|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/6741 |
19.12.2025 |
Notifika tal-bidu ta’ proċediment anti-dumping rigward l-importazzjonijiet ta’ alkoħol benżiliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
(C/2025/6741)
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ alkoħol benżiliku, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, qed ikunu l-oġġett ta’ dumping u b’hekk qed jikkawżaw dannu (2) għall-industrija tal-Unjoni.
1. Ilment
L-ilment tressaq fl-10 ta’ Novembru 2025 minn LANXESS Deutschland GmbH, LANXESS Chemical B.V. u Vynova Advanced Organics Maastricht B.V. (“l-ilmentaturi”). L-ilment sar mill-industrija tal-Unjoni ta’ alkoħol benżiliku fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.
Verżjoni pubblika tal-ilment u tal-analiżi tal-livell ta’ appoġġ mill-produtturi tal-Unjoni għall-ilment jinsabu fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.
2. Prodott taħt investigazzjoni
Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa l-alkoħol benżiliku (magħruf ukoll bħala phenylmethanol, Benzenemethanol, phenylcarbinol u hydroxytoluene), alkoħol aromatiku, li normalment jaqa’ taħt in-numru tas-Servizzi tal-Astratt tas-Sustanzi Kimiċi (CAS) 100–51–6 u n-Numru tad-Dwana u l-Istatistika (CUS) 0011660–9 (“il-prodott taħt investigazzjoni”).
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (3).
3. Allegazzjoni ta’ dumping
Il-prodott li allegatament huwa oġġett ta’ dumping huwa l-prodott taħt investigazzjoni, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM 2906 21 00 . Il-kodiċi NM huwa mogħti għall-informazzjoni biss u mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja. L-ambitu ta’ din l-investigazzjoni huwa soġġett għad-definizzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat kif tinsab fit-Taqsima 2.
L-ilmentaturi sostnew li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-RPĊ minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku.
Biex jissostanzjaw l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-ilmentaturi qagħdu fuq l-informazzjoni li tinsab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar id-Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ (4), iddatat l-10 ta’ April 2024. (ir-“Rapport”). B’mod partikolari, l-ilmentaturi sostnew li l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat jidhru li huma affettwati mill-fatturi msemmija, fost l-oħrajn, fit-taqsimiet tar-Rapport dwar il-preżenza tal-istat b’mod ġenerali, l-applikazzjoni diskriminatorja tal-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà, u d-distorsjonijiet fir-rigward tal-art, l-enerġija, il-kapital, il-materja prima u l-manodopera. L-ilmentatur irrefera wkoll għall-kapitolu speċifiku fir-Rapport li jindirizza d-distorsjonijiet fis-settur tal-industrija tas-sustanzi kimiċi fiċ-Ċina.
Fir-rigward tas-settur tas-sustanzi kimiċi u l-produzzjoni tal-alkoħol benżiliku, l-ilmentaturi indikaw (i) li l-14-il Pjan ta’ Ħames Snin jenfasizza l-intenzjoni tal-Gvern li jippromwovi u jottimizza l-industrija tal-manifattura b’enfasi partikolari fuq l-industrija tas-sustanzi kimiċi, (ii) li l-14-il Pjan ta’ Ħames Snin dwar l-Iżvilupp tal-Industrija tal-Materja Prima għandu fil-mira l-industriji tas-sustanzi kimiċi u petrokimiċi bħala parti mill-“industrija tal-materja prima” protetta u inċentivata mill-gvern, u (iii) li fl-industrija tad-derivattivi tat-toluwen, li l-alkoħol benżiliku jista’ jitqies bħala parti minnha, l-intrapriżi tal-Istat (SOE, state-owned enterprises) kellhom rwol ċentrali u li jibbenefikaw minn aċċess privileġġat għar-riżorsi allokati mill-gvern, inklużi l-finanzjament, is-sussidji, id-drittijiet għall-użu tal-art, u forom oħra ta’ appoġġ mill-Istat.
Barra minn hekk, l-ilmentaturi jfakkru f’investigazzjonijiet anti-dumping preċedenti, li diġà stabbilew li s-settur Ċiniż tas-sustanzi kimiċi huwa soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti (5).
