|
26.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 75/78 |
P7_TA(2013)0316
L-għargħar reċenti fl-Ewropa
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar l-għargħar fl-Ewropa (2013/2683(RSP))
(2016/C 075/10)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 191 u 196(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-futur tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2011)0613), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar il-Fond ta’ Solidarjetà Ewropea, implimentazzjoni u applikazzjoni (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa (2), tat-8 ta’ Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (in-nirien u l-għargħar) fl-Ewropa (3), tat-18 ta' Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (in-nirien tal-foresti, in-nixfa u l-għargħar) – l-aspetti agrikoli (4), l-aspetti tal-iżvilupp reġjonali (5) u l-aspetti ambjentali (6), u tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar in-nirien tal-foresti u l-għargħar (7), tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-għargħar f’pajjiżi tal-Ewropa ċentrali, b’mod partikolari l-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerijau r-Rumanija, u fi Franza (8) , kif ukoll tal-11 ta' Marzu 2010 dwar diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta' Madejra u l-effetti tat-tempesta Xynthia fl-Ewropa (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni bit-titolu “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2009)0147), il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (COM(2009)0082), u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja” (COM(2010)0600), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Reġjuni 2020 – valutazzjoni ta' sfidi tal-ġejjieni għar-reġjuni tal-UE” (SEC(2008)2868), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi reċentement seħħ diżastru naturali kbir fl-għamla ta’ għargħar f’ħafna pajjiżi Ewropej, inklużi l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja, Franza u Spanja; |
|
B. |
billi l-frekwenza, is-severità, il-kumplessità u l-impatt tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem madwar l-Ewropa żdiedu bil-ħeffa f'dawn l-aħħar snin; |
|
C. |
billi l-għargħar ikkawża ħsara serja lill-bliet, l-irħula u l-muniċipalitajiet, lill-infrastruttura u n-negozji, liż-żoni agrikoli u rurali, u billi qered elementi ta’ wirt naturali u kulturali, u kkawża wkoll mewt u korrimenti filwaqt li ġiegħel lil eluf ta’ persuni jitilqu minn darhom; |
|
D. |
billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF) ġie stabbilit sabiex jindirizza d-diżastri nazzjonali ewlenin u biex jipprovdi assistenza finanzjarja lil stati milquta minn diżastri; |
|
E. |
billi jeħtieġ li ssir rikostruzzjoni sostenibbli taż-żoni meqruda jew li ġarrbu ħsara mid-diżastri biex tpatti għat-telf ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħhom; |
|
F. |
billi l-kapaċità preventiva tal-Unjoni Ewropea li tindirizza t-tipi kollha ta’ diżastri naturali jeħtieġ li titjieb, u billi t-tħaddim u l-koordinament bejn id-diversi strumenti tal-Unjoni jeħtieġ li jittejbu sabiex tinkiseb prevenzjoni sostenibbli tad-diżastri; |
|
G. |
billi xi żoni muntanjużi, u żoni max-xmajjar u l-widien, tilfu parti mill-kapaċità tal-assorbiment tal-ilma tagħhom minħabba deforestazzjoni insostenibbli, agrikoltura intensiva, proġetti kbar tal-bini ta’ infrastruttura, l-urbanizzazzjoni u l-issiġillar tal-ħamrija matul dawn ix-xmajjar u l-widien; |
|
1. |
Jesprimi l-empatija u s-solidarjetà tiegħu mar-residenti tal-Istati Membri, tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet milquta mid-diżastru; jikkunsidra l-effetti ekonomiċi serji possibbli u jesprimi r-rispett u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; |
|
2. |
Japprezza l-isforzi bla waqfien li saru mill-unitajiet tas-sikurezza u tal-protezzjoni ċivili, mit-timijiet ta’ salvataġġ u l-voluntiera biex isalvaw il-ħajjiet tal-persuni u jnaqqsu kemm jista’ jkun il-ħsara fiż-żoni milquta; |
|
3. |
