European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2333

20.11.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2333

tad-19 ta’ Novembru 2025

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ plywood ta’ injam iebes li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fil-11 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ plywood tal-injam iebes li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat” jew “ir-RPĊ”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta’ Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara li tressaq ilment fis-27 ta’ Awwissu 2024 mill-Konsorzju Greenwood (“l-ilmentatur”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-plywood ta’ injam iebes fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li rriżulta li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Reġistrazzjoni

(3)

Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-plywood tal-injam iebes soġġetti għar-reġistrazzjoni bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3140 (3) (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”).

1.3.   Miżuri proviżorji

(4)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fit-12 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji proposti u b’dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli fi żmien tlitt ijiem tax-xogħol. Ma wasal l-ebda kumment dwar l-akkuratezza tal-kalkoli.

(5)

Fl-10 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ plywood tal-injam iebes li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1139 (4) (“ir-Regolament provviżorju”).

1.4.   Proċedura sussegwenti

(6)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping provviżorju (“divulgazzjoni provviżorja”), l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Industrija tal-Prodotti tal-Foresti taċ-Ċina (“CNFPIA, China National Forest Products Industry Association”) li tirrappreżenta żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi inkluża l-kumpanija Pizhou Jiangshan Wood (“Jiangshan Wood”), assoċjazzjoni ad hoc li tirrappreżenta seba’ produtturi esportaturi (“Ċertu Numru ta’ Produtturi Esportaturi li Kkooperaw” jew “CEP, Cooperating Exporting Producers”), assoċjazzjoni ad hoc ta’ 28 produttur esportatur Ċiniż (“Assoċjazzjoni tal-produtturi esportaturi” jew “l-assoċjazzjoni”), l-ilmentatur, l-utent Keflico A/S (“Keflico”), l-importatur mhux relatat Questwood sp. z o.o (“Questwood”), il-bejjiegħ bl-ingrossa u l-importatur mhux relatat Ljungberg Fritzoe AB (“Ljungberg Fritzoe”), kif ukoll l-assoċjazzjoni ad hoc tal-importaturi mhux relatati u l-utenti tal-UE, il-Plywood Trade Interest Alliance (“PTIA”), il-federazzjoni tal-importaturi mhux relatati, il-bejjiegħa bl-imnut u l-bejjiegħa bl-ingrossa, il-Federazzjoni Ewropea tal-Kummerċ tal-Injam Ippreparat (“ETTF, European Timber Trade Federation”) u l-assoċjazzjoni Ġermaniża tal-bejjiegħa bl-ingrossa, tal-bejjiegħa bl-imnut u tal-importaturi mhux relatati Gesamtverband Deutscher Holzhandel (“GD Holz”) ressqu sottomissjonijiet bil-miktub biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji sal-iskadenza prevista mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament provviżorju (5).

(7)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ mal-ilmentatur, mal-PTIA, mas-CNFPIA, l-Assoċjazzjoni tal-produtturi esportaturi, u ma’ Jiangshan Wood. Il-PTIA ppreżentat ukoll nota ta’ wara s-seduta. Barra minn dan, il-PTIA talbet seduta mal-Uffiċjal tas-Seduta. L-Uffiċjal tas-Seduta ra l-kummenti tal-PTIA bil-miktub u saret seduta ta’ smigħ sussegwenti, wara talba addizzjonali, fis-16 ta’ Ottubru 2025, kif spjegat fil-premessa (11) hawn taħt.

(8)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala neċessarja għas-sejbiet finali tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni qieset il-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet provviżorji tagħha, fejn xieraq.

(9)

Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kellha l-ħsieb li timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ plywood tal-injam iebes li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali.

(10)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-assoċjazzjoni tal-produtturi esportaturi, mis-CEP, mis-CNFPIA, minn Jiangshan Wood, mill-PTIA, mill-produttur esportatur Xuzhou Saintland Wood Inc (“Saintland Wood”) u minn Andrex B.V. (“Andrex”), importatur u distributur ta’ spare parts u materjali tal-containers, inklużi pavimentar tal-containers tal-plywood tal-injam iebes. Il-kummenti ġew indirizzati fit-taqsimiet rispettivi hawn taħt.

