Brussell, 10.7.2020

COM(2020) 325 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

IT-TIELET RAPPORT TAĦT IL-MEKKANIŻMU TA' SOSPENSJONI TAL-VIŻA

{SWD(2020) 132 final}


I.    Introduzzjoni

Il-liberalizzazzjoni tal-viża tkompli tagħti bidu għal riformi ewlenin fil-qasam tal-migrazzjoni, is-sigurtà u l-ġustizzja u tiffaċilita l-kuntatti bejn il-persuni billi teżenta liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-ħtieġa ta’ viża għal soġġorni sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Is-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża tinvolvi wkoll responsabbiltajiet. Il-pajjiżi terzi jridu jissodisfaw kontinwament ir-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża u jiżguraw li jkunu jeżistu l-kundizzjonijiet għal migrazzjoni u sigurtà ġestiti sewwa l-ħin kollu. Dan huwa konformi mal-approċċ olistiku tal-Kummissjoni Ewropea li jindirizza l-aspetti kollha tal-migrazzjoni u tas-sigurtà.

Dan it-Tielet Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża jirriżulta mid-dmir tal-Kummissjoni li timmonitorja l-issodisfar kontinwu tar-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża minn pajjiżi terzi li kisbu aċċess mingħajr viża u li tirrapporta, mill-inqas darba fis-sena, dwar dawk il-kwistjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill 1 . F’termini tal-ambitu ġeografiku, ir-rapport ikompli jkopri dawk il-pajjiżi li kkonkludew b’suċċess djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Id-data statistika fir-rapport tirrifletti d-dejta tal-Eurostat tal-2019 b’enfasi fuq il-varjazzjoni bejn l-2018 u l-2019. Fejn hu possibbli, l-iżviluppi tal-politika fil-pajjiżi analizzati huma deskritti sa ma jiġi ppubblikat dan ir-rapport f’Lulju 2020. Bħal fil-każ tat-Tieni Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża 2 tas-17 ta’ Diċembru 2018 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “it-Tieni Rapport”), dan ir-rapport jiffoka fuq oqsma speċifiċi 3 fejn hija meħtieġa aktar azzjoni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-progress miksub. Dawn jinkludu l-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-ażil, ir-riammissjoni, l-ordni pubbliku u s-sigurtà (inklużi l-kriminalità organizzata, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-infurzar tal-liġi u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus). Għalhekk, parametri referenzjarji b’rekord ta’ implimentazzjoni stabbli mhumiex koperti f’dan ir-rapport.

Wara l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-COVID-19 relatati mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi sħab f’nofs Marzu, il-moviment madwar ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent u s-Sħubija tal-Lvant naqas b’mod konsiderevoli. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri restrittivi fil-pajjiżi sħab sussegwentement tneħħew. Fil-11 ta’ Ġunju 2020 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tivvaluta l-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja għall-ivvjaġġar mhux essenzjali għall-UE 4 . Fir-rigward tal-pajjiżi ġirien tal-UE, il-Kummissjoni esprimiet li hija lesta li tassoċja r-reġjun tal-Balkani tal-Punent 5 mill-qrib mal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Ewropew tagħha lejn it-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19. bħala segwitu għall-Kunsill adotta fit-30 ta’ Ġunju 2020 rakkomandazzjoni dwar it-tneħħija progressiva tar-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar fuq vjaġġi mhux essenzjali li jintbagħtu, inkluża l-ewwel lista ta’ 15-il pajjiż (inklużi l-Ġeorgia, il-Montenegro u s-Serbja). Ir-Rakkomandazzjoni hija l-ewwel pass lejn it-tneħħija tar-restrizzjoni u ssegwi l-approċċ gradwali propost mill-Kummissjoni.

Ir-rapport preżenti huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jipprovdi informazzjoni ta’ sfond aktar dettaljata dwar l-iżviluppi. 

II.    Valutazzjoni tal-oqsma speċifiċi f’konformità mal-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża

II.1    Il-Balkani tal-Punent

L-Albanija

Il-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-ażil, ir-riammissjoni

Bejn l-2018 u l-2019, ir-rifjuti ta’ dħul ta’ ċittadini Albaniżi fiż-żona Schengen+ naqsu b’9 % (minn 21,515 għal 19,670), filwaqt li l-għadd ta’ ċittadini Albaniżi li nstabu li kienu preżenti illegalment żdied b’6 % (minn 32,355 għal 34,410). Il-migrazzjoni irregolari ta’ ċittadini Albaniżi għadha l-ogħla mill-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent analizzati f'dan ir-rapport. Id-detezzjoni ta’ ċittadini Albaniżi li jużaw dokumenti frodulenti, inklużi passaporti tal-UE, żdiedet b’ 64 % bejn l-2018 u l-2019.

L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn ċittadini Albaniżi fiż-żona Schengen+ kompla jonqos għar-raba’ sena konsekuttiva, b’ 18,555 applikazzjoni mressqa fl-2019 meta mqabbla mal-19,615 applikazzjonijiet imressqa fl-2018. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 5 %. Minkejja xejra li qed tonqos fl-2019, l-Albanija kienet fil-quċċata tal-pajjiżi ħielsa mill-viża fil-Balkani tal-Punent f’termini tal-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil. Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil 6 naqset għal 5,6 % fl-2019 (meta mqabbla ma’ 7,6 % fl-2018). Fl-ewwel kwart tal-2020, ġew irrappurtati 2,895 applikazzjoni għall-ażil, 44 % inqas mill-istess perjodu tal-2019.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ ritorn. Fl-2019, ir-rata ta’ ritorn naqset għal 50 % (imqabbla ma’ 66 % 7 fl-2018), bi 15,370 ċittadin Albaniż li rritornaw b’mod effettiv. Madankollu, peress li l-Istati Membri tal-UE jirrappurtaw kooperazzjoni tajba taċ-ċittadini tagħhom stess u ta’ pajjiżi terzi, dan it-tnaqqis jista’ jkun dovut għall-ipproċessar ta’ volumi eċċezzjonalment kbar ta’ deċiżjonijiet, b’lura fi snin preċedenti u possibbilment movimenti sekondarji.

Applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi ppreżentati minn ċittadini Albaniżi lill-Istati Membri tal-UE u pajjiżi assoċjati ma’ Schengen għadhom kwistjoni li teħtieġ sforzi kontinwi u sostanzjali mill-awtoritajiet Albaniżi. F’dan is-sens, l-Albanija qed tkompli timplimenta miżuri li jindirizzaw applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi mressqa minn ċittadini Albaniżi. L-awtoritajiet Albaniżi saħħew l-isforzi biex titqajjem kuxjenza fost il-popolazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża, kif ukoll dwar il-penali għal ksur ta’ dawn l-obbligi. Huma komplew jorganizzaw proġetti u kampanji ta’ informazzjoni u ppubblikaw regolarment informazzjoni rilevanti fuq is-siti web u l-midja soċjali tal-Gvern.

L-awtoritajiet Albaniżi saħħew ukoll il-kooperazzjoni operazzjonali mal-aktar Stati Membri tal-UE affettwati bil-migrazzjoni irregolari u applikazzjonijiet għall-ażil mingħajr bażi u saħħew il-kontrolli fuq iċ-ċittadini Albaniżi li jivvjaġġaw barra mill-pajjiż, inklużi minorenni, permezz ta’ intervisti aktar bir-reqqa mat-tluq mill-pajjiż. F’Diċembru 2019, l-Albanija adottat miżuri addizzjonali biex tipprevjeni t-traffikar tal-bnedmin.

L-Albanija hija l-ewwel fost il-pajjiżi Balkani tal-Punent li ffirmaw u operazzjonalizzaw Ftehim dwar l-Istatus tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (European Boarder and Coast Guard, (Frontex)) 8 mal-UE. Id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim fl-1 ta’ Mejju 2019 kien segwit minn skjerament ta’ timijiet konġunti tal-Frontex fuq il-fruntiera tal-Albanija mal-Greċja fil-21 ta’ Mejju 2019. Dan immarka fażi ġdida għall-kooperazzjoni fil-fruntieri bejn l-UE u l-pajjiżi Balkani tal-Punent. Minkejja l-limitazzjonijiet relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19, l-operazzjoni tkompli tagħti riżultati tajbin. Sa Ġunju tal-2020, kien hemm 20 Stat Membru tal-UE li pparteċipaw f’din l-operazzjoni konġunta u nqabdu kważi 12 000 migrant irregolari.

Bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19, l-Albanija għalqet il-fruntieri tagħha fis-16 ta’ Marzu 2020 u sussegwentement iddikjarat stat ta’ emerġenza fl-24 ta’ Marzu. Din tal-aħħar tneħħiet fit-23 ta’ Ġunju. Mit-22 ta’ Marzu, it-titjiriet kummerċjali kollha ġew ikkanċellati. Fl-1 ta’ Ġunju, l-Albanija fetħet il-fruntieri tal-art kollha mal-ġirien tagħha. Matul dan il-perjodu, l-awtoritajiet Albaniżi rrimpatrijaw madwar 2,500 ċittadin minn barra l-pajjiż (u primarjament mill-UE) permezz ta’ titjiriet ta’ ripatrijazzjoni mikrija. Xi titjiriet kummerċjali (Vjenna, Belgrad, u Ateni) reġgħu bdew fil-15 ta’ Ġunju.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà

Il-gruppi ta’ kriminalità organizzata li jitkellmu bl-Albaniż huma polikriminali u huma partikolarment attivi f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kriminali fl-UE, għalkemm ma jistgħux ikunu marbuta mal-Albanija jew ma’ ċittadini Albaniżi biss. Skont l-Europol, iċ-ċittadini Albaniżi huma speċifikament fost il-persuni suspettati mhux mill-UE li ġew irrapportati l-aktar ta’ spiss għal reati kriminali serji. Dawn huma fost l-aktar utenti prevalenti ta’ dokumenti frodulenti dwar il-movimenti tal-ajru ġewwa ż-żona Schengen.

L-Albanija kompliet tikkonsolida r-rekord tagħha u l-effettività tal-isforzi tagħha fl-infurzar tal-liġi biex tiġġieled il-kriminalità organizzata. Għadd akbar ta’ operazzjonijiet kbar tal-pulizija wasslu għal arresti ta’ profil għoli u akkużi u prosekuzzjonijiet importanti, ukoll bħala riżultat ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib tal-pulizija mal-Istati Membri tal-UE. L-awtoritajiet Albaniżi wrew b’mod konsistenti impenn qawwi biex jiġġieldu l-produzzjoni u t-traffikar tal-kannabis. L-Albanija hija l-uniku pajjiż fir-reġjun li jippermetti li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ intrużiv minn pajjiż terz (stħarriġ mill-ajru mill-Guardia di Finanza Taljana għad-detezzjoni u l-monitoraġġ ta’ pjantaġġuni tal-kannabis fl-Albanija, kofinanzjati mill-UE). Madankollu, hemm distakk konsiderevoli bejn in-numri ta’ riferimenti ġodda u ta’ kundanni finali.

Fi Frar 2019, l-Albanija adottat Strateġija Nazzjonali ġdida dwar l-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir għall-perjodu 2019-2024. Punt Fokali għall-Armi tan-Nar ġie stabbilit f’April 2019, iżda għad irid jiġi integrat bis-sħiħ fl-istruttura tal-pulizija biex isir kompletament operattiv.

Fl-2018 u l-2019, l-Albanija ħadet għadd ta’ azzjonijiet leġiżlattivi biex ittejjeb il-qafas ġuridiku fil-qasam tal-korruzzjoni. Ix-xejra pożittiva ġenerali fir-rigward tar-rekord ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni kompliet, għalkemm il-kundanni finali għal uffiċjali ta’ livell għoli għadhom rari.

F’Jannar 2020, il-gvern Albaniż adotta liġi li tintroduċi miżuri preventivi biex tissaħħaħ il-ġlieda tiegħu kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, b’enfasi partikolari fuq il-qbid u l-konfiska ta’ assi kriminali. Din il-liġi tipprovdi sett ta’ għodod investigattivi ġodda li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali fi ħdan l-Istruttura Speċjali Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata li għadha kif ġiet stabbilita.

