|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/6582 |
10.12.2025 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2025/6582)
Fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
“Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna”
Nru tal-UE: PGI-FI-02907 — 4.4.2023
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet
“Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Il-Finlandja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.6. Frott, ħxejjex u ċereali, friski jew proċessati
|
|
11 – PRODOTTI TAL-INDUSTRIJA TAT-TĦIN; MALT; LAMTI; INULINA; GLUTINA TAL-QAMĦ 1103 – Ħbub imfesdqin, grixa u pellets taċ-ċereali |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1
Is-“Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” huwa prodott taċ-ċereali magħmul minn ċereali mgħollija u inkaljati fil-forn mitħuna fi trab aħrax. L-ingredjent mhux ipproċessat ewlieni tiegħu huwa ħbub tax-xgħir (Hordeum vulgare) jew ħbub imħallta tax-xgħir u tal-ħafur (Avena sativa).
Jista’ jiżdied il-melħ waqt il-preparazzjoni.
Is-“Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” huwa prodott taċ-ċereali kkaratterizzat:
|
— |
mit-tiswira ħarxa tal-prodott taċ-ċereali |
|
— |
mir-riħa tal-ħabba inkaljata |
|
— |
mit-togħma tal-ħabba inkaljata |
|
— |
mill-kulur kannella tal-ħabba inkaljata. |
Dan il-prodott huwa differenti minn talkkunas oħra billi huwa aktar skur u mitħun aktar aħrax. Il-prodott huwa kkaratterizzat minn stabbiltà tajba fuq l-ixkaffa bis-saħħa tal-proċess tal-manifattura tiegħu f’diversi stadji.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
L-istadji tal-produzzjoni tal-prodott taċ-ċereali “Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita huma t-tisjir, it-tnixxif u l-inkaljar, it-tħin u t-tqegħid fl-ixkejjer tal-ħbub tax-xgħir u/jew tal-ħafur.
3.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
—
4. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika tal-prodott taċ-ċereali “Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” tikkonsisti fil-provinċji ta’ Savo tat-Tramuntana u ta’ Savo tan-Nofsinhar.
5. Rabta maż-żona ġeografika
L-indikazzjoni ġeografika protetta “Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tiegħu bħala prodott taċ-ċereali tradizzjonali ta’ Savo, distint mill-kulur skur u mit-tiswira ħarxa tiegħu.
Ħbub sħaħ tax-xgħir jew ħbub imħallta tax-xgħir u tal-ħafur jiġu mgħollija fl-ilma sakemm ikunu nofshom imsajra jew sakemm jinqasmu. Wara t-tisjir, il-ħbub jiġu skulati. Imbagħad il-ħbub jitqiegħdu f’forn biex jinxfu u jitlestew f’temperatura ta’ bejn 250 °C u 280 °C. Imbagħad, il-ħbub imnixxfa jitqiegħdu fi xkejjer użati f’operazzjonijiet kummerċjali tat-tħin u l-ixkejjer jinħażnu sa ma jasal żmien it-tħin. Fl-aħħar nett, il-ħbub jintaħnu fi dqiq aħrax, li huwa kkaratterizzat mill-fatt li ma jingħaqadx f’ċapep. Is-“Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” li jirriżulta huwa kompletament imsajjar u lest għall-użu kif inhu. Jista’ jiżdied il-melħ waqt il-preparazzjoni.
Is-“Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” evolva minn dixxijiet tad-dqiq primittivi, li mijiet ta’ snin ilu kienu jitħejjew bħala ikel xott għall-ispedizzjonijiet u saħansitra għall-kampanji militari. Iċ-ċereali sustanzjuża kienet iddum tajba, u kienet konvenjenti u ħafifa biex tinġarr bħala prodott taċ-ċereali matur fi spedizzjonijiet twal u iebsin fiż-żona forestali u b’lagi abbundanti tar-reġjun ta’ Savo. L-isem talkkuna jindika l-oriġini mil-Lvant tal-prodott. Il-lingwi Slaviċi ssellfu l-kelma “talkkuna” (tolokno bir-Russu) mil-lingwa tat-tribujiet ekwestrijani Asjatiċi u din daħlet fil-lingwa Finlandiża f’dik il-forma.
L-ikel li jixbah il-poriġ bħat-talkkuna li jitħallat mal-ilma huwa ikel ibbażat fuq iċ-ċereali saħansitra eqdem mill-ħobż. F’Savo, id-dqiq tat-talkkuna kien jitħallat mhux miżjud kif inhu mal-ilma, pereżempju, jew jiġi mgħolli f’poriġ oħxon li seta’ jittiekel bl-idejn, magħruf bħala keittotalkkuna [talkkuna msajjar] jew kopratalkkuna [talkkuna “li jinqabad bl-idejn”].
Fil-ktieb tiegħu Savo ja savolaiset [“Savo u n-nies ta’ Savo”] (1935), Ernst Lampén iddeskriva l-prodott taċ-ċereali “Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” kif ġej:
“Ir-rapporti kollha jsemmu t-talkkuna. Jgħidu li meta n-nies ta’ Savo kienu jmorru jaħdmu fil-foresta, kienu jieħdu magħhom borża tad-dqiq tat-talkkuna. Meta jasal ħin l-ikel, kienu jferrgħu l-ilma fil-brieret tagħhom, iħalltu d-dqiq tat-talkkuna u l-melħ, u jiffangaw f’dan il-poriġ.”
