IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.1.2025
COM(2025) 34 final
2025/0021(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-modifika tad-dazji doganali applikabbli għal ċerti prodotti li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-għan ta’ din il-proposta għal regolament, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2024, huwa li jiżdiedu d-dazji doganali applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti agrikoli li bħalissa huma kklassifikati skont il-Kapitoli 1, 2, 4 sa 24, 29, 33, 35, 38, 41, 43, 50, 51, 52 u 53 tan-Nomenklatura Magħquda (NM) kif ukoll ta’ ċerti fertilizzanti attwalment ikklassifikati skont il-Kapitolu 31 tan-NM, li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja. Il-proposta żżid b’mod sinifikanti u b’effett immedjat it-tariffi tal-importazzjoni applikabbli għall-prodotti agrikoli mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja, filwaqt li ż-żidiet fit-tariffi għall-fertilizzanti se jseħħu gradwalment, fuq perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin. Barra minn hekk, dawk il-prodotti li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja jkunu pprojbiti milli jkollhom aċċess għall-kwoti tariffarji tal-Unjoni.
Fl-2023, l-importazzjonijiet tal-Unjoni tal-prodotti agrikoli mill-Federazzjoni Russa koperti mir-regolament propost (“il-prodotti agrikoli kkonċernati”) ammontaw għal 2,9 miljun tunnellata, b’valur ta’ EUR 380 miljun (skont id-data tal-Eurostat). It-tariffi erga omnes tal-Unjoni (jiġifieri t-tariffi tal-pajjiż l-aktar favorit applikati bħalissa) fuq dawk il-prodotti agrikoli kkonċernati jvarjaw ħafna. Mhu qed isir l-ebda kummerċ fi prodotti agrikoli li diġà jġarrbu tariffi għoljin tal-pajjiż l-aktar favorit. B’kuntrast ma’ dan, prodotti agrikoli mill-Federazzjoni Russa li ma jġarrbux tariffi tal-pajjiż l-aktar favorit jew li jġarrbu biss tariffi relattivament baxxi għadhom qed jiġu importati fl-Unjoni minħabba li ma hemm l-ebda ostaklu sostanzjali ta’ tariffa tal-pajjiż l-aktar favorit għad-dħul tagħhom fis-suq tal-Unjoni.
Fl-2023, it-tipi ta’ fertilizzanti koperti mir-regolament propost (“il-fertilizzanti kkonċernati”) kienu jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-konsum ġenerali tal-fertilizzanti fl-Unjoni. Skont l-Eurostat, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha kienu jammontaw għal 14-il miljun tunnellata, u dawn kienu jinkludu importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa li kien jammontaw għal 3,6 miljun tunnellata (b’valur ta’ EUR 1,28 biljun) – jiġifieri aktar minn 25 % tal-importazzjonijiet totali tal-Unjoni (skont it-tunnellaġġ). Il-produtturi tal-Unjoni jissodisfaw il-bqija tad-domanda tal-Unjoni għal dawn it-tipi ta’ fertilizzanti, u l-esportazzjonijiet tal-Unjoni lejn il-bqija tad-dinja ta’ dawn il-prodotti kienu jammontaw għal 8 miljun tunnellata fl-2023. Għall-fertilizzanti kollha kkonċernati, it-tariffi erga omnes tal-Unjoni (jiġifieri t-tariffi tal-pajjiż l-aktar favorit applikati bħalissa) huma stabbiliti fil-livell ta’ 6,5 %, li hija rata baxxa u mhux xkiel sinifikanti għall-importazzjoni tagħhom mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni.
L-importazzjoni attwali tal-prodotti agrikoli u l-fertilizzanti kkonċernati tikkostitwixxi dipendenza fuq il-Federazzjoni Russa li tista’, jekk ma tiġix indirizzata, tfixkel is-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni u, speċjalment fil-każ tal-fertilizzanti, tagħmel lill-Unjoni partikolarment vulnerabbli għal azzjonijiet koerċittivi potenzjali tal-Federazzjoni Russa. L-importazzjonijiet tal-fertilizzanti kkonċernati mill-Federazzjoni Russa diġà qed jiżdiedu u din iż-żieda tista’ taċċellera jekk volumi sinifikanti jiġu orjentati mill-ġdid lejn l-Unjoni, minħabba li l-Federazzjoni Russa tipproduċi volumi kbar ħafna tal-fertilizzanti kkonċernati. Tali żieda potenzjali fl-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa tfixkel is-suq tal-Unjoni f’dawk il-prodotti u tagħmel ħsara lill-produtturi tal-fertilizzanti tan-nitroġenu tal-Unjoni li qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jikkompetu mal-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa fi żmien meta l-prezzijiet tal-gass fl-Unjoni għadhom għoljin. Is-sopravivenza fit-tul tal-industrija tal-fertilizzanti tan-nitroġenu tal-Unjoni hija kruċjali għas-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni minħabba li l-fertilizzanti inkwistjoni huma essenzjali għat-tkabbir tal-pjanti u għandhom rwol kritiku fiż-żamma tal-kapaċità tas-settur agrikolu tal-Unjoni li jipproduċi l-ikel. Għalhekk, l-indirizzar tad-dipendenza dejjem akbar fuq l-importazzjonijiet tal-fertilizzanti kkonċernati mill-Federazzjoni Russa u l-preservazzjoni tal-vijabbiltà ta’ industrija awtonoma tal-fertilizzanti tan-nitroġenu tal-Unjoni huma vitali biex tiġi żgurata u miżmuma s-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni. Il-livell attwali ta’ importazzjonijiet tal-prodotti agrikoli kkonċernati mhuwiex komparabbli ma’ dak għall-fertilizzanti kkonċernati, iżda l-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa jfisser li d-dipendenza għandha ma titħalliex tiżviluppa fil-futur. Madankollu, mhuwiex possibbli li jiġi żgurat li dan ma jseħħx jekk it-tariffi fuq il-prodotti agrikoli kkonċernati jibqgħu fil-livelli attwali.
Il-miżuri tariffarji proposti jiżguraw li l-Federazzjoni Russa ma tibbenefikax kummerċjalment milli tkompli tesporta lejn l-Unjoni. Dan ikun konsistenti mal-interessi tal-Unjoni u mad-dritt u l-politiki tal-Unjoni, speċjalment dawk applikati lejn il-Federazzjoni Russa u r-Repubblika tal-Belarussja fil-kuntest tal-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-appoġġ li r-Repubblika tal-Belarussja tkompli tipprovdi għal dan.
Ir-Repubblika tal-Belarussja tesporta kwantitajiet limitati tal-prodotti agrikoli u l-fertilizzanti kkonċernati (EUR 92 miljun ta’ prodotti agrikoli u EUR 29.6 miljun ta’ fertilizzanti fl-2023). Għalhekk mhijiex produttur jew esportatur importanti ta’ dawk il-prodotti. Madankollu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost jinkludi r-Repubblika tal-Belarussja minħabba r-rabtiet politiċi u ekonomiċi mill-qrib tagħha mal-Federazzjoni Russa u sabiex jiġi evitat li l-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa jiġu direzzjonati b’mod illegali u frawdolenti minn ġewwa r-Repubblika tal-Belarussja li tista’ tiġri jekk jibqgħu l-istess it-tariffi tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Belarussja jew jiġu esportati minnha. Fid-dawl tat-tqarrib kontinwu u ż-żieda fil-kummerċ bejn ir-Repubblika tal-Belarussja u l-Federazzjoni Russa, huwa xieraq li l-prodotti kkonċernati mir-Repubblika tal-Belarussja jiġu ttrattati bl-istess mod bħal dawk mill-Federazzjoni Russa.
Ir-Regolament propost iżid it-tariffi għall-prodotti kkonċernati li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja għal livell għoli biżżejjed biex titwaqqaf l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti. Għall-prodotti agrikoli kkonċernati kollha, it-tariffi fuq l-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja lejn l-Unjoni jiżdiedu b’dazju ad valorem ta’ 50 %. Sabiex jiġi evitat id-dħul tal-prodotti agrikoli kkonċernati li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja fis-suq tal-Unjoni bir-rati aktar baxxi applikabbli skont il-kwoti tariffarji tal-Unjoni, huwa meħtieġ ukoll li l-prodotti li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta’ tariffi mnaqqsa skont dawk il-kwoti. Għall-fertilizzanti kkonċernati, minbarra d-dazju ad valorem eżistenti ta’ 6,5 %, it-tariffa tkun soġġetta għal dazju speċifiku addizzjonali li jiżdied gradwalment, li jibda minn EUR 40 jew EUR 45 għal kull tunnellata, skont it-tip ta’ fertilizzant (li jikkorrispondi għal madwar 13 % f’ekwivalenti ad valorem), għal livell projbittiv ta’ EUR 315 jew EUR 430 għal kull tunnellata rispettivament, tliet snin wara l-bidu tal-applikazzjoni tar-regolament propost (livell ta’ madwar 100 % f’ekwivalenti ad valorem). Fil-perjodu tranżitorju ta’ tliet snin, dawn it-tariffi ta’ livell projbittiv se jiġu introdotti wkoll fil-każ li prodotti mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja jiġu importati ’l fuq minn ċerti volumi speċifikati.
Ir-regolament propost mhuwiex mistenni li jaffettwa b’mod negattiv is-sigurtà globali tal-ikel. L-ewwel nett, iż-żieda fit-tariffi tal-Unjoni tapplika biss għall-importazzjonijiet fl-Unjoni u għalhekk ma taffettwax it-tranżitu tal-prodotti kkonċernati mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja minn ġewwa t-territorju tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi. It-tieni, iż-żieda fid-dazji tal-importazzjoni tal-Unjoni mistennija tnaqqas b’mod sostanzjali l-flussi ta’ dawn l-importazzjonijiet ġewwa l-Unjoni, u b’hekk fil-fatt iżżid il-kwantitajiet ta’ prodotti kkonċernati disponibbli għal pajjiżi terzi – u partikolarment għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
•Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-impożizzjoni ta’ tariffi tal-importazzjoni fuq il-prodotti kkonċernati tappartjeni għall-Politika Kummerċjali Komuni tal-Unjoni stabbilita fl-Artikoli 206 u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Din tikkorrispondi għal “bidliet fir-rati tariffarji” kif previst fl-Artikolu 207(1) TFUE u tibni fuq l-opzjoni li jiċċaħħad it-trattament tal-pajjiż l-aktar favorit għal prodotti li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa li kienet riflessa fid-“Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna bl-appoġġ tal-Belarussja” magħmula mill-Unjoni u minn diversi Membri oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f’Ġinevra fis-17 ta’ Marzu 2022. Dan diġà tqiegħed fil-prattika f’diversi regolamenti, inkluż ir-regolament li permezz tiegħu l-Unjoni imponiet rati tariffarji ogħla fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti agrikoli mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Iż-żidiet proposti fid-dazji doganali fuq ċerti prodotti agrikoli u fertilizzanti li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja elenkati f’din il-proposta huma konsistenti mal-miżuri restrittivi meħuda mill-Unjoni kontra dawn il-pajjiżi wara l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-appoġġ li r-Repubblika tal-Belarussja tkompli tipprovdi lill-aggressjoni tal-Federazzjoni Russa. Iż-żidiet fit-tariffi f’dan ir-regolament propost għalhekk ikunu konformi mar-rekwiżit skont l-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. Huma konformi wkoll mal-Artikolu 207(1) TFUE, li jipprevedi li l-Politika Kummerċjali Komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali tal-proposta hija l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-Politika Kummerċjali Komuni hija, f’konformità mal-Artikolu 3(1)(e) TFUE, definita bħala kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u għalhekk ma japplikax il-prinċipju tas-sussidjarjetà.
•Proporzjonalità
Dan ir-regolament propost huwa meħtieġ sabiex tiġi implimentata l-Politika Kummerċjali Komuni, bl-objettiv li jitnaqqsu l-importazzjonijiet tal-Unjoni mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja. Dan it-tnaqqis huwa xprunat minn tħassib li dawn l-importazzjonijiet japprofondixxu d-dipendenzi eżistenti u għalhekk għandhom impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni. Ir-regolament propost huwa konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati, b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-prodotti agrikoli u l-fertilizzanti kkonċernati li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja ma jfixklux is-suq tal-Unjoni għal dawk il-prodotti u l-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Doganali. Għalhekk dawk il-prodotti ma għandux ikollhom aċċess għas-suq tal-Unjoni b’termini li jkunu favorevoli daqs it-termini li japplikaw għall-importazzjonijiet ta’ tali prodotti minn pajjiżi terzi oħra. Il-proporzjonalità hija żgurata mill-fatt li r-regolament propost iżid id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni applikabbli għall-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja u mill-fatt li dan huwa meħtieġ biex jiġu limitati tali importazzjonijiet fejn it-tariffi attwali jew huma stabbiliti għal żero, inkella huma baxxi. Iż-żieda hija meħtieġa biex titnaqqas il-kapaċità tal-Federazzjoni Russa u tar-Repubblika tal-Belarussja li jużaw bħala għodda ta’ ġlied l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni. Iż-żieda proposta fit-tariffi tillimita l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet fundamentali, iżda tagħmel dan biss sal-punt meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha.
•Għażla tal-istrument
Din il-proposta hija f’konformità mal-Artikolu 207(2) TFUE, li jipprevedi miżuri tal-Politika Kummerċjali Komuni għall-promulgazzjoni ta’ bidliet fil-livelli tat-tariffi fil-forma ta’ regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux applikabbli.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Mhux applikabbli.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Mhux applikabbli.
•Valutazzjoni tal-impatt
Fid-dawl tal-kapaċità attwali tal-Federazzjoni Russa li tuża l-esportazzjoni tagħha ta’ ċerti prodotti agrikoli u partikolarment il-fertilizzanti kkonċernati biex tiddestabbilizza s-swieq tal-Unjoni, taffettwa b’mod negattiv is-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni u ddgħajjef l-unità tal-Unjoni fl-appoġġ lill-Ukrajna; kif ukoll fid-dawl tal-appoġġ tar-Repubblika tal-Belarussja għall-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa, huwa importanti li r-regolament propost jidħol fis-seħħ b’mod urġenti sabiex jiżdiedu kemm jista’ jkun malajr ir-rati tad-dazju applikabbli għall-prodotti kkonċernati mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja. Għalhekk ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt għar-regolament propost. Huwa mistenni li l-miżura proposta se tnaqqas b’mod sinifikanti l-importazzjoni fl-Unjoni tal-prodotti kkonċernati li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja, u li dan se jirriżulta f’diversifikazzjoni ulterjuri tat-tiftix ta’ sorsi ta’ provvista ta’ dawk il-prodotti lil hinn mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-miżura ma żżidx b’mod sproporzjonat il-piż regolatorju tal-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta hija konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Meta l-impożizzjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni taffettwa, fl-Unjoni, il-libertà ta’ dħul f’kummerċ internazzjonali bħala parti mil-libertà tal-attività professjonali, id-dritt tal-proprjetà jew drittijiet fundamentali oħra inkluż it-trattament ugwali, din l-impożizzjoni tista’ titqies azzjoni leġittima mill-Unjoni f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan għaliex din l-azzjoni tittieħed f’konformità mar-rekwiżiti għall-azzjoni li għandha tittieħed abbażi ta’ bażi legali xierqa; mill-awtoritajiet kompetenti; u fl-insegwiment tal-objettiv leġittimu li jitqiegħdu fi żvantaġġ kummerċjali l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja sabiex titrawwem id-diversifikazzjoni tal-provvisti lil hinn minn dawk iż-żewġ pajjiżi billi jiġu promossi aktar produzzjoni domestika tal-Unjoni u importazzjonijiet alternattivi minn pajjiżi terzi oħra. Ir-regolament propost jipprevjeni wkoll disturbi serji fis-swieq rilevanti u l-użu bħala għodda tal-ġlied tal-esportazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja; u jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-Unjoni b’mod li jkun konsistenti kemm mal-miżuri attwali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif ukoll mal-prinċipju tal-proporzjonalità. B’mod speċifiku, fir-rigward tat-trattament ugwali, il-fatt li jiġu imposti dazji miżjuda fuq l-importazzjoni fuq l-importaturi ta’ ċerti prodotti agrikoli u fertilizzanti li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja – iżda mhux fuq l-importaturi ta’ prodotti li la joriġinaw u lanqas jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja – iwieġeb għal wieħed mill-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. Dan huwa l-objettiv leġittimu ta’ politika tal-Unjoni li tnaqqas tali importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja, u li tipproteġi s-swieq tal-Unjoni minn abbuż tal-kummerċ tal-prodotti kkonċernati li jkun maħsub biex jiddestabbilizza s-swieq tal-Unjoni jew l-istabbiltà politika u s-solidarjetà tal-Unjoni.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ir-regolament propost ma jkollu l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa u għandu biss impatt finanzjarju limitat ħafna fuq id-dħul. Mal-applikazzjoni sħiħa tar-regolament propost, il-ġbir ta’ dazji doganali miżjuda li jikkorrispondu għaż-żidiet proposti jkun mistenni li jkun minimu (qrib iż-żero) minħabba li ż-żieda proposta fid-dazji x’aktarx li tnaqqas il-flussi tal-importazzjoni mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja għal volumi negliġibbli.
Min-naħa l-oħra, jista’ jkun mistenni xi telf baġitarju minħabba li jonqsu r-riżorsi proprji ġġenerati għall-baġit tal-Unjoni probabbilment. Il-valur eżatt tat-telf tal-baġit jiddependi fuq kif se jiġu sostitwiti l-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja. Minn naħa waħda, is-sostituzzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet bi produzzjoni domestika fl-Unjoni jew b’importazzjonijiet preferenzjali (partikolarment ta’ fertilizzanti mill-Alġerija u mill-Eġittu) tirriżulta fi tnaqqis tar-riżorsi proprji. Min-naħa l-oħra, is-sostituzzjoni tagħhom b’żieda fl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra li mhumiex sħab preferenzjali ma tnaqqasx ir-riżorsi proprji minħabba li dawn l-importazzjonijiet ġodda addizzjonali jiġġeneraw l-istess livell ta’ Tariffi Doganali Komuni bħall-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja li jkunu qed jissostitwixxu. Ladarba r-regolament propost jiġi applikat bis-sħiħ, l-effett fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali tal-baġit tal-Unjoni huwa għalhekk stmat li huwa telf sa EUR 84 miljun (jiġifieri 75 % tad-dħul totali mit-tariffi tal-2023 ta’ EUR 112 miljun) f’xenarju fejn l-importazzjonijiet eżistenti kollha tal-Unjoni mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja jiġu sostitwiti mill-produzzjoni domestika u l-importazzjonijiet preferenzjali tal-Unjoni.
It-telf ta’ dħul f’riżorsi proprji tradizzjonali jiġi kkumpensat mill-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-Istati Membri abbażi tal-kontribuzzjonijiet tar-riżorsi. Madankollu, huwa mistenni li, matul l-ewwel tliet snin tal-applikazzjoni tal-miżuri proposti, id-dħul addizzjonali mit-tariffi marbut ma’ tariffi ogħla fuq l-importazzjonijiet li jifdal ta’ fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja jpaċi parzjalment jew possibbilment saħansitra kompletament it-telf fid-dħul assoċjat ma’ volumi importati aktar baxxi. Għalhekk jista’ jkun mistenni li, matul dan il-perjodu inizjali ta’ tliet snin, it-telf nett ta’ dħul għal dawk il-prodotti fir-riżorsi proprji tradizzjonali jkun qrib iż-żero.
Id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva tistabbilixxi l-implikazzjonijiet baġitarji tar-regolament propost f’aktar dettall.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Rapportar online dwar l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tal-Unjoni tal-prodotti agrikoli u l-fertilizzanti kkonċernati li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja huwa disponibbli fuq siti web dedikati tal-Kummissjoni Ewropea (Eurostat).
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Mhux applikabbli.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Ir-regolament propost jipprevjeni ċerti prodotti agrikoli u fertilizzanti li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja milli jaċċessaw is-suq tal-Unjoni b’termini li huma favorevoli daqs it-termini li japplikaw għall-importazzjonijiet ta’ dawk il-prodotti minn oriġini oħra. Huwa jagħmel dan billi jżid id-dazji ta’ importazzjoni fuq dawk il-prodotti kollha – b’dazju ad valorem ta’ 50 % għall-prodotti agrikoli u billi jżid gradwalment it-tariffi fuq il-fertilizzanti b’livell li jibda minn EUR 40 jew EUR 45 għal kull tunnellata (skont it-tip ta’ fertilizzant) sakemm it-tariffa addizzjonali tilħaq il-livell ta’ tariffa projbittiva sa EUR 315 jew 430 għal kull tunnellata tliet snin wara l-bidu tal-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi. Fil-perjodu tranżitorju ta’ tliet snin, dawn it-tariffi ta’ livell projbittiv se jiġu introdotti wkoll fil-każ li prodotti mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja jiġu importati ’l fuq minn ċerti volumi speċifikati. Barra minn hekk, dawk il-prodotti li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja jkunu pprojbiti wkoll milli jibbenefikaw mill-kwoti tariffarji tal-Unjoni għal dawk il-prodotti. Dawk il-kwoti tariffarji jipprovdu aċċess għas-suq tal-Unjoni f’livell tariffarju aktar baxx mit-tariffi l-ġodda proposti.
2025/0021 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-modifika tad-dazji doganali applikabbli għal ċerti prodotti li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)L-importazzjonijiet tal-Unjoni ta’ fertilizzanti bbażati fuq l-urea u n-nitroġenu mill-Federazzjoni Russa kienu sinifikanti fil-livell ta’ 3,6 miljun tunnellata fl-2023 u żdiedu b’mod konsiderevoli fl-2024 meta mqabbla mal-2023. Il-livell tal-importazzjonijiet tal-Unjoni mill-Federazzjoni Russa tal-prodotti agrikoli koperti minn dan ir-Regolament (“il-prodotti agrikoli kkonċernati”) huwa relattivament baxx għall-biċċa l-kbira tal-prodotti, iżda jista’ jiżdied b’mod sinifikanti jekk jippersistu l-kundizzjonijiet kummerċjali attwali.
(2)L-importazzjonijiet tal-fertilizzanti koperti minn dan ir-Regolament (“il-fertilizzanti kkonċernati”) bħalissa jirriflettu sitwazzjoni ta’ dipendenza ekonomika fuq il-Federazzjoni Russa. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet tal-prodotti agrikoli kkonċernati jistgħu joħolqu dipendenza ekonomika simili u addizzjonali fuq il-Federazzjoni Russa, li fiċ-ċirkostanzi attwali jenħtieġ li tiġi evitata u mnaqqsa sabiex jiġu protetti s-swieq tal-Unjoni u tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni.
(3)Id-dazji doganali komuni erga omnes tal-Unjoni huma t-tariffi tal-pajjiż l-aktar favorit applikati bħalissa fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti agrikoli u l-fertilizzanti. Bħalissa dawn ivarjaw ħafna. Skont il-prodott, uħud mit-tariffi jew huma stabbiliti fil-livell ta’ żero inkella huma baxxi ħafna, filwaqt li tariffi oħra tant huma għoljin li ma jseħħ l-ebda kummerċ.
(4)L-importazzjoni kontinwa tal-prodotti agrikoli u l-fertilizzanti koperti minn dan ir-Regolament mill-Federazzjoni Russa skont il-kundizzjonijiet attwali tista’ tagħmel lill-Unjoni vulnerabbli għal azzjonijiet koerċittivi mill-Federazzjoni Russa. B’mod partikolari, żieda potenzjali fl-importazzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-Federazzjoni Russa tista’ tfixkel is-suq tal-Unjoni u tħalli impatt negattiv fuq il-produtturi tal-Unjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li jittieħdu miżuri tariffarji xierqa sabiex tiġi indirizzata d-dipendenza ekonomika attwali u potenzjali tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ dawk il-prodotti mill-Federazzjoni Russa. Dan jenħtieġ li jsir billi tintemm is-sitwazzjoni attwali fejn jidħlu fis-suq tal-Unjoni b’termini li huma favorevoli daqs dawk applikati għal prodotti minn oriġini oħra li tirċievi trattament ta’ pajjiż l-aktar favorit.
(5)Bħalissa, l-importazzjonijiet tal-fertilizzanti kkonċernati mill-Federazzjoni Russa diġà qed jiżdiedu u jistgħu jiżdiedu aktar u malajr jekk il-produzzjoni Russa addizzjonali tiġi orjentata mill-ġdid lejn l-Unjoni. Tali żieda potenzjali fl-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa tfixkel is-suq tal-Unjoni għal dawk il-prodotti u tagħmel ħsara lill-produtturi tal-fertilizzanti tan-nitroġenu tal-Unjoni li diġà qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jikkompetu mal-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa minħabba li l-prezzijiet tal-gass fl-Unjoni għadhom għoljin. Is-sopravivenza fit-tul tal-industrija tal-fertilizzanti tan-nitroġenu tal-Unjoni hija ta’ importanza kruċjali għas-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni minħabba li s-settur agrikolu tal-Unjoni jeħtieġ dawn il-fertilizzanti sabiex jipproduċi l-ikel. Għalhekk huwa vitali li tiġi indirizzata d-dipendenza dejjem tikber fuq l-importazzjonijiet tal-fertilizzanti kkonċernati mill-Federazzjoni Russa u tiġi ppreservata l-vijabbiltà ta’ industrija awtonoma tal-fertilizzanti tan-nitroġenu tal-Unjoni biex tiġi żgurata u tinżamm is-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni. Sabiex tiġi evitata dipendenza futura fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli mill-Federazzjoni Russa, huwa meħtieġ ukoll li jiġu aġġustati l-livelli tariffarji għal dawn il-prodotti.
(6)Il-miżuri tariffarji jenħtieġ li jittieħdu wkoll fir-rigward tar-Repubblika tal-Belarussja sabiex jiġi evitat li l-importazzjonijiet potenzjali lejn l-Unjoni mill-Federazzjoni Russa jiġu ddevjati minn ġewwa r-Repubblika tal-Belarussja, minħabba r-rabtiet politiċi u ekonomiċi mill-qrib tagħha mal-Federazzjoni Russa. Dan jista’ jseħħ jekk kellhom jibqgħu l-istess it-tariffi tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti mir-Repubblika tal-Belarussja.
(7)Għalhekk, jenħtieġ li l-importazzjonijiet tal-prodotti agrikoli u l-fertilizzanti kkonċernati li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja jkunu soġġetti għal dazji doganali ogħla mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra.
(8)Importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja jenħtieġ li ma jibbenefikaw minn l-ebda tariffa aktar baxxa skont il-kwoti tariffarji tal-Unjoni fuq termini tat-trattament tal-pajjiż l-aktar favorit. Għalhekk, jenħtieġ li r-rati mnaqqsa stabbiliti fil-kwoti tariffarji tal-Unjoni għall-prodotti elenkati fl-Annessi I u II ta’ dan ir-Regolament ma japplikawx għall-prodotti li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja lejn l-Unjoni.
(9)Iż-żieda prevista fid-dazji doganali mhijiex mistennija li taffettwa b’mod negattiv is-sigurtà globali tal-ikel minħabba li ż-żieda fit-tariffi tapplika biss għall-importazzjonijiet fl-Unjoni u ma taffettwax ir-Regolament dwar il-prodotti kkonċernati jekk tkun biss fi tranżitu mit-territorju tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi tad-destinazzjoni finali. Għall-kuntrarju, iż-żieda prevista fid-dazji tal-importazzjoni tal-Unjoni tista’ żżid l-esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti lejn pajjiżi terzi u żżid id-disponibbiltà tal-provvisti fihom.
(10)Fl-istess ħin, il-fertilizzanti għandhom rwol sinifikanti għas-sigurtà tal-ikel kif ukoll għall-istabbiltà finanzjarja tal-bdiewa fl-Unjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi żgurat aċċess prevedibbli u suffiċjenti għall-fertilizzanti, f’livelli ta’ prezzijiet affordabbli għall-bdiewa tal-Unjoni, li konsegwentement jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq agrikoli. Matul perjodu tranżitorju, il-miżura proposta tistimula ż-żieda fil-produzzjoni tal-Unjoni u tippermetti t-tisħiħ ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista minn sħab internazzjonali oħra, filwaqt li timminimizza r-riskju li l-prezzijiet tal-fertilizzanti għall-bdiewa tal-Unjoni jiżdiedu b’mod sostanzjali. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-fertilizzanti fis-suq tal-Unjoni. Jekk il-prezzijiet tal-fertilizzanti jiżdiedu b’mod sostanzjali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni u tieħu l-azzjonijiet xierqa kollha biex tirrimedja tali żieda f’daqqa.
(11)Iż-żieda prevista fid-dazji doganali hija konsistenti mal-azzjoni esterna tal-Unjoni f’oqsma oħra, kif stabbilit fl-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-istat tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa ddeterjora ħafna f’dawn l-aħħar snin u b’mod partikolari mill-2022. Dan minħabba n-nuqqas ta’ rispett sfaċċata tal-Federazzjoni Russa għad-dritt internazzjonali u, b’mod partikolari, l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tagħha u l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna. Minn Lulju 2014, l-Unjoni imponiet progressivament miżuri restrittivi fuq il-kummerċ mal-Federazzjoni Russa b’rispons għall-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa fil-konfront tal-Ukrajna.
(12)Il-Federazzjoni Russa hija Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Madankollu, l-Unjoni bħalissa hija permessa, bis-saħħa tal-eċċezzjonijiet li japplikaw skont il-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u b’mod partikolari l-Artikolu XXI tal-GATT 1994 (eċċezzjonijiet ta’ sigurtà), li tinjora l-obbligu li tagħti lill-prodotti importati mill-Federazzjoni Russa l-vantaġġi mogħtija lil prodotti simili importata minn pajjiżi oħra (it-trattament tal-pajjiż l-aktar favorit) u mhijiex imwaqqfa milli timponi dazji ta’ importazzjoni ogħla minn dawk li jinsabu fl-iskeda tal-impenji tariffarji tal-Unjoni fuq il-kummerċ tal-prodotti, jekk l-Unjoni tqis li tali miżuri huma meħtieġa sabiex jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni.
(13)Is-sitwazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Belarussja ddeterjorat ukoll matul dawn l-aħħar snin minħabba n-nuqqas ta’ rispett tar-reġim għad-dritt internazzjonali, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll l-appoġġ tiegħu għall-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa. Minn Ottubru 2020, l-Unjoni imponiet progressivament miżuri restrittivi fuq il-kummerċ mar-Repubblika tal-Belarussja.
(14)Ir-Repubblika tal-Belarussja mhijiex membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Għalhekk, l-Unjoni mhijiex obbligata, bis-saħħa tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li tagħti lill-prodotti mir-Repubblika tal-Belarussja trattament tal-pajjiż l-aktar favorit u trattament ieħor f’konformità ma’ dak il-Ftehim. Barra minn hekk, il-ftehimiet kummerċjali eżistenti jippermettu azzjonijiet ġustifikati fuq il-bażi ta’ klawżoli ta’ eċċezzjoni applikabbli, b’mod partikolari eċċezzjonijiet ta’ sigurtà.
(15)Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi segwiti f’konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq li jiġu stabbiliti regoli li jżidu t-tariffi fuq dawk il-prodotti b’effett immedjat, l-ewwel nett sabiex jintlaħaq l-objettiv bażiku li jiġi żgurat li l-prodotti agrikoli u l-fertilizzanti kkonċernati li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja ma jfixklux is-suq tal-Unjoni għal dawk il-prodotti; u t-tieni sabiex tiġi implimentata l-Politika Kummerċjali Komuni u jitnaqqsu l-importazzjonijiet tal-Unjoni ta’ dawk il-prodotti u l-fertilizzanti mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja b’rispons għat-tħassib li tali importazzjonijiet jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv is-suq intern tal-Unjoni u jfixklu s-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1.Il-prodotti kklassifikati fil-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (NM) elenkati fl-Anness I li huma importati fl-Unjoni u li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja, għandhom ikunu soġġetti għal dazju doganali ad valorem addizzjonali ta’ 50 % li għandu japplika flimkien mar-rata tat-Tariffa Doganali Komuni applikabbli. Tali prodotti li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja ma għandhomx ikunu eliġibbli għal dazji tal-importazzjoni aktar baxxi għal kwantitajiet limitati (kwoti tariffarji), kif japplikaw, minħabba li jew huma meħtieġa mill-obbligi tal-Unjoni skont il-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, inkella jinfetħu mill-Unjoni mingħajr tali obbligu.
2.Prodotti kklassifikati fil-linji tariffarji elenkati fl-Anness II li huma importati fl-Unjoni u joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa jew mir-Repubblika tal-Belarussja għandhom ikunu soġġetti għal dazju ta’ importazzjoni kif ġej:
(a)fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102:
(i)6,5 % ad valorem + EUR 40/tunnellata mill-1 ta’ Lulju 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2026;
(ii)6,5 % ad valorem + EUR 60/tunnellata mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027;
(iii)6,5 % ad valorem + EUR 80/tunnellata mill-1 ta’ Lulju 2027 sat-30 ta’ Ġunju 2028;
(iv)6,5 % ad valorem + EUR 315/tunnellata mill-1 ta’ Lulju 2028.
(b)fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3105 20, 3105 30, 3105 40, 3105 51, 3105 59 u 3105 90:
(i)6,5 % ad valorem + EUR 45/tunnellata mill-1 ta’ Lulju 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2026;
(ii)6,5 % ad valorem + EUR 70/tunnellata mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027;
(iii)6,5 % ad valorem + EUR 95/tunnellata mill-1 ta’ Lulju 2027 sat-30 ta’ Ġunju 2028;
(iv)6,5 % ad valorem + EUR 430/tunnellata mill-1 ta’ Lulju 2028.
(c)Minkejja l-punti (a) u (b), jekk il-volumi kumulattivi tal-importazzjoni tal-prodotti elenkati fil-punti (a) u (b) jilħqu l-limiti stabbiliti hawn taħt, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 21 jum, timponi dazju fil-livell definit skont il-punt (a)(iv) jew (b)(iv) rispettivament, għall-importazzjonijiet li jifdal ta’ dawn il-prodotti fil-perjodu partikolari:
(i)2,7 miljun tunnellata mill-1 ta’ Lulju 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2026;
(ii)1,8 miljun tunnellata mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027;
(iii)0,9 miljun tunnellata mill-1 ta’ Lulju 2027 sat-30 ta’ Ġunju 2028.
(d)Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-monitoraġġ tal-volumi ta’ importazzjoni msemmija fil-paragrafu 2. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġu adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 2
1.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-prezzijiet applikabbli fl-Unjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness II matul l-erba’ snin mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2.Jekk il-livelli tal-prezzijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness II jaqbżu sostanzjalment il-livelli tal-2024 fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sitwazzjoni u tieħu l-azzjonijiet xierqa kollha biex tirrimedja tali żieda f’daqqa. Dan jista’ jinkludi, jekk xieraq, il-proposta ta’ sospensjoni temporanja tat-tariffi għall-prodotti kkonċernati importati minn oriġini għajr il-Federazzjoni Russa u r-Repubblika tal-Belarussja.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika minn erba’ ġimgħat wara d-dħul fis-seħħ tiegħu fir-rigward tal-prodotti elenkati fl-Anness I.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
ISEM IL-PROPOSTA:
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-modifika tad-dazji doganali applikabbli għal ċerti prodotti li joriġinaw jew jiġu esportati direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja
LINJI BAĠITARJI:
Kapitolu u artikolu: Il-Kapitolu 12, l-Artikolu 120.