L-Albanija qed tfittex li twettaq riforma komprensiva u bir-reqqa tal-ġustizzja, li għandha l-għan li ssaħħaħ l-isforzi kumplessivi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Din ir-riforma tinkludi wkoll evalwazzjoni mill-ġdid temporanja tal-imħallfin u l-prosekuturi kollha (il-proċess ta’ skrutinju), liema proċess avvanza b’mod kostanti u qed jipproduċi riżultati tanġibbli. L-iskrutinju kompla minkejja l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Għalkemm is-seduti ta’ smigħ kienu temporanjament sospiżi minħabba l-għeluq, l-attivitajiet investigattivi fuq id-dokumenti ta’ skrutinju komplew permezz ta’ skambji remoti. Is-seduti ta’ smigħ dwar l-iskrutinju reġgħu bdew fit-3 ta’ Ġunju 2020. B’mod ġenerali, 64 % tad-dokumenti ta’ skrutinju pproċessati s’issa wasslu għal sensji jew riżenji volontarji mill-valutazzjoni. Il-proċess ta’ skrutinju u r-riżultati tiegħu jibqgħu kruċjali biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-pubbliku fil-ġudikatura u fil-korpi tal-infurzar tal-liġi tal-Istat.

F’Ġunju 2019 ġie skjerat uffiċjal ta’ kollegament tal-Europol fl-Albanija, u f’Lulju l-Europol fetaħ uffiċjalment l-Uffiċċju ta’ Kollegament tiegħu f’Tirana, l-ewwel wieħed fil-Balkani tal-Punent. Dan kompla jsaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-uffiċjali tal-pulizija tal-Albanija fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u kompla jallinja l-isforzi biex b’mod konġunt jiġi indirizzat it-theddid transfruntier u jiġu miġġielda n-netwerks kriminali.

L-arranġament ta’ ħidma bejn l-Albanija u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, l-ewwel wieħed fil-Balkani tal-Punent, ġie ffirmat f’Marzu 2019. Huwa jippermetti li jiġi pprovdut għarfien espert kruċjali lill-awtoritajiet Albaniżi u jappoġġja approssimazzjoni ulterjuri tal-liġi u l-politiki Albaniżi dwar kwistjonijiet relatati mad-droga ma’ dawk tal-UE.

Barra minn hekk, il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Eurojust u l-Albanija daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2019. Il-Ftehim se jkompli jiffaċilita l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-UE u l-prattikanti Albaniżi u jżid il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali.

L-Albanija kienet wieħed mill-ewwel pajjiżi Balkani tal-Punent li ffirmaw, fid-9 ta’ Ottubru 2019, arranġament ta’ implimentazzjoni bilaterali dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu mal-Kummissjoni, bħala segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu 9 . L-Albanija ppreżentat l-ewwel rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-arranġament f’Ġunju 2020.

L-għadd ta’ kundanni għall-ħasil tal-flus għadu baxx u għad hemm nuqqas ta’ investigazzjoni parallela sistematika dwar il-finanzjament tat-terroriżmu. Wara l-adozzjoni tal- “pakkett Moneyval” mill-Parlament Albaniż f’Ġunju 2019, Moneyval ivvaluta li, b’mod ġenerali, l-Albanija għamlet progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha tal-2018, iżda għad fadal xi lakuni 10 . Fil-21 ta’ Frar 2020, it-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) elenkat l-Albanija fost il-ġurisdizzjonijiet b’nuqqasijiet strateġiċi fil-qasam tal-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus/Ġlieda Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu u pproponiet pjan ta’ azzjoni li jkun immirat għall-aktar nuqqasijiet serji. Dan il-Pjan jinkludi azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati sa Ottubru 2021 biex jippermettu li l-Albanija titneħħa mill- “lista griża” tal-FATF. L-Albanija għamlet impenn politiku ta’ livell għoli biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-FATF. L-implimentazzjoni bdiet minkejja l-kriżi tal-COVID-19, b’mod partikolari billi wettqet analiżi tar-riskju dwar prodotti u servizzi bankarji u l-użu ħażin ta’ entitajiet legali. Il-Parlament tal-Albanija beħsiebu jeżamina abbozz ta’ Liġi dwar iċ-Ċittadinanza mal-Kummissjoni, li, jekk tiġi adottata, tista’ tistabbilixxi bażi ġuridika li tista’ tintuża għat-twaqqif ta’ skema ta’ ċittadinanza b’investiment. F’Ottubru 2019, il-Kummissjoni indirizzat ittra lill-awtoritajiet Albaniżi, fejn talbet kjarifiki f’dan ir-rigward u wissiet lill-awtoritajiet Albaniżi dwar ir-riskji inerenti u l-konsegwenzi possibbli tal-introduzzjoni ta’ skema bħal din. Il-Kummissjoni qed tissorvelja mill-qrib din il-kwistjoni u r-riskji li jirriżultaw mill-introduzzjoni possibbli ta’ skema ta’ ċittadinanza ta’ investituri, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-korruzzjoni jew l-infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata.

Fit-2 ta’ Ġunju 2019, in-Netherlands innotifikaw lill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1806 11 , li huma ffaċċjaw ċirkostanzi li jistgħu jwasslu biex jiskatta l-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża għall-Albanija. It-tħassib espress fin-notifika kien marbut b’mod predominanti mal-ordni pubbliku u s-sigurtà, iżda wkoll mal-migrazzjoni irregolari u l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi mressqa minn ċittadini Albaniżi. Wara eżami bir-reqqa tal-kontenut tan-notifika u abbażi tal-informazzjoni disponibbli u tad-data rilevanti, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li ċ-ċirkostanzi li jiskattaw il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża għall-Albanija ma ġewx issodisfati.

Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, l-Albanija ħadet l-azzjonijiet identifikati fit-Tieni Rapport u l-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża għadhom qed jiġu ssodisfati. Sar progress tajjeb fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari, inklużi kontrolli msaħħa fuq il-fruntieri. Minkejja t-tnaqqis fir-rata ta’ ritorn, għandha tinżamm kooperazzjoni tajba fuq ir-riammissjoni, kif ukoll kooperazzjoni mal-UE u mal-Istati Membri fuq il-migrazzjoni u s-sigurtà. Fl-istess ħin, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu żgurati t-titjib u s-sostenibbiltà tar-riżultati, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Jeħtieġ li jkomplu jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Jissaħħu l-miżuri biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari u l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi ta’ ċittadini Albaniżi, inkluż permezz tal-identifikazzjoni u l-indirizzar tar-raġunijiet sottostanti u l-organizzazzjoni ta’ aktar kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża.

·Tinżamm u tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali proattiva mal-Aġenziji tal-UE u mal-Istati Membri tal-UE li qed jiffaċċjaw pressjoni migratorja li toriġina mill-Albanija, kif ukoll theddid għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà maħluq mill-involviment ta’ ċittadini Albaniżi fi gruppi ta’ kriminalità organizzata.

·Tittejjeb l-effettività tal-isforzi ta’ prosekuzzjoni u ta’ infurzar tal-liġi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta’ livell għoli u l-kriminalità organizzata.

·Jittejjeb ir-rekord tal-każijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u jsir użu sħiħ mill-appoġġ ipprovdut mill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kapaċità għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Il-Bożnija-Ħerzegovina 

Il-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-ażil, ir-riammissjoni

Bejn l-2018 u l-2019, l-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul ta’ ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina fiż-żona Schengen+ żdiedu b’20 % (minn 5,320 għal 2019), filwaqt li l-għadd ta’ ċittadini mill-Bożnija-Ħerzegovina li nstabu li kienu preżenti illegalment żdied b’10 % (minn 3,915 għal 4,290).

L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn ċittadini mill-Bożnija-Ħerzegovina naqas bi 17 %, b’ 1,895 applikazzjoni mressqa fl-2019 (meta mqabbla mal-2,280 applikazzjonijiet imressqa fl-2018). Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil naqset għal 7,2 % fl-2019 (meta mqabbla ma’ 10,6 % fl-2018). Fl-ewwel kwart tal-2020, ġew irrappurtati 390 applikazzjoni għall-ażil, 26 % inqas mill-istess perjodu tal-2019.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ ritorn. Fl-2019, ir-rata ta’ ritorn naqset għal 40 % (imqabbla ma’ 54 % fl-2018), b’1 495 ċittadin mill-Bożnija-Ħerzegovina li rritornaw b’mod effettiv. Madankollu, peress li l-Istati Membri tal-UE jirrappurtaw kooperazzjoni tajba taċ-ċittadini tagħhom stess u ta’ pajjiżi terzi,dan it-tnaqqis jista’ jkun dovut għall-ipproċessar ta’ volumi kbar ta’ deċiżjonijiet, akkumulu fi snin konsekuttivi u possibbilment movimenti sekondarji.

Il-pajjiż għamel sforzi sinifikanti fil-kontroll tal-fruntieri u fis-sensibilizzazzjoni permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni mmirati dwar l-effetti negattivi tal-użu ħażin tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża murija mill-għadd dejjem jonqos ta’ applikanti għall-ażil bla bażi mill-Bożnija-Ħerzegovina fiż-żona Schengen+.

Il-Ftehim dwar l-Istatus tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (European Border and Coast Guard, Frontex) mal-UE kien inizjalat f’Jannar 2019, iżda għadu ma ġiex ratifikat. Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-Kummissjoni qed taħdem mal-Bożnija-Ħerzegovina fid-dawl tar-ratifika u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar l-Istatus.

Il-Bożnija-Ħerzegovina kompliet tindirizza l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, inkluż il-fluss ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-pajjiż lejn iż-żona Schengen+. Wara ż-żieda fl-influss ta’ refuġjati u migranti fl-2018 u fl-2019, l-awtoritajiet skjeraw mill-ġdid il-gwardji tal-fruntiera disponibbli. Madankollu, il-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, inkluż f’termini ta’ kapaċitajiet ta’ akkoljenza u koordinazzjoni fost l-istituzzjonijiet fid-diversi livelli tal-gvern, teħtieġ titjib. Il-Korp ta’ Koordinazzjoni fil-Ministeru tas-Sigurtà, li jkun responsabbli għall-monitoraġġ tax-xejriet migratorji, u li jaġixxi bħala kwartieri ġenerali operattivi f’każ ta’ kriżijiet ma jkunx qed jiffunzjona b’mod effettiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ bini adattat għaċ-ċentri ta’ akkoljenza u r-rilokazzjoni ta’ persuni li jfittxu ażil u ta’ migranti lejn akkomodazzjoni disponibbli. Għad hemm ostakli serji għal aċċess effettiv għall-proċeduri tal-ażil minħabba riżorsi umani u kapaċità operattiva limitati ħafna.

Bħala konsegwenza tal-kriżi tal-COVID-19, fit-18 ta’ Marzu il-Bożnja-Ħerzegovina ddikjarat l-istat ta’ diżastri naturali jew oħrajn, u rrestrinġiet il-moviment domestiku u internazzjonali tal-persuni. L-entità Republika Srpska ddikjarat stat ta’ emerġenza mit-28 ta’ Marzu sal-20 ta’ Mejju. Mit-30 ta’ Marzu, it-titjiriet kummerċjali kollha ġew ikkanċellati sal-1 ta’ Ġunju meta t-titjiriet reġgħu bdew.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà

 
Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha bosta strateġiji fis-seħħ, b’mod partikolari dwar il-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin u l-ġestjoni integrata tal-fruntieri. Madankollu, il-qafas legali jeħtieġ li jkun armonizzat madwar il-pajjiż kollu u aktar allinjat mal-acquis tal-UE. Hemm nuqqasijiet sistemiċi fil-kooperazzjoni operattiva tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni kriminali fil-pajjiż, aggravati minn koordinazzjoni istituzzjonali dgħajfa, u skambju limitat ħafna ta’ intelligence. L-organizzazzjonijiet kriminali li joperaw fil-pajjiż jieħdu vantaġġ minn lakuni ġuridiċi u amministrattivi. L-investigazzjonijiet finanzjarji u s-sekwestri tal-assi huma fil-biċċa l-kbira ineffettivi.

Hemm nuqqas ta’ sistema rigoruża u kredibbli ta’ kontrolli tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tad-detenturi ta’ karigi ġudizzjarji. Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus għandha tissaħħaħ. Il-kundanni finali f’każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli huma rari ħafna u s-sanzjonijiet ma jaġixxux bħala deterrent suffiċjenti. Reċentement instabu każijiet ta’ korruzzjoni fl-isports. Approċċ proattiv jibqa’ fundamentali biex tiġi miġġielda l-infiltrazzjoni kriminali tas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi.

Minkejja Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Operazzjonali mal-Europol li ġie ffirmat f’Mejju 2017, sal-lum, il-Bożnija-Ħerzegovina ma ħatret l-ebda Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali kif previst f’dak il-ftehim, li huwa meħtieġ biex il-pajjiż jibgħat l-uffiċjal ta’ kollegament tiegħu lejn l-Europol u biex jiskjera l-Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Europol fil-Bożnija-Ħerzegovina.

Il-Bożnija-Ħerzegovina ffirmat l-arranġament ta’ implimentazzjoni bilaterali dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Novembru 2019, bħala segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu.

Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Bożnija-Ħerzegovina ħadet l-azzjonijiet identifikati fit-Tieni Rapport; il-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża għadhom qed jiġu ssodisfati u sar progress fil-ġlieda kontra l-użu ħażin tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża. Minkejja t-tnaqqis fir-rata ta’ ritorn, kompliet u għandha tinżamm kooperazzjoni tajba dwar ir-riammissjoni. Madankollu, huwa mistenni aktar titjib, b’mod partikolari fir-rigward tal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari u l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ akkoljenza adegwati għall-migranti u r-rifuġjati, għall-kontroll tal-fruntieri u biex il-kriminalità organizzata tiġi prevenuta b’mod proattiv.

Jeħtieġ li jkomplu jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Jittejbu l-kapaċità ta’ rispons għall-kriżijiet u l-ippjanar adegwat ta’ kontinġenza biex tiġi żgurata l-ġestjoni sensittiva għall-protezzjoni tal-flussi migratorji, kif ukoll jiġi żgurat il-funzjonament tas-sistema ta’ ażil. Ir-responsabbiltà sħiħa għall-ġestjoni tal-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni tal-migrazzjoni u dik operattiva fil-livelli kollha jeħtieġ li tissaħħaħ b’mod sinifikanti.

·Ikomplu jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża.

·It-tisħiħ tal-kontroll tal-fruntieri, speċjalment is-sorveljanza tal-fruntieri, inklużi miżuri ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, li jiżgura kooperazzjoni operattiva effettiva mal-Istati Membri tal-UE u l-Frontex.

·Jitkomplew l-isforzi bil-ħsieb li jiġi konkluż il-Ftehim dwar l-Istatus tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) mal-UE u jinħatar Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-Europol mingħajr aktar dewmien.

·Tissaħħaħ il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, inkluż il-ħasil tal-flus u t-terroriżmu  b’mod partikolari billi tiġi adottata u implimentata leġiżlazzjoni dwar il-kunflitt ta’ interess u l-protezzjoni tal-informaturi; l-iżgurar tal-funzjonament u l-koordinazzjoni effettivi ta’ korpi ta’ kontra l-korruzzjoni; u juri l-progress lejn l-istabbiliment ta’ rekord ta’ investigazzjonijiet proattivi, akkużi, prosekuzzjonijiet u kundanni finali kkonfermati kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, inkluż f’livell għoli.

·Iżżid l-isforzi biex issaħħaħ il-qafas tal-irkupru tal-assi billi tadotta u timplimenta qafas legali aktar komprensiv għall-konfiska ta’ rikavati tal-kriminalità u ttejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jimponu sanzjonijiet effettivi u ta’ deterrent.

Il-Montenegro 

Il-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-ażil, ir-riammissjoni

L-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul fiż-żona Schengen+ u ta’ ċittadini Montenegrini li nstabu li kienu qed joqogħdu illegalment baqa’ baxx fl-2019. Bejn l-2018 u l-2019, l-għadd ta rifjuti ta’ dħul naqas b’ 9 % (minn 515 għal 470), filwaqt li l-għadd ta’ ċittadini Montenegrini li nstabu li kienu preżenti illegalment żdied b’10 % (minn 805 għal 885). Fl-2019 ma ġiet irreġistrata l-ebda individwazzjoni ta’ qsim illegali tal-fruntieri.

L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil imressqa minn ċittadini Montenegrini fiż-żona Schengen+ kompla jonqos, b’410 applikazzjonijiet imressqa fl-2019 meta mqabbla ma’ 640 applikazzjoni mressqa fl-2018. Fil-fatt, dan kien l-aktar għadd baxx irreġistrat fl-aħħar għaxar snin. Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil żdiedet għal 4.9 % fl-2019 (meta mqabbla ma’ 4.1 % fl-2018). Fl-ewwel kwart tal-2020, ġew irrappurtati 110 applikazzjoni għall-ażil, 8 % inqas mill-istess perjodu tal-2019.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ ritorn. Fl-2019, ir-rata ta’ ritorn naqset għal 60 % (imqabbla ma’ 73 % fl-2018), bi 355 ċittadin Montenegrin li rritornaw b’mod effettiv. Madankollu, peress li l-Istati Membri tal-UE jirrappurtaw kooperazzjoni tajba taċ-ċittadini tagħhom stess u ta’ pajjiżi terzi, dan it-tnaqqis jista’ jkun dovut għall-ipproċessar ta’ volumi eċċezzjonalment kbar ta’ deċiżjonijiet, b’lura fi snin preċedenti u possibbilment movimenti sekondarji.

Minħabba x-xejriet ta’ hawn fuq, fl-2019 ma kien hemm l-ebda kampanja ta’ komunikazzjoni mal-pajjiż kollu, li tispjega d-drittijiet u l-obbligi relatati mal-ivvjaġġar mingħajr viża. Madankollu, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Montenegro żviluppa applikazzjoni e-Konsulari li tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għaċ-ċittadini Montenegrini li jivvjaġġaw barra mill-pajjiż u li twieġeb għall-mistoqsijiet taċ-ċittadini rigward ir-regoli ta’ Schengen.

Biċċiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni u l-inizjattivi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil ġew ikkonsolidati u ammeljorati fis-snin li għaddew. Il-Montenegro ffirma l-Ftehim dwar l-Istatus tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) mal-UE fis-7 ta’ Ottubru 2019 li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2020, li jipprovdi għal skjeramenti ta’ operazzjonijiet konġunti. Dan huwa t-tieni pajjiż tal-Balkani tal-Punent fejn daħal fis-seħħ tali Ftehim.

Bħala konsegwenza tal-kriżi tal-COVID-19, il-Montenegro għalaq il-fruntieri tiegħu fil-15 ta’ Marzu 2020, iżda ma ddikjarax stat ta’ emerġenza. Mis-16 ta’ Marzu, it-titjiriet kummerċjali kollha ġew ikkanċellati sad-9 ta’ Ġunju. Matul dan il-perjodu, l-awtoritajiet Montenegrini rrimpatrijaw madwar 17,000 ċittadin minn barra l-pajjiż (u primarjament mill-UE) permezz tal-attivitajiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, inklużi t-titjiriet charter. L-epidemija tal-COVID-19 ġiet iddikjarata uffiċjalment fil-Montenegro fit-2 ta’ Ġunju. Il-fruntieri konsegwentement infetħu għal pajjiżi b’inqas minn 25 każ attiv tal-COVID-19 għal kull 100,000 ċittadin.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà

It-traffikar tad-droga huwa l-attività kriminali ewlenija tal-gruppi ta’ kriminalità organizzata fil-Montenegro u joħloq sfidi oħrajn relatati mas-sigurtà. Il-gruppi ta’ kriminalità organizzata fil-Montenegro attivi fit-traffikar tad-droga joperaw fil-biċċa l-kbira barra l-pajjiż. Il-Montenegro huwa wkoll perċepit bħala pjattaforma għall-kuntrabandu tas-sigaretti.

Il-Montenegro saħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali tiegħu fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, li wasslet għal operazzjonijiet ta’ suċċess kontra l-gruppi kriminali Montenegrini, fil-pajjiż u barra l-pajjiż. Fl-2019 ġew issekwestrati ammonti kbar ta’ droga u ġew arrestati membri prominenti ta’ gruppi kriminali. Fir-rigward tal-kuntrabandu tas-sigaretti, tjiebet il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE u mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u bħalissa qed isiru tliet investigazzjonijiet fuq skala kbira dwar il-kuntrabandu tas-sigaretti. Madankollu ma kien hemm ebda kundanni ta’ qorti fl-2019. Minkejja l-isforzi li qed jiżdiedu f’dan il-qasam, l-għadd ta’ każijiet għadu mhux biżżejjed, meta wieħed iqis l-iskala stmata ta’ kuntrabandu tat-tabakk minn, għal u madwar il-Montenegro. Ġiet osservata kooperazzjoni tajba mal-Europol u mal-Interpol b’ammont dejjem jiżdied ta’ informazzjoni skambjata bil-mezzi tagħhom.

Fi ħdan iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE/EMPACT (Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea kontra t-Theddid Kriminali) fl-2020, il-Montenegro huwa involut bis-sħiħ fil-prijorità dwar it- “traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar”, xprunat minn Spanja, b’mod partikolari permezz ta’ waħda mill-azzjonijiet operazzjonali. Il-Montenegro huwa wieħed mill-ewwel sħab tal-Balkani tal-Punent li qed imexxi b’mod konġunt azzjoni operazzjonali f’prijorità tal-EMPACT. Il-Montenegro qed jipparteċipa wkoll f’diversi azzjonijiet operazzjonali fi prijoritajiet EMPACT oħra li jindirizzaw it-traffikar tad-drogi, l-isfruttament sesswali tat-tfal, il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità organizzata kontra l-proprjetà.

Il-korruzzjoni hija kwistjoni li tħasseb. Filwaqt li l-investigazzjonijiet finanzjarji issa qed jiġu mnedija fi stadji aktar bikrija tal-investigazzjonijiet kriminali minn qabel, dawn għadhom ma ġewx imnedija sistematikament fil-każijiet kollha ta’ korruzzjoni. Għad hemm tħassib fir-rigward tal-għadd baxx ta’ kundanni u l-użu mifrux ta’ sentenzi fuq talba tal-partijiet, li jwasslu għal politika laxka f’dak li għandu x’jaqsam mal-għoti tas-sentenzi.

L-Uffiċċju għall-irkupru tal-assi ġie stabbilit fil-bidu tal-2019 fi ħdan id-dipartiment tal-pulizija responsabbli għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija. Minkejja li sar xi progress, jeħtieġ li jiġi msaħħaħ ir-rekord fil-friża u l-konfiska tal-assi.

L-Istrateġija għall-kontroll u t-tnaqqis tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u tal-munizzjon għall-perjodu 2019-2024 u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar it-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar bejn l-UE u r-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa (2015-2019) komplew jiġu implimentati. Ġie stabbilit u jinsab operattiv punt fokali dwar l-armi tan-nar.

Għat-tieni sena konsekuttiva, f’Diċembru 2019, il-Montenegro emenda l-liġi tiegħu dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, sabiex tkun tirrifletti l-bidliet fl-ambjent istituzzjonali tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (UIF). L-emendi kellhom l-għan li jiżguraw il-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-FATF, b’mod partikolari billi jiżguraw l-indipendenza u l-awtonomija operazzjonali tal-UIF, minkejja li din tal-aħħar issa hija dipartiment tal-Pulizija mil-lat amministrattiv. F’Mejju 2020, Moneyval neħħiet formalment lill-Montenegro mill-proċess ta’ segwitu, meta qieset li l-pajjiż kien ħa biżżejjed passi biex jirrimedja n-nuqqasijiet li kienu ġew identifikati fl-2015. Il-liġi dwar miżuri restrittivi internazzjonali għad trid tiġi emendata biex tkun konformi mal-acquis tal-UE. Ir-rekord inizjali dwar il-ħasil tal-flus ġie żviluppat aktar, li jirrifletti enfasi aktar b’saħħitha u żieda fil-kapaċitajiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi f’dan il-qasam. Madankollu, l-għadd ta’ kundanni finali u konfiski f’każijiet ta’ ħasil tal-flus għadhom baxxi. Nuqqasijiet sistemiċi fis-sistema tal-ġustizzja kriminali, inkluż il-mod kif il-qrati jittrattaw reati ta’ ħasil tal-flus, għad iridu jiġu indirizzati.

Fid-19 ta’ Novembru 2019, l-awtoritajiet Montenegrini ffirmaw arranġament ta’ implimentazzjoni bilaterali mal-Kummissjoni bħala segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni konġunt bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu.

L-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal-Montenegro ilha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2019. S’issa waslu 24 applikazzjoni u filwaqt li ttieħdu ħames deċiżjonijiet finali pożittivi, għadhom ma nħarġux passaporti. Il-Kummissjoni qed tissorvelja mill-qrib ir-riskji migratorji u ta’ sigurtà li din l-iskema tista’ toħloq, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-korruzzjoni jew l-infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata, u qajmet kontinwament il-kwistjoni mal-awtoritajiet tal-Montenegro. Għandhom jiġu applikati diliġenza dovuta u kontrolli tas-sigurtà.

Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Montenegro ħa l-azzjonijiet identifikati fit-Tieni Rapport u l-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża għadhom qed jiġu ssodisfati. Sar progress tajjeb fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni. Minkejja t-tnaqqis fir-rata ta’ ritorn, għandha tinżamm kooperazzjoni tajba fuq ir-riammissjoni, kif ukoll kooperazzjoni mal-UE u mal-Istati Membri fuq il-migrazzjoni u s-sigurtà. Fl-istess ħin, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu żgurati t-titjib u s-sostenibbiltà tar-riżultati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.

Jeħtieġ li jkomplu jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża.

·Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni ta’ livell għoli, inkluż permezz tal-konfiska ta’ rikavati mill-kriminalità u l-iffriżar ta’ assi u t-teħid ta’ miżuri biex jillimitaw l-użu ta’ talbiet tajbin għal każijiet eċċezzjonali.

·Tissaħħaħ il-kapaċità tal-pulizija, tal-prosekuzzjoni u tal-qrati biex jinvestigaw, iħarrku u jisimgħu kawżi ta’ ħasil tal-flus f’konformità mal-aħjar prattiki tal-UE.

Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

Il-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-ażil, ir-riammissjoni

Bejn l-2018 u l-2019, ir-rifjuti ta’ dħul fiż-żona Schengen+ naqsu bi 12 % (minn 3,185 għal 2,815), filwaqt li l-għadd ta’ ċittadini Serbi li nstabu li kienu preżenti illegalment żdied b’16 % (minn 6,010 għal 7,000). L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn ċittadini tal-Maċedonja ta’ Fuq fiż-żona Schengen+ naqas b’16 % fl-2019, b’ 4,035 applikazzjoni mressqa fl-2019 meta mqabbla mal-4,785 applikazzjonijiet imressqa fl-2018. Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil naqset għal 1,4 % fl-2019 (meta mqabbla ma’ 2,3 % fl-2018). Fl-ewwel kwart tal-2020, ġew irrappurtati 650 applikazzjoni għall-ażil, 59 % inqas mill-istess perjodu tal-2019.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ ritorn. Fl-2019, ir-rata ta’ ritorn naqset għal 78 % (imqabbla ma’ 99 % fl-2018), bi 3,005 ċittadin mill-Maċedonja ta’ Fuq li rritornaw b’mod effettiv. Peress li l-Istati Membri tal-UE jirrappurtaw kooperazzjoni tajba taċ-ċittadini tagħhom stess u ta’ pajjiżi terzi , dan it-tnaqqis jista’ jkun dovut għall-ipproċessar ta’ volumi eċċezzjonalment kbar ta’ deċiżjonijiet, b’lura fi snin konsekuttivi u possibbilment b’movimenti sekondarji.

Il-Maċedonja ta’ Fuq kompliet tindirizza l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari. Il-qafas leġiżlattiv għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni huwa fil-biċċa l-kbira allinjat mal-istandards tal-UE u l-kontroll tal-fruntieri twettaq fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Ftehim dwar l-Istatus tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (European Border and Coast Guard, Frontex) ġie inizjalat f’Lulju 2018, iżda għadu ma ġiex iffirmat. L-awtoritajiet jikkooperaw b’mod estensiv mal-Frontex, anki bħala osservaturi f’operazzjonijiet konġunti. Iċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri għandu jsaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali u operazzjonali tiegħu, inkluż bl-IT u b’għarfien espert tekniku. Il-gwardji tal-fruntieri, id-dwana u korpi oħrajn għad ma għandhomx aċċess reċiproku għal bażijiet tad-data u ma hemm l-ebda arranġament formalizzat u sigur għall-iskambju ta’ informazzjoni mas-servizzi ta’ sigurtà xierqa.

Il-Maċedonja ta’ Fuq wettqet għadd ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża sabiex tagħti informazzjoni xierqa liċ-ċittadini tagħha u tipprevjeni l-abbużi.

Minn Diċembru 2012, il-Maċedonja ta’ Fuq introduċiet modifika fil-liġi li tippermetti l-akkwist taċ-ċittadinanza għal interess ekonomiku speċjali. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja dan il-qasam, filwaqt li tqis ir-riskji possibbli relatati ma’ skemi komprensivi ta’ ċittadinanza tal-investitur, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-korruzzjoni jew l-infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata.

Bħala konsegwenza tal-kriżi tal-COVID-19, il-Maċedonja ta’ Fuq għalqet il-fruntieri tagħha fis-16 ta’ Marzu, u sussegwentement ġie introdott stat ta’ emerġenza għal perjodi konsekuttivi limitati fiż-żmien fit-18 ta’ Marzu. Din tal-aħħar tneħħiet fit-22 ta’ Ġunju. Mit-18 ta’ Marzu, it-titjiriet kummerċjali kollha ġew ikkanċellati sakemm jingħata avviż ieħor. Matul dan il-perjodu, l-awtoritajiet tal-Maċedonja ta’ Fuq irrimpatrijaw 3.032 ċittadin minn barra l-pajjiż (u primarjament mill-UE) permezz ta’ titjiriet ta’ ripatrijazzjoni mikrija. Il-Maċedonja ta’ Fuq fetħet il-fruntieri tal-art tagħha fis-26 ta’ Ġunju.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà

Il-qafas leġiżlattiv rigward il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata huwa ġeneralment konformi mal-istandards Ewropej. Sar xi progress billi ttejjeb aktar ir-rekord dwar il-kriminalità organizzata, issaħħet il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u ttejbet sostanzjalment il-kapaċità operazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Mill-1 ta’ Jannar 2020, infetħu sitt investigazzjonijiet kontra 20 persuna, ħames kawżi jikkonċernaw produzzjoni u kummerċ mhux awtorizzati ta’ narkotiċi, sustanzi psikotropiċi u prekursuri ukaż wieħed jikkonċerna t-traffikar tal-bnedmin (inkluż minorenni) u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Il-Maċedonja ta’ Fuq kompliet  taħdem fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ kriminalità organizzata u korruzzjoni. Sar aktar progress fil-livell operazzjonali billi ttejbet l-effettività taċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata u permezz tal-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet konġunti mal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi ġirien. Il-Kodiċi Kriminali huwa ġeneralment konformi mal-istandards Ewropej u jikkriminalizza t-traffikar tal-bnedmin, il-pornografija tat-tfal fuq l-internet, il-kriminalità fl-informatika u t-traffikar tad-droga.

L-għadd ta’ investigazzjonijiet kriminali miftuħa fl-uffiċċju tal-prosekutur b’rabta ma’ gruppi organizzati kriminali żdied. Il-biċċa l-kbira tal-investigazzjonijiet u l-provi jikkonċernaw it-traffikar tad-droga u l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali. Minkejja xi progress li sar, il-korpi tal-infurzar tal-liġi u tal-prosekuzzjoni għandhom ikomplu jibnu l-kapaċità operazzjonali, inkluż billi jwettqu sistematikament investigazzjonijiet finanzjarji. Għad hemm il-ħtieġa li jittejbu aktar il-koordinazzjoni u l-iskambju sistemiku tad-data. L-għodod tal-pajjiż għall-iffriżar, il-ġestjoni u l-konfiska tal-assi kriminali għadhom mhumiex effettivi biżżejjed. Huwa meħtieġ approċċ operazzjonali aktar integrat sabiex l-irkupru tal-assi jkun żgurat b’mod effettiv.

Fid-9 ta’ Ottubru 2019, il-Maċedonja ta’ Fuq iffirmat regoli ta’ implimentazzjoni bilaterali dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu mal-Kummissjoni, bħala segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu 12 .

Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Maċedonja ta’ Fuq ħadet l-azzjonijiet identifikati fit-Tieni Rapport u l-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża għadhom qed jiġu ssodisfati. Inkiseb progress tajjeb, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża u fil-qasam tal-isforzi ta’ prevenzjoni u infurzar tal-liġi għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata. Minkejja t-tnaqqis fir-rata ta’ ritorn, kompliet u għandha tinżamm kooperazzjoni tajba dwar ir-riammissjoni. Madankollu, huwa mistenni aktar titjib fl-implimentazzjoni.

Jeħtieġ li jkomplu jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Jissaħħu l-kontrolli fil-fruntieri, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali.

·Ikomplu jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża.

·Tittejjeb l-effettività tal-isforzi ta’ infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra n-netwerks tal-kriminalità organizzata, speċjalment dawk involuti fit-traffikar tad-droga.

·Jiġi pprovdut rekord kredibbli ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni.

·Tissaħħaħ aktar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

·Jissaħħu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni ta’ gruppi ta’ kriminalità organizzata, inklużi dawk involuti fil-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, fil-ħasil tal-flus u fil-kriminalità finanzjarja.

Is-Serbja 

Il-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-ażil, ir-riammissjoni

Bejn l-2018 u l-2019, l-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul fiż-żona Schengen+ għal ċittadini Serbi naqsu bi 8 % (minn 9,035 għal 8,300), filwaqt li l-għadd ta’ ċittadini Serbi li nstabu li kienu preżenti illegalment żdied b’4 % (minn 13,090 għal 13,635). L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil imressqa minn ċittadini Serbi fiż-żona Schengen+ kompla jonqos, b’6,075 applikazzjoni mressqa fl-2019 meta mqabbla ma’ 6,425 applikazzjoni mressqa fl-2018. Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil naqset għal 4,8 % fl-2019 (meta mqabbla ma’ 7,0 % fl-2018). Fl-ewwel kwart tal-2020, ġew irrappurtati 1,015 applikazzjoni għall-ażil, 53 % inqas mill-istess perjodu tal-2019.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ ritorn. Ir-rata ta’ ritorn naqset għal 60 % fl-2019 (imqabbla ma’ 77 % fl-2018), b’5,250 ċittadin Serb li rritornaw b’mod effettiv. Madankollu, peress li l-Istati Membri tal-UE jirrappurtaw kooperazzjoni tajba taċ-ċittadini tagħhom stess u ta’ pajjiżi terzi, dawn il-varjazzjonijiet, madankollu, jistgħu jkunu dovuti għall-ipproċessar ta’ volumi eċċezzjonalment kbar ta’ deċiżjonijiet, b’lura fi snin konsekuttivi u possibbilment b’movimenti sekondarji.

Fid-19 ta’ Novembru 2019, ġie ffirmat il-Ftehim dwar l-Istatus tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) mal-UE. Peress li l-UE ffinalizzat il-proċedura ta’ ratifika tagħha, il-ftehim se jidħol fis-seħħ ladarba s-Serbja tirratifika. Wara d-dħul fis-seħħ, il-Ftehim dwar l-Istatus għandu jiġi operazzjonalizzat mill-aktar fis possibbli, inkluż permezz tal-iskjerament ta’ timijiet konġunti tal-Frontex.

Fir-rigward tal-politika dwar il-viża, l-istatus mingħajr viża mogħti mis-Serbja lil pajjiżi oħrajn 13 li huma fuq il-lista meħtieġa tal-viża tal-UE jibqa’ sors ta’ tħassib minħabba r-riskji possibbli għall-migrazzjoni u għas-sigurtà u jiġi monitorjat mill-qrib.

Qed jiġu organizzati kontinwament kampanji ta’ informazzjoni mmirati biex iżidu l-livell ta’ għarfien dwar id-drittijiet u l-obbligi taħt is-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini Serbi.

Bħala konsegwenza tal-kriżi tal-COVID-19, is-Serbja għalqet il-fruntieri tagħha fil-15 ta’ Marzu u sussegwentement introduċiet stat ta’ emerġenza fl-istess jum. Din tal-aħħar tneħħiet fis-6 ta’ Mejju. Fid-19 ta’ Marzu, it-titjiriet kummerċjali kollha ġew ikkanċellati sal-21 ta’ Mejju. Sat-22 ta’ Mejju, l-awtoritajiet Serbi rrimpatrijaw 5,637 ċittadin minn barra l-pajjiż (u primarjament mill-UE) permezz ta’ titjiriet ta’ ripatriazzjoni mikrija. 

L-ordni pubbliku u s-sigurtà

Il-gruppi ta’ kriminalità organizzata, b’mod partikolari dawk Serbi, qed ikomplu jkollhom rwol prominenti fit-traffikar u d-distribuzzjoni tal-kokaina fl-UE. L-istokkijiet tal-armi li fadal fis-Serbja, huma ta’ riskju fl-ambitu tat-traffikar tal-armi tan-nar.

L-Arranġament ta’ Ħidma bejn l-Uffiċċju Serb għall-Ġlieda Kontra d-Droga u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga huwa mistenni li jiġi ffirmat fil-futur qrib. Is-Serbja qed tipparteċipa b’mod attiv fiċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali serja u organizzata 2018-2021 fi ħdan il-Pjattaforma Multidixxiplinarja Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (European Multidisciplinary Platform Against Criminal Threats, EMPACT). Fl-2020, is-Serbja se tipparteċipa fi 15-il azzjoni operazzjonali fi ħdan EMPACT (minn total ta’ 249). Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Pulizija Serb ilu stazzjonat fil-Europol minn Marzu 2017. L-iskjerament ta’ Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Europol għas-Serbja għadu pendenti, minkejja l-fatt li ftehim dwar dan l-iskjerament ġie ratifikat f’Novembru 2019.

