|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3669 |
17.7.2025 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2025/3669)
Wara din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) oppożizzjoni lill-Kummissjoni fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 hija disponibbli fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.
DOKUMENT UNIKU
“Bursa Kestane Şekeri”
Nru tal-UE: PGI-TR-02808 — 22.10.2021
DOP ( ) IĠP (x)
1. Isem/Ismijiet
Bursa Kestane Şekeri
2. Stat Membru jew pajjiż terz
It-Turkija
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 2.3. Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara
Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
|
— |
1905 - Ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u prodotti oħrajn tal-furnara, kemm jekk fihom il-kawkaw u kemm jekk le; ostji tat-tqarbin, cachets vojta li huma adattati għall-użu farmaċewtiku, wafers tas-siġill, karta tar-ross u prodotti simili |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Il-“Bursa Kestane Şekeri” huwa prodott tal-ħelu li jinkiseb billi jitqaxxar il-frott tal-qastan u jissajjar fil-ġulepp. Il-kulur tal-“Bursa Kestane Şekeri” huwa lewn l-ambra u jagħti fl-isfar. Ma għandux ikun skur wisq jew ikkaramelizzat. Il-“Bursa Kestane Şekeri” jista’ jitqiegħed fis-suq f’erba’ daqsijiet skont il-piż tal-frotta: żgħir 8-10 g, medju 10-14 g, kbir 14-20 g, kbir ħafna 22 g u aktar. Jista’ jiġi imballat bil-ġulepp jew mingħajru. Jintuża qastan bi proporzjon tal-qoxra ta’ barra ta’ 25 % jew inqas skont il-piż. Il-proporzjon ta’ frott fil-“Bursa Kestane Şekeri” imballat mingħajr ġulepp irid ikun tal-inqas ta’ 63-71 % u l-proporzjon ta’ frott fil-“Bursa Kestane Şekeri” imballatbil-ġulepp irid ikun tal-inqas ta’ 60 %. Il-valur tal-pH tal-“Bursa Kestane Şekeri” huwa bejn 5 u 5,8.
Il-qastan li jintuża għall-“Bursa Kestane Şekeri” għandu jkun lewn il-krema. It-togħma tal-qastan li jintuża għall-“Bursa Kestane Şekeri” ma għandhiex tkun qarsa, ftit qarsa jew astrinġenti. Il-“Bursa Kestane Şekeri” ma għandux ikollu togħma qarsa, morra, metallika jew togħma qawwija ta’ ħruq jew astrinġenza. Il-“Bursa Kestane Şekeri” jista’ jkollu togħma ħelwa, ta’ karamella bellusija, ta’ għasel, ta’ krema tal-butir, tal-injam, ta’ kafè mixwi u ta’ vanilla biz-zokkor.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Ingredjenti tal-“Bursa Kestane Şekeri”:
Qastan: Għandu jkun jista’ jitqaxxar faċilment u jkollu qoxra rqiqa. Il-proporzjon tal-qoxra ta’ barra tal-frotta jrid ikun ta’ 25 % skont il-piż jew inqas. Il-kulur tal-qoxra tal-frotta ma għandux ikun skur wisq. Il-qastan imnawwar, bid-dud, li nħaraq bil-ġlata jew skur u dak mhux xieraq għall-kalibrazzjoni, ma għandux jintuża. Il-qastan li jiżen bejn 4 u 7 g huwa żgħir, bejn 7 u 10 g huwa ta’ daqs medju, bejn 10 u 15 g huwa kbir u 15 g u aktar huwa kbir ħafna. Il-qastan ta’ daqs xieraq għall-“Bursa Kestane Şekeri” jkun medju u kbir. Il-qastan li jinqasam waqt il-produzzjoni jiġi evalwat ukoll u jiġi imballat separatament bħala qastan maqsum.
Zokkor: Jintuża zokkor kristallin abjad (sukrożju).
Ilma: Jintuża ilma għall-ipproċessar (ilma purifikat, imrattab u ttrattat bl-ultravjola).
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-passi kollha fil-produzzjoni (it-tqaxxir, it-tneħħija tal-qoxra, l-analiżi tad-daqs, it-tqassim skont id-daqs, it-tgħollija, it-tħejjija tal-ġulepp u s-sajran fil-ġulepp) iridu jsiru fiż-żona ġeografika definita.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
It-twaħħil ta’ tikketti bil-kliem “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” u “Bursa Kestane Şekeri” fuq in-naħa viżibbli tal-imballaġġ.
