|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3194 |
2.7.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE dwar il-proposti ta’ riforma u investiment ifformulati bħala parti miċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2024-2025
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2025/3194)
Relaturi: Konstantinos DIAMANTOUROS
Javier DOZ ORRIT
Luca JAHIER
|
Konsulent |
Olivier Cédric VAUZELLE (għar-relatur) |
|
|
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
11.7.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
15.4.2025 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
30.4.2025 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
596 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
152/0/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
L-UE jeħtieġ li tindirizza simultanjament l-isfidi ġeopolitiċi enormi fil-qasam tal-politika estera, ta’ sigurtà u ta’ difiża, bħall-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-istqarrijiet u l-azzjonijiet tal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti fir-rigward tal-kummerċ, in-NATO, l-ambizzjonijiet territorjali u oqsma oħra, kif ukoll il-kunflitti li għaddejjin fil-Lvant Nofsani. Fl-istess ħin, l-UE jeħtiġilha ttejjeb b’mod sinifikanti l-produttività u l-kompetittività tal-ekonomija tagħha, kif ukoll tilħaq l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali permezz tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jeħtieġ appoġġ politiku u ċiviku b’saħħtu, parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili organizzata, governanza tajba, unità u integrazzjoni akbar, u difiża konsistenti tal-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, kemm fi ħdan il-fruntieri tagħna kif ukoll lil hinn minnhom. Il-KESE jemmen li jeħtieġ li jiġi mobilizzat l-akbar għadd possibbli ta’ riżorsi finanzjarji — pubbliċi u privati, nazzjonali u Ewropej — biex jintlaħqu objettivi definiti sew f’dawn l-oqsma kollha. Dan jinkludi l-prijoritizzazzjoni tal-beni pubbliċi Ewropej u t-tisħiħ tal-istrumenti baġitarji u finanzjarji kollha disponibbli, jew il-ħolqien ta’ oħrajn ġodda fejn meħtieġ.
1.1. Il-miżuri ta’ riforma u ta’ investiment fl-Istati Membri, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) li nħarġu fl-2024
Il-KESE:
|
1.1.1. |
jirrikonoxxi li r-rilevanza tas-CSRs fl-indirizzar tal-isfidi nazzjonali fl-Istati Membri tvarja minn pajjiż għal ieħor, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tifformula għadd akbar ta’ rakkomandazzjonijiet imfassla apposta dwar politiki fiskali sodi għall-istabbiltà finanzjarja, it-tkabbir sostenibbli fit-tul u l-kompetittività, l-infiq pubbliku fuq is-servizzi pubbliċi kruċjali, is-servizzi ta’ interess ġenerali, u l-politiki soċjali, kif ukoll it-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika. Il-KESE jistieden ukoll lill-gvernijiet jimplimentaw l-investimenti u r-riformi proposti b’mod aktar effettiv; |
|
1.1.2. |
jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-komunikazzjoni sistematika u s-sensibilizzazzjoni dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) fis-CSRs meta l-proposti ta’ investiment u ta’ riforma jissarrfu f’azzjonijiet u miżuri konkreti; |
|
1.1.3. |
itenni l-appell tiegħu biex jiġi stabbilit proċess ta’ konsultazzjoni strutturat fil-livell Ewropew, bi proċeduri ta’ konsultazzjoni formalizzati li jkunu aktar armonizzati u trasparenti; |
|
1.1.4. |
jissottolinja li l-Kummissjoni għandha tkompli d-djalogu strutturali tagħha mal-imsieħba soċjali nazzjonali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni għandha tirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu sommarju tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati; |
|
1.1.5. |
jitlob li l-prinċipju ta’ sħubija riformat jiġi inkluż fis-Semestru Ewropew (1). |
1.2. Il-pjani fiskali-strutturali fuq terminu medju u l-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE
|
1.2.1. |
Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa gwida ċara u armonizzata f’regolament tal-UE għall-Istati Membri dwar kif għandhom jinvolvu lill-partijiet interessati b’mod obbligatorju, sistematiku, strutturali u sinifikattiv. Din il-gwida tippermetti li proċess ta’ konsultazzjoni formali jiġi sussegwentement regolat fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kwalità tal-involviment tal-partijiet interessati kriterju għall-approvazzjoni tal-pjan nazzjonali. |
|
1.2.2. |
Il-metodu tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-pjani fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Istati Membri għandu jiġi vvalutat aktar, b’mod partikolari fir-rigward tal-konformità mal-investimenti u r-riformi l-ġodda meħtieġa meta l-Istati Membri jitolbu li l-perjodu ta’ aġġustament jiġi estiż minn erba’ għal seba’ snin. |
1.3. L-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti previsti fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs)
Il-KESE:
|
1.3.1. |
iqis li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bħalissa għandha rwol ewlieni fl-appoġġ għall-investiment u għar-riformi. Madankollu, diversi kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għad iridu jiġu solvuti qabel ma jintemm l-istrument; |
|
1.3.2. |
jappella għal koordinazzjoni, ippjanar u allokazzjoni tar-riżorsi mtejba biex jingħeleb id-dewmien, u għal proċessi semplifikati. Il-Kumitat jistieden ukoll lill-Istati Membri jipprovdu aċċess għat-taħriġ lill-persunal amministrattiv u l-bini tal-kapaċitajiet sabiex jittejbu l-ġestjoni tal-proġetti u l-proċessi amministrattivi. Barra minn hekk, il-KESE (2) saħaq fuq il-ħtieġa ta’ informazzjoni aħjar, f’waqtha u konsistenti dwar il-progress tal-RRPs nazzjonali; |
|
1.3.3. |
jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ trasparenza dwar ir-riċevituri finali tal-fondi u stieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet nazzjonali jissemplifikaw il-proċeduri, inaqqsu l-burokrazija u jipprovdu appoġġ biex jiżguraw li l-pjani jiġu eżegwiti b’mod effettiv u f’waqtu (3); |
|
1.3.4. |
jitlob li r-rapport annwali li jmiss tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jinkludi analiżi tematika tal-involviment tal-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali (4); |
|
1.3.5. |
jitlob li l-iskadenza biex jintefqu l-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tiġi estiża, mill-inqas sal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss fl-2028, jekk isir ċar li n-nuqqas ta’ estensjoni tiegħu jwassal għal telf ta’ fondi (5); |
|
1.3.6. |
jissottolinja l-ħtieġa li tiġi ċċarata d-definizzjoni tal-objettivi intermedji u l-miri u li tiġi ggarantita l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri (6). Il-Kumitat jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir aktar enfasi fuq it-tfassil ta’ proġetti transfruntiera. |
1.4. Ħtiġijiet ta’ investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali u futuri
|
1.4.1. |
Il-KESE jqis li t-tisħiħ tal-kapaċità ta’ finanzjament tal-UE, kif propost mir-rapport ta’ Draghi, ikun jeħtieġ ħafna aktar mill-ispazju fiskali eżistenti f’kull Stat Membru, u l-volum u l-istruttura tal-QFP attwali. Il-KESE jtenni l-ħtieġa li jinħoloq Fond għall-Investimenti Strateġiċi (7), ekwivalenti fid-daqs għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li jagħti prijorità lill-finanzjament tal-beni komuni Ewropej u l-investimenti nazzjonali f’konformità mal-prijoritajiet ewlenin tal-politika Ewropea. L-inizjattiva InvestAI li nħolqot dan l-aħħar u l-Fond għall-Kompetittività futur li ġie imħabbar, bħala parti minn QFP aktar b’saħħtu u aktar konsistenti, jirrappreżentaw progress f’dan il-qasam. Fl-istess ħin, il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li tiżdied b’mod rapidu mobilizzazzjoni massiva ta’ tfaddil privat permezz tal-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (li dan l-aħħar bdiet tissejjaħ l-“Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti”) u li tiżdied il-kapaċità finanzjarja tal-BEI. |
1.5. Semestru Ewropew rivedut u aktar b’saħħtu
|
1.5.1. |
Is-Semestru Ewropew sar strument solidu u stabbilit sew għall-governanza ekonomika tal-UE u l-koordinazzjoni mal-Istati Membri, u jinsab fil-proċess li jiġi żviluppat aktar. Id-dħul fis-seħħ tal-qafas rivedut ta’ governanza ekonomika tal-UE, ir-rabtiet diġà mħabbra bejn l-Għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività u s-Semestru Ewropew, il-proposta inizjali ta’ rabtiet possibbli mas-Semestru dwar l-infiq futur tal-QFP li jmiss, u mill-inqas parti mill-Fond ta’ Koeżjoni futur, huma kollha sinjali ulterjuri ta’ progress f’dan il-qasam. Bħall-kanċellazzjoni tal-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2025 f’Diċembru 2024, kollha jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ aġġornament bir-reqqa ta’ dan il-proċess. |
|
1.5.2. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina b’mod urġenti l-istruttura u ż-żmien tas-Semestru Ewropew, bl-għan li jiġu żgurati interkonnessjonijiet futuri mal-Għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività, fl-interess tat-trasparenza u biex l-atturi kollha involuti (l-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet nazzjonali, il-parlamenti, l-awtoritajiet lokali, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) ikunu lesti li jaqdu bis-sħiħ ir-rwol rispettiv tagħhom fil-proċess tas-Semestru Ewropew. |
|
1.5.3. |
Il-KESE jipproponi li, bħala parti mis-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea għandha tapplika indikaturi inerenti għall-approċċ abbażi ta’ ekonomija tal-benesseri, sabiex tivvaluta l-istat ta’ kull Stat Membru, biex tipprovdi stampa aktar komprensiva. |
2. Introduzzjoni
|
2.1.1. |
Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja hija parti minn pakkett, flimkien ma’ rapport ta’ informazzjoni, u tirriżulta mill-ħidma tal-Grupp tas-Semestru Ewropew (GSE) tal-KESE: il-konsultazzjoni mal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali, mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri tal-UE dwar suġġetti ewlenin tas-Semestru Ewropew. Din l-Opinjoni tikkomplementa r-rapport ta’ informazzjoni, li jiġbor il-fehmiet tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri dwar il-proposti nazzjonali ta’ riforma u ta’ investiment u l-implimentazzjoni tagħhom (iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2024-2025) billi tinkludi r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika, il-konklużjonijiet u l-proposti ta’ politika tal-KESE bbażati fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati indikati fir-rapport. |
|
2.1.2. |
Bis-saħħa ta’ dan l-eżerċizzju, il-KESE qed ikompli l-ħidma tiegħu biex jippromovi Semestru Ewropew u qafas ta’ governanza ekonomika aktar parteċipattivi, bi sjieda akbar fil-livell nazzjonali u involviment aktar mill-qrib tas-soċjetà ċivili organizzata. Parteċipazzjoni wiesgħa tappoġġja t-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza u l-leġittimità demokratika u tespandi l-appoġġ pubbliku għal politiki trasformattivi u bidla sistemika. |
3. Kuntest tal-Opinjoni
|
3.1.1. |
Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiffoka l-ewwel nett fuq ir-riformi u l-miżuri ta’ investiment tal-Istati Membri, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq is-CSRs tal-2024 u l-implimentazzjoni tagħhom. Bħala parti mill-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew tal-2024, f’Ġunju l-Kummissjoni pproponiet abbozz ta’ CSRs għall-2024, li l-Kunsill adotta b’bidliet żgħar f’Lulju 2024. Dawn is-CSRs jinkludu: i) rakkomandazzjoni dwar il-politika fiskali (CSR1); ii) rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (8) (CSR2); iii) ir-rakkomandazzjonijiet CSR3 u CSR4, li jkopru aktar prijoritajiet ta’ politika pendenti jew speċifiċitajiet tal-Istati Membri. Madwar żewġ terzi tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa taħt ir-rakkomandazzjonijiet CSR3 u CSR4 ikopru politiki biex jissaħħu s-swieq tax-xogħol permezz tal-edukazzjoni u l-investiment fil-ħiliet, tiġi promossa t-tranżizzjoni ekoloġika u politiki oħra relatati mal-enerġija, u jiġu indirizzati kwistjonijiet pendenti ta’ kompetittività. It-tieni, din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tikkonċentra fuq il-pjani fiskali-strutturali fuq terminu medju, il-qofol tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika (9). F’dawn il-pjani, l-Istati Membri qed ifasslu u se jippreżentaw pjani li jistabbilixxu l-miri fiskali, ir-riformi u l-investimenti ta’ prijorità tagħhom (10), u miżuri biex jindirizzaw kwalunkwe żbilanċ makroekonomiku possibbli matul perjodu ta’ aġġustament fiskali. |
|
3.1.2. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jappella għal proċeduri permanenti u strutturati għall-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp tal-pjani nazzjonali (11). Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika (12) jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, lill-awtoritajiet reġjonali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lil partijiet interessati nazzjonali rilevanti oħra meta jfasslu l-pjani, f’konformità mal-oqfsa legali nazzjonali. Għaċ-Ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-2025, minħabba l-perjodu qasir għat-tħejjija tal-ewwel sett ta’ pjani fiskali strutturali nazzjonali fuq terminu medju, l-Istati Membri setgħu — iżda ma kinux obbligati — iwettqu dawn il-konsultazzjonijiet. Huma se jkollhom jikkonsultaw mal-partijiet interessati nazzjonali għall-iżvilupp tal-pjani futuri kollha, għalkemm ma ġie stabbilit l-ebda kriterju ta’ kwalità għall-konsultazzjonijiet. Fit-tielet u l-aħħar lok, din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiskrutinizza l-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti previsti fl-RRPs nazzjonali (13). |
4. Kummenti ġenerali
4.1. Il-miżuri ta’ riforma u ta’ investiment fl-Istati Membri, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq is-CSRs tal-2024, u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri
|
4.1.1. |
Ir-rilevanza tas-CSRs fl-Istati Membri biex jiġu indirizzati l-isfidi nazzjonali tvarja minn Stat Membru għal ieħor, u l-KESE jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil rakkomandazzjonijiet imfassla apposta dwar politiki baġitarji fiskali sodi għall-istabbiltà finanzjarja u t-tkabbir fit-tul, l-infiq pubbliku, is-sostenibbiltà tas-servizzi pubbliċi u tas-servizzi ta’ interess ġenerali, koordinazzjoni istituzzjonali aħjar, it-titjib tal-politiki soċjali (speċjalment f’oqsma bħall-kura tas-saħħa, l-iżvilupp tal-ħiliet, l-inugwaljanzi u l-inklużjoni), kif ukoll it-tranżizzjoni dopppja diġitali u ekoloġika (b’mod partikolari billi l-objettivi ambjentali jiġu integrati fil-politiki pubbliċi). Għandu jkun hemm ukoll enfasi fuq it-tassazzjoni biex jiġu appoġġjati dawn ir-riformi u t-tranżizzjonijiet. Il-KESE jitlob li tingħata prijorità lill-isfidi ekonomiċi attwali bħall-akkomodazzjoni, il-protezzjoni soċjali, l-għoli tal-ħajja u l-ispejjeż tal-enerġija, kif ukoll kwistjonijiet strutturali li jdgħajfu l-kompetittività tal-UE, bħal regolamentazzjoni eċċessiva u proċeduri twal għall-ħruġ tal-permessi. Il-KESE jistieden ukoll lill-gvernijiet nazzjonali jimplimentaw l-investimenti u r-riformi proposti f’dawn is-CSRs b’mod aktar effettiv u sistematiku permezz ta’ ppjanar strateġiku fit-tul. |
|
4.1.2. |
Il-KESE josserva d-differenzi bejn l-Istati Membri fil-mod kif l-SDGs jiġu integrati fis-CSRs, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-komunikazzjoni sistematika u s-sensibilizzazzjoni dwar dawn l-objettivi meta l-proposti ta’ investiment u riforma jissarrfu f’azzjonijiet u miżuri konkreti. Dan il-fehim pubbliku akbar tal-SDGs joħloq opportunitajiet sinifikanti biex jiġi żgurat approċċ olistiku għall-iżvilupp sostenibbli. Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li ssir riforma tas-Semestru Ewropew sabiex tiġi ggwidata u appoġġjata aħjar l-implimentazzjoni tal-għanijiet u l-miri tal-UE stabbiliti, pereżempju, fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Patt tan-NU għall-Futur adottat f’Settembru 2024 (14), u biex tingħata spinta lil-livell baxx attwali ta’ kompetittività tal-UE. Il-KESE jaqbel li objettivi komprensivi u miri ċari u ambizzjużi għall-implimentazzjoni tal-SDGs jippermettu valutazzjoni, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, ta’ jekk il-politiki u l-investimenti eżistenti humiex effettivi u jwasslux għal progress fid-direzzjoni t-tajba jew jekk humiex meħtieġa aktar riformi u investimenti li l-proċess jista’ sussegwentement jirrakkomanda (15). Għalhekk, il-KESE jemmen ukoll li hemm bżonn li jiġi kkunsidrat mill-ġdid l-approċċ attwali tal-analiżi tal-lakuni applikat għas-Semestru Ewropew. |
|
4.1.3. |
L-għan ġenerali tal-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa li jittieħdu deċiżjonijiet dwar id-direzzjoni tal-politika soċjali u ekonomika fis-snin li ġejjin. Is-suġġetti diskussi fil-qafas tas-Semestru Ewropew huma, b’mod ġenerali, dawk li huma l-aktar rilevanti għas-soċjetà ċivili organizzata. Minn naħa, il-partijiet interessati nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu l-għarfien espert tagħhom u, min-naħa l-oħra, jistgħu jipproponu wkoll miżuri importanti. Bħalissa, ħafna mekkaniżmi għall-parteċipazzjoni, għalkemm jeżistu, huma nieqsa minn djalogu reali u spiss jonqsu milli jsegwu l-kwistjonijiet imqajma, u dan iwassal għal frustrazzjoni. Il-KESE jtenni l-appell tiegħu għal proċess ta’ konsultazzjoni strutturat fil-livell Ewropew, bi proċeduri ta’ konsultazzjoni formalizzati li jkunu aktar armonizzati u trasparenti. L-għan ta’ din il-proċedura huwa li jiġi żgurat li l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet b’mod sistematiku, aktar malajr, aktar sostanzjali u effettiv. Hija għandha tiżgura wkoll li l-partijiet interessati jiġu kkonsultati dwar kif intuża l-kontribut tagħhom u għaliex ittieħdu d-deċiżjonijiet. |
|
4.1.4. |
Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tkompli d-djalogu strutturali tagħha mal-imsieħba soċjali nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni għandha tirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu sommarju dettaljat tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati. Fl-aħħar nett, il-KESE jitlob li l-prinċipju ta’ sħubija riformat jiġi inkluż fis-Semestru Ewropew (16). |
4.2. Il-pjani fiskali-strutturali fuq terminu medju u l-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE
|
4.2.1. |
Fir-rigward tal-kontenut tal-pjani attwali, b’mod ġenerali għad hemm dubji dwar jekk il-miżuri proposti humiex biżżejjed biex jindirizzaw l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri, bħat-tranżizzjoni doppja, l-innovazzjoni u l-kompetittività sostenibbli, kif ukoll l-isfidi strutturali f’termini ta’ sigurtà u difiża, awtonomija strateġika, demografija, enerġija, infrastruttura, protezzjoni soċjali, koeżjoni soċjali u servizzi ta’ kura. Barra minn hekk, l-impatt li l-konklużjonijiet ewlenin tar-rapporti ta’ Letta (17) u ta’ Draghi se jkollhom fuq il-programm ta’ ħidma l-ġdid tal-Kummissjoni għandu, fil-fehma tal-KESE, iwassal għall-possibbiltà li jiġu introdotti bidliet għal xi parti mill-kontenut tal-pjani fiskali u strutturali nazzjonali, dment li jiġu rispettati l-parametri makroekonomiċi li jiggarantixxu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq terminu medju u twil. |
|
4.2.2. |
Minkejja l-appell tiegħu, jiġifieri li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata jkollhom rwol garantit fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali li għandhom jiġu inklużi fil-pjani fiskali strutturali fuq terminu medju (18), il-KESE osserva li f’ħafna Stati Membri l-partijiet interessati ma ngħatawx aċċess għall-kontenut tal-pjan nazzjonali qabel ma ġie ppreżentat lill-Kummissjoni jew qabel ma l-Kummissjoni bagħtet il-valutazzjoni tagħha ta’ dawn il-pjani. Dan minkejja l-fatt li l-pjani jipprovdu l-ankra politika għall-politiki ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri, kif ukoll riformi u investimenti ta’ prijorità għall-erba’ sa seba’ snin li ġejjin. Il-partijiet interessati nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu l-għarfien espert tagħhom u jistgħu jipproponu wkoll miżuri adegwati li jirriflettu r-realtà fil-prattika. Is-sitwazzjoni hija aktar u aktar negattiva peress li s-sjieda nazzjonali tal-impenji magħmulha fil-pjani, li hija waħda mill-fatturi l-aktar probabbli li tiżgura l-implimentazzjoni tagħhom, tista’ tinkiseb biss jekk l-atturi politiċi u soċjali setgħu jipparteċipaw fit-tfassil tagħhom permezz ta’ proċessi ta’ konsultazzjoni formali. Dan għandu jiġi żgurat ukoll f’każ li tiġi attivata l-klawżola liberatorja ġenerali. |
|
4.2.3. |
Għalhekk, l-istess partijiet interessati u l-KESE jtennu l-appell tagħhom lill-Kummissjoni biex tfassal regolament tal-UE dwar kif għandhom jiġu involuti l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess tas-Semestru Ewropew u l-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE. Dan ir-regolament għandu jiddefinixxi l-prinċipji u l-karatteristiċi bażiċi tal-proċess ta’ parteċipazzjoni li għandhom jiġu rispettati fil-proċeduri tal-Istati Membri (19). |
4.3. L-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti previsti fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza
|
4.3.1. |
Fir-rigward ta’ jekk il-gvernijiet nazzjonali humiex se jkunu jistgħu jassorbu l-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza sal-31 ta’ Awwissu 2026, ħafna partijiet interessati għandhom dubji dwar jekk humiex se jkunu jistgħu jagħmlu dan bis-sħiħ jew b’mod korrett. Hemm riskju li l-fondi korrispondenti jintużaw b’mod ineffiċjenti, għad-detriment tal-kwalità u l-effettività tal-proġetti u l-operazzjonijiet imwettqa bl-appoġġ tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Hemm riskju li fondi sinifikanti jintilfu jekk il-gvernijiet ma jżidux l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti previsti fl-RRPs. Għalkemm sar progress fl-assorbiment tal-fondi u fl-implimentazzjoni tal-RRPs, għad hemm ħtieġa urġenti li dan jiġi aċċellerat. Dan huwa dovut b’mod partikolari għal kapaċità amministrattiva insuffiċjenti fil-livell nazzjonali u lokali, ineffiċjenza, kwistjonijiet ta’ trasparenza, problemi ta’ governanza u nuqqas ta’ ppjanar u riżorsi adegwati fl-implimentazzjoni tal-RRPs. Ġew identifikati wkoll raġunijiet oħra għad-dewmien fl-implimentazzjoni, bħan-nuqqas ta’ inizjattiva mis-settur privat, skadenzi mhux realistiċi u koordinazzjoni frammentata bejn l-aġenziji tal-gvern, in-nuqqas ta’ kapaċità ta’ proġetti żgħar li jiġbru biżżejjed fondi, in-nuqqas ta’ riżorsi u skadenzi riġidi li jwasslu għal dewmien minħabba proċeduri burokratiċi, tħejjija inadegwata tar-riformi, nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati li twassal għal tħejjija insuffiċjenti tar-riformi, in-nuqqas ta’ skedi ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-proġetti, kif ukoll dewmien minħabba tħejjija twila ta’ proposti leġiżlattivi u proċeduri ta’ akkwist. |
|
4.3.2. |
Għalhekk huwa essenzjali li l-imsieħba soċjali u ekonomiċi kollha jiġu kkonsultati u mismugħa, u li jiġu pprovduti informazzjoni pubblika sħiħa u komunikazzjoni adegwata. Il-KESE jappella għal koordinazzjoni, ippjanar u allokazzjoni tar-riżorsi mtejba biex jingħeleb id-dewmien, proċeduri semplifikati inkluż it-tnaqqis ta’ dokumentazzjoni bla bżonn u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali. Il-Kumitat jistieden ukoll lill-Istati Membri jipprovdu aċċess għat-taħriġ lill-persunal amministrattiv u l-bini tal-kapaċitajiet ħalli jittejbu l-ġestjoni tal-proġetti u l-proċessi amministrattivi. Barra minn hekk, il-KESE (20) saħaq fuq il-ħtieġa ta’ informazzjoni aħjar, f’waqtha u konsistenti dwar il-progress tal-RRPs nazzjonali. |
|
4.3.3. |
Il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ trasparenza dwar ir-riċevituri finali tal-fondi u stieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet nazzjonali jissemplifikaw il-proċeduri, inaqqsu l-burokrazija u jipprovdu appoġġ biex jiġi żgurat li l-pjani jiġu eżegwiti b’mod effettiv u f’waqtu. Huwa jappella għal trasparenza akbar fil-futur dwar ir-riċevituri finali (21). L-Istati Membri ppubblikaw aktar minn 100 riċevitur ewlieni u, f’xi każijiet, l-ewwel 10 huma mis-settur pubbliku (22). Trasparenza akbar tippermetti li tkun magħrufa l-lista sħiħa tar-riċevituri tal-fondi tal-RRP. Il-Kummissjoni għandha tbiddel id-definizzjoni, li mhijiex fir-regolament, iżda fil-linji gwida (23). Il-fluss tal-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jrid ikun trasparenti u traċċabbli biex jiġi żgurat li dawn ir-riżorsi jintużaw b’mod effettiv. Għandna narmonizzaw l-informazzjoni meta nittrattaw il-flus pubbliċi. |
|
4.3.4. |
Il-KESE jitlob li r-rapport annwali li jmiss tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jinkludi analiżi tematika tal-involviment tal-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali (24). |
|
4.3.5. |
Il-Kumitat jappella għal estensjoni tal-iskadenza għall-infiq tal-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jekk isir ċar li n-nuqqas ta’ estensjoni tagħha jwassal għal telf ta’ fondi (25). Hemm bżonn ta’ aktar flessibbiltà fil-mod kif jiġu implimentati l-pjani nazzjonali. Hemm differenza fiż-żmien bejn in-negozjar tal-QFP u t-tmiem uffiċjali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Idealment, it-tmiem tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandu jkun allinjat mal-QFP il-ġdid, li jagħti lill-Istati Membri aktar żmien biex iwettqu l-investimenti u r-riformi ppjanati. Barra minn hekk, il-KESE osserva li f’diversi Stati Membri, is-soċjetà ċivili organizzata hija favur l-użu tal-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għall-QFP, u dan l-approċċ ikun soluzzjoni aċċettabbli għan-nuqqas ta’ progress li sar biex jintlaħqu l-għanijiet komuni tagħna. Madankollu, għandu jkun akkumpanjat minn garanzija ta’ flessibbiltà fil-mod kif jiġi implimentat u minn regoli vinkolanti, biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jimxu mar-regoli, bl-għan li jkun hemm kemm attraenza kif ukoll infurzabbiltà. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jirrakkomanda li jiġu evitati ċentralizzazzjoni bla bżonn u piżijiet addizzjonali għall-programmi kollha, li tiġi ppreżervata l-metodoloġija speċifika li wasslet biex il-programmi ewlenin tal-UE (bħall-programmi tal-politika ta’ koeżjoni) jirnexxu, u l-prinċipju tas-sħubija li jiżgura li l-partijiet interessati rilevanti jkunu involuti kif suppost. |
|
4.3.6. |
Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li tiġi ċċarata d-definizzjoni tal-objettivi intermedji u tal-miri, li jiġu definiti aħjar l-għodod u l-metrika tal-evalwazzjoni, u li tiġi ggarantita l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri (26). Il-Kumitat jisħaq li jeħtieġ ukoll li niffukaw aktar fuq it-tfassil ta’ proġetti transfruntiera. |
|
4.3.7. |
Fl-aħħar nett, jinsisti li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza trid tkun storja ta’ suċċess. Is-soċjetà ċivili organizzata tenfasizza diversi tagħlimiet meħuda mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jistgħu jiġu applikati għal strumenti finanzjarji oħra tal-UE. Dawn it-tagħlimiet jikkonċernaw diversi suġġetti bħall-burokrazija u proċeduri semplifikati, l-involviment tal-imsieħba soċjali nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-flessibbiltà mogħtija lill-implimentazzjoni tal-istrument, il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni aħjar, kif ukoll l-ippjanar u l-monitoraġġ ta’ tali strument. |
4.4. Ħtiġijiet ta’ investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali u futuri
|
4.4.1. |
Il-KESE jaqbel mal-analiżi u l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ Draghi (27) dwar kif l-UE għandha tindirizza l-isfidi multipli attwali (28) billi ttemm in-nuqqas kbir ta’ investiment fl-ekonomija Ewropea f’dawn l-aħħar deċennji u tagħti spinta lill-kompetittività sostenibbli. Madankollu, dan huwa aktar u aktar diffiċli biex jinkiseb peress li ħafna Stati Membri jridu jnaqqsu d-defiċits pubbliċi u l-livelli tad-dejn tagħhom permezz tal-pjani fiskali u strutturali nazzjonali stabbiliti fil-qafas il-ġdid ta’ governanza makroekonomika tal-UE. L-uniku mod biex dawn l-objettivi u politiki jsiru kompatibbli u biex jiġi żgurat li jiġu ffinanzjati b’mod adegwat huwa doppju. L-ewwel nett, jeħtieġ li nikkoordinaw aħjar l-investimenti nazzjonali u nsaħħuhom b’linji gwida ta’ politika Ewropej. Dan jirrikjedi t-tisħiħ tas-Semestru Ewropew u t-titjib tal-funzjonament tiegħu. It-tieni, jeħtieġ li nagħtu spinta lill-kapaċità ta’ finanzjament tal-UE, b’ristrutturar u żidiet sostanzjali fil-QFP li jmiss, filwaqt li nikkunsidraw ukoll il-ħolqien ta’ Fond għall-Investimenti Strateġiċi, li jagħti prijorità lill-finanzjament ta’ beni komuni Ewropej u investimenti nazzjonali li jirriflettu l-prijoritajiet politiċi Ewropej ewlenin. Għandna nżidu wkoll il-kapaċità ta’ finanzjament tal-BEI permezz ta’ verżjoni msaħħa ġdida tal-programmi speċifiċi ta’ InvestEU (bħall-inizjattiva InvestAI u l-Fond Ewropew għall-Kompetittività mħabbar). |
|
4.4.2. |
Il-kontradizzjoni bejn il-ħtieġa li wieħed ilaħħaq simultanjament ma’ żieda qawwija fl-investiment u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-livelli tad-dejn, mingħajr ma jiġu affettwati b’mod negattiv il-politiki ta’ koeżjoni soċjali, tirrikjedi wkoll azzjoni dwar id-dħul mit-taxxa. Fil-fehma tal-KESE, il-politika ekonomika Ewropea għandha tinkludi linji gwida għall-promozzjoni ta’ tassazzjoni adegwata, ġusta u aktar koordinata fil-livell tal-UE li tgħin fil-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku, li min-naħa tiegħu jista’ jissarraf f’żieda sostenibbli fid-dħul pubbliku. Barra minn hekk, dawn il-linji gwida dwar it-taxxa għandhom jitfasslu apposta għal kull Stat Membru, billi jitqiesu l-istruttura u s-sistema tat-taxxa tal-ekonomija tagħhom, kif ukoll tiġi promossa d-distribuzzjoni ugwali tal-introjtu u l-ġid. |
|
4.4.3. |
