European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2356

10.10.2024

RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2356 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-11 ta’ April 2024

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2022

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2022,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0088/2024),

A.

billi l-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika (“l-Impriża Konġunta CBE”), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Novembru 2021 fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa għall-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031 (1); billi l-Impriża Konġunta CBE ssostitwiet u ssuċċediet l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (“l-Impriża Konġunta BBI”) li ġiet stabbilita f’Mejju 2014 fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024 (2);

B.

billi l-Impriża Konġunta CBE hija sħubija pubblika-privata li tiffoka fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni għal settur sostenibbli u kompetittiv tal-industriji ċirkolari b’bażi bijoloġika; billi l-membri fundaturi tagħha huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u s-sħab industrijali rrappreżentati mill-Konsorzju tal-Industriji b’bażi Bijoloġika;

C.

billi biex tiżdied it-trasparenza, l-Impriża Konġunta CBE għandha tiddivulga, fil-kontijiet annwali tagħha, informazzjoni rilevanti rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri fil-livell tal-programm; billi, għal kull programm li fil-qafas tiegħu jkunu joperaw, l-Impriża Konġunta CBE għandha tippreżenta għal kull kategorija ta’ membri sa tmiem is-sena, l-informazzjoni rilevanti kollha, inklużi l-miri tal-kontribuzzjonijiet legali li jiġu stabbiliti għall-programm rilevanti, il-volum ta’ kontribuzzjonijiet li jiġu riċevuti, u l-volum ta’ impenji legali; billi l-Impriża Konġunta CBE għandha tkompli ttejjeb it-trasparenza;

Ġenerali

1.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta CBE għas-sena finanzjarja 2022 (ir-“rapport tal-Qorti”) (3), li l-kontijiet annwali jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta CBE fil-31 ta’ Diċembru 2022, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, li skont ir-rapport tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet ta’ bażi tal-kontijiet huma, fl-aspetti materjali kollha, legali u regolari;

2.

Jilqa’ r-rwol tal-Impriża Konġunta CBE fl-avvanz tal-industriji ċirkolari kompetittivi b’bażi bijoloġika fl-Unjoni;

3.

Jinnota li l-bidliet fid-daqs tal-baġit tal-Impriża Konġunta CBE fil-biċċa l-kbira jiddependu mill-fażi ta’ implimentazzjoni tal-programmi pluriennali ta’ riċerka u innovazzjoni, li qed timplimenta;

4.

Jinnota li, fl-2022, l-Impriża Konġunta CBE bdiet bl-implimentazzjoni tal-programm Orizzont Ewropa u, b’konsegwenza ta’ dan, il-baġit tal-2022 jinkludi l-baġit ta’ impenn għall-ewwel sejħiet ta’ Orizzont Ewropa ppjanati għall-2021 u l-2022;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

5.

Jinnota, mir-Rapport Annwali tal-Attività Konsolidat 2022 tal-Impriża Konġunta CBE (4), li l-baġit totali disponibbli għall-2022 kien ta’ EUR 264,2 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ EUR 80,3 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament (5); jinnota, fir-rigward tal-implimentazzjoni/l-eżekuzzjoni tal-baġit, li, għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn, dan kien ta’ EUR 125 miljun (eżekuzzjoni ta’ 47 %) (6) u għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 52 miljun (eżekuzzjoni ta’ 65 %) (7);

6.

Jinnota, li l-Bord ta’ Tmexxija adotta l-baġit tal-2022 għall-Impriża Konġunta CBE f’żewġ stadji — fis-16 ta’ Diċembru 2021, ġie deċiż li jiġi allokat baġit għall-parti tal-legat tal-Impriża Konġunta BBI ta’ EUR 6 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn (CA) u ta’ EUR 85,6 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament (PA) (8);

7.

Jinnota, barra minn hekk, li ma ġiet iffirmata l-ebda għotja taħt il-mandat tal-Impriża Konġunta CBE u li ġew iffirmati 142 għotja taħt il-mandat tal-Impriża Konġunta BBI għal valur totali ta’ EUR 822 miljun;

8.

Jinnota li, fil-31 ta’ Mejju 2022, saret emenda baġitarja biex jiżdied il-baġit (ġdid) tal-2022 għall-Impriża Konġunta CBE, li jinkludi EUR 254,9 miljun f’CA u EUR 1,7 miljun f’PA; jinnota li l-emenda kienet tinkludi wkoll tnaqqis ta’ EUR 11,2-il miljun għar-riattivazzjonijiet operattivi tal-PA tal-Impriża Konġunta BBI, meqjus f’dak l-istadju bħala surplus għall-ħtiġijiet (għalhekk l-emenda totali tal-baġit tas-CA kienet ta’ -EUR 9,6 miljun (valur negattiv);

9.

