European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1070

27.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/1070

tas-26 ta’ Mejju 2025

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 (1).

(2)

Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi stabbiliti fiha jiġġeddu sat-28 ta’ Mejju 2026.

(3)

Il-Kunsill iqis li l-entrati għal żewġ persuni fiżiċi jenħtieġ li jiġu emendati.

(4)

Għalhekk id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-28 ta’ Mejju 2026.

Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li ma jkunux intlaħqu l-objettivi tagħha.

L-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(7), fir-rigward tal-Artikolu 2(1) u (2), għandhom jiġu rieżaminati f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar jew fuq talba urġenti ta’ kwalunkwe Stat Membru, tar-Rappreżentant Għoli jew tal-Kummissjoni wara bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi.”

;

(2)

l-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

C. SIEKIERSKI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1484 tas-27 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja (ĠU L, 2024/1484, 27.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1484/oj).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484, fit-taqsima “A. Persuni fiżiċi”, l-entrati numru 11 u 18 huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

Data tal-elenkar

“11.

Kirill Sergeevich NIKIFOROV

(Кирилл Сергеевич НИКИФОРОВ)

Pożizzjoni: Imħallef tal-Qorti Reġjonali ta’ Vladimir Oblast

Eks Imħallef tal-Kovrov City Court ta’ Vladimir Oblast

Data tat-twelid: 14.3.1992

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Kirill Sergeevich Nikiforov kien Imħallef tal-Kovrov City Court ta’ Vladimir Oblast.

Mill-2022, huwa kien involut direttament fil-ħolqien u ż-żamma ta’ kundizzjonijiet ta’ tortura għal Alexei Navalny billi ċaħad ripetutament il-pretensjonijiet ta’ Alexei Navalny kontra l-kolonja penali IK-6 fir-rigward tat-trattament tiegħu, fejn kien qed jiskonta piena ta’ 12-il sena imposta b’riżultat ta’ prosekuzzjoni politikament motivata.

Għalhekk, Kirill Sergeevich Nikiforov huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż it-tortura, u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, detenzjonijiet arbitrarji, u l-ksur sistematiku tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

Huwa għadu attiv fis-sistema ġudizzjarja fir-Russja u f’Diċembru 2024 ġie promoss għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Reġjonali ta’ Vladimir Oblast.

27.5.2024.

18.

Oksana Vasilyevna DEMYASHEVA

(Оксана Васильевна ДЕМЯШЕВА)

Pożizzjoni: Viċi President tal-Kalininsky District Court ta’ San Pietruburgu

Eks Imħallef tal-Vasileostrovsky District Court ta’ San Pietruburgu

Data tat-twelid: 10.3.1980

Nazzjonalità: Russa

Sess: mara

Fl-eks pożizzjoni tagħha bħala Mħallef tal-Vasileostrovsky District Court ta’ San Pietruburgu, Oksana Vasilyevna Demyasheva kkundanat lil Alexandra Skochilenko, artista, għal seba’ snin ħabs fuq akkużi politikament motivati talli xerrdet hekk imsejħa ‘aħbarijiet foloz’ dwar l-armata Russa. Skochilenko ġiet arrestata talli ssostitwiet tikketti tal-prezzijiet ġewwa supermarket bi stickers kontra l-gwerra. Saret waħda mill-ewwel persuni akkużati taħt il-liġi kriminali li kienet għadha kif ġiet adottata li tipprojbixxi hekk imsejħa ‘aħbarijiet foloz’ dwar l-armata Russa, u l-proċess tagħha attira attenzjoni kbira mill-pubbliku minħabba l-pressjoni mingħajr preċedent li Skochilenko esperjenzat mill-amministrazzjoni tal-ħabs, l-Imħallef, u l-prosekuzzjoni.

Għaldaqstant, Oksana Vasilyevna Demyasheva hija responsabbli għal ksur serju ta’ drittijiet tal-bniedem fir-Russja billi kisret il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

Hija għadha attiva fis-sistema ġudizzjarja fir-Russja u f’Ġunju 2024 inħatret għall-kariga ta’ viċi president tal-Kalininsky District Court ta’ San Pietruburgu.

27.5.2024”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1070/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)