B’riżultat ta’ dan, fid-dawl tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq paragun ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt investigazzjoni, meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. L-ilmentaturi jindikaw lit-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali. Il-marġnijiet tad-dumping ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dan it-tqabbil huma sinifikanti għall-pajjiżi ikkonċernati.
Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm provi biżżejjed skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li jissuġġerixxu li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u dan jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.
Ir-rapport tal-pajjiż jinsab fil-fajl li jista’ jiġi kkonsultat mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika (6).
4. Allegazzjoni ta’ dannu/kawżalità u distorsjonijiet tal-materja prima
4.1. Allegazzjoni ta’ dannu u kawżalità
L-ilmentaturi pprovdew evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni mill-pajjiż kkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.
L-evidenza li ngħatat mill-ilmentaturi turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat taħt investigazzjoni kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħin, fuq il-livelli tal-prezzijiet mitluba u fuq is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni kumplessiva u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.
4.2. Allegazzjoni ta’ distorsjonijiet tal-materja prima
L-ilmentaturi pprovdew biżżejjed provi li jista’ jkun hemm distorsjonijiet ta’ materja prima fil-pajjiż ikkonċernat fir-rigward tal-prodott taħt investigazzjoni. Skont l-evidenza fl-ilment, it-toluwen, li jammonta għal aktar minn 17 % tal-kost tal-produzzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni, huwa suġġett għal rekwiżiti tal-liċenzjar fil-pajjiż ikkonċernat. Abbażi ta’ tqabbil tal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali rappreżentattivi, b’mod partikolari l-prezzijiet tat-toluwen ippubblikati minn Chemical Market Analytics for Western Europe u mid-data tal-Comtrade tan-NU għat-toluwen importat fit-Turkija, ma’ dawk fil-pajjiż ikkonċernat, l-ilment jistabbilixxi li d-distorsjonijiet tal-materja prima jidhru li jirriżultaw fi prezzijiet ferm taħt dawk tas-swieq internazzjonali rappreżentattivi skont l-Artikolu 7(2a), it-tieni subparagrafu tar-Regolament bażiku.
Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni se teżamina d-distorsjonijiet allegati biex tivvaluta, jekk rilevanti, jekk dazju inferjuri għall-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jelimina d-dannu. Meta distorsjonijiet oħra koperti mill-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku jiġu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn id-distorsjonijiet.
5. Proċedura
Il-Kummissjoni, wara li stabbiliet u infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment ġie ppreżentat mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha, u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, b’dan qed tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.
L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott taħt investigazzjoni, li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat, huwiex oġġett ta’ dumping, u jekk l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping kinux ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Sabiex jiġi ddeterminat jekk japplikax l-Artikolu 7(2a), l-investigazzjoni se teżamina wkoll l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku.
5.1. Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni ta’ dumping u ta’ dannu se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2024 sat-30 ta’ Settembru 2025 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).
5,2 Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dannu u ma’ kawżalità) jew dwar kull aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.3. Proċedura ta’ kif jiġi stabbilit id-dumping
Il-produtturi esportaturi (7) tal-prodott taħt investigazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.3.1. Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi
(a) Kampjunar
Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex il-Kummissjoni tlesti l-investigazzjoni sal-limiti ta’ żmien statutorji, hija tista’ tillimita l-għadd ta’ produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid ta’ kampjuni jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija tagħhom fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi (“TRON”) fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AD748_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8 hawn taħt.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu notifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż kkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk ġewx inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2835.
Il-kwestjonarju se jkun disponibbli wkoll għal kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u għall-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż.
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“produtturi esportaturi li kkooperaw li mhumiex fil-kampjun”). Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 5.3.1(b) hawn taħt, id-dazju anti-dumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw li mhumiex fil-kampjun mhuwiex se jaqbeż il-marġni tal-medja ponderata ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (8).
(b) Marġni tad-dumping individwali għall-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun
Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li kkooperaw li mhumiex fil-kampjun jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-marġnijiet tad-dumping individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni tad-dumping individwali jridu jimlew il-kwestjonarju u jirritornawh mimli kif xieraq fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2835. Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-produtturi esportaturi li kkooperaw li mhumiex fil-kampjun jistgħux jingħataw dazju individwali f’konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.