Fir-rigward tal-konfiska tal-assi kriminali, is-Serbja ħatret lill-Unità tal-Investigazzjoni Finanzjarja fil-Ministeru tal-Intern biex twettaq il-funzjoni tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi, iżda sa issa għadha mhijiex kompletament operazzjonali. Is-Serbja qed timplimenta l-liġi dwar l-organizzazzjoni u l-ġuriżdizzjoni tal-awtoritajiet tal-gvern fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-korruzzjoni. Madankollu, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji għad iridu jistabbilixxu rekord konvinċenti ta’ investigazzjoni, prosekuzzjoni u kundanni f’każijiet ta’ kriminalità serja u organizzata. L-introduzzjoni tad-dipartimenti speċjali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Uffiċċji ta’ Prosekuturi Għoljin sentejn ilu tibda tagħti riżultati u l-għadd ta’ kundanni fl-ewwel istanza, wara l-prosekuzzjoni mid-dipartimenti speċjali, qed jiżdied.

Is-Serbja aġġustat l-istruttura organizzazzjonali tal-pulizija għall-ħtiġijiet tal-mudell ta’ attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-intelligence. F’Ġunju 2019, is-Serbja adottat Strateġija għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir għall-perjodu 2019-2024 bil-Pjan ta’ Azzjoni li jakkumpanjaha, li issa qed jiġu implimentati. Ġie stabbilit tim għall-monitoraġġ u l-iskambju tad-data operazzjonali kollha dwar l-armi. Fit-12 ta’ Novembru ġie ffirmat Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn is-Serbja u l-Eurojust, li mbagħad daħal fis-seħħ f’Diċembru 2019. Fid-19 ta’ Novembru 2019, l-awtoritajiet Serbi ffirmaw arranġament bilaterali mal-Kummissjoni biex jimplimentaw il-Pjan ta’ Azzjoni konġunt bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu.

Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, is-Serbja ħadet l-azzjonijiet identifikati fit-Tieni Rapport u l-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża għadhom qed jiġu ssodisfati. Sar progress tajjeb fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari. Minkejja t-tnaqqis fir-rata ta’ ritorn, kompliet u għandha tinżamm kooperazzjoni tajba dwar ir-riammissjoni, kif ukoll kooperazzjoni mal-UE u mal-Istati Membri fuq il-migrazzjoni u s-sigurtà. Fl-istess ħin, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu żgurati t-titjib u s-sostenibbiltà tar-riżultati, b’mod partikolari fir-rigward tal-allinjament mal-politika tal-UE dwar il-viżi.

Jeħtieġ li jkomplu jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·L-allinjament mal-politika tal-UE dwar il-viżi, li hija kundizzjoni sottostanti għall-issodisfar kontinwu tal-parametru referenzjarju tal-ġestjoni tal-migrazzjoni.

·Ikomplu jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża.

·Ikompli jissaħħaħ il-proċess ta’ kontroll fuq il-fruntiera, speċjalment is-sorveljanza tal-fruntieri, inklużi l-miżuri ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali.

·Jiġu żgurati l-akkreditazzjoni u l-iskjerament f’waqthom tal-uffiċjal ta’ kollegament tal-Europol.

·Jiġi stabbilit rekord konvinċenti ta’ investigazzjoni, prosekuzzjoni u kundanni f’każijiet ta’ kriminalità organizzata, inkluż il-ħasil tal-flus, abbażi ta’ investigazzjonijiet proattivi (inkluż l-intraċċar sistematiku tal-flussi tal-flus u l-konfiska tagħhom, kif ukoll l-użu effiċjenti ta’ miżura investigattiva speċjali biex tinġabar evidenza rilevanti).

II.2 Sħubija tal-Lvant

   

Il-Georgia

Il-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-ażil, ir-riammissjoni

Bejn l-2018 u l-2019, l-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul fiż-żona Schengen+ żdiedu bi 17 % (minn 3,805 għal 4,435), filwaqt li l-għadd ta’ ċittadini Serbi li nstabu li kienu preżenti illegalment żdied b’26 % (minn 9,400 għal 11,845). L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil imressqa minn ċittadini Ġeorgjani fiż-żona Schengen+ żdied b’9 % b’21,570 applikazzjoni mressqa fl-2019 meta mqabbla ma’ 19,730 applikazzjoni mressqa fl-2018. Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Georgia kompliet tkun il-pajjiż prinċipali ta’ oriġini tal-applikanti fost il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ħielsa mill-viża. Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil naqset għal 4,1 % fl-2019 (meta mqabbla ma’ 4,7 % fl-2018). Fl-ewwel kwart tal-2020, ġew irrappurtati 3,795 applikazzjoni għall-ażil, 42 % inqas mill-istess perjodu tal-2019.

 

Fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ ritorn. Fl-2019, ir-rata ta’ ritorn naqset għal 52 % (imqabbla ma’ 65 % fl-2018), b’8,520 ċittadin mill-Ġeorġja li rritornaw b’mod effettiv. Madankollu, peress li l-Istati Membri tal-UE jirrappurtaw kooperazzjoni tajba dwar ir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom stess u ta’ pajjiżi terzi, dan it-tnaqqis fir-rati ta’ ritorn ma għandux jiġi attribwit għal prestazzjoni insuffiċjenti jew għal bidliet fil-kooperazzjoni.

Bl-appoġġ tal-UE, il-Georgia żviluppat Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet ta’ Riammissjoni Elettronika (RCMS) attwalment użata minn 17-il Stat Membru li ripetutament esprimew sodisfazzjon bl-użu tagħha u li japprezzaw b’mod speċjali l-mod f’waqtu li bih il-Georgia timmaniġġja l-applikazzjonijiet. Kien hemm rata għolja ħafna 98 % ta’ tweġibiet pożittivi għat-talbiet għal riammissjoni. Is-sistema ta’ spiss tintuża bħala eżempju ta’ prattika tajba u teknoloġija għal pajjiżi terzi oħrajn.

Applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi ppreżentati minn ċittadini Ġeorgjani lill-Istati Membri tal-UE u pajjiżi assoċjati ma’ Schengen għadha kwistjoni li teħtieġ sforzi kontinwi u sostanzjali mill-awtoritajiet tal-Ġeorgia. L-applikazzjonijiet għall-ażil ta’ spiss jiġu abbużati bl-iskop li titfittex kura medika fl-UE. L-awtoritajiet tal-Georgia komplew jindirizzaw din l-isfida u qed jaħdmu mal-Kummissjoni, mal-Aġenziji tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni u mal-Istati Membri tal-UE dwar sett ta’ miżuri operazzjonali biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari u jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-kriminalità. Sabiex jiġi indirizzat l-użu ħażin tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża, il-Georgia introduċiet emendi fil-Kodiċi Kriminali, li jipprevedi l-kriminalizzazzjoni tal-faċilitazzjoni tas-soġġorn illegali ta’ ċittadini tal-Georgia barra minn pajjiżhom, kif ukoll assistenza għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni ffalsifikata bil-ħsieb li tinkiseb protezzjoni internazzjonali (eż. ażil). Il-Georgia impenjat ruħha li tissikka l-proċedura tat-tibdil tal-kunjomijiet (minbarra r-restrizzjonijiet introdotti fl-2018) u f’Novembru 2019 adottat l-emendi għal-liġi dwar il-Proċedura għall-Infurzar ta’ Sentenzi Mhux ta’ Kustodja u Probation li jintroduċu regolamenti aktar stretti u kriterji aktar ċari biex jiġi deċiż jekk persuna kkundannata tistax titlaq mill-pajjiż.

Fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri l-awtoritajiet Ġeorgjani żiedu l-kooperazzjoni tagħhom mal-Frontex. Sabiex itaffu l-fluss ta’ migranti irregolari mill-Georgia li jaslu fl-ajruporti tal-UE, il-Frontex flimkien mal-awtoritajiet Georgjani u l-Istati Membri tal-UE, nedew Attività Konġunta kontinwa fir-rebbiegħa tal-2019. F’dan il-kuntest, ġew skjerati esperti tal-Frontex biex jappoġġjaw lill-Pulizija tal-Georgia fl-ajruport internazzjonali ta’ Kutaisi u biex jagħtu pariri lill-uffiċjali tal-Pulizija tal-Georgia dwar l-ammissibbiltà fiż-żona Schengen tal-passiġġieri Georgjani li jitilqu. Bħala attività parallela u komplementarja, fl-2019 u bil-bidu tal-2020 erba’ uffiċjali tal-Pulizija tal-Pattulji Georgiani huma skjerati kull xahar f’ajruporti magħżula tal-Istati Membri tal-UE biex jassistu lill-awtoritajiet lokali tal-fruntiera bħala osservaturi f’attivitajiet tat-tieni linja. L-operazzjoni hija attwalment sospiża, minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

F’Ġunju 2020, il-Kummissjoni approvat arranġament ta’ ħidma ġdid bejn il-Frontex u l-Georgia biex tiġġieled kontra l-migrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera, biex tiskambja l-informazzjoni u l-aħjar prattika fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri inkluż ir-ritorn, anke permezz ta’ analiżi konġunta tar-riskju.

Fl-2019 u fl-2020, intbagħtu esperti mill-UE permezz tal-Istrument ta’ Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (TAIEX) biex jagħtu pariri lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja dwar it-titjib tal-qafas leġiżlattiv meħtieġ biex jitwettqu verifiki fil-fruntieri ta’ qabel it-tluq.

Il-Gvern Georgjan wettaq tliet sessjonijiet ta’ kampanji ta’ informazzjoni biex iżid l-għarfien tal-popolazzjoni dwar ir-regoli tal-ivvjaġġar mingħajr viża lejn l-UE. It-tielet sessjoni kienet immirata speċifikament għal dawk li potenzjalment qed ifittxu l-ażil, fejn enfasizzat ir-responsabbiltà ta’ kull ċittadin Georgian li jkun konformi mar-regoli tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża.

Bħala konsegwenza tal-kriżi tal-COVID-19, il-Georgia għalqet il-fruntieri tagħha fit-18 ta’ Marzu u sussegwentement introduċiet stat ta’ emerġenza fil-21 ta’ Marzu. Din tal-aħħar tneħħiet fit-22 ta’ Mejju. Fil-21 ta’ Marzu, it-titjiriet kummerċjali kollha ġew ikkanċellati sat-30 ta’ Ġunju. Matul dan il-perjodu, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ġie ripatrijat lejn aktar minn 13,000 ċittadin Georgjan minn barra l-pajjiż (u primarjament mill-UE) permezz ta’ titjiriet ta’ ripatrijazzjoni mikrija.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà

Il-gruppi ta’ kriminalità organizzata mill-Georgia qed ikomplu jiġu rrapportati bħala attivi ħafna fiż-żona Schengen+ u għandhom rwol sinifikanti fil-kriminalità organizzata b’rabta mal-proprjetà. Gruppi ta’ kriminalità organizzata Ġeorgjani bidlu l-attivitajiet tagħhom f’diversi Stati Membri tal-UE minn żgass domestiku sa serq mill-ħwienet regolari. Xi wħud minnhom marru wkoll għal pajjiżi oħra għall-operazzjonijiet tagħhom. Dan huwa, sa ċertu punt, probabbilment ir-riżultat ta’ sforzi akbar li saru minn ħafna Stati Membri tal-UE f’dawn l-aħħar snin biex tiġi ttrattata l-kriminalità organizzata. Barra minn hekk, mid-dħul fis-seħħ tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża, diversi Stati Membri tal-UE rrappurtaw żieda ta’ persuni Ġeorgjani arrestati fost il-kriminali.

Iċ-ċiberkriminali tal-Georgia kienu involuti f’netwerk kriminali internazzjonali GozNym, li ġie żarmat f’Mejju 2019 minn operazzjoni internazzjonali ta’ infurzar tal-liġi appoġġata mill-Europol 14 .

Il-Georgia saħħet il-kooperazzjoni tagħha fuq l-infurzar tal-liġi internazzjonali mal-Europol u saħħet in-netwerk ta’ attachés tal-pulizija Georgiani fl-UE. Fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni (2019-2020) adottat riċentement tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata (2017-2020), il-Georgia saħħet aktar l-azzjoni tagħha kontra l-kriminalità organizzata, kif ukoll kompliet issaħħaħ il-mekkaniżmi moderni tagħha ta’ analiżi tal-kriminalità permezz tal-introduzzjoni gradwali ta’ attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-intelligence.

Il-Georgia qed tkompli timplimenta riformi kontra l-korruzzjoni permezz tal-Istrateġija tagħha Kontra l-Korruzzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni 2019-2020, li jirriflettu l-prijoritajiet kontra l-korruzzjoni f’setturi differenti (il-ġudikatura, is-settur privat, il-korruzzjoni politika, l-akkwist, eċċ.) u b’kont meħud tar-rakkomandazzjonijiet minn atturi internazzjonali. Madankollu, għad hemm xi tħassib dwar il-korruzzjoni ta’ livell għoli.

Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Georgia ħadet l-azzjonijiet identifikati fit-Tieni Rapport u l-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża għadhom qed jiġu ssodisfati. Minkejja t-tnaqqis fir-rata ta’ ritorn, kompliet u għandha tinżamm kooperazzjoni tajba dwar ir-riammissjoni. Filwaqt li ġew implimentati miżuri konkreti biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari u dawk relatati mal-kriminalità, hija meħtieġa azzjoni immedjata ulterjuri biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, b’mod partikolari l-għadd jiżdied kontinwament ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi.



Jeħtieġ li jkomplu jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali biex jinkiseb u jinżamm tnaqqis rapidu fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi ppreżentati minn ċittadini Georgjani fiż-żona Schengen +, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati, b’mod aktar sistematiku, kwistjonijiet relatati mal-kura tas-saħħa, li huwa wieħed mill-fatturi ta’ attrazzjoni għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil fl-UE.

·Jissaħħu l-kontrolli ta’ qabel it-tluq, b’mod partikolari għal titjiriet bi prezz baxx fl-ajruporti internazzjonali b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.

·Ikomplu jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża.

·Tissaħħaħ il-kooperazzjoni transkonfinali tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-gruppi ta’ kriminalità organizzata tal-Georgia u, bħala parti minn dan il-proċess, tiġi ffinalizzata r-riforma dwar l-attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-intelligence bħala kwistjoni ta’ prijorità.

Ir-Repubblika tal-Moldova

   

Il-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-ażil, ir-riammissjoni

Bejn l-2018 u l-2019, l-għadd ta’rifjuti ta’ dħul ta’ ċittadini mill-Moldova fiż-żona Schengen+ naqsu bi 3 % (minn 8,170 għal 7,940), filwaqt li l-għadd ta’ ċittadini mill-Moldova li nstabu li kienu preżenti illegalment naqas b’ 47 % (minn 11,280 għal 16,540). L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil imressqa minn ċittadini tal-Moldova fiż-żona Schengen+ żdied bi 48 %, b’5,685 applikazzjoni mressqa fl-2019 meta mqabbla ma’ 3,830 applikazzjoni mressqa fl-2018. Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil naqset għal 0,8 % fl-2019 (meta mqabbla ma’ 1,4 % fl-2018). Fl-ewwel kwart tal-2020, ġew irrappurtati 1,345 applikazzjoni għall-ażil, 7 % inqas mill-istess perjodu tal-2019.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ ritorn. Fl-2019, ir-rata ta’ ritorn naqset għal 63 % (imqabbla ma’ 86 % fl-2018), b’ 4,720 ċittadin mill-Moldova li rritornaw b’mod effettiv. Madankollu, peress li l-Istati Membri tal-UE jirrappurtaw kooperazzjoni tajba dwar ir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom stess u ta’ pajjiżi terzi, dan it-tnaqqis fir-rati ta’ ritorn ma għandux jiġi attribwit għal prestazzjoni insuffiċjenti jew għal bidliet fil-kooperazzjoni. Il-Moldova implimentat kampanji ta’ informazzjoni relatati mal-ivvjaġġar mingħajr viża u għadd ta’ azzjonijiet immirati b’mod partikolari lejn l-integrazzjoni ta’ komunitajiet vulnerabbli.

Bħala konsegwenza tal-kriżi tal-COVID-19, il-Moldova ddikjarat stat ta’ emerġenza u għalqet il-fruntieri tagħha fis-17 ta’ Marzu. Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ġew estiżi sal-15 ta’ Lulju 2020. Fil-bidu tal-pandemija, 200,000-250,000 ċittadin mill-Moldova ġew ripatrijati mill-UE. Dawn ir-riżultati jistgħu jirrappreżentaw spiża akbar għas-sistema soċjali, flimkien ma’ tnaqqis fid-dħul mir-rimessi. L-istatistika tal-Bank Nazzjonali tal-Moldova (NBM) tindika li f’Marzu 2020 ir-rimessi naqsu bi 12 % meta mqabbla mal-2019.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà

Il-gruppi ta’ kriminalità organizzata fil-Moldova komplew jirrappreżentaw theddida ta’ kriminalità sostanzjali matul il-perjodu tar-rapportar. L-involviment tagħhom fil-frodi tas-sisa (prinċipalment it-tabakk) żdied fl-2019 u l-gruppi ta’ kriminalità organizzata qed ikomplu jkunu involuti fil-korruzzjoni fl-isport. Il-Moldova hija pajjiż ta’ oriġini importanti għax-xorb alkoħoliku kontrafatt imdaħħal bil-kuntrabandu fl-UE u sors ewlieni ta’ sigaretti foloz u tal-kuntrabandu, kif ukoll ta’ ħaddiema tas-sengħa li jipproduċu t-tabakk illi jaħdmu f’fabbriki tas-sigaretti illeċiti fl-UE. Il-Moldova hija pajjiż ta’ tranżitu għad-droga illegali, speċjalment l-eroina, ittraffikata lejn l-UE. Il-gruppi ta’ kriminalità organizzata fil-Moldova huma rrapportati li huma involuti ħafna fid-distribuzzjoni ta’ malware u ransomware b’motivazzjoni finanzjarja u ċ-ċiberkriminali kellhom rwoli ewlenin fin-netwerk kriminali internazzjonali tal-malware GozNym, li żżarma f’Mejju 2019 15 .

Il-Moldova għamlet xi sforzi relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bħaż-żieda tal-baġit annwali ta’ istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni, bħall-Awtorità Nazzjonali għall-Integrità, l-Aġenzija għall-Irkupru tal-Assi Kriminali u l-Unità tal-Investigazzjoni Finanzjarja. Bejn Ġunju u Awwissu 2019, il-Gvern immexxi mill-ex Prim Ministru Maia Sandu approva l-Programm ta’ Attivitajiet “Sħubija għad-depolitiċizzazzjoni tal-Istat” u l-Pjan ta’ Azzjoni 2019-2020, li pprovda l-qafas għall-investigazzjoni tal-korruzzjoni, u ffoka l-attività tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Kontra l-Korruzzjoni fuq każijiet ta’ livell għoli. Il-liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur ġiet emendata sabiex tiġi stabbilita proċedura ġdida biex jintgħażel il-Prosekutur Ġenerali. Il-mistoqsijiet dwar il-proċess ta’ reklutaġġ tal-Prosekutur Ġenerali rriżultaw f’vot ta’ nuqqas ta’ fiduċja fil-gvern tal-Moldova fit-12 ta’ Novembru 2019. Il-gvern il-ġdid, li ħa l-ġurament fl-14 ta’ Novembru 2019, ippreżenta programm sal-ħarifa tal-2020 u fil-11 ta’ Diċembru 2019 approva Pjan ta’ Azzjoni għall-perjodu 2020-2023 li jinkludi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-riforma tal-ġustizzja u l-investigazzjoni tal-frodi bankarja. Fit-28 ta’ Mejju 2020, il-Moldova ngħaqdet uffiċjalment mal-Pjan ta’ Azzjoni Kontra l-Korruzzjoni f’Istanbul tan-Netwerk Kontra l-Korruzzjoni tal-OECD. Il-Moldova adottat ukoll il-liġi dwar is-sanzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus fil-21 ta’ Mejju 2020.

Taħt l-inizjattiva tar-riforma tal-ġustizzja, il-Gvern ippropona emendi f’Diċembru 2019 għal-liġi dwar il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (KSM) 16 li ġew adottati u promulgati. Opinjoni urġenti mill-Kummissjoni ta’ Venezja dwar l-abbozz ta’ liġi kienet pendenti u esprimiet dispjaċir rigward l-emendi li kienu perċepiti li saru bl-għaġla 17 . Skont dawn, f’Marzu 2020 ġew maħtura erba’ membri mhux esperti fl-SCM. Abbozz ta’ emendi kostituzzjonali għar-riforma tal-ġudikatura, b’mod partikolari l-KSM, ġew sottomessi lill-Kummissjoni ta’ Venezja. Filwaqt li diversi proposti tqiesu pożittivi, il-Kummissjoni ta’ Venezja kkritikat il-ħatriet ta’ Marzu 2020 u appellat lill-Gvern biex jindirizza din il-kwistjoni fil-proċess ta’ riforma kostituzzjonali 18 . L-abbozz ta’ Strateġija ta’ Riforma tal-Ġustizzja u Pjan ta’ Azzjoni 2020–2023 ġew ippreżentati lill-Kunsill ta’ l-Ewropa għall-konsultazzjoni.

Fid-19 ta’ Lulju 2019, il-Moldova ssospendiet temporanjament l-iskema ta’ “Ċittadinanza b’Investiment” għal erba’ xhur, li ġiet estiża ulterjorment għal xahrejn oħra f’Diċembru 2019. Mit-tnedija tal-programm u sal-istabbiliment tal-moratorju, kien hemm tmien persuni li kisbu ċ-ċittadinanza tal-Moldova u bħalissa hemm 34 applikazzjoni pendenti (li ġew preżentati qabel it-twaqqif tal-ewwel moratorju) li għadhom qed jiġu pproċessati. Fis-26 ta’ Frar 2020, il-Gvern adotta liġi ġdida li introduċiet moratorju ġdid sal-1 ta’ Settembru 2020. Il-liġi ġiet ivvutata fit-28 ta’ Frar 2020 f’żewġ qari u l-moratorju l-ġdid daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Marzu 2020. Fit-18 ta’ Ġunju 2020, il-Parlament adotta l-liġi li tabolixxi ċ-ċittadinanza għal Programm ta’ Investiment mill-1 ta’ Settembru 2020 (tmiem il-moratorju eżistenti). Sakemm il-programm jiġi kkanċellat biss l-applikazzjonijiet eżistenti se jkomplu jiġu pproċessati. Il-Kummissjoni qed tissorvelja mill-qrib li jkun hemm kontrolli robusti ta’ sigurtà u ta’ sfond għall-applikazzjonijiet li jaslu qabel id-dħul fis-seħħ tal-moratorju u li se jkomplu jiġu pproċessati sat-tħassir tal-programm fl-1 ta’ Settembru 2020.

Fir-rigward tal-kriżi tal-COVID-19, il-Parlament iddikjara l-istat ta’ emerġenza għal 60 jum fis-17 ta’ Marzu 2020 u mmodifika l-istat tad-dritt ta’ emerġenza biex jippermetti lill-Parlament jivvota dwar liġijiet organiċi, kif ukoll biex joffri xi ftit flessibbiltà lill-korpi governattivi li jimmaniġġjaw is-sitwazzjoni ta’ emerġenza, jiġifieri l-Kummissjoni għal Sitwazzjonijiet ta’ Emerġenza — ikkoordinati mill-Prim Ministru, il-Ministeru għall-Affarijiet Interni u l-Ispettorat għal Sitwazzjonijiet ta’ Emerġenza. L-Istat ta’ emerġenza ġie ddikjarat fl-istess jum fir-reġjun Transnistrijan, oriġinarjament għal 30 jum biss, iżda mbagħad ġie estiż sal-15 ta’ Mejju. Fit-1 ta’ April, il-Gvern assuma r-responsabbiltà fuq pakkett soċjoekonomiku biex jindirizza l-konsegwenzi tal-COVID-19, li ġiet sospiża mill-Qorti Kostituzzjonali fid-9 ta’ April u ġiet iddikjarata antikostituzzjonali fit-13 ta’ April. Fl-10 ta’ April l-Kummissjoni dwar Sitwazzjonijiet Eċċezzjonali adottat il-biċċa l-kbira tal-miżuri inklużi fil-pakkett. Fit-23 ta’ April, il-Parlament adotta r-rettifika tal-baġit korrispondenti u l-liġijiet relatati ġew ippromulgati mill-President u daħlu fis-seħħ fil-25 ta’ April.

Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Moldova ħadet l-azzjonijiet identifikati fit-Tieni Rapport u l-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża għadhom qed jiġu ssodisfati. Għalkemm il-Gvern tal-Moldova mmexxi mill-ex Prim Ministru Maia Sandu beda azzjonijiet importanti fir-rigward tal-parametru referenzjarju kontra l-korruzzjoni, dawn l-isforzi għandhom jiġu implimentati u sostnuti bis-sħiħ mill-Gvern il-ġdid. Minkejja t-tnaqqis fir-rata ta’ ritorn, kompliet u għandha tinżamm kooperazzjoni tajba dwar ir-riammissjoni. Fir-rigward tal-migrazzjoni irregolari, jeħtieġ li l-Moldova żżid l-isforzi u tieħu azzjoni immedjata, biex tindirizza ż-żieda ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi.