It-tikketta trid tidentifika l-qastan ħelu bħala żgħir bejn 8 u 10 g, medju bejn 10 u 14 g, kbir bejn 14 u 20 g u kbir ħafna ta’ 22 g u aktar u tindika din l-informazzjoni fuq il-pakkett.
It-tikketta trid tidentifika liema verżjoni tal-“Bursa Kestane Şekeri” fih (bil-ġulepp jew mingħajru).
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika għall-produzzjoni/għall-ipproċessar tal-“Bursa Kestane Şekeri” tmiss mal-provinċja ta’ Bursa li tinsab fin-Nofsinhar tar-reġjun ta’ Marmara tat-Turkija.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta bejn il-“Bursa Kestane Şekeri” u ż-żona ġeografika tiegħu hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-prodott kif ukoll il-ħiliet ta’ produzzjoni meħtieġa għall-“Bursa Kestane Şekeri”.
Il-“Bursa Kestane Şekeri” huwa prodott tal-ħelu li jinkiseb billi jitqaxxar il-frott tal-qastan u jissajjar fil-ġulepp. Il-kulur tal-“Bursa Kestane Şekeri” huwa lewn l-ambra u jagħti fl-isfar. Ma għandux ikun skur wisq jew ikkaramelizzat. Għalhekk it-tisjir tiegħu fil-ġulepp jirrikjedi ħiliet esperti. Dawn il-ħiliet jinkisbu wara li jintlaħaq ċertu livell ta’ esperjenza taħt is-superviżjoni tal-imgħallem. Il-ħiliet ta’ produzzjoni ngħaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra abbażi tar-relazzjonijiet bejn l-imgħallem u l-apprendistat.
Hemm dokumenti li jmorru lura għal rekords Iżlamiċi tas-seklu 15 li jindikaw il-preżenza tal-produzzjoni tal-“Bursa Kestane Şekeri” (dak iż-żmien kien jintuża biss il-qastan ħelu) fil-palazz Ottoman (“Noti dwar il-ħlewwiet u d-dulċiera tal-palazz Ottoman” ta’ Zeynel Özlü, Sena 2011, Ħarġa 58, 171 - 190, 08.06.2011).
Mill-bidu tas-seklu 20 f’Bursa, il-“Bursa Kestane Şekeri” beda jiġi prodott fil-Bażar famuż ta’ Şekerciler. Minn sorsi miktubin nafu li fl-1928, Ulus Patisserie bagħat “Bursa Kestane Şekeri” lil Mustafa Kemal Atatürk, il-fundatur tar-Repubblika tat-Turkija, u li d-delegazzjonijiet minn Ankara għal Bursa f’dak iż-żmien ħadu l-“Bursa Kestane Şekeri” magħhom meta rritornaw.
Fid-“Dictionary of Ottoman Cuisine (l-Edizzjoni tal-2010)” imħejji minn Priscilla Mary Işın, tissemma l-espressjoni “Bursa Kestane Şekeri” fil-paġna 208: “Għall-‘Bursa Kestane Şekeri’, il-qastan, li l-qoxra ta’ barra u l-qoxra ta’ ġewwa tiegħu jitqaxxru, jitgħalla fil-ġulepp ripetutament biex jassorbi z-zokkor. Il-qastan ta’ Bursa huwa l-aktar tip xieraq għall-‘Bursa Kestane Şekeri’ ”.
Minħabba l-iżvilupp tas-sengħa tal-pastiċċerija f’Bursa, il-produzzjoni tal-“Bursa Kestane Şekeri” saret b’ħila kbira għal ħafna snin.