(11)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw ukoll din l-opportunità. Fid-9 ta’ Ottubru 2025 saret seduta ta’ smigħ ma’ Jiangshan Wood u mal-PTIA fit-13 ta’ Ottubru 2025. Barra minn hekk, il-PTIA talbet l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fir-rigward tad-dritt li jinstema’ mill-Uffiċjal tas-Seduta, id-dritt għal trattament ugwali, id-dritt li jikkummenta u jippreżenta evidenza; id-dritt ta’ aċċess għal fajl miftuħ, id-dritt li wieħed jiġi infurmat dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ewlenin li fuqhom il-Kummissjoni Ewropea bbażat is-sejbiet tagħha u d-dritt għal amministrazzjoni tajba (6). Is-seduta saret fis-16 ta' Ottubru 2025. L-Uffiċjal tas-Seduta ma talab l-ebda azzjoni ta’ segwitu ulterjuri wara s-seduta li saret mal-PTIA fis-16 ta’ Ottubru 2025. Fl-21 ta’ Ottubru 2025, intalbet ukoll seduta mal-Uffiċjal tas-Seduta minn Jiangshan Wood. It-talba għal seduta ma setgħetx tiġi akkomodata peress li ġiet barra mill-iskadenzi stipulati fit-Taqsimiet 5.7 u 11 tan-Notifika ta’ Bidu u, minħabba s-sottomissjoni tardiva tagħha, ma ppermettietx l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta.

1.5.   Asserzjonijiet dwar il-bidu

(12)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA sostniet li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu nkisru bit-trattament kunfidenzjali tal-ilment. Il-PTIA argumentat li l-ilmentaturi ma kellhom l-ebda portafoll speċifiku ta’ prodotti li jippermetti l-identifikazzjoni tal-fatturi individwali tad-dannu u li l-fatt li l-Kummissjoni ma ppreżentatx id-data dwar id-dannu tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun f’firxiet fir-Regolament provviżorju kien juri li l-applikazzjoni tal-kunfidenzjalità fl-istadju tal-ilment ma kinitx raġonevoli.

(13)

L-argument tal-PTIA li t-trattament kunfidenzjali tad-data permezz ta’ indiċjar f’firxiet fl-ilment jikser id-drittijiet tad-difiża tal-PTIA ġie miċħud minħabba li d-data relatata mal-produzzjoni, mal-kapaċità tal-produzzjoni, mal-użu tal-kapaċità, mal-kost tal-produzzjoni, mal-bejgħ, mal-inventarji u mal-impjiegi kienet fil-fatt ippreżentata f’firxiet fl-ilment, madankollu, kienet dejjem akkumpanjata mill-indiċi rilevanti li juri l-bidla perċentwali tagħhom. It-trattament tad-data b’dan il-mod laħaq bilanċ adegwat bejn id-drittijiet tal-ilmentatur għat-trattament kunfidenzjali tad-data l-aktar sensittiva tiegħu u d-dritt tad-difiża tal-partijiet interessati. Barra minn hekk, it-talba għal trattament kunfidenzjali tad-data sensittiva tagħhom, jiġifieri l-preżentazzjoni tagħha bl-użu ta’ firxiet, hija prerogattiva tal-partijiet interessati fil-proċediment. Dan intalab mill-ilmentaturi fil-bidu u ġie aċċettat mill-Kummissjoni, minħabba l-eżistenza ta’ tipi speċifiċi ta’ prodotti mill-ilmentaturi, jiġifieri l-portafolji tal-prodotti speċifiċi tagħhom li kienu jippermettu l-identifikazzjoni ta’ data sensittiva tal-kumpanija anke meta tiġi aggregata. Fl-istadju provviżorju, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ma talbux tali trattament kunfidenzjali. Fin-nuqqas ta’ elementi ġodda oħra, għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħha fil-premessa (9) tar-Regolament provviżorju.