Ir-rapport ta’ Draghi indika li t-tfaddil tal-UE, li huwa 50 % ogħla milli fl-Istati Uniti, ma jiġix orjentat biżżejjed lejn l-investiment. L-azzjoni meħtieġa biex tiġi kkompletata l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, billi jingħelbu l-ostakli li ilhom jipprevjenu dan għal tant snin, ma tistax tibqa’ tiġi posposta. Fl-istess ħin, l-UE jeħtiġilha tirrieżamina u tadatta l-politiki kollha li jinkoraġġixxu u jippromovu l-użu tal-kapital lejn l-objettivi ta’ investiment ta’ prijorità tal-UE. |
|
4.4.4. |
Ir-riformi u l-investiment nazzjonali kkoordinati se jkunu wkoll komponent ewlieni tal-Boxxla għall-Kompetittività l-ġdida tal-UE. Il-Kummissjoni ħabbret il-ħolqien ta’ Għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività ġdida li għandha tiġi applikata flimkien mal-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jilħqu l-prijoritajiet komuni tal-kompetittività. Din tiddikjara li l-approċċ li jiġu kkombinati r-riformi u l-investimenti sabiex jiġu implimentati l-prijoritajiet tal-UE fil-livell nazzjonali, introdott fis-Semestru Ewropew u n-Next Generation EU, se jiġi kkomplementat b’azzjonijiet transfruntiera u madwar l-UE kollha kkoordinati permezz ta’ Għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività. Din l-għodda se jkollha l-għan li tallinja l-politiki u l-investimenti industrijali u tar-riċerka fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u se taħdem flimkien ma’ Semestru Ewropew semplifikat li jkun iffukat fuq ir-riformi u l-investimenti għall-kompetittività fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, taħt il-QFP li jmiss, l-implimentazzjoni tal-Għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività se tkun appoġġjata minn Fond għall-Kompetittività ġdid. Il-KESE jappella għal kjarifika ulterjuri dwar kif dawn l-għodod huma interkonnessi mas-Semestru tal-UE, u b’hekk tiġi evitata kwalunkwe burokrazija ulterjuri u bla bżonn. |
Brussell, it-30 ta’ April 2025.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) European Social Fund support to social partners in the 2007-2013 period (Il-Fond Soċjali Ewropew jappoġġja lill-imsieħba soċjali fil-perjodu 2007-2013), Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159), Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar It-tisħiħ tal-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2027 — sfidi, riskji u opportunitajiet (ĠU C, C/2025/2018, 30.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2018/oj) u Rapport ta’ evalwazzjoni dwar Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, dwar il-kodiċi ta’ kondotta u diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati fil-konferenza tas-CEMR u l-pubblikazzjoni tad-dokument tagħha Top level decision — Local consequences: The European Semester explained (Deċiżjoni fl-ogħla livell — konsegwenzi lokali: Is-Semestru Ewropew spjegat) tat-2 ta’ Diċembru 2024.
(2) Rapport ta’ evalwazzjoni tal-KESE Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza .
(3) Qorti tal-Awdituri — Għoti ta’ Kwittanza lill-Kummissjoni għall-2023: Seduta ta’ Smigħ mal-Kummissarji Valdis Dombrovskis u Paolo Gentiloni dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit — Parlament Ewropew — it-12 ta’ Novembru 2024) Parlament Ewropew — The 100 largest recipients of Recovery and Resilience Facility [L-akbar mitt riċevitur tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (mhux disponibbli bil-Malti)].
(4) F’konformità mal-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ECON-VII/037 dwar Eżami ta’ nofs it-terminu tal-pjan ta’ rkupru Ewropew ta’ wara l-COVID 19 (Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) (adottata f’Ottubru 2024) (ĠU C, C/2024/7057, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7057/oj).
(5) F’konformità mal-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ECON-VII/037 dwar Eżami ta’ nofs it-terminu tal-pjan ta’ rkupru Ewropew ta’ wara l-COVID 19 (Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) (adottata f’Ottubru 2024) (ĠU C, C/2024/7057, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7057/oj).
(6) Qorti tal-Awdituri — Għoti ta’ Kwittanza lill-Kummissjoni għall-2023: Seduta ta’ Smigħ mal-Kummissarji Valdis Dombrovskis u Paolo Gentiloni dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit — Parlament Ewropew — 12 ta’ Novembru 2024) Parlament Ewropew — The 100 largest recipients of Recovery and Resilience Facility [L-akbar mitt riċevitur tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza mhux disponibbli bil-Malti)].
(7) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Fond ta’ investiment tal-UE għar-reżiljenza ekonomika u l-kompetittività sostenibbli (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C, C/2024/6862, 28.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6862/oj).
(8) Inforegio — Politika ta’ Koeżjoni Ġdida.
(9) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Semestru Ewropew 2025: nagħtu l-ħajja lill-qafas il-ġdid tal-governanza ekonomika (26 ta’ Novembru 2024).
