leġittimità tal-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u tan-natura ġudizzjarja, u mhux konsultattiva, tar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura.
65. Konsegwentement, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni f’dan il-każ, peress li tmur lil hinn mill-funzjoni ġudizzjarja tagħha li tagħti deċiżjoni preliminari f’kawża li ma għadx għandha skop.
2. Ammissibbiltà
66. Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għadha teżisti kawża pendenti, jeħtieġ li tiġi indirizzata l-oġġezzjoni proċedurali dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża.
67. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, filwaqt li tagħmel riferiment għas-sentenza G. et (Ħatra tal-imħallfin fil-qrati ordinarji fil-Polonja) (40), tiddubita kemm il-qorti tar-rinviju tista’, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
68. Fis-sentenza G et (41), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-imħallef relatur ta’ kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin ta’ qorti reġjonali fil-Polonja kienet inammissibbli. Permezz tad-domandi tiegħu, dan l-imħallef relatur fittex li jkun jaf jekk imħallef, li huwa membru tal-istess kulleġġ ġudikanti u li nħatar f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi għal din il-qorti, kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi, skont id-dritt tal-Unjoni.
69. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li n-neċessità, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, tal-interpretazzjoni mitluba timplika li l-qorti nazzjonali li tiddeċiedi li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari tista’, waħedha, tiddeduċi l-konsegwenzi ta’ din l-interpretazzjoni billi tevalwa, fid-dawl tagħha, il-legalità tal-ħatra ta’ mħallef ieħor fl-istess kulleġġ ġudikanti u, jekk ikun il-każ, billi tirrikuża lil dan tal-aħħar. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kienx jidher li, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, dan l-imħallef relatur jista’, waħdu, jaġixxi b’dan il-mod (42).
70. Fil-fehma tiegħi, din il-kawża tidher li hija differenti mis-sentenza G. et. F’dik is-sentenza, l-indipendenza tal-imħallef li kienet ikkontestata mill-qorti tar-rinviju kienet għadha ma ġietx deċiża ġudizzjarjament mill-qorti nazzjonali kompetenti li setgħet tevalwa r-regolarità tal-proċedura ta’ ħatra ta’ dak l-imħallef.
71. Għall-kuntrarju, din il-kawża tikkonċerna persuni li nħatru fl-Awla Ċivili fil-kuntest ta’ proċedura (ibbażata fuq ir-Riżoluzzjoni 330/2018 tal-KRS), li diġà ġiet ikkunsidrata bħala irregolari mill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti Amministrattiva Suprema u tal-Qorti EDB (ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet), u din l-irregolarità hija tant fundamentali li tmur kontra r-rekwiżiti tal-Unjoni ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, kuntrarjament għall-qorti tar-rinviju fis-sentenza G. et, ma għandhiex tevalwa hija stess ir-regolarità tal-ħatriet ta’ ċerti membri tal-kulleġġ ġudikanti ta’ seba’ mħallfin, iżda tistaqsi, essenzjalment, dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni meta persuna tkun inħatret fil-kuntest ta’ proċedura rrikonoxxuta bħala irregolari.
72. Konsegwentement, inqis li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li għadha teżisti kawża pendenti, it-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża hija ammissibbli.
C. Mertu
1. Il-parteċipazzjoni ta’ persuni maħtura fi proċeduri rrikonoxxuti bħala irregolari fil-kulleġġ ġudikanti
73. Permezz tal-ewwel parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi, kif iggarantiti mill-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludux il-parteċipazzjoni ta’ persuni maħtura bħala mħallfin fi proċeduri rrikonoxxuti bħala irregolari f’kulleġġi ġudikanti li jintalbu jiddeċiedu kawżi li fihom japplika d-dritt tal-Unjoni.
74. F’dan il-każ, il-kulleġġ ġudikanti ta’ seba’ mħallfin għandu japplika s-sentenza W.Ż. tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jagħti parir lill-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin dwar l-effetti legali tad-digriet ta’ BD li jiċħad l-appell ta’ X.Y. mid-deċiżjoni tal-KRS.
75. Fil-fehma tiegħi, is-sentenza W.Ż. stess tipprovdi r-risposta għall-ewwel parti tad-domanda tal-qorti tar-rinviju.
76. B’risposta għad-domanda magħmula fil-kawża W.Ż., il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-digriet ta’ BD għandu jiġi ddikjarat null u bla effett jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-imħallef ikkonċernat inħatar fil-kuntest ta’ proċedura li tikser ir-regoli proċedurali fundamentali ta’ Stat Membru għall-ħatra tal-imħallfin. Il-Qorti tal-Ġustizzja argumentat li persuna maħtura f’proċedura rrikonoxxuta bħala irregolari ma tissodisfax ir-rekwiżiti inerenti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi. L-effett dirett tal-Artikolu 19(1) TEU u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għaldaqstant, jirriżultaw fl-obbligu, fuq il-qorti nazzjonali, li tannulla d-digriet ta’ BD (43).
77. Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma użatx tali formulazzjoni, fil-fehma tiegħi, l-iktar mod sempliċi sabiex tinftiehem is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li d-digriet ta’ BD ma jistax jipproduċi effetti legali taħt id-dritt tal-Unjoni għaliex, skont id-dritt tal-Unjoni, din il-persuna ma hijiex qorti. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jeżiġi, b’mod partikolari, li l-imħallfin kollha li jistgħu jiġu mistiedna japplikaw id-dritt tal-Unjoni jkunu indipendenti. L-indipendenza hija ggarantita, inter alia, minn proċeduri ta’ ħatra ta’ mħallfin li għandhom ikunu ta’ natura li ma jqajmux dubji serji u leġittimi f’moħħ l-individwi dwar il-fatt jekk il-persuni maħtura f’karigi ġudizzjarji humiex esposti għal kontroll estern, b’mod partikolari minn fergħat oħra tal-gvern. Il-persuni maħtura bħala mħallfin fil-kuntest ta’ proċedura li tikser ir-regoli fundamentali tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin fid-dritt nazzjonali u li hija stess tqajjem dubji dwar jekk humiex ikkontrollati mill-fergħat leġiżlattivi u eżekuttivi ma humiex imħallfin. Peress li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji jistgħu jiġu adottati biss minn imħallfin, id-deċiżjonijiet ta’ persuni maħtura fil-kuntest ta’ proċeduri rrikonoxxuti bħala irregolari ma jistax ikollhom effetti legali.
78. Filwaqt li l-kawża W.Ż. kienet tirrigwarda deċiżjoni adottata minn imħallef wieħed li fforma kulleġġ ġudikanti, f’din il-kawża l-kulleġġ ġudikanti jikkonsisti minn seba’ mħallfin, li erba’ minnhom inħatru fi proċedura kuntrarja għall-Artikolu 19(1) TEU, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, fis-sentenza AW ‘T’ (44), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li kienet “diġà ddeċidiet li l-preżenza, fi ħdan l-istanza kkonċernata, ta’ mħallef wieħed maħtur fl-istess ċirkustanzi bħal dawk li kienu inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza [fi Krajowa Rada Sadownictwa] hija biżżejjed sabiex iċċaħħad lil din l-istanza mill-kwalità tagħha ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta”.
79. Jirriżulta li kulleġġ ġudikanti mħallat, kompost minn imħallfin maħtura b’mod regolari u oħrajn b’mod irregolari, ma huwiex qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi u għalhekk ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.
80. Kif diġà spjegajt (ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet), deċiżjoni li tikkonstata li proċedura ta’ ħatra kienet irregolari sabiex jiġi konkluż li persuna maħtura ma hijiex imħallef tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi kollha madwar il-ħatra, li għandhom jiġu evalwati mill-qrati nazzjonali. Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha twettaq tali evalwazzjoni, anki jekk hija tista’ tagħti indikazzjonijiet lill-qrati nazzjonali fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (45).
81. Barra minn hekk, anki jekk ħatriet speċifiċi ma għandhomx jiġu evalwati mill-Qorti tal-Ġustizzja, speċjalment fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu, kif diġà spjegajt (ara l-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet), irrikonoxxiet li ċerti proċeduri li fihom inħatru persuni bħala mħallfin fil-Qorti Suprema kienu irregolari peress li dan ġie stabbilit mill-qrati nazzjonali u mill-Qorti EDB.
82. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-persuni li nħatru fil-kulleġġ ġudikanti ta’ seba’ mħallfin fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, li nħatru bħala mħallfin fil-Qorti Suprema fil-kuntest tal-proċedura mibdija bir-Riżoluzzjoni 330/2018 jew 331/2018 tal-KRS, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ma humiex imħallfin u ma jistgħux ikunu sedenti f’kulleġġ ġudikanti li huwa mitlub japplika d-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u li, skont id-dritt nazzjonali, huwa kompost mill-imħallfin.