(14)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA kompliet tikkontesta r-rappreżentattività tal-ilment u talbet lill-Kummissjoni biex tiddivulga l-kalkolu tal-locus standi tagħha.

(15)

Il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha dwar il-locus standi fil-premessa (13) tar-Regolament provviżorju. In-nota dwar il-locus standi (7) ġiet miżjuda mal-fajl miftuħ fil-jum tal-bidu tal-każ. Dan kien jinkludi lista ta’ produtturi u assoċjazzjonijiet tal-UE kkuntattjati mill-Kummissjoni. In-nota ma speċifikatx iċ-ċifri tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-produtturi individwali. Dawn id-dettalji, f’firxiet, jistgħu jinstabu fit-tweġibiet permanenti individwali (8). In-nota ddivulgat f’dettall suffiċjenti l-metodoloġija użata għall-fini tal-kalkolu tal-pożizzjoni skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. B’mod speċifiku, il-produtturi tal-Unjoni li espressament appoġġaw l-ilment kienu jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili mmanifatturat mill-industrija tal-Unjoni. L-ilment kien appoġġat minn produtturi tal-Unjoni li l-produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili li jsir minn dak il-proprozjon tal-industrija tal-Unjoni li jesprimi appoġġ għal, jew oppożizzjoni kontra, l-ilment. L-ebda produttur li esprima oppożizzjoni għall-ilment ma ppreżenta ruħu matul l-eżerċizzju permanenti. Għal raġunijiet ta’ trasparenza, il-Kummissjoni żvelat ukoll li l-produtturi tal-Unjoni li esprimew appoġġ bil-miftuħ kienu jammontaw għal madwar 25 % sa 30 % tal-produzzjoni totali msemmija hawn fuq. Għalhekk, it-talba ġiet miċħuda. Il-Kummissjoni nnotat li l-PTIA ma pprovdiet l-ebda evidenza sostantiva li turi n-nuqqas ta’ pożizzjoni tal-ilmentaturi.

(16)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-PTIA reġgħet sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx żvelat data ta’ produzzjoni preċiża biżżejjed li tippermetti l-kalkolu tal-pożizzjoni tal-ilmentaturi. Il-PTIA sostniet li fil-każ ta’ data relatata ma’ disa’ ilmentaturi ma kienx ġustifikat li tiġi żvelata d-data rilevanti f’firxiet.

(17)

Il-Kummissjoni ddivulgat iċ-ċifri tal-produzzjoni f’firxiet sabiex tipproteġi l-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni sensittiva u proprjetarja. Il-Kummissjoni segwiet il-proċedura standard fl-investigazzjonijiet anti-dumping billi żvelat tali informazzjoni f’firxiet. L-għadd ta’ kumpaniji li qed jilmentaw ma jaffettwax l-obbligu tal-Kummissjoni li tipproteġi informazzjoni sensittiva. Il-Kummissjoni nnotat għal darb’oħra li minkejja li tenniet l-affermazzjonijiet dwar il-pożizzjoni, il-PTIA ma ssottomettiet l-ebda evidenza li turi li l-ilmentaturi ma kellhomx pożizzjoni. Għalhekk, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(18)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA sostniet li l-Kummissjoni injorat informazzjoni kritika relatata mal-interess tal-Unjoni fl-istadju provviżorju billi matul il-valutazzjoni provviżorja tagħha ma qisitx is-sottomissjoni tal-PTIA tal-15 ta’ Jannar 2025 (9) li tirribatti l-kontroargumenti sottomessi mill-ilmentatur (10) wara l-kummenti tal-PTIA tal-bidu (11). Il-PTIA argumentat li ma tilfitx l-iskadenza għas-sottomissjoni tad-data inkwistjoni iżda, bħala argument ta’ riżerva, hija rreferiet għall-ġurisprudenza tad-WTO (12), filwaqt li argumentat li l-informazzjoni sottomessa wara l-iskadenza ma tistax tiġi injorata awtomatikament.

(19)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li fid-dawl tal-kjarifika pprovduta dwar l-iskadenza għall-konfutazzjoni tas-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra, l-argument tal-PTIA li l-konfutazzjoni tagħha tal-konfutazzjoni tal-Konsorzju Greenwood tal-kummenti tal-partijiet interessati rrispettat l-iskadenza, ma huwiex korrett.

