|
5.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 181/87 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1145
tal-4 ta' Lulju 2019
li tittermina r-rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala ħadid fondut bil-grafit sferojdali) li joriġinaw mill-Indja mingħajr emendar tal-miżuri fis-seħħ
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1),
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Miżuri fis-seħħ
|
(1) |
Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/388 (2), kif emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1369 (3). |
|
(2) |
Il-prodott ikkonċernat huwa wkoll suġġett għal dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/387 (4). |
1.2. Talba għal rieżami
|
(3) |
Fit-2 ta' Marzu 2018, il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (“ir-Regolament bażiku”) li jirrigwarda biss il-produttur esportatur Electrosteel Castings Limited (“Electrosteel”). Din it-talba ġiet ippreżentata minn Saint-Gobain PAM, Saint-Gobain PAM Deutschland GmbH, Saint-Gobain PAM España S.A. u Duktus (Production) GmbH (“l-applikanti”), erba' produtturi tal-Unjoni. |
|
(4) |
Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni sabet marġni ta' dumping ta' 4,1 % għal Electrosteel, iżda r-rata ta' dazju anti-dumping definittiv ġiet stabbilita għal 0 % sabiex ikun evitat li s-sussidji għall-esportazzjoni diġà kkalkolati fid-dazju kumpensatorju definittiv ta' 9,0 % jingħaddu darbtejn. It-talba kien fiha biżżejjed evidenza li turi li Electrosteel kien żied il-prattika tiegħu tad-dumping minn mindu ġew imposti l-miżuri u li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom il-miżuri eżistenti ġew imposti nbidlu, u li dawn il-bidliet huma ta' natura dejjiema. |
1.3. Il-bidu ta' rieżami
|
(5) |
Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti bidu għal rieżami interim parzjali f'konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitat fl-ambitu tiegħu għall-eżaminar tad-dumping sa fejn jikkonċerna lil Electrosteel. Fl-4 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni ppubblikat notifika ta' bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“in-notifika ta' bidu”) (5). |
|
(6) |
Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami kien mill-1 ta' April 2017 sal-31 ta' Marzu 2018. Il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali kien mill-1 ta' Ottubru 2013 sat-30 ta' Settembru 2014. |
1.4. Il-partijiet interessati
|
(7) |
Fin-notifika ta' bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jesprimu l-fehmiet tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat speċifikament lill-applikanti, lil Electrosteel u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat dwar ir-rieżami u stednithom jieħdu sehem. |
|
(8) |
Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. Electrosteel talab tliet seduti ta' smigħ mal-Kummissjoni u dawn ġew konċessi lilu. Dawn is-seduti saru fil-15 ta' Mejju 2018, fil-15 ta' Ġunju 2018 u fis-17 ta' Jannar 2019. |
2. IRTIRAR TAT-TALBA U TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT
|
(9) |
Permezz ta' ittri datati d-19 ta' April u t-2 ta' Mejju 2019, l-applikanti infurmaw lill-Kummissjoni li kienu rtiraw it-talba tagħhom. |
|
(10) |
Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċedimenti jistgħu jiġu tterminati meta l-ilment jiġi rtirat, sakemm din it-terminazzjoni ma tkunx tmur kontra l-interess tal-Unjoni. |
|
(11) |
L-investigazzjoni ma kienet żvelat ebda kunsiderazzjoni li turi li terminazzjoni tal-proċediment ma kinitx tkun fl-interess tal-Unjoni. F'dan il-kuntest il-Kummissjoni nnutat li ma rċeviet l-ebda kumment mill-partijiet interessati li jindika li terminazzjoni bħal din ma kinitx tkun fl-interess tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-proċedimenti tar-rieżami interim parzjali jenħtieġ li jiġu tterminati mingħajr determinazzjoni formali dwar xi bidliet dejjiema sinifikanti u l-prattika tad-dumping ta' Electrosteel. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rieżami interim parzjali limitat fl-ambitu tiegħu għall-eżaminar tad-dumping sa fejn jikkonċerna lil Electrosteel, jenħtieġ li jiġi tterminat mingħajr emendar tal-miżuri fis-seħħ. |
|
(13) |
Il-partijiet interessati ġew infurmati b'dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. |
|
(14) |
Din id-Deċiżjoni hija f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), bl-esklużjoni ta' tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili mingħajr kisi minn ġewwa u minn barra (“pajpijiet mhux miksijin”), li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7303 00 10 u ex 7303 00 90 (il-kodiċijiet TARIC 7303001010, 7303009010), li joriġinaw mill-Indja, huwa tterminat.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/388 tas-17 ta' Marzu 2016 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 73, 18.3.2016, p. 53).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1369 tal-11 ta' Awwissu 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 217, 12.8.2016, p. 4).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/387 tas-17 ta' Marzu 2016 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 73, 18.3.2016, p. 1).
(5) Notifika ta' bidu ta' rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala ħadid fondut bil-grafit sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU C 157, 4.5.2018, p. 3).