83. Barra minn hekk, naqbel mal-argument ta’ X.Y. li, flimkien mal-kwistjoni tal-indipendenza, teżisti wkoll kwistjoni ta’ imparzjalità tal-imħallfin f’din il-kawża. Dawn il-persuni, maħtura fil-kuntest tal-istess proċedura bħal BD quddiem il-Qorti Suprema, fil-fatt ikunu qegħdin jiddeċiedu l-kawża tagħhom stess. Jekk huma jikkonstataw li l-proċedura ta’ ħatra ta’ BD hija irregolari, dan jaffettwa l-funzjoni tagħhom stess bħala mħallfin. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imħallfin li huma msejħa jiddeċiedu f’kawża konkreta għandhom mhux biss ikunu indipendenti, iżda wkoll imparzjali, fis-sens li ma jkollhom l-ebda interess personali fl-eżitu tal-kawża (46). Jekk il-persuni inkwistjoni jitqiesu bħala mħallfin u jkunu jistgħu jinħatru fil-kulleġġ ġudikanti (quod non), il-parteċipazzjoni tagħhom f’din il-proċedura konkreta tkun prekluża mir-rekwiżit tal-imparzjalità.
84. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel parti tad-domanda magħmula fis-sens li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprevjeni l-parteċipazzjoni f’kulleġġ ġudikanti ta’ persuni maħtura bħala mħallfin fil-Qorti Suprema bi ksur tar-regoli fundamentali tad-dritt nazzjonali li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin, li jqajjem dubji serji u leġittimi dwar l-indipendenza ta’ dawk il-persuni f’moħħ l-individwi.
2. Effetti legali tad-deċiżjonijiet tal-President tal-Awla Ċivili
85. Permezz tat-tieni parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jfisser li d-deċiżjonijiet tal-President tal-Awla Ċivili dwar il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti tal-Qorti Suprema għandhomx jitqiesu li ma għandhomx effett legali jekk ikunu ttieħdu minn persuna li tkun inħatret bħala mħallef fi proċedura rrikonoxxuta bħala irregolari.
86. Qabelxejn, jidhirli li huwa importanti li jiġi rrilevat li l-President tal-Awla Ċivili nħatar bħala imħallef ta’ din il-qorti fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq ir-Riżoluzzjoni 330/2018 tal-KRS. Kif diġà indikajt, din il-proċedura diġà ġiet ikkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li hija suffiċjentement irregolari sabiex tqiegħed serjament f’dubju l-indipendenza tal-persuni maħtura.
87. Fil-fatt, din il-parti tad-domanda għandha żewġ aspetti: minn naħa, jekk deċiżjoni ta’ persuna maħtura b’mod irregolari bħala mħallef għandhiex effetti legali u, min-naħa l-oħra, jekk l-eventwali irregolarità ta’ din id-deċiżjoni taffettwax awtomatikament il-validità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti maħtur minnha u tad-deċiżjonijiet li jieħu. Il-maġġoranza tal-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienu kkonċernati mit-tieni aspett ta’ din id-domanda.
88. Fis-sentenza Daka (47), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet dwar l-organizzazzjoni interna ta’ qorti u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jtemmu proċedura. Sussegwentement, hija kkonkludiet li l-ewwel tip ta’ deċiżjoni, anki jekk tiġi adottata minn persuna maħtura bħala mħallef fil-kuntest ta’ proċedura rrikonoxxuta bħala irregolari, “ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti sabiex jiġġustifika li l-kulleġġi ġudikanti hekk ikkostitwiti u aditi b’dawn il-kawżi għandhom, huma wkoll, jitqiesu li ma jikkostitwixxux qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni” (48). Għalhekk, fis-sentenza Daka, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni rilevanti għat-tieni aspett tad-domanda magħmula.
89. Din il-konstatazzjoni hija tabilħaqq konformi ma’ sentenzi oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom hija enfasizzat li l-evalwazzjoni tar-regolarità tal-kompożizzjoni ta’ qorti, jew ta’ kulleġġ ġudikanti, ma tistax tiddependi fuq fattur wieħed, iżda għandha tiġi evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (49). F’dan is-sens, kif isostni l-Ombudsman, is-sempliċi fatt li kulleġġ ġudikanti kien kompost minn deċiżjoni ta’ persuna li nħatret bħala imħallef fil-kuntest ta’ proċedura rrikonoxxuta bħala irregolari, anki jekk seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni bħala element, ma għandux, fih innifsu, iċaħħad lill-kulleġġ ġudikanti mill-istatus ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi. Li kieku l-imħallfin kollha ta’ tali kulleġġ ġudikanti kienu mħallfin u kienu ddeċidew b’mod indipendenti konformement mal-liġi, id-deċiżjoni ta’ tali kulleġġ ġudikanti, anki jekk ikun inħatar minn persuna maħtura b’mod irregolari bħala mħallef, ma tkunx invalida.
90. Madankollu, din il-kwistjoni hija differenti minn dik dwar jekk deċiżjoni ta’ persuna maħtura bħala mħallef fi proċedura rrikonoxxuta bħala irregolari tistax titqies legalment valida.
91. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq jekk, skont id-dritt nazzjonali, ċerti deċiżjonijiet li ma humiex fihom innifishom deċiżjonijiet li permezz tagħhom tiġi deċiża kawża, iżda li jorganizzaw il-mod kif kawża għandha tiġi deċiża, humiex fdati lill-imħallfin jew, għall-kuntrarju, jistgħux jittieħdu minn persuni li jeżerċitaw funzjonijiet amministrattivi f’qorti.
92. Jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi li l-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti għandha tiġi deċiża minn imħallef li jeżerċita ċerta funzjoni fi ħdan il-qorti, bħal president ta’ qorti jew ta’ awla, deċiżjoni li tikkostitwixxi kulleġġ ġudikanti ma tipproduċix effetti legali jekk il-persuna li tkun adottatha ma tkunx imħallef minħabba l-irregolaritajiet irrikonoxxuti fil-proċedura li permezz tagħha din il-persuna tkun inħatret bħala imħallef. Madankollu, id-dritt nazzjonali jista’ jipprevedi l-kompożizzjoni awtomatika tal-kulleġġi ġudikanti abbażi, pereżempju, ta’ algoritmi jew ta’ sistemi oħra ta’ distribuzzjoni, li sempliċement jinbidlu f’deċiżjoni ta’ persuna li teżerċita ċerta funzjoni f’qorti. F’każ bħal dan, ma tagħmilx differenza jekk il-persuna li tadotta d-deċiżjoni hijiex imħallef jew le.
93. Jekk id-dritt nazzjonali jafda ċerti tipi ta’ deċiżjonijiet dwar l-organizzazzjoni interna ta’ qorti lil persuna li hija mħallef sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallfin, tali deċiżjoni adottata minn persuna li ma hijiex imħallef ma tkunx legalment valida.
94. Nifhem b’dan il-mod il-linja ta’ argumentazzjoni ta’ X.Y., li magħha naqbel fl-essenzjal, u li tgħid li l-istandard li għandu jiġi applikat għal deċiżjoni tal-President tal-Awla Ċivili f’din il-kawża ma huwiex dak stabbilit fis-sentenza Daka, iżda pjuttost dak stabbilit fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Stħarriġ ultra vires tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni) (50). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat b’mod partikolari l-funzjonijiet tal-President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-deċiżjonijiet organizzattivi tal-President ta’ dik il-qorti jistgħu mingħajr ebda dubju jinfluwenzaw l-attività ta’ din il-qorti, li jimplika li tali deċiżjonijiet għandhom jiġu adottati minn persuna li tkun inħatret abbażi ta’ regoli li ma jħallu ebda dubju leġittimu dwar l-użu tal-prerogattivi u tad-dmirijiet tal-President bħala strument ta’ influwenza fuq l-attività ġudizzjarja ta’ din il-qorti jew ta’ eżerċizzju ta’ kontroll politiku fuq din l-attività (51).
95. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni parti tad-domanda magħmula fis-sens li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jneħħi l-validità legali tad-deċiżjonijiet dwar l-organizzazzjoni interna ta’ qorti jekk dawn id-deċiżjonijiet jiġu fdati, abbażi tad-dritt nazzjonali, lil imħallef, jekk il-persuna li tadotta tali deċiżjoni tkun inħatret bħala mħallef fi proċedura li tikser l-Artikolu 19(1) TEU. Madankollu, l-assenza ta’ validità legali ta’ tali deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti ma tistax twassal awtomatikament għall-konklużjoni li l-kompożizzjoni tiegħu hija invalida jew li deċiżjoni ta’ dak il-kulleġġ ġudikanti ma tipproduċix effetti legali.
3. Konsegwenzi
96. Permezz tat-tielet parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jfisser li l-konstatazzjoni li l-kulleġġ ġudikanti ta’ seba’ mħallfin ma huwiex qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi tippermetti lill-imħallfin li huma parti minn dak il-kulleġġ ġudikanti jirrifjutaw li joqogħdu sedenti fih, u jekk, f’każ bħal dan, l-imħallef relatur jistax huwa stess jiddetermina l-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti.
97. Fis-sentenza W.Ż., il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’riferiment għas-sentenza A.B. tagħha, li “fil-każ ta’ ksur ikkonfermat tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti tar-rinviju li twarrab l-imsemmija dispożizzjonijiet favur l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali preċedentement fis-seħħ filwaqt li teżerċita hija stess l-istħarriġ ġudizzjarju previst minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar” (52).
98. Għalhekk, filwaqt li l-effett dirett tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU flimkien mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jista’ jwassal għat-twarrib tar-regoli nazzjonali li jkunu kuntrarji għal dik id-dispożizzjoni, il-mod kif jimtlew il-lakuni hekk maħluqa jiddependi mid-dritt nazzjonali.