Bursa kienet iċ-ċentru ta’ produzzjoni tal-“Bursa Kestane Şekeri” għal ħafna snin u l-istorja tal-prodott tmur lura għal żminijiet il-qedem. Il-“Bursa Kestane Şekeri” għandhom post importanti fil-kultura tal-kċina, fil-prattiki tradizzjonali u fir-ritwali li jsiru fil-ħajja ta’ kuljum f’Bursa. Il-“Bursa Kestane Şekeri” jiġu offruti lill-mistednin f’okkażjonijiet u żjarat speċjali, peress li huma deżerta tal-frott ħafifa, bnina u tassew prezzjuża. Meta wieħed jivvjaġġa lejn post ieħor minn Bursa, il-“Bursa Kestane Şekeri” huma l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħu u huwa magħruf bħala togħma fuq il-palat li tfakkrek f’Bursa. Il-“Bursa Kestane Şekeri” jispikkaw bħala l-prodott tal-marka ta’ Bursa fil-kotba, fl-artikli, fir-riċerka u fl-istudji dokumentarji kollha mħejjijin dwar il-kċina ta’ Bursa. L-istampi u d-dokumenti miktubin dwar il-“Bursa Kestane Şekeri” miksubin fir-riċerka fuq il-post dwar il-kultura popolari ta’ Bursa li saret mill-Ministeru għall-Kultura u għat-Turiżmu u d-Direttorat Provinċjali tal-Kultura u tat-Turiżmu ġew irreġistrati fl-isem ta’ Bursa fiċ-Ċentru tal-Informazzjoni u tad-Dokumenti dwar il-Kultura Popolari (Arkivju tal-Kultura Popolari) stabbilit taħt il-Ministeru għall-Kultura u għat-Turiżmu u d-Direttorat Ġenerali tar-Riċerka u tal-Edukazzjoni. Għal din ir-raġjuni, il-“Bursa Kestane Şekeri” għandu konnessjoni ta’ reputazzjoni tajba maż-żona ġeografika. L-istadji kollha tal-produzzjoni tal-“Bursa Kestane Şekeri”, li għandu konnessjoni ta’ reputazzjoni tajba mal-provinċja ta’ Bursa, isiru fiż-żona ġeografika definita.
Il-produzzjoni tal-“Bursa Kestane Şekeri” bdiet bil-qastan li jikber f’Bursa. Il-qastan li jikber f’Bursa kien is-suġġett tax-xogħlijiet tal-vjaġġaturi u tal-istoriċi f’kull perjodu tal-istorja. Il-qastan jintuża ħafna fil-preparazzjonijiet tal-ikel tax-xitwa, l-ikel tat-triq, l-ikel ta’ kuljum, ikliet għal okkażjonijiet speċjali u deżerti fil-kultura tal-kċina ta’ Bursa mill-passat sal-preżent.
Diversi sorsi jsemmu wkoll il-qastan ta’ Bursa. Id-daqs u t-togħma tal-qastan li jikber fil-Muntanja Bursa Uludağ huma deskritti fil-kotba tal-ivvjaġġar ta’ vjaġġaturi bħal Ibn-i Batuta (fis-seklu 14) u Evliya Çelebi (fis-seklu 17). Fi ktieb bl-isem ta’ “Evliya Çelebi Seyahatnamesi’nde Yemek Kültürü” ta’ Marianna Yerasimos, (l-edizzjoni tal-2011, il-paġna 196), huwa ddikjarat li “skont Evliya Çelebi, l-40 varjetà ta’ Bursa ta’ lanġas, għeneb tajjeb, ċirasa u qastan kbir li jiżen 40 dirham (125 g) kienu l-uniċi tat-tip tagħhom fid-dinja, u minn dan il-qastan kien isir ukoll kebab interessanti.”
Id-daqs u t-togħma tal-qastan li jikber f’Bursa jissemmew fi ktieb bl-isem ta’ “Osmanlı’dan Cumhuriyete Bursa Mutfağı-Cennet Sofrası” ta’ Ahmet Gedik u Zedal Kondakçi (il-paġna 5). Huwa ddikjarat ukoll li l-qastan ta’ Bursa huwa s-suġġett tat-testi tad-drammi ta’ Karagöz-Hacivat (l-edizzjoni tal-2019, il-paġna 10).
Fil-passat, il-qastan kollu li jintuża fil-produzzjoni tal-“Bursa Kestane Şekeri” kien jinkiseb miż-żona ġeografika. Madankollu, minħabba żieda fid-domanda, jintuża wkoll qastan bil-karatteristiċi speċifikati fl-applikazzjoni u li jikber barra minn Bursa.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
Il-Bullettin elettroniku uffiċjali tal-Uffiċċju Tork tal-Privattivi u t-Trademarks, Nru 652 tal-1 ta’ Frar 2021, il-paġna 36
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3669/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)