(20)

Barra minn hekk, u l-aktar punt importanti, il-Kummissjoni ma injoratx is-sustanza tal-konfutazzjoni msemmija. L-asserzjonijiet dwar l-interess tal-Unjoni, diġà ppreżentati mill-PTIA fil-25 ta’ Novembru 2024 (13) u fit-3 ta’ Jannar 2025 (14), ġew ikkunsidrati billi saret analiżi bir-reqqa tal-interessi ta’ klassijiet differenti ta’ utenti, b’referenza speċifika għall-opinjoni tal-PTIA fil-premessi (355) u (362) tar-Regolament provviżorju.

(21)

L-argument fis-sottomissjoni msemmija fil-premessa (18), dwar in-nuqqas ta’ locus standi tal-industrija tal-Unjoni u l-kunfidenzjalità eċċessiva tal-kalkoli tal-locus standi diġà mqajjem mill-PTIA fis-sottomissjoni tagħha tal-25 ta’ Novembru 2024 (15) u tat-3 ta’ Jannar 2025 (16) ġie indirizzat fil-premessi (7) sa (9), (12) u (13) tar-Regolament provviżorju kif ukoll fil-premessa (15) hawn fuq. L-argument dwar il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti dwar l-ambitu tal-prodott fl-investigazzjoni dwar il-plywood tal-betula mir-Russja (17) diġà mqajjem mis-sottomissjoni tal-PTIA tal-25 ta’ Novembru 2024 (18) u tat-3 ta’ Jannar 2025 (19) ġie indirizzat fil-premessi (54) sa (56) tar-Regolament provviżorju. It-talba għall-esklużjoni ta’ prodotti tal-plywood b’wiċċ miksi b’rita diġà mqajma mill-PTIA fl-24 ta’ Ottubru 2024 (20), fit-18 ta’ Novembru 2024 (21) u fit-3 ta’ Jannar 2025 (22) ġiet indirizzata fil-premessi (59) u (60) tar-Regolament provviżorju. It-talba għall-esklużjoni ta’ prodotti tal-plywood tal-injam iebes tal-ewkaliptu li diġà tqajmet mill-PTIA fl-24 ta’ Ottubru 2024 (23), fit-18 ta’ Novembru 2024 (24), fil-25 ta’ Novembru 2024 (25) u fit-3 ta’ Jannar 2025 (26) ġiet indirizzata fil-premessi (61) u (62) tar-Regolament provviżorju. It-talba għall-esklużjoni ta’ prodotti tal-plywood b’saffi esterni ta’ 0,3 mm jew inqas, kif ukoll plywood irqiq bi ħxuna ta’ inqas minn 6 mm, diġà mqajma fl-24 ta’ Ottubru 2024 (27), fit-18 ta’ Novembru 2024 (28), fil-25 ta’ Novembru 2024 (29) u fit-3 ta’ Jannar 2025 (30), ġiet indirizzata fil-premessi (63) u (64) tar-Regolament provviżorju. It-talba għall-esklużjoni ta’ prodott għall-plywood b’fuljetti maħdumin, diġà mressqa fl-24 ta’ Ottubru 2024 (31), fit-18 ta’ Novembru 2024 (32), fil-25 ta’ Novembru 2024 (33) u fit-3 ta’ Jannar 2025 (34), ġiet indirizzata fil-premessi (65) u (66) tar-Regolament provviżorju. It-talba għall-esklużjoni ta’ speċijiet tropikali, li diġà tressqet fit-3 ta’ Jannar 2025 (35), ġiet indirizzata fil-premessi (75) u (76) tar-Regolament provviżorju.