F’Savo, it-talkkuna tradizzjonalment isir f’Ottubru wara l-festa ta’ San Mikiel. L-aħjar ħbub tax-xgħir u/jew tal-ħafur biss kienu jintużaw għall-prodott taċ-ċereali “Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna”. Kienu jiġu mgħollija f’tagħmir tar-ram għall-ħasil, imqiegħda f’basktijiet tax-xaħx biex jiġu skulati u jinħmew f’forn. Il-ħbub imnixxfin kienu jintaħnu b’ġebel tal-kwern jew f’mitħna.
Is-“Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” jitnixxef f’forn. F’Savo, il-forn tal-ġebel tradizzjonalment jissaħħan kuljum u kull ġimgħa għall-finijiet ta’ tisjir, li huwa speċjalment tipiku tat-tradizzjoni kulinari tal-Lvant tal-Finlandja. It-talkkuna huwa prodott taċ-ċereali li huwa kkaratterizzat minn stabbiltà tajba fuq l-ixkaffa bis-saħħa tal-proċess tal-manifattura tiegħu f’diversi stadji. Jekk jinżamm xott, frisk u mħares minn irwejjaħ qawwija, il-prodott jista’ jinżamm maħżun sa sentejn.
L-iktar ikel tipiku magħmul minn din it-taħlita ta’ ħbub f’Savo huwa l-poriġ. Il-poriġ magħmul mill-prodott taċ-ċereali “Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” tradizzjonalment kien akkumpanjat mit-tirripaisti [laħam tal-majjal ibbrejżjat], minħabba li ċ-ċereali sħan u l-laħam tal-majjal huma taħlita tajba ta’ togħmiet. Il-poriġ jitgawda wkoll ma’ naqra butir. Is-“Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” huwa wkoll xieraq bħala tali għad-deżerti, pereżempju mal-bakek.
F’Savo, id-dqiq tat-talkkuna, pereżempju, kien jitħallat mhux miżjud kif inhu mal-ilma, jew jitgħalla f’poriġ aħrax li seta’ jittiekel bl-idejn, magħruf bħala keittotalkkuna [talkkuna msajjar]. Is-“Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” huwa maħsub preċiżament għal dan it-tip ta’ tisjir u għalhekk huwa differenti mit-talkkuna tal-Punent tal-Finlandja jew ta’ Häme, li jiġi mitħun aktar fin u jittiekel, pereżempju, mal-piimä [xorrox tal-butir] jew mal-viili [prodott tal-ħalib iffermentat]. Id-differenzi fil-kulur u fis-sawra bejn il-prodott taċ-ċereali “Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” u t-talkkuna ta’ Häme huma wkoll ċari u viżibbli għall-għajn. Is-“Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” huwa aktar skur u ta’ sawra aktar ħarxa mit-talkkuna ta’ Häme.
L-annwarju tal-Assoċjazzjoni Finlandiża tat-Turiżmu mill-1926 jiddeskrivi d-differenza bejn it-talkkunas ta’ Savo u dawk ta’ Häme:
“Is-Savonjani jgawdu t-talkkuna tagħhom f’forma xotta u li ddellek, sabiex ikunu jistgħu jikluh mill-pala ta’ idejhom. Għalhekk, l-Iżvediżi f’Värmland u n-Norveġiżi jsejħulu nävgröt, jew ‘poriġ tal-ponn’. F’Häme, fejn hemm ukoll jiġi prodott it-talkkuna, jitgawda kiesaħ fix-xorrox tal-butir. Madankollu, is-Savolainen talkkuna jissajjar. Għalhekk, anke hawn issib differenza bejn dawn iż-żewġ tribujiet ġirien!”
Il-materja prima tipika tal-prodott taċ-ċereali “Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” hija x-xgħir u l-ħafur, li kienu adattati sew għall-kultivazzjoni f’Savo f’termini tal-klima u tal-ħamrija, u saru l-materja prima ewlenija tat-talkkuna.
Is-“Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” kien magħruf ukoll barra mill-fruntieri ta’ Savo. Il-Finlandiżi li marru jgħixu f’Värmland fiċ-ċentru tal-Iżvezja fl-aħħar tas-seklu 16 u fis-seklu 17 kienu prinċipalment bdiewa minn Savo li jipprattikaw agrikoltura li fiha jitqaċċtu u jinħarqu l-foresti. Is-“Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” nxtered ukoll sa Värmland flimkien mal-immigrazzjoni tan-nies minn Savo.