Madankollu, il-produtturi esportaturi li kkooperaw li mhumiex fil-kampjun li jitolbu marġni tad-dumping individwali għandhom ikunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni tad-dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw, inklużi dawk li huma parti mill-kampjun, li għandhom jiġu investigati, ikun tant kbir li tali determinazzjoni tkun ta’ piż bla bżonn u tipprevjeni t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.
5.3.2. Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (HS, Harmonised System) ipprovduti fl-ilment, jipproponu pajjiż(i) rappreżentattiv(i) xieraq/xierqa u jipprovdu l-identità tal-produtturi tal-prodott taħt investigazzjoni f’dawk il-pajjiżi. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Skont l-Artikolu 2(6a)(e) tar-Regolament bażiku, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni se tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti, inkluż, fejn xieraq, l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq li biħsiebha tuża għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) permezz ta’ nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet fl-investigazzjoni se jingħataw 10 ijiem biex jikkummentaw dwar in-nota f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(e).
Bil-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni se teżamina jekk f’dawk il-pajjiżi terzi hemmx livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħal dak fil-pajjiż ikkonċernat, jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni f’dawk il-pajjiżi terzi u jekk id-data rilevanti hijiex disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż terz wieħed rappreżentattiv, se tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-pajjiżi terzi rappreżentattivi li jistgħu jkunu xierqa huma fost l-oħrajn il-Messiku jew it-Turkija.
Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, il-produtturi kollha fil-pajjiż ikkonċernat huma mitluba jipprovdu informazzjoni dwar il-materja (prima u pproċessata) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AD748_INFO_ON_INPUTS_FOR_EXPORTING_PRODUCER_FORM. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8 hawn taħt.
Barra minn hekk, kwalunkwe preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-kostijiet u l-prezzijiet skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku trid tiġi ppreżentata fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Tali informazzjoni fattwali għandha tittieħed esklużivament minn sorsi pubbliċi li huma faċilment disponibbli.
5.3.3. Investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati (9) (10)
Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt investigazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness ta’ din in-Notifika fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ importaturi magħrufa.
Meta jkun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni fl-Unjoni, li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem min-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed għad-dispożizzjoni il-kwestjonarji tal-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2835.
5.4. Proċedura għall-istabbiliment tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
L-istabbiliment tad-dannu huwa bbażat fuq evidenza pożittiva u jinvolvi l-eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt investigazzjoni huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni kkonċernati, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni taħt investigazzjoni għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet b’mod proviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, li jikkunsidraw li hemm raġunijiet għaliex għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha dwar il-kumpaniji li finalment jintgħażlu biex ikunu parti mill-kampjun.
Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2835.
5.5. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni f’każ ta’ allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet rigward il-materja prima
F’każijiet ta’ distorsjonijiet fuq il-materja prima kif definit fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se twettaq test dwar l-interess tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 7(2b) ta’ dan ir-Regolament.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jipprovdu l-informazzjoni kollha pertinenti li tippermetti lill-Kummissjoni tiddetermina jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġi stabbilit il-livell tal-miżuri f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, il-partijiet interessati huma mistiedna jipprovdu kwalunkwe informazzjoni dwar il-kapaċitajiet żejda fil-pajjiż ikkonċernat, il-kompetizzjoni għall-materja prima u l-effett fuq il-ktajjen ta’ provvista għal kumpaniji fl-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li huwa f’konformità mal-interess tal-Unjoni li tapplika l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.
Fi kwalunkwe każ, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri anti-dumping tkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni li tikkonċerna l-interess tal-Unjoni.
L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew fil-format ta’ test liberu jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott li qed jiġi investigat, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2835. L-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku se titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali meta din tiġi ppreżentata.
5.6. Partijiet interessati
Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni.
Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li ppreżentaw informazzjoni disponibbli f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.3 u 5.4 hawn fuq jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni.
Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni. Li parti titqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
L-aċċess għall-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet f’dik il-paġna biex tikseb aċċess (11).
5.7. Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti waqt is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel bil-miktub mill-partijiet interessati.