(22)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-PTIA argumentat li s-sottomissjoni tagħha tal-15 ta’ Jannar 2025 ġiet ippreżentata sal-iskadenza preskritta, jiġifieri l-25 ta’ Ġunju 2025, l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni tas-sejbiet proviżorji (36), kif jinsabu fit-Taqsima 7 tan-Notifika ta’ Bidu. Il-PTIA sostniet li minħabba li din is-sottomissjoni kien fiha informazzjoni ġdida ma kinitx taqa’ taħt l-iskadenza ta’ 75 jum għas-sottomissjoni tal-kummenti dwar l-informazzjoni sottomessa minn partijiet interessati oħra (37).

(23)

Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument minħabba li t-titolu tas-sottomissjoni tal-PTIA tal-15 ta’ Jannar 2025 kien jaqra “Rebuttal of the Plywood Trade Interest Alliance on the Commiters Commiters” (38), b’referenza ċara għas-sottomissjoni ta’ kummenti dwar l-informazzjoni sottomessa minn partijiet interessati oħra, jiġifieri l-ilmentatur, u, għalhekk, soġġett għall-iskadenza ta’ 75 jum stabbilita fit-Taqsima 8 tan-Notifika ta’ Bidu.

(24)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni qabel ma ġew imposti miżuri proviżorji kienet ta’ 70 jum wara l-bidu, li kienet iqsar mill-iskadenza ta’ 75 jum għas-sottomissjoni tal-kummenti dwar l-informazzjoni sottomessa minn partijiet interessati oħra (39). L-affermazzjoni tal-PTIA li tista’ tiġi sottomessa informazzjoni fattwali ġdida sa tmiem l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-kummenti dwar id-divulgazzjoni tas-sejbiet proviżorji irrispettivament mill-iskadenzi li jinsabu fit-Taqsima 8 tan-Notifika ta’ Bidu ma kinitx korretta. Il-PTIA argumentat li peress li l-iskadenza finali għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni ġdida kienet it-tmiem tal-perjodu għall-kummenti dwar il-miżuri proviżorji, sakemm din kien fiha informazzjoni ġdida, sottomissjoni setgħet issir fi kwalunkwe ħin. Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument minħabba li l-iskadenza ta’ 70 jum wara l-bidu għas-sottomissjonijiet għall-istadju provviżorju ġiet stabbilita b’mod ċar fit-Taqsima 7 tan-Notifika ta’ Bidu.

(25)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li, għall-kuntrarju tal-affermazzjoni mill-PTIA, ma kien hemm l-ebda informazzjoni ġdida fis-sottomissjoni tagħha tal-15 ta’ Jannar 2025. Fit-Taqsima intitolata “Allegati Talbiet ta’ Ċirkumvenzjoni” (40), il-PTIA ma għamlet l-ebda dikjarazzjoni jew ma ppreżentat l-ebda evidenza rigward il-monitoraġġ tal-plywood tal-injam iebes b’saff irqiq ta’ barra tal-injam artab, ara l-premessa (382) tar-Regolament provviżorju. Minflok, hija argumentat kontra r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet għal prodotti li jaqgħu barra mill-ambitu attwali tal-prodott u talbet lill-Kummissjoni tiddefinixxi mingħajr ambigwità l-ambitu tal-prodott. Il-kwistjoni tar-reġistrazzjoni ta’ prodotti li jaqgħu barra mill-ambitu tal-investigazzjoni ma kellha l-ebda bażi fattwali, ma tqajmitx u, għalhekk, ma kinitx rilevanti għal dan il-każ. L-ambitu tal-prodott ġie definit ukoll mingħajr ambigwità fin-Notifika ta’ Bidu (41).

(26)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-PTIA argumentat li l-Kummissjoni ma qisitx is-sustanza tal-asserzjonijiet tagħha mis-sottomissjoni tal-15 ta’ Jannar 2025.