Jifraħ bl-azzjonijiet tal-Istati Membri li pprovdew assistenza liż-żoni milquta, peress li l-assistenza reċiproka f’sitwazzjonijiet avversi tagħti eżempju ta’ solidarjetà Ewropea; |
|
4. |
Jenfasizza li d-deterjorament tal-ħamrija, li jirriżulta u qed jaggrava minħabba l-attività tal-bniedem, bħal prattiki agrikoli u tal-forestrija inadegwati, huwa ta’ ħsara għall-kapaċità tal-ħamrija li tkompli twettaq bis-sħiħ il-funzjoni kritika tagħha li tipprevjeni d-diżastri naturali; |
|
5. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ippjanar u r-reviżjoni tal-politiki dwar l-użu sostenibbli tal-art, il-kapaċitajiet tal-assorbiment tal-ekosistema u l-aħjar prattiki u biex iżidu l-kapaċità tal-kontroll tal-għargħar u tas-sistemi tad-dranaġġ; |
|
6. |
Jenfasizza li l-prevenzjoni effettiva tal-għargħar għandha tkun immirata lejn strateġiji interreġjonali u tal-ġestjoni ta’ riskji transkonfinali, fejn hemm potenzjal kbir għall-koordinament u l-implimentazzjoni ta’ tweġiba ta’ emerġenza konġunta; |
|
7. |
Jirrikonoxxi li l-Mekkaniżmu ta' Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea għen lill-Istati Membri jikkooperaw u jnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti tal-emerġenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissemplifikaw ir-regoli u l-proċeduri għall-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu; |
|
8. |
Jenfasizza l-opportunità taħt l-objettiv ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea għall-Istati Membri u r-reġjuni kkonċernati li jindirizzaw il-ġestjoni tar-riskju bħala prijorità ta’ investiment għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss li attwalment qed jiġi negozjat, u jistedinhom jagħmlu dan; |
|
9. |
Jenfasizza li l-programmi għall-prevenzjoni tal-għargħar jeħtieġ li jiġu implimentati mill-Istati Membri permezz ta’ strateġiji komprensivi u preventivi; jenfasizza li l-politika ta’ emerġenza, inkluża l-prevenzjoni tal-emerġenzi u r-reazzjoni għall-emerġenzi, teħtieġ involviment aktar mill-qrib tar-reġjuni, il-bliet u l-komunitajiet lokali, li għandhom jiġu inkoraġġiti jinkludi l-politika ta' emerġenza fl-istrateġiji tagħhom; |
|
10. |
Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex malli jirċievu l-applikazzjonijiet kollha meħtieġa mingħand l-Istati Membri, jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li tingħata assistenza finanzjarja rapida u adegwata mill-EUSF; jenfasizza kemm huwa urġenti li tiġi rilaxxata l-assistenza finanzjarja permezz tal-EUSF għall-pajjiżi milquta minn dan id-diżastru naturali; |
|
11. |
Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza regolament ġdid u semplifikat tal-EUSF li jista’, fost l-oħrajn, jippermetti lill-Kummissjoni tagħmel ħlas parzjali malli l-Istat Membru milqut japplika għall-assistenza; |
|
12. |
Jenfasizza l-fatt li l-investiment fil-prevenzjoni tal-għargħar taħt il-programmi rilevanti jeħtieġ riżorsi finanzjarji adegwati, peress li huwa għodda importanti sabiex il-gvernijiet tal-Istati Membri jkunu jistgħu jiżviluppaw u jimplimentaw politiki għall-prevenzjoni tal-għargħar; jenfasizza li l-investiment li jappoġġa l-prevenzjoni tad-diżastri għandu jsegwi approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi; |
|
13. |
Jesprimi l-fehma tiegħu li l-konsegwenzi tad-diżastri għandhom impatt negattiv fuq it-teħid tal-fondi tal-UE; jitlob għall-flessibbiltà meħtieġa fir-rigward tal-programmazzjoni mill-ġdid fl-Istati Membri għall-appoġġ tar-rikostruzzjoni ta’ żoni żvantaġġati u l-għażla tal-aktar proġetti xierqa; |
|
14. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fiż-żoni milquta. |
(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0003.
(2) ĠU C 272 E, 13.11.2003, p. 471.
(3) ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 322.
(4) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 363.
(5) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 369.
(6) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 375.
(7) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 240.
(8) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 128.
(9) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 88.