99. Fil-fehma tiegħi, it-tliet imħallfin debitament maħtura jistgħu jirrifjutaw li jkunu sedenti fil-kulleġġ ġudikanti ta’ seba’ mħallfin. Huma jistgħu jinvokaw is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni sabiex jikkonkludu li l-kulleġġ ġudikanti ġie ffurmat b’mod irregolari u jistgħu, jekk meħtieġ, iwarrbu kull regola tad-dritt nazzjonali li twassal għal konklużjoni differenti. Madankollu, ma jidhirx li teżisti regola tad-dritt nazzjonali li tipprojbixxi lil dawn l-imħallfin milli jirrifjutaw li jipparteċipaw fl-aġġudikazzjoni sakemm il-kulleġġ ġudikanti ma jkunx ġie kkostitwit. Għaldaqstant, ma hemmx lok li titwarrab kwalunkwe regola tad-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, il-possibbiltà għal dawk l-imħallfin li jirrifjutaw li jkunu sedenti f’tali kulleġġ ġudikanti ma hijiex dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni, iżda tirriżulta mill-fatt li l-kulleġġ ġudikanti inkwistjoni ma huwiex kompost minn seba’ imħallfin u l-imħallfin maħtura ma jistgħux ikunu sedenti fih qabel ma jiġi hekk ikkostitwit.
100. Filwaqt li s-supremazija tippermetti lill-imħallfin jikkunsidraw lill-kulleġġ ġudikanti bħala ineżistenti, dan il-prinċipju ma jistax isolvi l-kwistjoni dwar kif il-kulleġġ ġudikanti għandu jiġi ffurmat b’mod validu. Din il-kwistjoni għandha tiġi deċiża mid-dritt nazzjonali, li min-naħa tiegħu għandu jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, sakemm id-dritt nazzjonali ma jipprevedix il-possibbiltà li l-imħallef relatur jikkostitwixxi kulleġġ ġudikanti, f’ċirkustanzi fejn ma jkunx hemm President tal-Awla Ċivili li jkun inħatar regolarment bħala mħallef u li jkun mistenni jaħtar imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti, id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix tali dritt.
101. Fi kliem ieħor, filwaqt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU tista’ tkun ċara biżżejjed biex tipprovdi effett dirett lil dik id-dispożizzjoni li tippermetti l-konklużjoni li l-kundizzjoni tal-indipendenza tal-imħallfin hija miksura (53), ma tistax titqies ċara biżżejjed biex tipprovdi regoli relatati mal-organizzazzjoni tal-ġudikatura fi Stat Membru, u b’hekk tagħti dritt lill-Imħallef Relatur biex jifforma kulleġġ ġudikanti.
102. L-Artikolu 19(1) TEU jista’ jservi bħala punt ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-legalità u għat-twarrib tar-regoli nazzjonali eżistenti (deċiżjoni negattiva), iżda ma jistax jissostitwixxi jew joħloq regoli nazzjonali nieqsa (deċiżjoni pożittiva).
103. Is-soluzzjoni għall-formazzjoni ta’ kulleġġi ġudikanti għalhekk għandha tinstab billi jiġi interpretat id-dritt nazzjonali (54), li min-naħa tiegħu għandu jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni (55). Jekk tali soluzzjoni ma tkunx tista’ tinstab fid-dritt nazzjonali, dan jista’ jindika lil-leġiżlatur li tali lakuna, li ma tistax tiġi rrimedjata permezz ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja, għandha tiġi rrimedjata permezz ta’ miżuri leġiżlattivi.
104. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet parti tad-domanda magħmula fis-sens li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-imħallfin jirrifjutaw li jkunu sedenti f’kulleġġ ġudikanti li l-kompożizzjoni tiegħu tkun tinkludi persuni maħtura bħala imħallfin fi proċedura li hija stess hija kuntrarja għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU, sakemm il-kulleġġ ġudikanti jkun ifformat b’mod validu. Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU ma jistabbilixxix dritt għal imħallef relatur li jifforma kulleġġ ġudikanti f’ċirkustanzi bħal dawn.
IV. Konklużjoni
105. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) f’din il-kawża.
Sussidjarjament, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal din id-domanda kif ġej:
(1) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU, fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
għandu jiġi interpretat f li jipprevjeni l-parteċipazzjoni f’kulleġġ ġudikanti ta’ persuni maħtura bħala mħallfin fis- Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) bi ksur tar-regoli fundamentali tad-dritt nazzjonali li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin, li jqajjem dubji serji u leġittimi dwar l-indipendenza ta’ dawk il-persuni f’moħħ l-individwi.