Jeħtieġ li jkomplu jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali biex jinkiseb tnaqqis rapidu fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi mressqa minn ċittadini tal-Moldova fiż-żona Schengen+.

·Ikomplu jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża.

·Ikomplu konsultazzjonijiet effettivi biex jiġi adottat kunċett strateġiku u pjan ta’ azzjoni għar-riforma tal-ġustizzja abbażi ta’ dijanjożi komprensiva, li tiżgura kunsens wiesa’ mill-partijiet interessati, b’konformità stretta mal-Kostituzzjoni u mal-istandards Ewropej.

·Jiġi żgurat progress fir-rigward tal-adozzjoni ta’ emendi kostituzzjonali relatati mal-ġudikatura f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja.

·Jitnaqqas b’mod sinifikanti x-xogħol b’lura eżistenti ta’ dikjarazzjonijiet elettroniċi mill-Awtorità Nazzjonali għall-Integrità u tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija għall-Irkupru tal-Assi u tas-sistema tad-dikjarazzjoni tal-assi fir-rigward tal-atturi kollha ta’ livell għoli;

· Jissaħħu l-isforzi sabiex jitwettqu u jiġu ffinalizzati investigazzjoni u prosekuzzjoni imparzjali u komprensivi tal-frodi bankarja tal-2014, bil-ħsieb li dawk kollha responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja mingħajr aktar dewmien u biex jiġu rkuprati l-fondi miżapproprjati.



L-Ukrajna

Il-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-ażil, ir-riammissjoni

Bejn l-2018 u l-2019, l-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul għal ċittadini mill-Ukrajna fiż-żona Schengen+ żdiedu bi 25 % (minn 53,185 għal 66,390), filwaqt li l-għadd ta’ ċittadini mill-Ukrajna li nstabu li kienu preżenti illegalment żdied bi 11 % (minn 37,410 għal 41,705).

L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil imressqa minn ċittadini mill-Ukrajna fiż-żona Schengen+ kompla jonqos b’5 %, b’9,505 applikazzjonijiet imressqa fl-2019 meta mqabbla ma’ 10,035 applikazzjoni mressqa fl-2018. Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil naqset għal 10,2 % fl-2019 (meta mqabbla ma’ 17,3 % fl-2018). Fl-ewwel kwart tal-2020, ġew irrappurtati 1,570 applikazzjoni għall-ażil, 41 % inqas mill-istess perjodu tal-2019.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ ritorn. Ir-rata ta’ ritorn naqset għal 73 % fl-2019 (imqabbla ma’ 85 % fl-2018), b’27,200 ċittadini mill-Ukrajna li rritornaw b’mod effettiv. Madankollu,peress li l-Istati Membri tal-UE jirrappurtaw kooperazzjoni tajba dwar ir-riammissjoni ta’ ċittadini proprji kif ukoll ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, dan it-tnaqqis fir-rati ta’ ritorn ma għandux jiġi attribwit għal sottoprestazzjoni jew bidliet fil-kooperazzjoni. Proġett iffinanzjat mill-UE li għaddej bħalissa se jwassal sistema elettronika ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ riammissjoni li għandha l-għan li ġġib aktar effiċjenza fil-kooperazzjoni operazzjonali. 

L-Ukrajna kompliet torganizza kampanji ta’ informazzjoni li jinformaw liċ-ċittadini Ukreni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom meta jivvjaġġaw lejn l-UE dwar ir-rinunzji tal-viża.

L-Ukrajna qed iżżid l-isforzi tagħha fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri. F’Jannar 2019 twaqqaf grupp ta’ ħidma bejn l-aġenziji mill-Kabinett tal-Ministri bl-għan ewlieni li jikkoordina l-politiki operazzjonali relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri. Ġiet żviluppata strateġija komprensiva ġdida għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri 2020-2025 bl-appoġġ espert tal-UE u ġiet adottata f’Lulju 2019. F’Novembru 2019 ġie adottat pjan ta’ azzjoni ta’ akkumpanjament. Id-diskussjonijiet dwar il-ħtieġa tal-kriminalizzazzjoni tal-kuntrabandu tal-merkanzija kollha (u mhux biss il-merkanzija soġġetta għas-sisa) bħala element indispensabbli tal-ġestjoni tal-fruntieri għadhom għaddejjin, bl-ebda impenn ċar min-naħa tal-Ukrajna sa issa.

Bħala konsegwenza tal-kriżi tal-COVID-19, l-Ukrajna stabbiliet sensiela ta’ miżuri, inkluż projbizzjoni ġenerali fuq id-dħul ta’ ċittadini barranin, b’eċċezzjonijiet, u s-sospensjoni tat-titjiriet internazzjonali regolari kummerċjali kollha, it-traffiku tal-ferroviji u tal-karozzi tal-linja ġewwa u barra l-Ukraina mis-17 ta’ Marzu 2020. Id-dispożizzjonijiet ta’ “Sitwazzjoni ta’ emerġenza” ġew introdotti fil-livell nazzjonali mis-25 ta’ Marzu 2020, li kienu jinkludu miżuri msaħħa ta’ ordni pubbliku, eżami mediku obbligatorju ta’ persuni b’sintomi tal-COVID-19 u ospitalizzazzjoni furzata jew kwarantina ta’ dawn il-persuni, kif ukoll komunikazzjoni msaħħa maċ-ċittadini u miżuri sanitarji inkluża d-diżinfezzjoni tal-faċilitajiet pubbliċi. Dawn il-miżuri ġew estiżi sal-31 ta’ Lulju 2020, u ppermettew it-tnaqqis tar-restrizzjonijiet reġjun b’reġjun skont l-iżvilupp tas-sitwazzjoni epidemjoloġika.

Matul dan il-perjodu, l-Ukraina rimpatrijat bosta eluf ta’ ċittadini b’mod partikolari permezz ta’ mijiet ta’ titjiriet li ġew organizzati b’mod sporadiku għal dan il-għan. Il-Gvern ordna l-bidu mill-ġdid tas-servizzi tal-qsim tal-fruntieri fl-ajruporti internazzjonali tal-Ukraina mill-15 ta’ Ġunju 2020. Is-servizzi ta’ titjiriet kummerċjali reġgħu bdew gradwalment minn din id-data, abbażi wkoll ta’ sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi, ftehimiet bilaterali ma’ u miżuri pendenti fis-seħħ fost pajjiżi terzi, inklużi Stati Membri tal-UE.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà

Gruppi ta’ kriminalità organizzata Ukreni huma dejjem aktar involuti fit-traffikar tad-drogi, il-kriminalità organizzata kontra l-proprjetà, b’mod partikolari reati ta’ vetturi bil-mutur, kif ukoll skemi ta’ frodi fl-investiment u korruzzjoni fl-isport. Huma jikkooperaw ta’ spiss ma’ gruppi ta’ kriminalità organizzata minn pajjiżi oħrajn. Iċ-ċiberkriminali tal-Ukrajna qed ikomplu jkunu involuti f’diversi tipi ta’ ċiberkriminalità, inklużi attakki fuq ċittadini u miri tal-UE. Barra minn hekk, il-kunflitt fl-Ukrajna u n-nuqqas effettiv ta’ kontrolli fuq partijiet mill-fruntiera tal-Lvant tal-Ukrajna qed ikomplu joħolqu riskju għad-devjazzjoni tal-armi tan-nar u ta’ oġġetti ttraffikati oħrajn mir-reġjun lejn l-UE. Barra minn hekk, l-Ukreni huma fost l-aktar vittmi tat-traffikar tal-bnedmin mhux mill-UE rrapportati matul l-aħħar snin.

L-Ukrajna saħħet l-isforzi tagħha fil-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż mal-Europol. L-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Ukrajna huma involuti f’operazzjonijiet konġunti taħt iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE/EMPACT. L-Ukrajna qed tiżviluppa kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar tal-liġi biex tiġġieled il-kriminalità organizzata. L-UE tappoġġja b’mod attiv l-aġenziji Ukreni tal-infurzar tal-liġi fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom permezz tal-proġett ta’ appoġġ ewlieni tal-Pulizija ta’ PRAVO 19 u l-Missjoni Konsultattiva tal-UE. L-Ukrajna, filwaqt li għad ma għandha l-ebda strateġija globali għar-riorganizzazzjoni tas-settur tal-infurzar tal-liġi, qed tkompli tirriforma l-Pulizija Nazzjonali. Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA) mmexxija mill-Ukrajna, li ġiet żviluppata riċentament u li hija bbażata fuq il-metodoloġija tal-Europol, hija pass sinifikanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u fit-titjib tal-kooperazzjoni interna bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, iżda għadha qed tistenna l-approvazzjoni.

Fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-Ukrajna kompliet tibni fuq il-progress li sar qabel fit-twaqqif ta’ qafas istituzzjonali effettiv li jinkludi l-Qorti Superjuri Kontra l-Korruzzjoni (High Anti-Corruption Court, HACC) il-ġdida, li bdiet tiffunzjona fil-5 ta’ Settembru 2019. L-HACC għad ma għandhiex bini permanenti, li huwa essenzjali biex jiġu żgurati l-indipendenza u s-sostenibbiltà tal-ħidma tagħha. It-tneħħija tal-obbligu li jiġu ppreżentati dikjarazzjonijiet elettroniċi minn attivisti kontra l-korruzzjoni u membri barranin ta’ bordijiet superviżorji għal intrapriżi tal-istat kif ukoll il-kriminalizzazzjoni mill-ġdid tal-arrikkiment illeċitu u l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-konfiska mhux ibbażata fuq kundanna kienu passi importanti. Sar progress lejn il-verifika effettiva u awtomatizzata tad-dikjarazzjonijiet elettroniċi tal-assi, notevolment billi jiġi żgurat li l-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni (NACP) ikollha aċċess sħiħ u awtomatizzat għar-reġistri u l-bażijiet tad-data rilevanti kollha.

F’Ottubru 2019, ġiet adottata liġi li tipprevedi varar mill-ġdid sħiħ tal-NACP, b’mod partikolari t-tibdil tal-istruttura tal-maniġment tagħha minn korp kolleġġjali għal Direttur wieħed. Wara proċess tal-għażla trasparenti bil-parteċipazzjoni ta’ esperti internazzjonali, f’Jannar 2020 inħatar Kap ġdid tal-NACP.

Wara pressjoni internazzjonali sostnuta tul dawn l-aħħar snin, f’Ottubru 2019, il-Bureau Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (NABU) fl-aħħar ingħata setgħa awtonoma ta’ interċezzjoni telefonika.

It-tħassib relatat mal-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat Kontra l-Korruzzjoni (SAPO) li tqajjem fl-2018 permezz ta’ allegazzjonijiet ta’ mġiba ħażina serja kontra l-Kap tas-SAPO ma ġiex indirizzat. Minkejja t-tensjonijiet ikkawżati minn dawn l-allegazzjonijiet, NABU u SAPO komplew jikkooperaw b’mod attiv fl-2019, matul l-aħħar sitt xhur tal-2019 b’aktar persuni esposti għall-korruzzjoni milli matul l-2018 kollha. It-tentattivi biex jitneħħa l-kap tan-NABU reġgħu qabdu momentum fil-bidu ta’ Frar 2020, meta petizzjoni Parlamentari għat-tneħħija tiegħu rċeviet aktar minn 200 firma, għalkemm ma ġiet issodisfata l-ebda waħda mir-raġunijiet għat-tkeċċija skont il-liġi. Wara l-ħatra kontroversjali u politiċizzata tal-2018 tal-awdituri għall-verifika esterna tal-NABU, il-ħatriet preċedenti ġew ikkanċellati mit-tmexxija l-ġdida mingħajr il-ħatriet il-ġodda. Konklużjoni negattiva tal-verifika hija raġuni għat-tkeċċija tal-kap ta’ NABU.

 

F’Ġunju 2020, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta bidu għall-proċess tal-għażla għal Kap ġdid tas-SAPO billi ħatar erba’ membri fil-kummissjoni tal-għażla. Seba’ membri oħra għad iridu jinħatru mill-Parlament. Il-Kap il-ġdid ta’ SAPO huwa mistenni li jibda jaħdem fil-ħarifa tal-2020.

F’Diċembru 2019, ġiet adottata liġi li tniedi mill-ġdid l-Uffiċċju tal-Istat għall-Investigazzjonijiet (SBI), inkarigat mill-investigazzjoni ta’ mġiba ħażina tal-uffiċjali pubbliċi (inklużi reati ta’ korruzzjoni barra mill-mandat tan-NABU), filwaqt li nħatar aġent Direttur. L-għażla tal-kap permanenti tal-SBI hija posposta minħabba kontroversja politika dwar il-kompożizzjoni tal-kummissjoni tal-għażla.

Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, l-Ukrajna ħadet l-azzjoni identifikata fit-Tieni Rapport u l-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża għadhom qed jiġu ssodisfati. Minkejja t-tnaqqis fir-rata ta’ ritorn, il-kooperazzjoni tajba dwar ir-riammissjoni kompliet u għandha tinżamm kif ukoll il-kooperazzjoni mal-UE u l-Istati Membri dwar miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni u jitnaqqsu r-riskji tas-sigurtà. L-Ukrajna ssoktat bl-isforzi tagħha fil-qasam tal-istat tad-dritt. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tar-riżultati, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, kif ukoll it-titjib ulterjuri tas-sistema ta’ Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (inkluża l-kriminalizzazzjoni tal-kuntrabandu tal-merkanzija kollha). Huma meħtieġa wkoll azzjonijiet immedjati biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari.

Jeħtieġ li jkomplu jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali mal-Istati Membri biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari minn ċittadini Ukreni lejn iż-żona Schengen+.

·Ikomplu jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża.

·Jiġu żgurati l-indipendenza, l-effettività u s-sostenibbiltà tal-qafas istituzzjonali kontra l-korruzzjoni u tiġi evitata l-politiċizzazzjoni tal-ħidma tal-aġenziji kollha tal-infurzar tal-liġi. B’mod partikolari tindirizza t-tħassib persistenti dwar l-indipendenza u l-integrità ta’ SAPO, inkluż billi tiżgura proċedura ta’ għażla kredibbli għall-Kap ta’ SAPO li jmiss. Tiżgura li l-ħatra u t-tkeċċija tat-tmexxija kollha tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi sseħħ f’konformità stretta mal-liġi. Jiġi żgurat li l-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni mnedija mill-ġdid tissodisfa b’mod kredibbli l-mandat tagħha, inkluż billi tkompli topera sistema effettiva u li tiffunzjona bis-sħiħ għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi.

·Jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Pulizija Nazzjonali u jittejbu l-kooperazzjoni u d-delineazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex tiġi indirizzata aħjar il-kriminalità organizzata.

III.    Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni tqis li abbażi tal-analiżi ppreżentata f’dan ir-Rapport u fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah, ir-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi vvalutati għadhom qed jiġu ssodisfati. Dan ir-Rapport jidentifika l-azzjonijiet ulterjuri li jeħtieġ li jittieħdu – f’xi każijiet minnufih – f’oqsma speċifiċi sabiex jiġi żgurat l-issodisfar kontinwu tal-parametri referenzjarji.

Bħala rispons usa’ għall-COVID-19, il-Kummissjoni qed tidderieġi mill-ġdid l-assistenza mill-Istrument ta’ Qabel l-Adeżjoni u l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat rispettivament għall-Balkani tal-Punent u s-sħab tas-Sħubija tal-Lvant għal ħtiġijiet immedjati u biex tindirizza l-konsegwenzi soċjoekonomiċi. Sa mill-bidu tal-pandemija, is-sħab tal-Balkani tal-Punent u s-Sħubija tal-Lvant daħħlu fis-seħħ firxa wiesgħa ta’ miżuri u ġew ripatrijati ċ-ċittadini tagħhom, inkluż miż-żona Schengen+.

L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi, fil-każ tal-Albanija, u l-Georgia qed ikompli jkun sors ta’ tħassib. Xi Stati Membri jirrapportaw dwar il-fenomenu li qed jitressqu applikazzjonijiet għall-ażil biex jieħdu kura medika fl-UE (b’mod partikolari minn persuni mill-Georgia). Ġiet osservata żieda fil-migrazzjoni irregolari mill-Ġeorgia, Ukrajna, mis-Serbja u mill-Bożnija-Ħerzegovina. Il-migrazzjoni irregolari taċ-ċittadini Albaniżi għadha għolja. Il-pajjiżi Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ħadu miżuri biex jindirizzaw dawn l-isfidi, iżda huma meħtieġa aktar sforzi biex jiżguraw it-titjib u s-sostenibbiltà tar-riżultati.

Kapaċità ta’ akkoljenza insuffiċjenti f’xi pajjiżi Balkani tal-Punent (b’mod partikolari l-Bożnija-Ħerzegovina) tqajjem tħassib dwar il-kapaċità li jiġu indirizzati bis-sħiħ l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari. Minkejja t-tnaqqis fir-rata ta’ ritorn, il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni u r-ritorn tkompli mingħajr xkiel għall-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant. Madankollu, għandha tinżamm rata stabbli ta’ ritorn u riammissjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi proprji, filwaqt li r-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandha tittejjeb aktar b’mod partikolari mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

L-iffinalizzar u l-implimentazzjoni malajr tal-Ftehimiet dwar l-Istatus tal-Frontex li fadal huwa importanti ħafna, minħabba li dan se jikkontribwixxi għal ġestjoni aktar b’saħħitha tal-migrazzjoni irregolari, għalkemm ir-responsabbiltà primarja għall-ġestjoni tal-fruntieri rispettivi tagħhom tibqa’ f’idejn il-pajjiżi Balkani tal-Punent.

Sabiex jiġi żgurat ambjent ta’ migrazzjoni u sigurtà ġestit sewwa bħala l-kundizzjoni sottostanti għall-issodisfar kontinwu tal-parametri referenzjarji, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-pajjiżi kollha mingħajr viżabiex jiżguraw l-allinjament tagħhom mal-politika tal-UE dwar il-viżi.

Il-pajjiżi Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant komplew jieħdu miżuri biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata. Madankollu, l-isforzi għandhom jiġu sostnuti u msaħħa aktar. Il-gruppi ta’ kriminalità organizzata minn dawn il-pajjiżi qed ikomplu jkunu attivi fit-traffikar ta’ armi tan-nar illeċiti u diversi komoditajiet illeċiti (b’mod partikolari droga u tabakk), fil-kriminalità marbuta mal-proprjetà, fil-ħasil tal-flus, fit-traffikar tal-bnedmin 20 fil-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u fiċ-ċiberkriminalità.

Il-korruzzjoni f’livell għoli għadha kwistjoni fil-pajjiżi kollha koperti minn dan ir-rapport. Bħal fis-snin preċedenti, ir-rapport identifika l-ħtieġa li l-Moldova tieħu azzjonijiet immedjati bħala kwistjoni ta’ urġenza biex tiżgura l-issodisfar tal-parametru referenzjarju kontra l-korruzzjoni. Filwaqt li ttieħdu xi azzjonijiet importanti mill-Gvern tal-ex Prim Ministru Maia Sandu, l-isforzi għandhom jiġu implimentati u sostnuti mill-Gvern il-ġdid tal-Moldova. Il-proċess ta’ riforma fl-Ukrajna– b’mod partikolari dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni – għadu għaddej, iżda hemm bżonn ta’ aktar progress.

Il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu ġie approvat fil-5 ta’ Ottubru 2018. Sena wara ġew innegozjati u ffirmati arranġamenti bilaterali mal-imsieħba kollha tal-Balkani tal-Punent. Dawn l-arranġamenti bilaterali huma pass importanti fl-indirizzar ta’ oqsma ta’ prijorità ewlenin għas-sigurtà, inkluża l-prevenzjoni tal-forom kollha ta’ radikalizzazzjoni u estremiżmu vjolenti, kif ukoll l-isfidi maħluqa mir-ritorn ta’ ġellieda terroristi barranin u l-familji tagħhom. Dawn issa għandhom jiġu implimentati b’mod attiv.

L-implimentazzjoni tal-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża hija proċess kontinwu u li għadu għaddej. Għalhekk, se jkompli l-monitoraġġ mill-qrib, anki permezz ta’ laqgħat ta’ uffiċjali għolja, kif ukoll permezz tal-laqgħat u d-djalogi regolari tas-sottokumitat dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà bejn l-UE u l-pajjiżi mingħajr viża – u għall-pajjiżi Balkani tal-Punent, ir-rapporti regolari dwar it-tkabbir, inkluż, fejn rilevanti, in-negozjati tal-adeżjoni mal-UE.

(1)

F’konformità mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39.

(2)

   COM (2018) 496 final.

(3)

   Il-Kummissjoni qed tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni usa’ fil-qasam tal-affarijiet interni u l-ġustizzja, rilevanti wkoll għall-implimentazzjoni tal-impenji u l-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża, fil-qafas tal-pakkett ta’ Tkabbir tal-UE għall-pajjiżi Balkani tal-Punent mingħajr viża u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni rispettivi għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

(4)

  COM(2020) 399 final

(5)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemiċi (COM (2020) 315 final).

(6)

   Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil tiġi kkalkolata bħala s-sehem tad-deċiżjonijiet pożittivi kollha fl-ewwel istanza (status ta’ rifuġjat, protezzjoni sussidjarja, protezzjoni umanitarja skont il-liġi nazzjonali) fl-għadd totali ta’ deċiżjonijiet fl-ewwel istanza.

(7)

     Ir-rata ta’ ritorn f’sena partikolari tiġi kkalkolata bħala l-proporzjon bejn l-għadd ta’ ċittadini Albaniżi li jirritornaw lejn l-Albanija f’sena partikolari miż-żona ta’ Schengen+ u l-għadd ta’ ċittadini Albaniżi li rċevew ordni ta’ ritorn fl-istess sena.

(8)

     L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCGA), li b’mod komuni tissejjaħ Frontex.

(9)

    https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/news/docs/20181005_joint-action-plan-counter-terrorism-western-balkans.pdf

(10)

    https://rm.coe.int/anti-money-laundering-and-counter-terrorist-financing-measures-albania/16809988c0

(11)

     Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39.

(12)

      https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/news/docs/20181005_joint-action-plan-counter-terrorism-western-balkans.pdf

(13)

L-acquis tal-UE jipprevedi li ċ-ċittadini tal-Armenja, tal-Ażerbajġan, tal-Bahrain, tal-Belarussja, tal-Bolivja, tal-Burundi, taċ-Ċina, ta’ Kuba, tal-Guinea-Bissau, tal-Indja, tal-Indoneżja, tal-Ġamajka, tal-Każakistan, tal-Kuwajt, tal-Kyrgyzstan, tal-Mongolja, tal-Oman, tal-Qatar, tas-Suriname, tat-Turkija, tat-Tuneżijau tar-Russja għandhom l-obbligu li jkollhom viża meta jidħlu fl-UE, filwaqt li s-Serbja toffri lil dawn iċ-ċittadini aċċess mingħajr viża għat-territorju tagħhom.

(14)

     In-netwerk kriminali uża l-malware GozNym biex jisraq ammont stmat ta’ 100 miljun dollaru amerikan mingħand aktar minn 41,000 vittma, primarjament negozji u l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom.

(15)

     In-netwerk kriminali uża l-malware GozNym biex jisraq mingħand aktar minn 41,000 vittma, primarjament negozji u l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom. L-hekk imsejħa ‘crypters’ (inkluż wieħed f’Balti fil-Moldova) intużaw biex jikkriptaw il-malware sabiex ma jkunx jista’ jinstab mis-softwer antivirali.

(16)

     Il-liġi Nru 193 tal-20 ta’ Diċembru 2019 dwar l-emenda tal-Liġi tal-KSM.

(17)

     L-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja CDL-PI(2020)001.

(18)

     L-opinjoni CDL-AD(2020)001 tal-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja.

(19)

     Programm ta’ EUR 36 miljun imfassal biex jappoġġa l-ħolqien ta’ sistema effiċjenti ta’ infurzar tal-liġi, li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, b’appoġġ għall-poplu tal-Ukrajna, permezz tal-għoti tal-appoġġ meħtieġ lill-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna u lil awtoritajiet Ukreni oħrajn inkarigati mill-infurzar tal-liġi (Diċembru 2017 - Ġunju 2021).

(20)

   It-traffikar ta’ bnedmin jibqa’ forma ta’ kriminalità serja u organizzata bi qligħ kbir, xprunata minn profitti għoljin, u mid-domanda li trawwem kull forma ta’ sfruttament. It-traffikar ma jirrikjedix il-qsim tal-fruntieri, tant li għadd sinifikanti ta’ vittmi jiġu ttraffikati fi ħdan il-fruntieri nazzjonali, inkluż fl-UE. Saru sforzi biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin. Jibqa’ fundamentali li jiġi żgurat li l-vittmi kollha, inklużi dawk traffikati fi ħdan il-fruntieri nazzjonali, ikollhom aċċess għal assistenza u appoġġ xierqa, filwaqt li jitqies li n-nisa u l-bniet jibqgħu globalment il-maġġoranza tal-vittmi, prinċipalment traffikati għall-finijiet ta’ sfruttament sesswali. Il-prevenzjoni trid tibqa’ fil-qalba tal-azzjoni kollha kontra t-traffikar, billi tiffoka fuq il-ġlieda kontra l-kultura ta’ impunità għall-awturi kollha tar-reati.