|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2022 |
3.10.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2022
tat-2 ta’ Ottubru 2025
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emendar tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fl-10 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Renju tal-Marokk għal Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emendar tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra. |
|
(2) |
Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000. |
|
(3) |
Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-104/16 P (2) tal-21 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti”) kkjarifikat li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kien ikopri biss it-territorju tar-Renju tal-Marokk u ma jkoprix is-Saħara tal-Punent, li huwa territorju mhux awtonomu separat mir-Renju tal-Marokk. |
|
(4) |
Sabiex tiġi stabbilita bażi legali għall-għoti tal-preferenzi tariffarji previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-oġġetti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk ikkonkludew Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (3) (il-“Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri”), li ġie ffirmat fil-25 ta’ Ottubru 2018. Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 (4). |
|
(5) |
Bħala konsegwenza tas-sentenza tal-Qorti tal-4 ta’ Ottubru 2024 fil-Kawżi Magħquda C-779/21 P u C-799/21 P (5), id-Deċiżjoni (UE) 2019/217, mhux ser tibqa’ tapplika wara l-4 ta’ Ottubru 2025. |
|
(6) |
Importanti jiġi żgurat li l-flussi kummerċjali li żviluppaw matul is-snin ma jiġux imfixkla u li l-preferenzi tariffarji skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni japplikaw għall-oġġetti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti fil-Kawżi Magħquda C-779/21 P u C-799/21 P. |
|
(7) |
F’dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni suċċessivi, il-Kummissjoni qieset li l-estensjoni tal-preferenzi tariffarji għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent għandha effett dirett ikkonċentrat fis-settur ta’ xi prodotti agrikoli u tas-sajd tat-territorju tas-Saħara tal-Punent. L-applikazzjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri wasslet għal iffrankar ta’ EUR 44,4 miljun f’dazji doganali fl-2022, fuq EUR 590 miljun ta’ prodotti esportati. |
|
(8) |
Fis-sentenza tagħha fil-Kawżi Magħquda C-779/21 P u C-799/21 P, il-Qorti ddeċidiet li kwalunkwe ftehim mar-Renju tal-Marokk dwar is-Saħara tal-Punent irid jikseb il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet li tali kunsens jista’ jiġi preżunt dment li l-ftehim inkwistjoni ma jimponix obbligu fuq il-poplu tas-Saħara tal-Punent u li dak il-poplu jirċievi vantaġġ speċifiku, konkret, sostanzjali u verifikabbli li jirriżulta mill-użu tar-riżorsi naturali fit-territorju tas-Saħara tal-Punent li huwa proporzjonat għall-importanza ta’ dan l-użu. Il-vantaġġ irid ikun akkumpanjat minn garanziji li dak l-użu jsir skont kundizzjonijiet konformi mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli. |
|
(9) |
Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-399/22 (6) tal-4 ta’ Ottubru 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li t-territorju tas-Saħara tal-Punent irid jitqies bħala territorju doganali separat, fis-sens tal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u, konsegwentement, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 543/2011 (9) fir-rigward tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini dwar it-tikkettar tal-prodotti maħsuda f’dak it-territorju, li jistgħu jiddeżinjaw biss is-Saħara tal-Punent bħala oriġini tali. |
|
(10) |
F’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti fis-sentenza tagħha fil-Kawżi Magħquda C-779/21 P u C-799/21 P, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim ġdid fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emendar tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim il-ġdid fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri”), li jissostitwixxi l-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri. |
|
(11) |
Il-Ftehim il-ġdid fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri jestendi l-preferenzi tariffarji bilaterali mogħtija mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-prodotti li joriġinaw mit-territorju tas-Saħara tal-Punent li huma soġġetti għal kontrolli mill-awtoritajiet doganali Marokkini. |
|
(12) |
Fil-kuntest tal-Ftehim il-ġdid fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni se jintalab jadotta deċiżjoni li temenda l-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva sabiex jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikabbiltà ta’ dak il-Protokoll għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent u l-kontinwazzjoni tal-kummerċ b’mod partikolari għas-settur tal-frott u l-ħxejjex u għas-settur tas-sajd. |
|
(13) |
Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata distinzjoni ċara fuq it-tikkettar bejn, minn naħa, il-prodotti tas-settur tal-frott u tal-ħxejjex li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent u li huma soġġetti għal kontrolli mill-awtoritajiet doganali Marokkini u, min-naħa l-oħra, il-prodotti tal-istess settur li joriġinaw mill-Marokk, u sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi tal-Unjoni jkunu informati b’mod korrett, il-Ftehim il-ġdid fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri jistabbilixxi li, meta jiġu importati fl-Unjoni, il-frott u l-ħxejjex li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent soġġetti għal kontrolli mill-awtoritajiet doganali Marokkini huma identifikati permezz ta’ referenza għar-reġjun ta’ oriġini tal-prodott, kif indikat fiċ-ċertifikat ta’ oriġini li jakkumpanja dawn il-prodotti fil-mument tal-importazzjoni tagħhom fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-Ftehim il-ġdid fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri jipprevedi li l-Unjoni tista’ tagħti lill-awtoritajiet Marokkini responsabbli, fir-rigward tal-frott u l-ħxejjex friski li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent soġġetti għal kontrolli mill-awtoritajiet doganali Marokkini, l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
|
(14) |
Skont id-dikjarazzjoni tal-Unjoni, li trid issir fil-mument tal-iffirmar tal-Ftehim il-ġdid fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, l-Unjoni l-ewwel se tipprovdi finanzjament għar-reġjun li jiffoka fuq setturi ewlenin, bħall-ilma inkluż l-irrigazzjoni, l-enerġija, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni u d-desalinizzazzjoni tal-ilma f’konformità mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli. Il-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni konġunta previst fil-Ftehim il-ġdid fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri se jiġi implimentat mill-partijiet. Fl-istess ħin, l-Unjoni se żżid l-għajnuna umanitarja tagħha għall-kampijiet ta’ Tindouf. Dik l-għajnuna se titwassal permezz ta’ mekkaniżmi rilevanti tal-Unjoni u tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), u se tkun irregolata mill-istess arranġamenti operazzjonali li japplikaw għall-azzjoni umanitarja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tappoġġa programmi xierqa f’setturi bħall-edukazzjoni, il-kultura u l-ħiliet. |
|
(15) |
Se jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ kontroll regolari f’konformità mal-punt 153 tas-sentenza tal-Qorti fil-Kawżi Konġunti C-779/21 P u C-799/21 P, inkluż il-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni konġunta. |
|
(16) |
L-Unjoni tappoġġa l-isforzi tan-NU sabiex tinstab soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u reċiprokament aċċettabbli li tippermetti l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent f’konformità mal-prinċipji u l-objettivi tal-Karta tan-Nazzjonijiett Uniti, |
|
(17) |
Il-Ftehim il-ġdid fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri jenħtieġ li jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard, u jenħtieġ li d-dikjarazzjoni tal-Unjoni li għandha ssir fil-mument tal-iffirmar tal-Ftehim tiġi approvata. |
|
(18) |
Il-Ftehim il-ġdid fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri jenħtieġ li jiġi applikat b’mod proviżorju, sakemm jidħol fis-seħħ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emendar tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (10).
Artikolu 2
Id-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emendar tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod proviżorju, f’konformità mal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, sakemm jitlestu l-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BJERRE
(1) ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2000/204/oj.
(2) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2016, Kunsill tal-Unjoni Ewropea v Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra et du rio de oro (Front Polisario), C-104/16 P, ECLI:EU:C:2016:973.
(3) Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU L 34, 6.2.2019, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2019/217/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tat-28 ta' Jannar 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU L 34, 6.2.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/217/oj).
(5) Is-sentenza tal-Qorti ta’ Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni Ewopea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea v Front populaire pour la libération de la Saguia el-Hamra et du Rio de oro (Front Polisario), Kawżi Magħquda C-779/21 P u C-799/21, ECLI:EU:C:2024:835.
(6) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2024 dwar talba għal deċiżjoni preliminari, Confédération paysanne v Ministre de l’Agriculture et de la Souveraineté alimentaire u Ministre de l’Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique, C-399/22, ECLI:EU:C:2024:839.
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj).
(9) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/543/oj).
(10) It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fi ĠU L, 2025/2025, 3.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree/2025/2025/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2022/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)