(27)

Il-Kummissjoni affermat mill-ġdid id-dikjarazzjonijiet tagħha fil-premessi (20) u (21), fir-rigward tat-trattament tal-pretensjonijiet sostantivi rilevanti tal-PTIA. Is-sottomissjoni tal-PTIA inkwistjoni hija kontrokonfutazzjoni tal-konfutazzjoni tal-ilmentatur ippreżentata fl-20 ta’ Diċembru 2024 (42), li tirribatti s-sottomissjoni tal-PTIA u ta’ partijiet interessati oħra li saru mill-bidu tal-investigazzjoni. Fil-kontrokonfutazzjoni tagħha, il-PTIA kienet limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni għall-kwistjonijiet li jinsabu fid-dokument ippreżentat mill-ilmentatur li fih innifsu kien limitat għal kwistjonijiet diġà mqajma mill-PTIA f’sottomissjonijiet preċedenti (l-24 ta’ Ottubru 2024 (43), it-18 ta’ Novembru 2024 (44) u l-25 ta’ Novembru 2024 (45)). Il-kontrokonfutazzjoni tal-PTIA kienet, għalhekk, limitata mid-definizzjoni tagħha stess għal kjarifiki addizzjonali għall-pretensjonijiet li diġà saru.

(28)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-PTIA argumentat li l-informazzjoni li tinsab fl-Annessi tas-sottomissjoni tal-15 ta’ Jannar 2025 ma ġietx ikkunsidrata mill-Kummissjoni.

(29)

Il-Kummissjoni sabet, b’mod partikolari, li s-sustanza tar-rapport dwar il-prestazzjoni ppreżentat bħala anness li juri d-differenza fil-kwalità fil-plywood b’wiċċ miksi b’rita Ċiniż u prodott fl-Unjoni kienet diġà magħrufa u ġiet indirizzata fil-premessi (59) u (60) tar-Regolament provviżorju. Is-sustanza tal-evidenza ppreżentata relatata mal-limitazzjoni tal-produzzjoni tal-plywood b’wiċċ irqiq mill-industrija tal-Unjoni kienet diġà magħrufa u ssemmiet fil-premessi (63) u (64) tar-Regolament provviżorju. Fis-sottomissjoni tagħha tal-25 ta’ Novembru 2024 (46), il-PTIA diġà rreferiet għall-“ittri ta’ appoġġ” tal-kumpaniji tal-Unjoni bħala “aktar minn 100 ittra ta’ appoġġ”. L-eżistenza ta’ dawn, għalhekk, kienet magħrufa. Barra minn hekk, l-ittri ta’ appoġġ kollha kienu bbażati fuq mudell u qajmu eżattament l-istess punti. L-oppożizzjoni tal-kumpaniji firmatarji kienet diġà ġiet ikkunsidrata meta ġie vvalutat l-interess tal-Unjoni, ara l-premessa (20).

(30)

Il-PTIA sostniet li l-Kummissjoni jenħtieġ li teżerċita d-diskrezzjoni tagħha u ma tiġborx dazji proviżorji minħabba li l-miżuri jistgħu jiġu annullati minħabba l-irregolarità relatata mad-drittijiet tad-difiża, jiġifieri n-negliġenza tal-ittri ta’ oppożizzjoni minn 140 kumpanija fl-istadju provviżorju.

(31)

Il-Kummissjoni qieset li kienet analizzat bir-reqqa l-pretensjonijiet kollha tal-PTIA relatati mal-interess tal-Unjoni fl-istadju provviżorju, ara l-premessa (20). L-argument, għalhekk, ġie miċħud.

1.6.   Kampjunar

1.6.1.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(32)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA talbet spjegazzjoni talli ma ġewx inklużi l-UPM jew il-Latvijas Finieris fil-kampjun.

(33)

Il-Kummissjoni kkonfermat ir-raġunijiet għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni stabbiliti fil-premessa (27) tar-Regolament provviżorju.

1.6.2.   Kampjunar tal-produtturi esportaturi

(34)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, l-Assoċjazzjoni tal-produtturi esportaturi, is-CEP u s-CNFPIA kkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tabbanduna l-kampjun u li tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u pprovdiet kummenti dwar il-metodu biex jiġi stabbilit id-dazju residwu, indirizzata fit-Taqsima 3.5.2. Wara d-divulgazzjoni finali, l-Assoċjazzjoni tal-produtturi esportaturi reġgħet ippreżentat l-affermazzjoni, li ġiet indirizzata hawn taħt f’din it-Taqsima.

