|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2489 |
4.12.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2489
tat-3 ta’ Diċembru 2025
dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mad-deni tal-ħnieżer Afrikan fi Spanja
(notifikata bid-dokument C(2025) 8483)
(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-deni tal-ħnieżer Afrikan huwa marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali porċini miżmuma u selvaġġi u jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, li jikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi. Fil-każ ta’ tifqigħat tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini selvaġġi, ikun hemm riskju serju li dik il-marda tinfirex f’annimali porċini selvaġġi oħra u f’azjendi oħra tal-annimali porċini miżmuma. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari l-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu ċerti miżuri għall-kontroll tal-mard li jridu jittieħdu fil-każ ta’ konferma uffiċjali tat-tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A fl-annimali selvaġġi, inkluż id-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini selvaġġi. B’mod partikolari, dawk id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona infettata u l-projbizzjonijiet fuq il-movimenti tal-annimali selvaġġi tal-ispeċijiet elenkati u tal-prodotti li joriġinaw minnhom. |
|
(3) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/594 (4) jistabbilixxi l-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard rigward id-deni tal-ħnieżer Afrikan. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(b) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ żona infettata f’każ ta’ tifqigħa tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini selvaġġi, f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 jipprevedi li wara tifqigħa tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini selvaġġi fi Stat Membru jew f’żona li qabel kienet ħielsa mill-mard, dik iż-żona trid tiġi elenkata bħala żona infettata fil-Parti A tal-Anness II tiegħu, u li ż-żona infettata stabbilita f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 trid tiġi aġġustata mingħajr dewmien biex tinkludi mill-inqas iż-żona infettata elenkata fil-Parti A tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
|
(4) |
Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 jipprevedi li l-Istati Membri kkonċernati għandhom japplikaw il-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard stabbiliti f’dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni applikabbli għaż-żoni ristretti II fiż-żoni elenkati bħala żoni infettati fil-Parti A tal-Anness II tiegħu, flimkien mal-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 jipprevedi li l-Istati Membri jridu jipprojbixxu l-movimenti tal-kunsinni tal-annimali porċini miżmuma u tal-prodotti tagħhom lejn Stati Membri oħrajn u lejn pajjiżi terzi miż-żona infettata tal-Istat Membru kkonċernat elenkata fil-Parti A tal-Anness II. |
|
(5) |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 jipprevedi li l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati tista’ tiddeċiedi li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 8(3) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma tapplikax għall-movimenti tal-kunsinni tal-prodotti tal-laħam, inkluż il-budellati, miksuba mill-annimali porċini miżmuma fiż-żona infettata elenkata fil-Parti A tal-Anness II tiegħu, li jkun sarilhom it-trattament rilevanti għall-mitigazzjoni tar-riskju f’konformità mal-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. |
|
(6) |
Spanja għarrfet lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni attwali tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fit-territorju tagħha, wara l-konferma ta’ tifqigħa tad-deni tal-ħnieżer Afrikan f’żewġ annimal porċini selvaġġi fil-Komunità Awtonoma tal-Katalonja, fil-provinċja ta’ Barċellona fit-28 ta’ Novembru 2025, f’żona li qabel kienet ħielsa minn dik il-marda. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru stabbiliet żona infettata f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594, li fiha jiġu applikati l-miżuri ġenerali ta’ kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, biex jiġi evitat aktar tixrid ta’ dik il-marda. |
|
(7) |
Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex jiġi evitat li jiġu imposti ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, hemm bżonn li fil-livell tal-Unjoni tiġi identifikata ż-żona infettata għad-deni tal-ħnieżer Afrikan fi Spanja b’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru. |
|
(8) |
Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat aktar tixrid tad-deni tal-ħnieżer Afrikan, sakemm iż-żoni ta’ Spanja affettwati mit-tifqigħa riċenti tad-deni tal-ħnieżer Afrikan f’żewġ annimali porċini selvaġġi jiġu elenkati bħala żona infettata fil-Parti A tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594, jenħtieġ li dawk iż-żoni ta’ Spanja jiġu elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard, bħall-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard applikabbli għaż-żoni ristretti II previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 għaż-żoni li ġew elenkati bħala żoni infettati fil-Parti A tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
|
(9) |
Minħabba n-natura persistenti u serja ta’ din is-sitwazzjoni epidemjoloġika ġdida tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-Unjoni, u filwaqt li jitqies ir-riskju immedjat akbar ta’ aktar tixrid tal-marda, jenħtieġ li l-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard, bħall-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard għad-deni tal-ħnieżer Afrikan previsti fl-Artikoli 8(3) u (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 japplikaw ukoll għall-movimenti tal-kunsinni tal-annimali porċini miżmuma u tal-prodotti tagħhom miż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi, minbarra l-miżuri ta’ kontroll tal-mard stabbiliti fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. |
|
(10) |
Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tad-deni tal-ħnieżer Afrikan, huwa importanti li l-miżuri ta’ kontroll ta’ emerġenza tal-mard stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun. |
|
(11) |
Għaldaqstant, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, jenħtieġ li ż-żona infettata fi Spanja tiġi stabbilita minnufih u elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni kif ukoll li tiġi stabbilita d-durata ta’ dak iż-żonar, u jenħtieġ jiġu stabbiliti l-miżuri ta’ kontroll ta’ emerġenza interim tal-mard. |
|
(12) |
Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Spanja għandha tistabbilixxi żona infettata għad-deni tal-ħnieżer Afrikan f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mal-Artikolu 3, il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594. Dik iż-żona għandha tinkludi mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, u għandha tinżamm matul iż-żmien stipulat fl-Anness.