(10) Ir-riformi u l-investimenti li jissodisfaw kemm l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew kif ukoll il-prijoritajiet komuni tal-UE.
(11) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97” (COM(2023) 240 final — 2023/0138 (COD)); “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv” (COM(2023) 241 final — 2023/0137 (CNS)); “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri” (COM(2023) 242 final — 2023/0136 (NLE)) (ĠU C, C/2023/880, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/880/oj).
(12) Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(13) Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza | Kummissjoni Ewropea.
(14) https://www.un.org/en/summit-of-the-future/pact-for-the-future.
(15) A European Agenda To Navigate Uncertain Times — How to steer the EU towards wellbeing for all now and in the future — MERGE (mergeproject.eu) [Aġenda Ewropea biex Nimxu fi Żminijiet ta’ Inċertezza — Kif immexxu l-UE lejn il-benesseri għal kulħadd issa u fil-futur (mhux disponibbli bil-Malti)].
(16) European Social Fund support to social partners in the 2007-2013 period (Il-Fond Soċjali Ewropew jappoġġja lill-imsieħba soċjali fil-perjodu 2007-2013), Regolament 2021/1060, Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar It-tisħiħ tal-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2027 — sfidi, riskji u opportunitajiet (ĠU C, C/2025/2018, 30.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2018/oj) u Rapport ta’ evalwazzjoni dwar Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, dwar il-kodiċi ta’ kondotta u diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati fil-konferenza tas-CEMR u l-pubblikazzjoni tad-dokument tagħha Top level decision — Local consequences: The European Semester explained (Deċiżjoni fl-ogħla livell — konsegwenzi lokali: Is-Semestru Ewropew spjegat) tat-2 ta’ Diċembru 2024.
(17) Enrico Letta — Much more than a market (April 2024) (Ħafna aktar minn suq) [mhux disponibbli bil-Malti].
(18) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97” (COM(2023) 240 final — 2023/0138 (COD)); “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv” (COM(2023) 241 final — 2023/0137 (CNS)); “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri” (COM(2023) 242 final — 2023/0136 (NLE)) (ĠU C, C/2023/880, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/880/oj).
(19) Opinjonijiet tal-KESE dwar Proposti ta’ riforma u investiment u l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri — x’inhi l-fehma tas-soċjetà ċivili organizzata?(iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2023-2024) (ĠU C, C/2024/4054, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4054/oj), dwar Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE għal riforma soda tas-Semestru Ewropew ( ĠU C 228, 29.6.2023, p. 1 u dwar Regoli ġodda dwar il-governanza ekonomika adatti għall-futur (ĠU C, C/2023/880, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/880/oj).
(20) Rapport ta’ evalwazzjoni tal-KESE dwar Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza .
(21) Qorti tal-Awdituri — Għoti ta’ Kwittanza lill-Kummissjoni għall-2023: Seduta ta’ Smigħ mal-Kummissarji Valdis Dombrovskis u Paolo Gentiloni dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit — Parlament Ewropew — it-12 ta’ Novembru 2024) Parlament Ewropew — The 100 largest recipients of Recovery and Resilience Facility [L-akbar mitt riċevitur tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (mhux disponibbli bil-Malti)].
(22) Parlament Ewropew — The 100 largest recipients of Recovery and Resilience Facility funds [L-akbar mitt riċevitur tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (mhux disponibbli bil-Malti)].
(23) Qorti tal-Awdituri — Rapport Speċjali 13/2024 (Settembru 2024): “ Rakkomandazzjoni 1 — Tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tad-definizzjoni ta’ “riċevitur finali ”. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri jkollhom fehim komuni ta’ x’jikkostitwixxi “riċevitur finali” u japplikawh b’mod konsistenti.
(24) F’konformità mal-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ECON-VII/037 dwar Eżami ta’ nofs it-terminu tal-pjan ta’ rkupru Ewropew ta’ wara l-COVID 19 (Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) (adottata f’Ottubru 2024) (ĠU C, C/2024/7057, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7057/oj).
(25) F’konformità mal-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ECON-VII/037 dwar Eżami ta’ nofs it-terminu tal-pjan ta’ rkupru Ewropew ta’ wara l-COVID 19 (Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) (adottata f’Ottubru 2024) (ĠU C, C/2024/7057, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7057/oj).
(26) Qorti tal-Awdituri — Għoti ta’ Kwittanza lill-Kummissjoni għall-2023: Seduta ta’ Smigħ mal-Kummissarji Valdis Dombrovskis u Paolo Gentiloni dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit — Parlament Ewropew — 12 ta’ Novembru 2024) Parlament Ewropew — The 100 largest recipients of Recovery and Resilience Facility [L-akbar mitt riċevitur tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (mhux disponibbli bil-Malti)].
(27) EU competitiveness: Looking ahead — Kummissjoni Ewropea [Il-kompetittività tal-UE: inħarsu ’l quddiem (mhux disponibbli bil-Malti)].
(28) L-isfidi li tirrispondi b’mod simultanju għall-ħtieġa li jiżdiedu l-produttività u l-kompetittività tal-ekonomiji tagħhom, l-isfidi ġeopolitiċi ewlenin, li jiġi applikat il-kunċett ta’ awtonomija strateġika miftuħa għal oqsma bħas-sigurtà u d-difiża, il-politiki industrijali u kummerċjali, li jsir progress biex jintlaħqu l-objettivi tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, li tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3194/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)