Jinnota li, fit-28 ta’ Novembru 2022, emenda oħra għall-baġit ipprovdiet miljun euro addizzjonali ta’ PA għall-evalwaturi esperti tal-Impriża Konġunta CBE fl-ambitu tat-Titolu 3 (9), u sabiex jiġi rifless fil-livell kontabilistiku l-approċċ meħud mill-Kummissjoni Ewropea għat-trattament tal-PA għall-evalwaturi esperti fis-sejħiet;

10.

Jinnota li l-baġit oriġinali tal-Impriża Konġunta BBI kien jinkludi surplus relattivament kbir ta’ baġit mhux użat minn snin preċedenti (2019, 2020 u 2021): min-naħa amministrattiva, EUR 1,1 miljun f’CA u EUR 1,6 miljun f’PA u min-naħa operattiva EUR 40 miljun f’PA;

11.

Jinnota li dawn l-approprjazzjonijiet riattivati ġew ikkunsmati f’konformità mal-Artikolu 6(5) tar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta CBE, u laħqu konsum ta’ 69 % min-naħa tas-CA amministrattiva, 88 % min-naħa tal-PA amministrattiva u 100 % min-naħa tal-PA operattiva sa tmiem is-sena; jinnota li r-raġuni ewlenija għall-eżekuzzjoni aktar baxxa fil-baġit amministrattiv hija li ammont kbir ta’ approprjazzjonijiet inżammu disponibbli fuq il-linji baġitarji tal-komunikazzjoni tat-Titolu 2 (10) sa tmiem is-sena, bil-ħsieb li jitwettaq il-kuntratt għall-avveniment tal-Forum tal-Partijiet Interessati li se jiżvolġi fl-2023;

12.

Jinnota, madankollu, li, skont l-Impriża Konġunta CBE, ma kienx possibbli li dan jiġi ġestit, u l-kuntratt eventwalment ġie ffirmat f’nofs Jannar 2023 u l-approprjazzjonijiet ġew riattivati fil-baġits tal-2023 u l-2024;

13.

Jinnota li, fi tmiem l-2022, kien hemm surplus totali ta’ approprjazzjonijiet mhux użati tal-Impriża Konġunta BBI ta’ EUR 1,1 miljun f’CA amministrattiva u EUR 1,5 miljun f’PA amministrattiva u li fl-PA operattiva kien hemm EUR 25,2 miljun;

14.

Jinnota li min-naħa tal-Impriża Konġunta CBE ma kien hemm l-ebda approprjazzjonijiet riattivati sinifikanti peress li ma kien intalab l-ebda baġit għal qabel l-2021; jinnota, madankollu, li baġit oriġinarjament previst għall-Impriża Konġunta CBE min-naħa tal-Kummissjoni (inkluża Sejħa għall-2021 li qatt ma seħħet) kien ġie impenjat mid-DG RTD, l-impriża konġunta CBE kellha tassumi fil-baġit amministrattiv u operattiv tagħha għall-2022, is-CA u l-PA tal-Impriża Konġunta CBE previsti kemm għall-2021 kif ukoll għall-2022;

15.

Jinnota, barra minn hekk, li, min-naħa amministrattiva, l-eżekuzzjoni tal-baġit ta’ legat tal-Impriża Konġunta BBI se tingħata prijorità sal-aħħar tal-2024, peress li kważi xejn mill-baġit amministrattiv tal-Impriża Konġunta CBE ma ġie eżegwit fl-2022; jinnota li dan inaqqas l-eżekuzzjoni tal-baġit ġenerali, iżda għal dan l-eżerċizzju, ir-rati ta’ implimentazzjoni tal-Impriża Konġunta BBI — se jingħata wkoll baġit amministrattiv biss għal paragun realistiku;

16.

Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li fil-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-2022, l-ammonti ta’ kontribuzzjonijiet rikonoxxuti għal kull kategorija ta’ membri (l-Unjoni u l-membri privati) ivarjaw b’mod sinifikanti minn xulxin; jifhem li dan minħabba li l-kontribuzzjonijiet fi flus mill-Unjoni jiġu vvalidati u rikonoxxuti meta jitħallsu lill-Impriża Konġunta CBE fil-bidu tal-implimentazzjoni tal-proġett, iżda l-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri jiġu rikonoxxuti biss wara l-validazzjoni tal-ispejjeż li jiġġarrbu u li jiġu ddikjarati għall-implimentazzjoni tal-proġett;

17.