Artikolu 2
Fiż-żoni elenkati bħala żona infettata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, Spanja għandha tapplika sad-dati speċifikati fl-Anness:
|
(a) |
il-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard applikabbli għaż-żoni ristretti II stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594, |
|
(b) |
il-miżuri previsti fl-Artikolu 8(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u |
|
(c) |
il-miżuri ta’ kontroll tal-mard stabbiliti fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. |
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-28 ta’ Frar 2026.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Olivér VÁRHELYI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/594 tas-16 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard għad-deni tal-ħnieżer Afrikan u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 (ĠU L 79, 17.3.2023, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/594/oj).
ANNESS
|
Żoni stabbiliti bħala żona infettata fi Spanja kif imsemmi fl-Artikolu 1 |
Data sa meta applikabbli |
|
The municipalities of Vallès Occidental region: Badia del Vallès, Barberà del Vallès, Castellar del Vallès, Castellbisbal, Cerdanyola del Vallès, Gallifa, Matadepera, Montcada i Reixac, Palau-solità i Plegamans, Polinyà, Ripollet, Rubí, Sabadell, Sant Cugat del Vallès, Sant Llorenç Savall, Sant Quirze del Vallès, Santa Perpètua de Mogoda, Rellinars, Sentmenat, Terrassa, Ullastrell, Vacarisses, Viladecavalls. The municipalities of Vallès Oriental region: Ametlla del Vallès, Bigues i Riells del Fai, Caldes de Montbui, Canovelles, Granollers, La Roca del Vallès, Llagosta, Lliçà d’Amunt, Lliçà de Vall, Mollet del Vallès, Martorelles, Montmeló, Montornès del Vallès, Parets del Vallès, Sant Feliu de Codines, Sant Fost de Campsentelles, Santa Eulàlia de Ronçana, Santa Maria de Martorelles, Vallromanes, Vilanova del Vallès. The municipalities of Baix Llobregat region: Abrera, Castellví de Rosanes, Cervelló, Collbató, Corbera de Llobregat, Cornellà de Llobregat, El Papiol, Esparreguera, Esplugues de Llobregat, Martorell, Molins de Rei, Olesa de Montserrat, Pallejà, El Prat de Llobregat, Sant Andreu de la Barca, Sant Boi de Llobregat, Sant Climent de Llobregat, Sant Esteve Sesrovires, Sant Feliu de Llobregat, Sant Joan Despí, Sant Just Desvern, Sant Vicenç dels Horts, Santa Coloma de Cervelló, Torrelles de Llobregat, Vallirana, Viladecans, La Palma de Cervelló. The municipalities of Barcelonès region: Badalona, Barcelona, L’Hospitalet de Llobregat, Sant Adrià de Besòs, Santa Coloma de Gramenet. The municipalities of Maresme region: Alella, Cabrils, El Masnou, Montgat, Òrrius, Premià de Dalt, Premià de Mar, Teià, Tiana, Vilassar de Dalt. The municipalities of Alt Penedès region: Gelida, Sant Llorenç d’Hortons. The municipalities of Anoia region: Els Hostalets de Pierola, Masquefa. The municipalities of Bages region: Castellbell i el Vilar i Mura. |
28.2.2026 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2489/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)