(2) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,
għandu jiġi interpretat fis-sens li jneħħi l-validità legali tad-deċiżjonijiet dwar l-organizzazzjoni interna ta’ qorti jekk dawn id-deċiżjonijiet jiġu fdati, abbażi tad-dritt nazzjonali, lil imħallef, jekk il-persuna li tadotta tali deċiżjoni tkun inħatret bħala mħallef fi proċedura li tikser l-Artikolu 19(1) TEU. Madankollu, l-assenza ta’ validità legali ta’ tali deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti ma tistax twassal awtomatikament għall-konklużjoni li l-kompożizzjoni tiegħu hija invalida jew li deċiżjoni ta’ dak il-kulleġġ ġudikanti ma tipproduċix effetti legali.
(3) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,
għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-imħallfin jirrifjutaw li jkunu sedenti f’kulleġġ ġudikanti li l-kompożizzjoni tiegħu tkun tinkludi persuni maħtura bħala imħallfin fi proċedura li hija stess hija kuntrarja għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU, sakemm il-kulleġġ ġudikanti jkun ifformat b’mod validu. Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU ma jistabbilixxix dritt għal imħallef relatur li jifforma kulleġġ ġudikanti f’ċirkustanzi bħal dawn.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
2 C‑521/21, Rzecznik Praw Obywatelskich, EU:C:2026:242.
3 Qorti EDB, 23 ta’ Novembru 2023, CE:ECHR:2023:1123JUD005084921.
4 Ara s-sentenza Rzecznik Praw Obywatelskich (b’mod partikolari l-punt 62).
5 Wara l-bidla fil-gvern f’Diċembru 2023 u fid-dawl tal-intenzjonijiet tal-gvern il-ġdid li jirrestawra l-Istat tad-dritt fil-Polonja, il-Kummissjoni irtirat il-proposta motivata tagħha li tat bidu għall-proċedura tal-Artikolu 7(1) TUE fid‑29 ta’ Mejju 2024.
6 Ara, pereżempju, is-sentenza Rzecznik Praw Obywatelskich (punt 58).
7 Ara l-Opinjoni Konġunta Urġenti tal-Kummissjoni ta’ Venezia u d-Direttorat Ġenerali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt (DGI) tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-istatus tal-imħallfin maħtura jew promossi bejn l‑2018 u l‑2025 u materji oħra relatati (CDL-AD(2026)002, 12 ta’ Marzu 2026). Il-Polonja ressqet ukoll approċċ alternattiv li ġie kkritikat. Ara l-Opinjoni Konġunta Nru 1276/2026 tal-Kummissjoni ta’ Venezia u tad-DGI tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-abbozz ta’ liġi “dwar l-istabbiliment mill-ġdid tad-dritt għal smigħ xieraq u għall-eżami tal-kawża mingħajr dewmien żejjed”, propost mill-President tar-Repubblika (CDL-AD(2026)020, 16 ta’ Ġunju 2026). Għal opinjonijiet oħra li jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti oħra li jikkonċernaw il-Polonja, ara s-sit web tal-Kummissjoni ta’ Venezia, disponibbli fuq: https://www.coe.int/en/web/venice-commission/poland.
8 C‑487/19, W.Ż., EU:C:2021:798.
9 Ara s-sentenza W.Ż. (b’mod partikolari l-punti 138 sa 154 u 161).
10 Ara s-sentenza W.Ż. (punt 155).
11 Madankollu, X.Y. sostna li, fil-frattemp, it-talbiet tiegħu għar-rikuża ta’ dawn l-erba’ persuni ġew miċħuda minn imħallef li, skont is-sottomissjoni tiegħu, inħatar ukoll bi ksur flagranti tal-liġi.
12 Dawn il-fatti ġew ikkonfermati minn X.Y. waqt is-seduta.
13 Dawn il-preċiżazzjonijiet kienu jirrigwardaw, essenzjalment, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk X.Y. kienx ġie reintegrat bħala mħallef u l-implikazzjonijiet ta’ din iċ-ċirkustanza għad-diversi proċeduri mibdija u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk, fid-dritt Pollakk, il-qorti tar-rinviju għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni tal-ħatra ta’ mħallef ieħor bħala membru tal-istess kulleġġ ġudikanti kif ukoll il-ġuriżdizzjoni tagħha, fid-dritt Pollakk, sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti Suprema dwar il-ħatra tal-kompożizzjonijiet ta’ mħallfin u r-rimedji disponibbli kontra tali deċiżjonijiet.
14 Ara, pereżempju, is-sentenza Rzecznik Praw Obywatelskich (punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 Ara, pereżempju, is-sentenza Rzecznik Praw Obywatelskich (punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).