Jistieden lill-Impriża Konġunta CBE tkompli tindirizza d-distakk bejn l-ammont rikonoxxut ta’ kontribuzzjonijiet fi flus minn naħa u l-kontribuzzjonijiet in natura min-naħa l-oħra, billi tipprovdi informazzjoni dwar l-impenji legali tal-membri tal-Impriża Konġunta fi tmiem is-sena, f’termini ta’ ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ffirmati; jilqa’ l-impenn tal-Impriża Konġunta CBE li tindirizza l-kwistjoni fil-kontijiet annwali tas-sena ta’ wara;

18.

Jinnota li l-kontribuzzjonijiet in natura vvalidati tal-membri privati għall-attivitajiet operattivi baqgħu baxxi f’ammont ta’ EUR 65,9 miljun minħabba li l-Impriża Konġunta CBE tiċċertifika l-kontribuzzjonijiet biss meta jsiru l-pagamenti finali għall-proġetti fil-qafas ta’ Orizzont 2020, u meta ċ-ċertifikati tar-rapport finanzjarju jkunu dovuti;

19.

Jinnota bi tħassib li għal Orizzont 2020, il-membri privati mhux se jilħqu l-mira tal-kontribuzzjoni indikattiva tagħhom għall-attivitajiet operattivi fi tmiem l-implimentazzjoni tal-programm;

20.

Jinnota r-riskji fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm għall-Impriża Konġunta CBE f’każ li l-membri privati ma jilħqux il-miri minimi tal-kontribuzzjonijiet sa tmiem il-programm Orizzont 2020;

21.

Jinnota li, fir-rigward tal-kisbiet tal-Impriża Konġunta CBE għal Orizzont 2020, l-Impriża Konġunta CBE, fi tmiem l-2022, kienet impenjat bis-sħiħ il-kontribuzzjoni operattiva massima tal-Unjoni ta’ EUR 815,8-il miljun għal ftehimiet ta’ għotja ffirmati fil-qafas tal-programm Orizzont 2020; jinnota, barra minn hekk, li minn dan l-ammont impenjat, madwar EUR 94 miljun (jew 11,5 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin għal proġetti li għad iridu jiġu kkompletati;

22.

Jinnota, min-naħa l-oħra, fi tmiem l-2022, li l-membri privati kienu impenjaw ruħhom legalment li jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura u kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta CBE f’ammont ta’ EUR 258,4 miljun jew 54 % tal-mira indikattiva ta’ EUR 475,3 miljun stabbilita fil-programmi ta’ ħidma annwali adottati tal-Impriża Konġunta; jinnota li, minn dan l-ammont impenjat, l-Impriża Konġunta CBE rrappurtat EUR 154,7 miljun (jew 32,5 % tal-mira) fi tmiem l-2022;

23.

Jinnota, barra minn hekk, li fl-2022, l-Impriża Konġunta kellha tikkanċella madwar EUR 8,2 miljun ta’ proġetti ffirmati minħabba t-terminazzjoni mhux prevista ta’ proġett ewlieni ta’ Orizzont 2020 u s-sospensjoni ta’ diversi proġetti oħra u, peress li s-sejħiet kollha ta’ Orizzont 2020 ingħalqu fi tmiem l-2020, l-Impriża Konġunta CBE mhux se tilħaq il-mira indikattiva għall-kontribuzzjonijiet tal-membri privati għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta sa tmiem il-perjodu tal-programm;

24.

Jilqa’ l-fatt li l-Impriża Konġunta CBE ddikjarat li laħqet l-objettivi operattivi għas-sejħiet tagħha ta’ Orizzont 2020; jinnota, madankollu li l-Qorti tikkunsidra li dan it-tnaqqis sinifikanti fil-kontribuzzjonijiet tal-membri privati jippreżenta riskju għall-kisba kumplessiva tal-programm Orizzont 2020 tal-Impriża Konġunta CBE.

25.