In-Nazzjon tal-Istudenti ta’ Savo tal-Università ta’ Helsinki jorganizza festival annwali tat-talkkuna, it-talkkunajuhla, li matulu folla kbira tiekol it-talkkuna u t-tirripaisti. Il-festival tat-talkkuna għandu tradizzjoni twila. It-talkkuna ttiekel għall-ewwel darba fil-festival tat-talkkuna lura fl-1887. In-Nazzjon tal-Istudenti ta’ Savo tal-Università ta’ Helsinki hija organizzazzjoni tal-istudenti li tlaqqa’ studenti minn diversi dixxiplini li jiġu minn Savo jew ikollhom konnessjoni ma’ Savo. Għalhekk, hija organizzazzjoni tal-istudenti definita tajjeb reġjonalment, li għaliha s-“Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” u l-oriġini tiegħu f’Savo huma evidenti minnhom infushom. In-Nazzjonijiet tal-Istudenti huma assoċjazzjonijiet interdixxiplinari tal-universitajiet, li l-membri tagħhom huma magħquda b’rabtiet mal-istess żona ġeografika, bħal Savo, fil-każ tan-Nazzjon tal-Istudenti ta’ Savo. Għalhekk, l-isem tat-talkkuna li kien jisserva bħala platt ċelebratorju min-Nazzjon tal-Istudenti ta’ Savo fil-passat ma kellux bżonn jirreferi speċifikament għal Savo, peress li r-rabta u l-mod kif jiġi servut it-talkkuna, li huwa differenti minn talkkunas oħra, diġà jindikaw li huwa Savolainen talkkuna. Il-gwida għall-freshers tan-Nazzjon tal-Istudenti ta’ Savo għall-2023 tinkludi dizzjunarju Savo-Finlandiż-Savo, li jiddefinixxi l-kelma “Talakkunat” kif ġej: “Festin annwali fejn ittir il-piimä u jfexfex it-tirripaisti. It-talakkunat isir f’Novembru u huwa t-tieni l-akbar festin annwali tan-Nazzjon tal-Istudenti ta’ Savo. Il-Kapitulj [il-grupp li jorganizza l-festin] li jopera f’segretezza jospita l-ispettaklu.” Aktar ’il quddiem fil-gwida għall-freshers, il-kalendarju tal-avvenimenti jiddeskrivi t-Talakkunat bħala t-tieni l-aktar festin importanti u li jnissel kurżità tan-Nazzjon tal-Istudenti ta’ Savo. Fil-festin, l-istudenti jgawdu l-ispettaklu tal-Kapitulj u jitpaxxew bil-poriġ tat-talakkuna mat-tirripaisti.
Is-Savolainen talkkuna jibqa’ prodott interessanti u versatili fir-riċetti moderni. Fuq is-sit web tiegħu, Rantalan tila [farm ta’ Rantala] ippubblika ktejjeb tar-riċetti bl-isem Savolaisen talkkunan uudet kujeet [“Modi ġodda bis-Savolainen talkkuna”], li fih diversi riċetti li jużaw is-Savolainen talkkuna bħala ingredjent. Pereżempju, il-ktejjeb tar-riċetti jipprovdi ideat għal deżerti, għal platti veġetarjani jew għal platti tal-ħut li jużaw it-talkkuna.
Barra minn hekk, it-taqsima tar-riċetti “Ateria luonnon antimista” [“Ikla mill-ġid tan-natura”] tal-ktieb Herkutellen Savossa [“Ingawdu l-ikel f’Savo”] (2012) fiha riċetta tat-“Talkkunainen marjarahka”, deżerta magħmula bit-talkkuna, bil-bakek u bil-quark, li tuża s-Savolainen talkkuna bħala ingredjent. Illum il-ġurnata, is-Savolainen talkkuna jintuża wkoll bħala ingredjent fir-riċetti tad-deżerti.
Il-prodott taċ-ċereali “Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna” huwa kkummerċjalizzat b’mod attiv mhux biss għand il-bejjiegħa bl-imnut iżda wkoll f’fieri tal-ikel u f’avvenimenti tal-konsumaturi. Il-prodott deher fl-avvenimenti li ġejjin, fost l-oħrajn: Erämessut Ouluhalli, is-16-18 ta’ Mejju 2025; Is-Suq tal-Milied f’Joensuu Arena, is-6–8 ta’ Diċembru 2024; Taste Savo f’Matkus Kuopio fis-17 ta’ Ottubru 2020; u fil-fiera tal-kampanja ta’ Tikkurila fit-3–4 ta’ Ottubru 2020. Barra minn hekk, il-prodott ġie kkummerċjalizzat fi Prisma Mikkeli (ħanut tal-bejgħ bl-imnut) fit-3 ta’ Mejju 2024.
Fuq il-media soċjali, tfittxija għall-hashtag #savolainentalkkuna ttella’ ritratti ta’ varjetà ta’ prodotti li jużaw il-prodott taċ-ċereali “Savolainen talkkuna/Savolainen talakkuna”. Minbarra l-użi tradizzjonali, il-konsumaturi sabu modi ġodda kif jużaw il-prodott, fosthom għall-ħami tal-ħobż u għall-panura tal-ħut. Is-Savolainen talkkuna jissemma wkoll fil-kalendarju tal-Milied tal-assoċjazzjoni tar-raħal ta’ Muuruvesi (it-23 ta’ Diċembru 2017), li ġie ppubblikat fuq Facebook.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6582/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)