16 Dan huwa previst fl-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja. Barra minn hekk, l-Artikolu 179 tagħha jipprevedi: “Il-President tar-Repubblika għandu jaħtar lill-imħallfin, fuq proposta tal-[KRS], għal żmien indeterminat.”
17 Fost dawn l-emendi kien hemm it-tmiem prematur tal-mandati tal-imħallfin f’dan il-korp u l-emenda tar-regoli dwar il-ħatra tal-membri l-ġodda, li l-biċċa l-kbira tagħhom preċedentement kienu jinħatru minn imħallfin, filwaqt li r-regoli l-ġodda taw din is-setgħa lill-parlament. Dawn l-emendi, jekk jitqiegħdu fil-kuntest rilevanti, bħal emendi paralleli għal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, qajmu dubji serji dwar jekk il-proċess tal-ħatra tal-imħallfin fil-Polonja huwiex ikkontrollat mis-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 143). Ara wkoll il-Qorti EDB, 8 ta’ Novembru 2021, Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:1108JUD004986819, punti 309 sa 312 u 320).
18 Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari għall-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 101 sa 108), u W.Ż. (punt 150).
19 Ara, pereżempju, is-sentenza Rzecznik Praw Obywatelskich (punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-assenza, għall-parteċipanti fil-proċedura ta’ ħatra kkonċernata, ta’ dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv lanqas ma hija biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi konkluż li qorti jew kulleġġ ġudikanti kompost minn imħallfin maħtura fil-kuntest ta’ tali proċedura ma humiex “stabbiliti minn qabel mil-liġi” għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Ara l-punt 88 ta’ dik is-sentenza.
20 Ara, pereżempju, is-sentenza Rzecznik Praw Obywatelskich (punti 78 u 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Réexamen Simpson vs Il‑Kunsill (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 75), u Rzecznik Praw Obywatelskich (punti 76 u 77).
22 Ir-Riżoluzzjoni Nru 330/18 tal-KRS tat‑28 ta’ Awwissu 2018 (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni 330/2018 tal-KRS”), irrakkomandat seba’ kandidati bħala mħallfin tal-Awla Ċivili, fosthom il-ħames persuni inkwistjoni f’din il-kawża (MB, JK, KS, CV u RX).
23 Ir-Riżoluzzjoni Nru 331/2018 tal-KRS tat‑28 ta’ Awwissu 2018 (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni 331/2018 tal-KRS”), irrakkomandat 20 kandidat sabiex ikunu sedenti bħala mħallfin tal-Awla Straordinarja, fosthom BD, li l-effetti tad-digriet tiegħu jinsabu fl-oriġini ta’ din il-kawża.
24 Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A.B.”, EU:C:2021:153).
25 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma fil-kariga tal-membri tal-ġudikatura) (C‑718/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Krajowa Rada Sądownictwa”, EU:C:2023:1015, punti 50 sa 54).
26 Ara s-sentenza Krajowa Rada Sądownictwa (punti 40 sa 78). Ara wkoll, pereżempju, id-digrieti tad‑9 ta’ April 2024, T. (Programmi awdjoviżivi għat-tfal) (C‑22/22, EU:C:2024:313), u tal‑21 ta’ Ġunju 2024, Kancelaria B. (C‑810/23, EU:C:2024:543).
27 Tali preżunzjoni ġiet ikkonfermata fis-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, b’mod partikolari fil-punti 69 u 72), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll li l-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata fejn deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija minn qorti jew tribunal nazzjonali jew internazzjonali twassal għall-konklużjoni li l-imħallef li jikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju ma huwiex qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.
28 Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024 (C‑326/23, EU:C:2024:940, punti 20 sa 37). F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑3 ta’ Frar 2022, Advance Pharma sp. z. o.o. vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2022:0203JUD000146920). Ara wkoll id-digriet tat‑3 ta’ Marzu 2025, Rabal u Drałka (C‑586/24 u C‑605/24, EU:C:2025:206).
29 Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów (C‑326/23, EU:C:2024:940, punt 35).
30 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 25). Dan ġie ripetut f’diversi okkażjonijiet. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑508/19, EU:C:2022:201, punti 60 u 62).
31 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Towarzystwo Ubezpieczeń Ż (Kuntratti standard ta’ assigurazzjoni qarrieqa) (C‑208/21, EU:C:2023:64, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, EU:C:1981:302, punti 18 sa 21); ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, État belge (Elementi sussegwenti għal deċiżjoni ta’ ritorn) (C‑711/21 u C‑712/21, EU:C:2023:503, punt 31).
33 Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata) (enfasi miżjuda minni).
34 L-Ombudsman osserva li X.Y. ma setax jerġa’ jiddaħħal fit-taqsima preċedenti tal-qorti li fiha kien jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, peress li ma kienx għadu mħallef.
35 Ara, f’dan ir-rigward, pereżempju, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2022, Banco Cetelem (C‑302/21, EU:C:2022:919, b’mod partikolari l-punti 30 sa 34), u d-Digriet tad‑29 ta’ Jannar 2020, Zakład Ubezpieczeń Społecznych (C‑522/18, EU:C:2020:42, b’mod partikolari l-punti 26 sa 35).
36 X.Y. ikkonferma waqt is-seduta li, meta assuma l-kariga ta’ Ministru, huwa rrevoka t-talba għad-danni. Għalhekk, din it-talba bħalissa ma hijiex pendenti.
37 Ara, f’dan ir-rigward, id-Digriet tal‑10 ta’ Ġunju 2011, Mohammad Imran (C‑155/11 PPU, EU:C:2011:387, punti 19 u 20).
38 Barra minn hekk, l-Ombudsman spjega li, skont id-dritt Pollakk, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, il-qorti li tiddeċiedi dwar kawża jkollha s-setgħa li tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni tal-KRS għall-finijiet ta’ dik il-kawża. Għaldaqstant, l-annullament tad-deċiżjoni tal-KRS ma hijiex neċessarja sabiex qorti ċivili tiddeċiedi fil-futur dwar rikors għad-danni ppreżentat minn X.Y..
39 F’dan is-sens, l-Ombudsman indika li meta s-suġġett tal-kawża ma jkunx għadu validu, hija l-prattika tal-Qorti Suprema li tagħlaq tali proċedura.
40 Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024 (C‑181/21 u C‑262/21, G et, EU:C:2024:1).
41 Ara s-sentenza G et (punti 66 sa 73).
42 Ara s-sentenza G et (punti 69 u 70).
43 Ara s-sentenza W.Ż. (punti 152 sa 155).
44 Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025 (C‑225/22, EU:C:2025:649, punt 57). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2026, Rzecznik Dyscyplinarny Sądu Najwyższego (C‑96/24, C‑103/24 u C‑112/24, punt 84).
45 Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet tali indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju fil-punti 134 sa 155 tas-sentenza W.Ż.
46 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2024, S. (Bidla fil-formazzjoni tal-qorti) (C‑197/23, EU:C:2024:956, punt 60). Ara wkoll, l-iktar reċentement, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2026, Gekus (C‑748/23, b’mod partikolari l-punti 50 sa 62), u tas‑16 ta’ Lulju 2026, Rzecznik Dyscyplinarny Sądu Najwyższego (C‑96/24, C‑103/24 u C‑112/24, b’mod partikolari l-punti 67 sa 79), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fid-dawl tal-prinċipju ta’ imparzjalità, li l-membri ta’ kulleġġ ġudikanti msejjaħ jagħti deċiżjoni dwar jekk il-parteċipazzjoni ta’ mħallef fi proċedura partikolari hijiex tali li tikser ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi ma jistgħux huma stess ikunu f’sitwazzjoni identika għal dik tal-imħallef ikkonċernat.
47 Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Daka et (C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Daka”, EU:C:2025:592, punt 86).
48 Sentenza Daka (punt 87).
49 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Rzecznik Praw Obywatelskich (punti 78 u 91 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
50 Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025 (C‑448/23, EU:C:2025:975).
51 Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Stħarriġ ultra vires tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni) (C‑448/23, EU:C:2025:975, punti 278 u 279).
52 Sentenza W.Ż. (punt 144).
53 Kif iddeċidiet reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rzecznik Praw Obywatelskich (punt 51): “[It]-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż li ma huwa akkumpanjat minn ebda kundizzjoni f’dak li jirrigwarda l-indipendenza li għandha tikkaratterizza l-qrati msejħa sabiex jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni.” (enfasi miżjuda minni).
54 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Rzecznik Praw Obywatelskich (punti 63 sa 65).
55 F’dan ir-rigward, l-Ombudsman u l-Kummissjoni rreferew għall-Artikolu 16(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Suprema, li jista’ jiġi applikat b’analoġija. X.Y. ippropona, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula waqt is-seduta, li teżisti regola konswetudinarja li permezz tagħha jinħatar l-imħallef li jmiss fil-lista, sakemm dak l-imħallef ma jkollux diġà ammont eċċessiv ta’ xogħol. Jekk tistax tintuża xi waħda minn dawn ir-regoli biex tiġi pprovduta soluzzjoni għall-formazzjoni ta’ kulleġġ ġudikant meta l-persuna maħtura għal dak l-għan tkun inħatret b’mod irregolari hija kwistjoni li trid tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.