Jinnota li biex tiżgura l-ilħuq tal-mira tal-kontribuzzjoni kumplessiva tal-membri privati f’ammont ta’ EUR 2 730 miljun stabbilita fir-Regolament Fundatur tal-Impriża Konġunta CBE sa tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni, l-Impriża Konġunta rrevediet ’il fuq għal EUR 2 235,5 miljun, ammont li kien il-mira tagħha għall-kontribuzzjoni in natura tal-membri privati għall-attivitajiet addizzjonali; jinnota li fi tmiem l-2022, il-membri privati rrappurtaw total ta’ kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet addizzjonali li laħaq l-ammont ta’ EUR 1 797,9 miljun jew 73,8 % tal-mira l-ġdida, iżda għal EUR 658 miljun jew 37 % tal-ammont irrappurtat, il-proċess ta’ ċertifikazzjoni ma ġiex konkluż;

26.

Jilqa’ l-fatt li sabiex jimmitiga r-riskju li l-Impriża Konġunta CBE ma tilħaqx il-mira l-ġdida għal kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet addizzjonali sa tmiem il-programm, f’Novembru 2022 il-Konsorzju tal-Industriji b’bażi Bijoloġika ppropona lill-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta CBE biex japprova investiment ulterjuri tal-membri privati f’ammont ta’ EUR 416-il miljun għall-attivitajiet addizzjonali fl-2023;

27.

Jinnota bi tħassib li l-Qorti tqis li l-implimentazzjoni tal-pagamenti tal-baġit tal-2022 għall-attivitajiet fil-qafas ta’ Orizzont 2020 marret għall-agħar; jirrikonoxxi li dan kien dovut għall-fatt li l-benefiċjarji ffaċċjaw żieda fl-ispejjeż u problemi ta’ twassil;

28.

Jinnota li għall-attivitajiet fil-qafas ta’ Orizzont 2020, l-Impriża Konġunta CBE ma rċeviet l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn operattiva ġdida, billi l-Impriża Konġunta CBE kienet spiċċat l-aħħar sejħa għal proposti tagħha sa tmiem l-2020; jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament operattivi naqset għal 65 % (2021: 85 %), li, skont l-Impriża Konġunta CBE, dan kien minħabba l-ispejjeż li kienu qed jiżdiedu u l-problemi ta’ twassil li ffaċċjaw il-benefiċjarji b’riżultat tal-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna, u għalhekk, it-tul ta’ żmien tal-biċċa l-kbira tal-proġetti ta’ Orizzont 2020 kellu jiġi estiż u l-pagamenti finali ġew posposti għall-2023;

29.

Jaqbel mal-Qorti li l-Impriża Konġunta CBE għandha tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni skedat biż-żmien għall-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ proġetti approvati fl-ambitu ta’ Oqfsa Finanzjarji Pluriennali preċedenti (QFP);

30.

Jaqbel mal-Qorti li biex jiġi żgurat l-ilħuq tal-miri tal-kontribuzzjonijiet tal-membri privati tagħhom għall-QFP 2021-2027, l-Impriża Konġunta CBE għandha, abbażi ta’ pjan strateġiku ta’ implimentazzjoni tal-programmi, timmonitorja l-kisbiet individwali tal-membri privati relatati mal-kontribuzzjonijiet fuq bażi annwali;

31.

Jinnota li, fl-2022, l-Impriża Konġunta implimentat biss 47 % tal-baġit tagħha f’dak li għandu x’jaqsam impenji għal proġetti fil-qafas tal-ewwel sejħa sinifikanti ta’ Orizzont Ewropa f’ammont ta’ EUR 120 miljun li hija kienet nediet aktar kmieni fis-sena;

32.

Jinnota li, fl-2022, il-Kummissjoni u l-membri privati għamlu kontribuzzjonijiet fi flus kontanti ta’ EUR 0,8 miljun ir-ras għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta CBE; jinnota li l-Impriża Konġunta CBE ma talbitx kontribuzzjonijiet fi flus kontanti għall-attivitajiet tagħha fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa, billi kienet tistenna biss li tispiċċa l-ewwel sejħa fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa li kienet nediet kmieni fl-2022, fl-ewwel nofs tal-2023;

33.

Jinnota li, fi tmiem l-2022, ir-rata ta’ implimentazzjoni għall-baġit tal-pagamenti tas-salarji tal-Impriża Konġunta CBE (Titolu 1) kienet baxxa b’55 % u li, skont l-Impriża Konġunta CBE, dan kien dovut għad-dewmien fil-bidu tal-kuntratti ta’ impjieg tal-persunal li kien għadu kif ġie rreklutat fl-2022;

Akkwist u persunal

34.

Jinnota li, fl-2022, l-Impriża Konġunta CBE kompliet tisfrutta kemm jista’ jkun il-kuntratti qafas eżistenti fil-livell tal-Kummissjoni Ewropea; jinnota li meta dawn il-kuntratti ma kinux disponibbli għall-Impriża Konġunta CBE jew kienu skadew, kien meħtieġ li jitnedew proċeduri speċifiċi ta’ offerti, il-biċċa l-kbira tagħhom għal kuntratti ta’ valur baxx (11);

35.

Jinnota li l-Impriża Konġunta CBE ffirmat ukoll kuntratti speċifiċi fl-ambitu tal-kuntratt qafas ġestit b’mod konġunt mal-Impriżi Konġunti l-oħra, jiġifieri għal servizzi komuni tal-IT; jinnota, barra minn hekk, li matul l-2022, l-Impriża Konġunta CBE użat Ftehimiet dwar il-Livell ta’ Servizz (FLS) fis-seħħ mal-Kummissjoni;

36.

Jinnota mir-Rapport Annwali Konsolidat tal-Attività li l-2022 kienet sena ta’ tranżizzjoni mill-Impriża Konġunta BBI għall-Impriża Konġunta CBE; jinnota li, sa tmiem l-2022, l-Uffiċċju tal-Programm tal-Impriża Konġunta CBE kien magħmul minn 26 membru tal-persunal (meta mqabbel ma’ 22 fl-2021), li kważi laħaq it-tabella tal-persunal sħiħa (12) tiegħu fil-qafas tal-mandat il-ġdid tiegħu; jilqa’ l-fatt li tmien kollegi ġodda ssieħbu taħt il-mandat il-ġdid tal-Impriża Konġunta CBE;

37.

Jinnota li, fl-2022, l-Impriża Konġunta CBE kkonfermat il-bilanċ bejn il-ġeneri f’pożizzjonijiet maniġerjali b’rappreżentanza tan-nisa ta’ 50 %;

38.

Jinnota li l-persunal tal-Impriża Konġunta CBE jimmaniġġja għadd dejjem jikber ta’ proġetti li jinsabu għaddejjin għal bosta programmi tal-QFP simultanjament. jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li tali tendenza m’għandhiex idgħajjef l-effettività tal-kontrolli interni tal-Impriża Konġunta CBE u l-ġestjoni tagħhom ta’ dawn il-fondi u ddewwem l-implimentazzjoni tal-programmi l-ġodda;

Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

39.

Jinnota mill-osservazzjonijiet tal-Qorti dwar is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li għan-nefqa fil-qafas ta’ Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa, is-Servizz Komuni tal-Awditjar tad-DG RTD tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-awditi ex post;

40.

Jinnota li għan-nefqa fil-qafas ta’ Orizzont 2020 (approvazzjonijiet u pagamenti finali), l-Impriża Konġunta rrappurtat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 1,9 % u rata tal-iżball residwu ta’ 1,2 %;

41.

Jinnota li, għall-programm Orizzont Ewropa, għad iridu jitwettqu awditi ex post, billi l-ewwel pagamenti interim huma mistennija biss fl-2024;

42.

Jinnota li sabiex tivvaluta l-kontrolli tal-pagamenti operattivi tal-Impriża Konġunta CBE, il-Qorti awditjat kampjun aleatorju ta’ pagamenti fil-qafas ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2022, fil-livell tal-benefiċjarji finali (13); jinnota li, għal każ wieħed, il-Qorti sabet u kkwantifikat żball serju li rriżulta minn spiża tal-persunal iddikjarat b’mod eċċessiv minħabba li l-benefiċjarju bidel il-metodu ta’ kalkolu għar-rata fis-siegħa fis-sena finanzjarja u inkluda spejjeż ineliġibbli tal-pensjoni u bonusijiet fl-ispejjeż iddikjarati;

43.

Jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta CBE żviluppat approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-awditjar ex post bil-għan li tnaqqas ir-rata ta’ żball tagħha permezz ta’ kampjun immirat aħjar biex jiġu identifikati l-aktar benefiċjarji suxxettibbli għall-iżbalji u b’hekk, jissaħħaħ l-effett tat-tindif tal-awditi ex post tagħhom; din hija bidla pożittiva importanti fl-approċċ tal-awditjar ex post peress li l-qafas ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni għall-għotjiet ta’ Orizzont Ewropa ma jippermettix li jiġu stabbiliti kampjuni rappreżentattivi speċifiċi tal-Impriża Konġunta CBE u, konsegwentement, li jiġu kkalkolati r-rati ta’ żball rappreżentattivi u residwi speċifiċi għall-Impriżi Konġunti;

44.

Jinnota li l-Qorti sabet li l-impriżi konġunti b’approċċ tal-awditjar ex post ibbażat fuq ir-riskju żviluppat tajjeb għandhom rata tal-iżball residwu taħt il-medja tal-impriżi konġunti li ma kellhomx dan l-approċċ, minħabba l-identifikazzjoni u l-awditjar sistematiċi tal-benefiċjarji l-aktar riskjużi;

Segwitu għall-osservazzjonijiet mis-sena preċedenti

45.

Jinnota li l-“osservazzjonijiet” fir-rapporti annwali speċifiċi tal-Impriża Konġunta CBE fil-fatt huma “rakkomandazzjonijiet mingħajr skadenza” magħmula mill-Qorti; jinnota li l-QEA ssegwi kull sena dawk l-osservazzjonijiet billi tivvaluta l-istatus tagħhom bħala “miftuħa” jew “magħluqa”;

46.

Jinnota li l-Qorti ħarġet tliet osservazzjonijiet (2020/2021) li minnhom tnejn għadhom miftuħa — relatati mal-kontribuzzjonijiet tal-industrija u tal-membri privati tal-Impriża Konġunta CBE;

47.

Jinnota li l-Impriża Konġunta CBE tirrikonoxxi l-livell baxx ta’ kontribuzzjonijiet in natura tal-membri privati għall-attivitajiet operattivi tagħha u li tqis li din is-sitwazzjoni tista’ tiġi spjegata parzjalment bil-ftuħ tas-sejħiet tal-Impriża Konġunta CBE, li fihom jistgħu japplikaw ukoll għal għotjiet tal-BBI dawk li mhumiex membri tal-BIC (14) mingħajr obbligu li tiġi appoġġjata l-inizjattiva tal-Impriża Konġunta CBE b’kontribuzzjonijiet in natura; jifhem li l-għadd ta’ applikanti li kellhom suċċess mill-BIC naqas għall-anqas numru fl-aħħar tliet sejħiet, u dan ikkawża tnaqqis sinifikanti fil-kontribuzzjonijiet in natura.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 130).

(3)  Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri — Rapport Annwali dwar l-Impriżi Konġunti tal-UE għas-sena finanzjarja 2022 (p. 96).

(4)   “Consolidated Annual Activity Report 2022” (Rapport Annwali tal-Attività Konsolidat 2022) (p. 8).

(5)  Il-baġit totali jinkludi l-baġit operattiv (użat għall-finanzjament ta’ proġetti magħżula) u dak amministrattiv (użat għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-Programm).

(6)  Titolu 1 — EUR 2,9 miljun (eżekuzzjoni ta’ 63 %), Titolu 2 — EUR 1,6 miljun (eżekuzzjoni ta’ 60 %), Titolu 3 — EUR 120,5 miljun (eżekuzzjoni ta’ 48 %).

(7)  Titolu 1 — EUR 2,8 miljun (eżekuzzjoni ta’ 55 %), Titolu 2 — EUR 1,9 miljun (eżekuzzjoni ta’ 68 %), Titolu 3 — EUR 47,4 miljun (eżekuzzjoni ta’ 65 %).

(8)   “Consolidated Annual Activity Report 2022” (Rapport Annwali tal-Attività Konsolidat) (p.77).

(9)  Titolu 3: Spejjeż operattivi (għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet u l-kompiti assenjati lil-Impriża Konġunta CBE f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill fundatur tagħha).

(10)  Titolu 2: Spejjeż amministrattivi (li jinkludu l-infrastruttura ġenerali u l-ispejjeż operatorji bħall-kiri tal-bini, l-ispejjeż tal-IT, l-għamara u t-tagħmir tal-uffiċċju, il-komunikazzjonijiet u l-laqgħat, u spejjeż amministrattivi mixxellanji oħra).

(11)  Ġew konklużi diversi kuntratti għal anqas minn EUR 15 000 kull wieħed.

(12)  It-Tabella tal-Persunal sħiħa hija ta’ 29 persuna għall-organizzazzjoni, li s-CBE għandha tilħaq fil-bidu tal-2024 wara l-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv il-ġdid.

(13)  Rigward it-tranżazzjonijiet ta’ pagamenti ta’ għotjiet ittestjati fil-livell tal-benefiċjarji, is-soll ta’ rappurtar għal żbalji kwantifikabbli huwa ta’ 1 % tal-ispejjeż awditjati.

(14)   https://ebn.eu/about-ebn/.


ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2356/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)