(35)

Is-CEP qieset li l-applikazzjoni tal-fatti disponibbli setgħet tiġi applikata biss għall-partijiet li intenzjonalment xekklu l-investigazzjoni, żammew l-informazzjoni meħtieġa jew irrifjutaw li jikkooperaw mal-Kummissjoni. Hija qieset ukoll li l-Kummissjoni applikat b’mod mhux xieraq l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, minħabba li l-pożizzjoni legali tal-esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun baqgħet mhux affettwata min-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ żewġ kumpaniji inklużi fil-kampjun fis-sens li l-partijiet ma tilfux il-pożizzjoni tagħhom ta’ parti li tikkoopera. Fil-fehma tagħha, il-pożizzjoni tal-kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw trid tiġi distinta mill-pożizzjoni tal-partijiet li ma kkooperawx. Barra minn hekk, peress li dawk il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun issottomettew kif xieraq formoli ta’ kampjunar li fihom ġiet irrapportata d-data kollha, hija argumentat li l-Kummissjoni setgħet tibbaża fuq din id-data biex tiddetermina r-rata tad-dazju speċifikament għal dawk il-partijiet li kkooperaw. Fuq din il-bażi, is-CEP talbet lill-Kummissjoni timponi dazji differenti għal Jiangshan Wood, għall-produtturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u fl-aħħar nett rata ta’ dazju waħda għal dawk li ma pparteċipawx fl-investigazzjoni jew li naqsu milli jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni.

(36)

L-assoċjazzjoni tal-produtturi esportaturi argumentat li d-deċiżjoni taż-żewġ kumpaniji li ġew inklużi fil-kampjun iżda naqsu milli jikkooperaw (Xuzhou Shengfeng Wood Co., Ltd u Xuzhou Hongxin Wood Co., Ltd) kienet tirrifletti l-għażliet individwali tagħhom u ma setgħetx tiġi attribwita lil produtturi esportaturi oħra li ssottomettew kif xieraq il-formoli tal-kampjunar u esprimew ir-rieda tagħhom li jikkooperaw. Għalhekk, hija qieset li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tabbanduna l-kampjunar kienet att diskrezzjonali peress li ma kienet teżisti l-ebda bażi fattwali biex il-kumpaniji jiġu indikati bħala li “ma kkooperawx”. Barra minn hekk, l-assoċjazzjoni argumentat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kienet tapplika biss għal kumpaniji li jirrifjutaw l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew inkella jfixklu b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, li ma kienx il-każ preżenti - il-kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw issottomettew tweġibiet għall-kampjunar, baqgħu disponibbli għall-għażla potenzjali, u ma ostakolawx il-proċess.

(37)

L-assoċjazzjoni argumentat ukoll li l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 9(4) tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping taw mandat lill-Kummissjoni biex tikkalkula d-dazju residwu abbażi tal-medja ponderata tal-marġnijiet tad-dumping stabbiliti għall-esportaturi inklużi fil-kampjun, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe marġni żero jew de minimis u marġnijiet bbażati fuq il-fatti disponibbli. Hija sostniet li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-fatt li jkollok kumpanija waħda biss fil-kampjun kien jiġġustifika l-abbandun tal-Artikolu 9(6) ma kellha l-ebda bażi fil-liġi. Hija argumentat li la r-Regolament bażiku u lanqas il-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping ma kienu jipprovdu eċċezzjoni għal esportatur wieħed inkluż fil-kampjun, u li l-applikazzjoni tal-“fatti disponibbli” għall-esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw kienet devjazzjoni radikali mil-liġi u l-prattika stabbiliti, li tirriżulta f’dazji punittivi u mhux rappreżentattivi. Apparti milli kienet tħoss li dan l-approċċ kien jikser ir-Regolament bażiku u l-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping, hija argumentat ukoll li ma kienx ġust li l-kumpaniji li kkooperaw u dawk li ma kkooperawx ġew ittrattati b’mod identiku.

(38)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-assoċjazzjoni talbet lill-Kummissjoni biex tirrevoka l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku għall-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw li ma kinux inklużi fil-kampjun. