SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
tat-18 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Kuntratti mħallta li jinvolvi aspetti relatati mad-difiża – Servizzi direttament marbuta ma’ tagħmir militari – Direttiva 2009/81/KE – Direttiva 2014/24/UE – Determinazzjoni tad-direttiva applikabbli – Kriterji tal-għoti ta’ kuntratt – It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(2) – Projbizzjoni tal-użu tal-prezz bħala l-uniku kriterju tal-għoti – Proporzjonalità – Kuntratti pubbliċi għal servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema”
Fil-Kawża C‑769/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Diċembru 2023, fil-proċedura
Mara Soc. coop. arl
vs
Ministero della Difesa,
Gruppo Samir Global Service Srl
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, S. Rodin, N. Piçarra u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: G. Chiapponi, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ April 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Mara Soc. coop. arl, minn A. Clarizia, M. Pagliarulo u P. Ziotti, avvocati, |
|
– |
għal Gruppo Samir Global Service Srl, minn L. Tozzi, avvocato, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino u G. Palmieri, bħala aġenti, assistiti minn C. Pluchino, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, B. Fodda u M. Guiresse, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Biz, L. Malferrari u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Lulju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, u rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68, fil-ĠU L, 2023/90063, u fil-ĠU L, 2025/90115), kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1952 tal‑10 ta’ Novembru 2021 (ĠU 2021, L 398, p. 23) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”), kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Mara Soc. coop. arl u, min-naħa l-oħra, il-Ministero della Difesa (il-Ministeru għad-Difiża, l-Italja) u Gruppo Samir Global Service Srl (iktar ’il quddiem “Samir”) dwar l-għoti ta’ kuntratt għal servizzi għall-bżonnijiet tal-armata Taljana. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2009/81/KE
|
3 |
Il-premessi 4, 6 sa 9, 16, 17, 20 u 27 tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2009, L 216, p. 76).
[...]
[...]
[...]
[...]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, dawn id-definizzjonijiet għandhom japplikaw: (1) ‘Vokabularju komuni tal-Akkwist [għall-kuntratti pubbliċi]’ (Common Procurement Vocabulary, CPV): tfisser in-nomenklatura ta’ referenza applikabbli għall-kuntratti mogħtija minn awtoritajiet/entitajiet kontraenti, kif adottata mir-Regolament (KE) Nru 2195/2002 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Novembru 2002 dwar il-Vokabularju Komuni għall-Akkwist (CPV) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 5, p. 3)]; [...] (6) ‘Tagħmir militari’ tfisser tagħmir speċifikament iddisinjat jew adattat għal skopijiet militari, maħsub biex jintuża bħala arma, munizzjon jew materjal tal-gwerra; [...]” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “[...] [D]in id-Direttiva għandha tapplika għall-kuntratti mogħtija fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà li għandhom bħala għan:
|
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, bit-titolu “Kuntratti mħallta”, jipprevedi: “1. Kuntratt li għandu bħala l-għan tiegħu xogħlijiet, provvista jew servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u parzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19)] jew tad-Direttiva 2004/18/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)] għandhom jingħataw bi qbil ma’ din id-Direttiva, sakemm l-għoti ta’ kuntratt singolu ikun ġustifikat għal raġunijiet oġġettivi. [...] (3) Id-deċiżjoni li jingħata kuntratt singolu ma tistax, madankollu, tittieħed biex teskludi kuntratti milli japplikaw din id-Direttiva, jew id-Direttiva 2004/17/KE jew id-Direttiva 2004/18/KE.” |
|
7 |
L-Anness I tad-Direttiva 2009/81, bit-titolu “ Servizzi msemmija fl-artikoli 2 u 15”, jelenka għoxrin kategorija ta’ servizzi, fosthom l-għaxar kategorija, imsejħa “Servizzi ta’ transport ta’ appoġġ u awżiljarji”, jinkludi n-numri ta’ referenza CPV 63100000‑0 sa 63111000‑0, 63120000‑6 sa 63121100‑4, 63122000‑0, 63512000‑1 u 63520000‑0 sa 6370000‑6. Skont ir-Regolament Nru 2195/2002, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 213/2008 tat‑28 ta’ Novembru 2007 (ĠU 2008, L 74, p. 1), in-numri ta’ referenza CPV 63100000–0 u 63110000–3 jikkorrispondu, rispettivament, għas-“Servizzi tat-tqandil tal-merkanzija u tal-ħażna” u għas-“Servizzi tat-tqandil tal-merkanzija”. |
Id-Direttiva 2014/24
|
8 |
Il-premessi 89, 90 u 92 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdu:
[...]
|
|
9 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/24, bit-titolu “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist mill-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi kif ukoll tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4.” |
|
10 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Akkwist imħallat [Kuntratti mħallta]”, jipprovdi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 tiegħu: “Fejn parti ta’ kuntratt partikolari hija koperta mill-Artikolu 346 TFUE jew mid-Direttiva 2009/81/KE, l-Artikolu 16 ta’ din id-Direttiva għandu japplika.” |
|
11 |
Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24, bit-titolu “Ammonti tal-limitu stabbilit”: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-akkwisti [kuntratti] li l-valur stmat tagħhom barra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa daqs jew aktar mil-limiti stabbiliti li ġejjin: [...]
[...]” |
|
12 |
L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Difiża u sigurtà”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn organizzati fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti li ġejjin:
[...].” |
|
13 |
L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/24, bit-titolu “Akkwist imħallat [Kuntratti mħallta] li jinvolvi aspetti ta’ difiża jew sigurtà”, jistipula: “1. Fil-każ ta’ kuntratti mħallta li għandhom bħala suġġett akkwist kopert minn din id-Direttiva kif ukoll akkwist kopert mill-Artikolu 346 TFUE jew mid-Direttiva 2009/81/KE dan l-Artikolu għandu japplika. 2. Fejn partijiet differenti ta’ kuntratt pubbliku partikolari huma oġġettivament separabbli, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għal partijiet separati jew jagħtu kuntratt uniku. Fejn l-awtoritajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għal partijiet separati [differenti], id-deċiżjoni dwar liema reġim legali japplika għal kwalunkwe wieħed minn tali kuntratti separati għandha tittieħed abbażi tal-karatteristiċi tal-parti separata kkonċernata. Fejn l-awtoritajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt uniku, il-kriterji li ġejjin għandhom japplikaw biex jiddeterminaw ir-reġim legali applikabbli:
Id-deċiżjoni li jingħata kuntratt uniku m’għandhiex, madankollu, tittieħed bl-iskop li teskludi kuntratti mill-applikazzjoni jew ta’ din id-Direttiva jew tad-Direttiva 2009/81/KE. 3. Il-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu japplika għal kuntratti mħallta li għalihom kieku japplikaw il-punt (a) u l-punt (b) ta’ dak is-subparagrafu. 4. Fejn partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari mhumiex oġġettivament separabbli, il-kuntratt jista’ jingħata mingħajr l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fejn jinkludi l-elementi li għalihom japplika l-Artikolu 346 TFUE; inkella jista’ jingħata f’konformità mad-Direttiva 2009/81/KE.” |
|
14 |
L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, bit-titolu “Prinċipji tal-akkwist”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw li fit-twettiq tal-kuntratti pubbliċi l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali tal-ambjent, soċjali u tax-xogħol elenkati fl-Anness X.” |
|
15 |
L-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Kriterji għall-għoti tal-kuntratt”, jipprevedi: “1. Mingħajr ħsara għal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jikkonċernaw il-prezz ta’ ċerti provvisti jew ir-remunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jibbażaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fuq l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża. 2. Mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti, l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża għandha tiġi identifikata abbażi tal-prezz jew l-ispiża, bl-użu ta’ approċċ kost-effettiv, [...], u tista’ tinkludi l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, li għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji li jinkludu aspetti kwalitattivi, ambjentali u/jew soċjali marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Dawn il-kriterji jistgħu jinkludu, pereżempju:
L-element ta’ spiża jista’ wkoll jieħu l-forma ta’ prezz fissa jew spiża fissa li abbażi tagħhom l-operaturi ekonomiċi jikkompetu fuq il-kriterji ta’ kwalità biss. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jużaw il-prezz biss jew l-ispiża biss bħala l-kriterju uniku għall-għoti jew jillimitaw l-użu tagħhom għal ċerti kategoriji ta’ awtoritajiet kontraenti jew ċerti tipi ta’ kuntratti. 3. Il-kriterji tal-għoti għandhom jitqiesu li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku fejn huma relatati max-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li għandhom jingħataw taħt dak il-kuntratt fi kwalunkwe aspett u fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inklużi l-fatturi involuti:
anke fejn fatturi bħal dawn ma jagħmlux parti mis-sustanza materjali tagħhom. 4. Il-kriterji tal-għoti ma għandux ikollhom l-effett li jagħtu lill-awtorità kontraenti libertà mingħajr restrizzjonijiet għall-għażla. Huma għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva u għandhom jiġu akkumpanjati mill-ispeċifikazzjonijiet li jippermettu li l-informazzjoni mogħtija mill-offerenti tiġi vverifikata b’mod effettiv sabiex jiġi vvalutat kemm l-offerti jissodisfaw il-kriterji tal-għoti. [...] [...]” |
Id-dritt Taljan
|
16 |
L-Artikolu 50(1) tad-decreto legislativo n. 50 – Codice dei contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 li jistabbilixxi Kodiċi għall-Kuntratti Pubbliċi) tat‑18 ta’ April 2016 (GURI Nru 91, tad‑19 ta’ April 2016, Suppliment Ordinarju Nru 10), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi”), jipprovdi: “Għall-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni u kuntratti ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi differenti minn dawk ta’ natura intellettwali, b’mod partikolari dawk relatati ma’ kuntratti li jirrikjedu ħafna ħaddiema, is-sejħiet għal offerti, l-avviżi tal-kuntratti u l-istediniet jinkludu, fl-osservanza tal-prinċipji tal-Unjoni Ewropea, klawżoli soċjali speċifiċi intiżi sabiex jippromwovu l-istabbiltà professjonali tal-persunal impjegat, li jipprevedu l-applikazzjoni mill-offerent rebbieħ tal-ftehimiet kollettivi settorjali [...] Is-servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema huma dawk fejn l-ispiża tal-ħaddiema hija mill-inqas 50 % tal-ammont totali tal-kuntratt.” |
|
17 |
L-Artikolu 95 tal-Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi jipprevedi: “1. Il-kriterji tal-għoti ma jagħtux lill-awtorità kontraenti setgħa ta’ għażla mingħajr limitu fir-rigward tal-offerta. Huma għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva u għandhom jiġu akkumpanjati mill-ispeċifikazzjonijiet li jippermettu li l-informazzjoni mogħtija mill-offerenti tiġi vverifikata b’mod effettiv sabiex jiġi evalwat kemm l-offerti jissodisfaw il-kriterji tal-għoti. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jivverifikaw il-preċiżjoni tal-informazzjoni u tal-provi pprovduti mill-offerent. 2. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi relatati mal-prezz ta’ ċerti provvisti jew mar-remunerazzjoni għal servizzi speċifiċi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trattament ugwali, għandhom jagħtu kuntratti u jorganizzaw kompetizzjonijiet u sejħiet għal proġetti fuq il-bażi tal-kriterju tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, li għandha tiġi determinata abbażi tal-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità jew abbażi tal-element tal-prezz jew tal-ispiża, skont kriterju ta’ tqabbil bejn l-ispejjeż u l-kosteffettività bħall-kalkolu tal-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja [...] 3. Għandhom jingħataw esklużivament abbażi tal-kriterju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, iddeterminata abbażi tal-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità:
4. Il-kriterju tal-iktar prezz baxx jista’ jiġi aċċettat: [...]
[...].” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
18 |
Fl‑14 ta’ Lulju 2022, il-Ministeru għad-Difiża nieda proċedura miftuħa għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi għall-bżonnijiet tal-armata Taljana li jikkonsistu, essenzjalment, f’operazzjonijiet ta’ tagħbija u ta’ ħatt, ta’ assemblaġġ u ta’ żmantellar ta’ munzelli ta’ materjal, kif ukoll ta’ ċaqliq ta’ materjal. Dan il-kuntratt, li kien jikkonċerna s-sena 2023 u li jista’ jiġġedded għal tliet snin, kien maqsum f’disa’ lottijiet. |
|
19 |
Is-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tipprevedi bħala kriterju ta’ għoti tal-kuntratt dak tal-iktar prezz baxx, minħabba li s-servizzi koperti mill-imsemmi kuntratt kellhom karatteristiċi standardizzati, fis-sens tal-Artikolu 95(4) (b) tal-Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi. |
|
20 |
F’din is-sejħa għal offerti ġie ppreċiżat li, waqt l-eżekuzzjoni tal-istess kuntratt, il-pagi kellhom jitħallsu skont il-ftehim kollettiv tas-settur. Għalhekk, l-offerenti ma setgħux jipproponu tnaqqis fuq l-ispejjeż tal-ħaddiema. Kull tnaqqis eventwali kellu jirrigwarda esklużivament ir-remunerazzjoni tas-servizz, b’tali mod li l-ġest kummerċjali hekk propost inaqqas biss il-benefiċċju potenzjali tal-offerent u mhux is-salarji tal-persunal tiegħu. |
|
21 |
Għal wieħed mill-lottijiet tal-kuntratt, li kien jikkonċerna l-provvista ta’ servizzi għall-bżonnijiet tal-Aeronautica Militare area nord (il-Forza tal-Ajru, Żona tat-Tramuntana) u li kien — meqjusa eventwali tiġdidiet — ta’ valur stmat ta’ EUR 3 463 114.74, tliet offerenti, fosthom Mara u Samir, offrew tnaqqis ta’ 100 % fuq ir-remunerazzjoni għas-servizzi tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ġie kkunsidrat li l-offerti ta’ dawn it-tliet offerenti kienu ekwivalenti. Fl-aħħar mill-aħħar, dan il-lott ingħata lil Mara permezz ta’ tlugħ bix-xorti. |
|
22 |
Samir ippreżentat rikors kontra l-att tal-għoti tal-imsemmi lott quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) fejn sostniet, b’mod partikolari, li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-iktar prezz baxx kienet tmur kontra l-leġiżlazzjoni applikabbli. |
|
23 |
Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ April 2023, dik il-qorti laqgħet dan ir-rikors, minħabba li s-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha, skont l-Artikolu 95(3)(a) tal-Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi, tiffissa bħala kriterju ta’ għoti tal-kuntratt dak tal-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz. Peress li s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinvolvu ħafna ħaddiema, l-Artikolu 95(4)(b) ta’ dan il-kodiċi, li jagħmel riferiment għall-kriterju tal-iktar prezz baxx għall-għoti tal-kuntratti għal servizzi u għal provvisti li għandhom karatteristiċi standardizzati, ma kellux jiġi applikat. |
|
24 |
Mara appellat minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
25 |
Permezz tal-appell tagħha, Mara ssostni li t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) kisret l-Artikolu 95(3)(a) tal-Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi. Fil-fehma tagħha, din id-dispożizzjoni ma tistax tapplika għal kuntratt, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għalkemm jirrikjedi ħafna ħaddiema, għandu wkoll karatteristiċi standardizzati. L-awtorità kontraenti kienet iġġustifikata meta bbażat ruħha fuq l-Artikolu 95(4)(b) ta’ dan il-kodiċi, billi ffissat bħala kriterju ta’ għoti dak tal-iktar prezz baxx. |
|
26 |
Fil-każ li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ikollu jqis li t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) kienet korretta meta mill-Artikolu 95 tal-Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi ddeduċiet li l-kriterju tal-iktar prezz baxx ma jistax jintuża għall-għoti ta’ kuntratti li jirrigwardaw servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema u li barra minn hekk għandhom karatteristiċi standardizzati, Mara ssostni li dan l-artikolu jikser id-dritt tal-Unjoni. |
|
27 |
Ċertament, mid-Direttiva 2014/24 jirriżulta li din hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tinkoraġġixxi l-użu tal-kriterju tal-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Madankollu, billi impona fuq l-awtoritajiet kontraenti l-obbligu li jistabbilixxu dan il-kriterju ta’ għoti anki meta l-kuntratt inkwistjoni jkollu karatteristiċi standardizzati, il-leġiżlatur Taljan mar lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan tad-Direttiva 2014/24 u, għalhekk, kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
28 |
Il-Qorti tar-rinviju tikkonstata li minn qari konġunt tal-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 95 tal-Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi jirriżulta b’mod ċar li s-sejħa għal offerti relatata mal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha, skont id-dritt Taljan fis-seħħ, tkun ibbażata fuq il-kriterju tal-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz għall-għoti tiegħu. |
|
29 |
Madankollu, dik il-qorti għandha dubji dwar l-utilità ta’ dan il-kriterju għall-għoti ta’ kuntratt għal servizzi li huma kkaratterizzati minn ripetittività għolja u li fil-parti l-kbira tagħhom ma għandhomx elementi personalizzabbli. Għal raġunijiet ta’ ekonomija u ħeffa tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-kriterju tal-iktar prezz baxx jista’ jkun iktar xieraq għal dan it-tip ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi b’karatteristiċi standardizzati. |
|
30 |
L-imsemmija qorti tindika li s-seduta plenarja tagħha, li għandha l-kompetenza sabiex tistabbilixxi l-prinċipji tad-dritt, iddeċidiet, fis-sentenza Nru 8, mogħtija fl-21 ta’ Mejju 2019, dwar ir-relazzjoni bejn il-paragrafu 3 u l-paragrafu 4 tal-Artikolu 95 tal-Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi fis-sens li l-impożizzjoni tal-kriterju tal-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz għall-għoti ta’ kuntratti għal servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema hija intiża sabiex tipproteġi lill-ħaddiema u, għaldaqstant, li l-kuntratti li jirrikjedu ħafna ħaddiema, jiġifieri dawk li għalihom l-ispiża tax-xogħol tirrappreżenta mill-inqas nofs l-ammont totali tal-kuntratt, għandhom fi kwalunkwe każ jingħataw abbażi ta’ dan il-kriterju, saħansitra anki meta jkollhom karatteristiċi standardizzati. |
|
31 |
Issa, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema huwa, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, diġà milħuq bil-projbizzjoni li jiġi offrut tnaqqis fuq l-ispiża tal-ħaddiema. |
|
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-prinċipji ta’ libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi msemmija fl-Artikoli 49 u 56 (TFUE), kif ukoll il-prinċipju [tad-dritt tal-Unjoni] ta’ proporzjonalità u l-Artikolu 67(2) tad-Direttiva [2014/24] jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi, bħal dawk li jinsabu fil-leġiżlazzjoni Taljana fl-Artikolu 95(3)(a), u 4(b) [tal-Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi], kif ukoll fl-Artikolu 50(1) tal-istess [kodiċi], u bħal dawk li jirriżultaw mill-prinċipju tad-dritt stabbilit mill-Assemblea Plenarja tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fis-sentenza Nru 8 tal‑21 ta’ Mejju 2019, li tipprovdi li, fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi li jikkonċernaw servizzi b’karatteristiċi standardizzati u li jirrikjedu, fl-istess waqt, ħafna ħaddiema, l-awtorità kontraenti hija pprojbita milli tipprovdi, bħala kriterju għall-għoti, dak tal-irħas prezz, anki meta r-regoli tal-għoti tal-kuntratt jipprevedu li t-tnaqqis għandu jsir biss fuq ir-remunerazzjoni jew il-profitt potenzjali tal-impriża, bla ħsara għall-ispejjeż tal-ħaddiema?’ ” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
33 |
Skont l-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar għamlet mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub lill-partijiet u lill-partijiet interessati l-oħra dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81 u tad-Direttiva 2014/24. Mara, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet permezz ta’ osservazzjonijiet ippreżentati rispettivament fis‑26 ta’ Novembru 2024, fid‑19 ta’ Novembru 2024 u fl‑20 ta’ Novembru 2024. |
Fuq id-domanda preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
|
34 |
Fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Gvern Taljan ippreċiżaw li s-servizzi koperti mill-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċernaw, parzjalment, it-tqandil tal-merkanzija komposta minn munizzjon u minn splussivi. Issa, dawn l-oġġetti jikkostitwixxu tagħmir militari, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/81. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, dawn is-servizzi jistgħu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, ikunu “direttament relatati mat-tagħmir [militari]”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, il-provvista ta’ servizzi ta’ tqandil tal-merkanzija — li jaqgħu, skont in-numri ta’ referenza CPV iċċitati fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, taħt l-għaxar kategorija ta’ servizzi msejħa “Servizzi ta’ trasport ta’ appoġġ u awżiljarji” imsemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva — tista’ tinvolvi l-aċċess fiżiku għat-tagħmir militari li jinsab f’din il-merkanzija, kif ukoll l-aċċess għal ċerta informazzjoni sensittiva relatata ma’ dan it-tagħmir. |
|
36 |
Fid-dawl tan-natura sensittiva, enfasizzata fil-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2009/81, tax-xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi fil-qasam tad-difiża, din id-direttiva tistabbilixxi qafas leġiżlattiv speċifiku. Il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi f’dan il-qasam għandha, hekk kif jirriżulta mill-premessi 4, 6 u 7 tal-imsemmija direttiva, tissodisfa r-rekwiżiti ta’ sigurtà, filwaqt li tippermetti, barra minn hekk, li jitnaqqsu l-ispejjeż, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda s-servizzi loġistiċi jew ta’ trasport u ta’ ħażna. |
|
37 |
Minħabba din l-ispeċifiċità, l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt id-Direttiva 2009/81 huwa, skont l-Artikolu 15(1)(a) tad-Direttiva 2014/24, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva msemmija l-aħħar. |
|
38 |
F’dan il-każ, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Gvern Taljan enfasizzaw li hija biss parti mill-merkanzija li hija s-suġġett tas-servizzi ta’ tqandil inkwistjoni li tinkludi tagħmir militari, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/81, filwaqt li l-merkanzija l-oħra tinkludi oġġetti li għalkemm huma ċertament intiżi għall-armata Taljana, madankollu ma humiex iddisinjati jew adattati għal finijiet militari. Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kklassifikat bħala “imħallat”, fis-sens li dan fl-istess ħin jirrigwarda kemm xiri li jaqa’ taħt id-Direttiva 2009/81 kif ukoll xiri li jaqa’ taħt id-Direttiva 2014/24. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li kemm l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/81 kif ukoll l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/24 jinkludu d-dispożizzjonijiet intiżi għad-determinazzjoni tad-direttiva applikabbli għal tali kuntratti mħallta. |
|
40 |
Il-portati rispettiv ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huma parzjalment diverġenti. B’mod partikolari, għalkemm l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/81 jimponi, bħala prinċipju, fuq l-awtorità kontraenti l-obbligu li tapplika din id-direttiva għal dawn il-kuntratti mħallta, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi biss possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, li d-Direttiva 2009/81 tiġi applikata għal tali kuntratti. |
|
41 |
Fil-fatt, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/81 jipprevedi li kuntratt li għandu bħala suġġett xogħlijiet, provvisti jew servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81 u parzjalment taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, li issa ġiet issostitwita bid-Direttiva 2014/24, għandu jingħata konformement mad-Direttiva 2009/81, bil-kundizzjoni li jiġi ssodisfatt kemm ir-rekwiżit, stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri li l-għoti ta’ kuntratt uniku għandu jkun iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi, kif ukoll il-kundizzjoni, stabbilita fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, li d-deċiżjoni li jingħata kuntratt uniku ma titteħidx bl-għan li l-kuntratt ikkonċernat jiġi eskluż mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24. |
|
42 |
L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/24, min-naħa tiegħu, jagħmel distinzjoni bejn il-kuntratti mħallta li l-partijiet differenti tagħhom huma “oġġettivament separabbli” jew “mhumiex oġġettivament separabbli”. |
|
43 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kuntratti mħallta li l-partijiet differenti tagħhom “mhumiex oġġettivament separabbli”, l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi li tali kuntratt “jista’ jingħata mingħajr l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fejn jinkludi l-elementi li għalihom japplika l-Artikolu 346 TFUE” u li, “inkella jista’ jingħata f’konformità mad-Direttiva [2009/81]”. |
|
44 |
L-ewwel każ, li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 346 TFUE, huwa, fid-dawl tal-premessi 16, 17, 20 u 27 tad-Direttiva 2009/81, irriżervat għas-sitwazzjonijiet fejn l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni jeħtieġu rekwiżiti ta’ sigurtà jew ta’ kunfidenzjalità tant onerużi li anki d-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din id-direttiva ma jkunux biżżejjed biex jissalvagwardjaw l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat. Issa, ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jissuġġerixxi li tali sitwazzjoni teżisti f’dan il-każ, punt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
45 |
Fit-tieni każ, li jirrigwarda l-kuntratti mħallta li jinkludu partijiet li ma humiex oġġettivament separabbli li għalihom l-Artikolu 346 TFUE ma huwiex applikabbli, l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/24 jippermetti, iżda ma jeżiġix, li l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni jitwettaq konformement mad-Direttiva 2009/81 u għalhekk iħalli f’idejn l-awtorità kontraenti l-għażla dwar jekk tagħtix dan il-kuntratt skont is-sistema stabbilita minn din id-direttiva jew skont is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2014/24. |
|
46 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntratti mħallta li l-partijiet differenti tagħhom huma “oġġettivament separabbli”, l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/24 jippermetti li l-awtorità kontraenti tagħti jew kuntratti separati għal dawn il-partijiet differenti, fejn id-direttiva applikabbli għal kull kuntratt tkun għalhekk iddeterminata abbażi tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, jew li tagħti kuntratt uniku, li jibqa’ għalhekk “imħallat”. |
|
47 |
Madankollu, meta l-awtorità kontraenti tagħżel li tapplika d-Direttiva 2009/81 għal dan il-kuntratt uniku, id-deċiżjoni tagħha li ma tagħtix kuntratti separati għandha, skont il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 16(2), tkun “ġustifikat[a] għal raġunijiet oġġettivi”. Min-naħa l-oħra, dan ir-rekwiżit ma huwiex previst meta l-awtorità kontraenti tagħżel li tagħti kuntratt uniku billi tapplika d-Direttiva 2014/24. |
|
48 |
Barra minn hekk, skont ir-raba’ subparagrafu tal-istess Artikolu 16(2), id-deċiżjoni li jingħata kuntratt uniku minkejja l-eżistenza ta’ partijiet mill-kuntratt oġġettivament separabbli “m’għandhiex [...] tittieħed bl-iskop li teskludi kuntratti mill-applikazzjoni [tad-Direttiva 2014/24] jew tad-Direttiva [2009/81]”. |
|
49 |
Dan ir-rekwiżit, kuntrarjament għal dak imsemmi fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, huwa applikabbli wkoll fil-każ fejn il-kuntratt uniku jkun ingħata b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24. Għaldaqstant meta, minn naħa, inkwistjoni jkun hemm rekwiżit ta’ bona fide min-naħa tal-awtorità kontraenti, u meta, min-naħa l-oħra, din ma għandiex ixxejjen l-effett utli tar-rekwiżit li jinsab fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/24, għandu jitqies li r-rekwiżit li jinsab fir-raba’ subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 16(2) jinkiser meta, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, ikun jidher li d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tikkonkludi kuntratt uniku tista’ tiġi spjegata biss mir-rieda ta’ din l-awtorità kontraenti li tevita l-applikazzjoni kemm tad-Direttiva 2009/81, kif ukoll dik tad-Direttiva 2014/24. |
|
50 |
Ir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet bejn id-Direttiva 2009/81 u d-Direttiva 2014/24 stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-direttiva msemmija l-aħħar huma iktar reċenti u, barra minn hekk, iktar iddettaljati minn dawk li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/81. L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/24 jesprimi, għaldaqstant, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva u għandu jiġi applikat għad-detriment tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/81, li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 39 u 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu portata differenti, iżda għandu jitqies li ma għadux validu għaliex issostitwit mill-iżvilupp leġiżlattiv magħmul mid-Direttiva 2014/24. |
|
51 |
Skont l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Taljan quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Ministeru għad-Difiża kkunsidra li għalkemm il-partijiet differenti tal-kuntratt għal servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu, ċertament, oġġettivament separabbli, madankollu dawn kellhom, minħabba t-tqandil fl-istess ħin tal-merkanzija, jitqiesu bħala li jifformaw parti minn suq uniku li kellu jingħata b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24. |
|
52 |
Kif ġie indikat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, f’tali każ, il-kundizzjoni stipulata fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/24, li tipprovdi li d-deċiżjoni li jingħata kuntratt uniku għandha tkun “ġustifikat[a] għal raġunijiet oġġettivi”, ma tapplikax. Min-naħa l-oħra, tapplika l-kundizzjoni stabbilita fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li din id-deċiżjoni ““m’għandhiex [...] tittieħed bl-iskop li teskludi kuntratti mill-applikazzjoni [tal-imsemmija direttiva] jew tad-Direttiva [2009/81]”. |
|
53 |
Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħdha twettaq l-eżami tad-domanda magħmula, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24, biss bla ħsara għall-verifika minn qabel, mill-qorti tar-rinviju, li ma kienx hemm, f’dan il-każ, ksur tar-rekwiżit li jinsab fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva. |
Fuq l-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 u fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità
|
54 |
Id-domanda magħmula, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li din id-domanda hija intiża sabiex tippermetti li l-qorti tar-rinviju tevalwa l-kompatibbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi mad-dritt tal-Unjoni. Issa, huwa paċifiku li dan il-kodiċi jittrasponi, fid-dritt Taljan, id-Direttiva 2014/24. |
|
56 |
It-tieni nett, mill-fatti ppreżentati fit-talba għal deċiżjoni preliminari u miġbura fil-qosor fil-punt 21 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-valur stmat tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqbeż il-limitu previst fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva sabiex din tkun applikabbli. |
|
57 |
Fl-aħħar, it-tielet nett, minn din it-talba jirriżulta li s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jirrigwarda l-possibbiltà prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(2) tal-imsemmija direttiva li jiġi pprojbit l-użu tal-“prezz [...] bħala l-kriterju uniku għall-għoti” tal-kuntratt — il-kriterju tal-“iktar prezz baxx” skont it-termini użati mill-qorti tar-rinviju — kif ukoll l-obbligu tal-Istati Membri li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-każ tal-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà. |
|
58 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa kemm neċessarju kif ukoll suffiċjenti li d-domanda preliminari tiġi eżaminata fid-dawl tad-Direttiva 2014/24 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Asmel, C‑3/19, EU:C:2020:423, punti 44 sa 48). |
|
59 |
Minn dan isegwi li għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi li għandhom bħala suġġett servizzi li għandhom karatteristiċi standardizzati iżda li minn tal-inqas nofs il-valur totali tagħhom huwa kompost minn spejjeż ta’ ħaddiema, l-awtorità kontraenti hija pprojbita milli tuża l-prezz bħala l-kriterju uniku għall-għoti ta’ dawn il-kuntratti, anki fil-każijiet fejn is-sejħa għal offerti tipprevedi li kull tnaqqis eventwali offrut minn offerent għandu jsir biss fuq ir-remunerazzjoni ta’ dawn is-servizzi, mingħajr ma jkun jista’ jwassal għal tnaqqis fir-remunerazzjoni tal-ħaddiema impjegati minn dan l-offerent. |
|
60 |
Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, is-servizzi ta’ tqandil li huma s-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom “karatteristiċi standardizzati”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Taljana, peress li dawn is-servizzi jikkonsistu f’kompiti ripetittivi u mhux tekniċi wisq. Dik il-qorti tikkonstata wkoll li dawn il-kompiti huma fil-parti l-kbira tagħhom manwali, b’tali mod li s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali “jirrikjedu ħafna ħaddiema”, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, jiġifieri li l-ispejjeż tal-ħaddiema jirrappreżentaw mill-inqas nofs l-ammont totali tal-kuntratt. |
|
61 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kuntratti pubbliċi li jirrigwardaw tali servizzi jevitawx il-possibbiltà, mogħtija lill-Istati Membri mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24, li jipprojbixxu l-użu tal-prezz bħala l-kriterju uniku għall-għoti ta’ dawn il-kuntratti, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tillimitax il-possibbiltà li hija tipprevedi għal kuntratti relatati ma’ tipi preċiżi ta’ oġġetti jew ta’ servizzi u li hija ma tinkludi ebda eċċezzjoni jew deroga minn din il-possibbiltà. B’mod iktar ġenerali, din ma tissuġġettax il-possibbiltà tal-projbizzjoni tal-użu tal-prezz bħala l-kriterju uniku għall-għoti ta’ kuntratt għas-sodisfazzjon ta’ xi kundizzjoni. Għalhekk, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li din tagħti setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri. |
|
62 |
L-eżistenza ta’ din is-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura tal-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu. |
|
63 |
Fil-fatt, dan l-artikolu jeżiġi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-awtoritajiet kontraenti jibbażaw ruħhom, sabiex jagħtu l-kuntratti pubbliċi, fuq l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Huwa jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li din l-offerta għandha tiġi ddeterminata skont approċċ ibbażat fuq il-kosteffettività, u jipprevedi espliċitament, fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-possibbiltà li l-imsemmija offerta tiġi ddeterminata abbażi tal-aħjar relazzjoni bejn il-prezz u l-kwalità. |
|
64 |
L-għażla ta’ dan l-approċċ timplika l-iffissar ta’ kriterji ta’ għoti li ma jinkludux biss il-prezz iżda wkoll aspetti kwalitattivi marbuta mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku kkonċernat. Sabiex dawn l-aspetti kwalitattivi jitqiesu li huma marbuta mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku, huwa biżżejjed, konformement mal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, li dawn ikunu relatati max-xogħlijiet, mal-provvisti jew mas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti taħt dan il-kuntratt fi kwalunkwe aspett u fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. |
|
65 |
Għalhekk, minn qari globali tal-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-istabbiliment, minn Stat Membru, ta’ projbizzjoni għall-awtoritajiet kontraenti li jużaw il-prezz bħala l-kriterju uniku għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku bl-ebda mod ma għandu l-effett li jintroduċi, fl-implementazzjoni ta’ din id-direttiva, eċċezzjoni fir-rigward ta’ regola ta’ portata differenti. L-uniku effett tal-eżerċizzju, minn Stat Membru, tal-possibbiltà prevista fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu huwa dak li, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, il-possibbiltà mogħtija mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 2 lill-awtoritajiet kontraenti li jużaw kriterji li jinkludu aspetti kwalitattivi, tiġi ssostitwita bl-obbligu impost fuq dawn l-awtoritajiet li fis-sejħiet għal offerti jintegraw kriterju wieħed jew iktar ta’ dan it-tip. |
|
66 |
Is-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni li l-Istati Membri għandhom fl-użu ta’ din il-possibbiltà hija kkorroborata wkoll mill-għan tad-Direttiva 2014/24. Kif jirriżulta mill-premessi 89, 90 u 92 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jassoċja l-kunċett ta’ “l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża” b’mod predominanti ma’ dak ta’ “l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz”. Filwaqt li ppreċiża li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, l-awtoritajiet kontraenti jibqgħu liberi li jużaw il-prezz jew l-ispiża bħala l-kriterju uniku għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien neċessarju, sabiex jiffavorixxu l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi iktar orjentati lejn il-kwalità, li l-Istati Membri jiġu awtorizzati jipprojbixxu jew jillimitaw l-użu tal-prezz jew tal-ispiża bħala l-kriterju uniku għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Huwa qies li kien neċessarju, barra minn hekk, li l-awtoritajiet kontraenti jiġu mħeġġa jagħżlu kriterji għall-għoti ta’ kuntratti li jippermettulhom li jiksbu xogħlijiet, provvisti jew servizzi ta’ kwalità għolja li idealment ikunu jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tagħhom. |