Ammont ibbaġitjat għall-2024: EUR 24 620 400 000.
IMPATT FINANZJARJU:
◻
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja
X
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul mir-riżorsi proprji tradizzjonali għar-raġunijiet li ġejjin.
Fl-2023, il-valur totali tal-importazzjonijiet tal-Unjoni mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja tal-kodiċijiet NM fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament propost u li huma soġġetti għaż-żieda proposta kien ta’ aktar minn EUR 1.69 biljun. Minn dan it-total, l-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli kienu ta’ EUR 380 miljun u l-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti kienu ta’ EUR 1.31 biljun.
L-importazzjonijiet tal-fertilizzanti kkonċernati mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja bħalissa huma soġġetti għal tariffa ad valorem ta’ 6,5 %. Il-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet tal-fertilizzanti tal-2023 (EUR 516 miljun) saru taħt il-kodiċi NM 3102 10 10. Saru wkoll importazzjonijiet sinifikanti taħt il-kodiċijiet NM 3105 30 00 (EUR 179 miljun), 3105 20 10 (EUR 151 miljun), 3105 40 00 (EUR 91 miljun) u 3 105 59 00 (EUR 89 miljun). Id-dħul globali mit-tariffi għall-Unjoni mill-importazzjonijiet tal-fertilizzanti mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja kien ta’ EUR 85,2 miljun, qabel it-tnaqqis tal-kostijiet tal-ġbir mill-Istati Membri.
L-importazzjonijiet tal-prodotti agrikoli kkonċernati huma soġġetti għal dazji li jvarjaw. Fl-2023, id-dħul globali mit-tariffi għall-Unjoni mill-importazzjonijiet ta’ dawk il-prodotti mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika tal-Belarussja kien ta’ EUR 27 miljun, qabel it-tnaqqis tal-kostijiet tal-ġbir mill-Istati Membri. Għal dawn il-prodotti agrikoli, iż-żieda fit-tariffi b’dan ir-regolament propost hija mistennija li tnaqqas b’mod konsiderevoli jew saħansitra twaqqaf dawn il-flussi kummerċjali. Il-ġbir ta’ dazji doganali miżjuda li jikkorrispondu għaż-żidiet proposti fuq il-prodotti agrikoli huwa mistenni li jkun minimu (qrib iż-żero), minħabba li l-flussi kummerċjali huma mistennija li jieqfu minħabba ż-żieda fil-livelli tariffarji.
Il-ġbir ta’ dazji doganali miżjuda li jikkorrispondu għaż-żidiet proposti fuq il-fertilizzanti huwa mistenni li jieqaf meta r-regolament propost jidħol fis-seħħ bis-sħiħ fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin, minħabba li l-flussi kummerċjali huma mistennija li jieqfu minħabba ż-żieda fil-livelli tariffarji. Madankollu dawn il-flussi kummerċjali u d-dazji doganali assoċjati huma mistennija li jibqgħu sostanzjali matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
Fuq il-bażi tal-fatturi msemmija hawn fuq, l-impatt fuq it-telf tad-dħul għall-baġit tal-Unjoni li jirriżulta minn dan ir-regolament propost huwa stmat fil-livell massimu ta’ EUR 84 miljun fis-sena mis-sena finanzjarja 2029: [(EUR 85,2 miljun + EUR 27 miljun) = EUR 112.2 miljun ammont gross, inklużi l-kostijiet tal-ġbir] x 0,75.
Għall-2025, l-2026, l-2027 u l-2028, l-impatt tat-telf tad-dħul tar-riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-Unjoni huwa stmat li huwa ħafna inqas mill-ammont ikkalkulat għall-2028. Dan minħabba li ż-żieda fid-dazji fuq il-fertilizzanti hija mistennija li ġġib dħul tariffarju addizzjonali ta’ EUR 77 miljun għal kull perjodu ta’ 12-il xahar (wara t-tnaqqis tal-kostijiet tal-ġbir), li jikkontribwixxi għal żieda fir-riżorsi proprji ta’ EUR 58 miljun. It-tnaqqis nett tar-riżorsi proprji huwa għalhekk mistenni li ma jkunx ogħla minn EUR 26 miljun fl-ewwel perjodu ta’ 12-il xahar tal-applikazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2026), li jikkorrispondi għal EUR 14-il miljun għall-bqija tas-sena 2025. Huwa saħansitra possibbli li r-riżorsi proprji jistgħu jiżdiedu jekk it-tnaqqis tal-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa jkun parzjalment kumpensat minn importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra li ma jibbenefikawx minn preferenzi tariffarji skont il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-Unjoni.
It-telf ta’ dħul f’riżorsi proprji tradizzjonali se jiġi kkumpensat mill-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-Istati Membri abbażi tal-kontribuzzjonijiet tar-riżorsi.