21.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 337/49


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1538/2007

ta ’l-20 ta’ Diċembru 2007

ir-Regolament (KE) Nru 327/1998 li jiftaħ u li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ ċerti kwoti ta’ tariffi għall-importazzjoni ta’ ross u ross miksur

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/96 tat-18 ta’ Ġunju 1996, dwar l-implimentazzjoni tal-konċessjonijiet dikjarati fl-iskeda CXL mfassla bħala riżultat tal-konklużjoni tan-negozjati tal-FĠKT (GATT) XXIV.6 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1785/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tar-ross (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 327/98 (3) jillimita l-validità tal-liċenzji ta’ l-esportazzjoni maħruġa min ċerti pajjiżi terzi għal finijiet tat-tressiq ta’ applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni għas-sena tal-kwota kurrenti.

(2)

Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni amministrattiva li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet Komunitarji, filwaqt li l-validità ta’ dawn il-liċenzji u l-kontroll tagħhom jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ l-esportazzjoni. Għaldaqstant iż-żamma tagħha bħala kundizzjoni għall-eliġibbiltà ta’ l-applikazzjonijiet għal-liċenzji la tidher li hija ġustifikata u lanqas neċessarja. Jeħtieġ għalhekk li titneħħa.

(3)

Jeħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 327/98 jigi emendat skond dan.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament jikkonformaw ma’ l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ġestjoni taċ-Ċereali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 327/98, għandu jitħassar it-tielet inċiż.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 146, 20.6.1996, p. 1.

(2)   ĠU L 270, 21.10.2003, p. 96. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 797/2006. (ĠU L 144, 31.5.2006, p. 1).

(3)   ĠU L 37, 11.2.1998, p. 5. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2019/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 48).