Il-perjodu ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ huwa kif ġej:
|
— |
Għal seduti ta’ smigħ li jsiru qabel ma tiskadi l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, għandha ssir talba fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Is-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. |
|
— |
Wara l-istadju tas-sejbiet proviżorji, għandha ssir talba fi żmien ħamest ijiem mid-data tad-divulgazzjoni tas-sejbiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni. Is-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-divulgazzjoni jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni. |
|
— |
Fl-istadju tas-sejbiet definittivi, għandha ssir talba fi żmien tlett ijiem mid-data tad-divulgazzjoni finali. Is-seduta ta’ smigħ normalment issir fil-perjodu mogħti għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Meta jkun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, għandha ssir talba minnufih malli tasal din id-divulgazzjoni finali addizzjonali. Is-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien l-iskadenza biex isiru l-kummenti dwar din id-divulgazzjoni. |
Il-perjodu ta’ żmien deskritt huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-perjodu ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirrifjutaw talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali rifjut.
Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.
5.8. Struzzjonijiet għal sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu lill-Kummissjoni (a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “ Sensitive ” (12). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “ Sensitive ” huma rikjesti li jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “ For inspection by interested parties ”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.
Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tagħtix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi t-talbiet biex il-partijiet interessati jiġu rreġistrati bħala tali kif ukoll il-prokuri u d-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni se tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux espliċitament li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
European Commission |
|
Directorate-General for Trade and Economic Security |
|
Directorate G |
|
Office: CHAR 04/039 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi
L-indirizz email għall-kwistjonijiet relatati mad-dumping:
TRADE-AD748-BENZYL-DUMPING@ec.europa.eu
L-indirizz email għall-kwistjonijiet relatati mad-dannu:
TRADE-AD748-BENZYL-INJURY@ec.europa.eu
5.9. Reġistrazzjoni
Il-Kummissjoni biħsiebha tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jirreġistraw l-importazzjonijiet ta’ alkoħol benżiliku, li joriġinaw mir-RPĊ fi stadju bikri ta’ din l-investigazzjoni. Dan jista’ jwassal għal ġbir retroattiv ta’ dazji definittivi fuq importazzjonijiet reġistrati. Regolament li jagħmel l-importazzjonijiet tal-alkoħol benżiliku li joriġinaw mir-RPĊ soġġetti għar-reġistrazzjoni se jiġi ppubblikat fi żmien debitu.
6. Skeda tal-investigazzjoni
Skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien sena, iżda mhux aktar tard minn 14-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti sa mhux aktar tard minn seba’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, iżda fi kwalunkwe każ sa mhux iktar tard minn tmien xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji erba’ ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati se jingħataw tlett ijiem ta’ xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar kemm il-kalkoli huma preċiżi.
F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jiġu infurmati, permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni, bin-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ dazji erba’ ġimgħat qabel ma tiskorri l-iskadenza skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku.
Il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar is-sejbiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u 10 ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Meta jkun applikabbli, id-divulgazzjoni finali addizzjonali tispeċifika l-iskadenza għall-partijiet interessati biex jagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub.
7. Preżentazzjoni ta’ informazzjoni
Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika. Il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra mhux koperta minn dawn it-taqsimiet għandha tirrispetta l-iskeda li ġejja:
|
— |
Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, kwalunkwe informazzjoni għall-istadju tas-sejbiet proviżorji għandha tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. |
|
— |
Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, il-partijiet interessati ma għandhomx jippreżentaw informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni tas-sejbiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju tas-sejbiet proviżorji. Wara din l-iskadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida jekk ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex tirribatti l-allegazzjonijiet fattwali li saru minn partijiet interessati oħra u dment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin. |
|
— |
Sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta aktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali. |
8. Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, il-partijiet interessati għandu jkollhom il-possibbiltà jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu jindirizzaw biss kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.
Tali kummenti għandhom isiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:
|
— |
Kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-iskadenza tal-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, għandu jsir fi żmien 75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
|
— |
Il-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tas-sejbiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni għandhom jiġu ppreżentati fi żmien sebat ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar is-sejbiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
|
— |
Il-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali għandhom jiġu ppreżentati fi żmien tlett ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, il-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal din id-divulgazzjoni għandhom isiru fi żmien jum mill-iskadenza għall-kummenti dwar din id-divulgazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
Il-perjodu ta’ żmien deskritt huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.
9. Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika
Kwalunkwe estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tista’ tingħata biss f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata meta tingħata raġuni tajba.
Fi kwalunkwe każ, kwalunkwe estensjoni fl-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun normalment limitata għal tlett ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat ijiem.
Rigward l-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika tal-Bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal tlett ijiem dment li ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.
10. Nuqqas ta’ kooperazzjoni
F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jsiru konstatazzjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Meta jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Meta parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.
In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. F’dan il-każ, il-parti interessata għandha tikkuntattja minnufih lill-Kummissjoni.
11. Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Smigħ jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ għandhom isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.
Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati għandhom jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-iskeda ta’ żmien rilevanti previsti fit-Taqsima 5.7 ta’ din in-Notifika, l-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_mt.
12. Proċessar ta’ data personali
Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).
Fis-sit tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika tista’ ssib avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni: https://europa.eu/!vr4g9W.
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għal theddida ta’ dannu materjali jew dewmien materjali tal-istabbiliment ta’ industrija kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku.
(3) Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jirreferu għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(4) Id-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 10.4.2024 (SWD (2024) 91 final), disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2024)91&lang=mt.
(5) Eż. ċerti esteri tal-fosfat tal-alkil (ĠU L, 2024/2415, 13.9.2024, http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2415/oj), jew aċesulfam K (ĠU L 19, 28.1.2022, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/116/oj).
(6) Id-dokumenti ċċitati fir-rapport tal-pajjiż jistgħu jinkisbu wkoll wara talba motivata kif xieraq.
(7) Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott taħt investigazzjoni lejn is-suq tal-Unjoni, direttament jew permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni.
(8) Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, mhumiex se jitqiesu kwalunkwe marġni żero u de minimis, u l-marġnijiet stabbiliti f’konformità maċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
(9) Din it-taqsima tkopri biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-ishma maħruġa bi dritt tal-vot tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu kkontrollati direttament jew indirettament minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw direttament jew indirettament lil persuna terza; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika, u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).
(10) Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni apparti minn biex jiġi stabbilit id-dumping.
(11) F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz ta’ email lil (trade-service-desk@ec.europa.eu) jew ċempel (+32 22979797).
(12) Dokument “ Sensitive ” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).
(13) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ANNESS
|
☐ |
Verżjoni sensittiva |
|
☐ |
Verżjoni għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati |
|
(immarka l-kaxxa xierqa) |
|
PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING DWAR L-IMPORTAZZJONIJIET TAL-ALKOĦOL BENŻILIKU LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA
INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI
Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward it-teħid ta’ kampjuni li saret fil-punt 5.3.3 tan-notifika tal-bidu.
Kemm il-verżjoni Sensitive kif ukoll il-verżjoni For Inspection by interested parties għandhom jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika tal-bidu.
1. IDENTITÀ U DETTALJI TA’ KUNTATT
Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:
|
Isem il-kumpanija |
|
|
Indirizz |
|
|
Persuna ta’ kuntatt |
|
|
Indirizz tal-posta elettronika |
|
|
Numru tat-telefown |
|
2. FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ
Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”), matul il-perjodu tal-investigazzjoni, tal-prodott taħt investigazzjoni, kif definit fin-notifika tal-bidu.
|
|
Volum f’tunnellati |
Valur f’euro (EUR) |
|
Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR) |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġinaw mir-RPĊ |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni (joriġina minn fejn joriġina) |
|
|
|
Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-RPĊ tal-prodott taħt investigazzjoni |
|
|
3. ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)
Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott taħt investigazzjoni. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt investigazzjoni, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott taħt investigazzjoni, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.
|
Isem u lokalità tal-kumpanija |
Attivitajiet |
Relazzjoni |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
4. INFORMAZZJONI OĦRA
|
|
Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tista’ tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun. |
5. ĊERTIFIKAZZJONI
Billi tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u li taċċetta li ssirilha żjara fuq il-post biex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.
Firma tal-uffiċjal awtorizzat:
Isem u kariga tal-uffiċjal awtorizzat:
Data:
(1) F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu kkontrollati direttament jew indirettament minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6741/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)