|
67 |
F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, dan jeżiġi li r-regoli stabbiliti mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva (sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 45, u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Conacee, C‑598/19, EU:C:2021:810, punt 42). |
|
68 |
L-eżerċizzju tal-possibbiltà prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 ikun jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk Stat Membru jiddeċiedi li jipprojbixxi l-użu tal-prezz jew tal-ispiża bħala l-kriterju uniku għall-għoti għal tip ta’ kuntratti pubbliċi li n-natura tagħhom tkun tali li jirriżulta impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jiġu ddeterminati kriterji li jippermettu li ssir differenzjazzjoni, mill-perspettiva kwalitattiva, bejn ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi previsti fl-offerti tal-offerenti. |
|
69 |
F’dan il-każ, regola bħal dik stabbilita mil-leġiżlatur Taljan, li tipprovdi li l-kuntratti pubbliċi li jirrigwardaw servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema għandhom, anki jekk ikollhom “karatteristiċi standardizzati”, jingħataw abbażi tal-kriterju tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament skont l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz, tidher li hija, minkejja l-fatt li din ir-regola tirrigwarda servizzi li min-natura tagħhom ma tantx huma tekniċi, kompatibbli ma’ din id-direttiva u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
70 |
Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, diversi aspetti kwalitattivi, bħall-organizzazzjoni u l-esperjenza tal-persunal assenjat għall-eżekuzzjoni ta’ tali servizzi jista’ jkollhom influwenza fuq il-kwalità tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti u, konsegwentement, fuq il-valur ekonomiku tal-offerti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, la huwa impossibbli u lanqas ma huwa eċċessivament diffiċli li ssir differenzjazzjoni, mill-perspettiva kwalitattiva, bejn is-servizzi previsti fl-offerti tal-offerenti. |
|
71 |
Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li l-awtoritajiet kontraenti, li jkunu d-destinatarji ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom l-obbligu li jintegraw, fis-sejħiet għal offerti tagħhom, ir-regola li kull tnaqqis eventwali offrut minn offerent għandu jirrigwarda biss ir-remunerazzjoni tas-servizzi pprovduti minn dan l-offerent u mhux ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema li dan jimpjega. Peress li hija prevista mil-liġi, din il-projbizzjoni li jiġi offrut tnaqqis li jista’ jwassal għal tnaqqis fir-remunerazzjoni tal-ħaddiema għandha tiġi osservata b’mod ugwali mill-offerenti kollha. Peress li tali projbizzjoni ma tippermettix li l-offerti jiġu pparagunati, jibqa’ neċessarju, fid-dawl tal-Artikolu 67(4) tad-Direttiva 2014/24 li, moqri flimkien mal-premessa 90 ta’ din id-direttiva, jeżiġi l-iffissar ta’ kriterji ta’ għoti li jiggarantixxu l-possibbiltà ta’ kompetizzjoni ġenwina u għalhekk paragun tal-offerti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Montte, C‑546/16, EU:C:2018:752, punt 31), li l-għoti jiġi bbażat fuq kriterji, li ma humiex relatati mal-imsemmija projbizzjoni, li jippermettu paragun tal-offerti. Kif jirriżulta mill-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-iffissar ta’ kriterji bbażati fuq aspetti kwalitattivi jista’ jkun xieraq għal dan l-għan u għalhekk ma jistax jitqies li huwa sproporzjonat. |
|
72 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi li għandhom bħala suġġett servizzi li għandhom karatteristiċi standardizzati iżda li minn tal-inqas nofs il-valur totali tagħhom huwa kompost minn spejjeż ta’ ħaddiema, l-awtorità kontraenti hija pprojbita milli tuża l-prezz bħala l-kriterju uniku għall-għoti ta’ dawn il-kuntratti. F’dan ir-rigward ma huwiex rilevanti l-fatt li s-sejħa għal offerti tipprevedi li kull tnaqqis eventwali offrut minn offerent għandu jsir biss fuq ir-remunerazzjoni ta’ dawn is-servizzi, mingħajr ma jkun jista’ jwassal għal tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema impjegati minn dan l-offerent. |
Fuq l-ispejjeż
|
73 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi li għandhom bħala suġġett servizzi li għandhom karatteristiċi standardizzati iżda li minn tal-inqas nofs il-valur totali tagħhom huwa kompost minn spejjeż ta’ ħaddiema, l-awtorità kontraenti hija pprojbita milli tuża l-prezz bħala l-kriterju uniku għall-għoti ta’ dawn il-kuntratti. F’dan ir-rigward ma huwiex rilevanti l-fatt li s-sejħa għal offerti tipprevedi li kull tnaqqis eventwali offrut minn offerent għandu jsir biss fuq ir-remunerazzjoni ta’ dawn is-servizzi, mingħajr ma jkun jista’ jwassal għal tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema impjegati minn dan l-offerent. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.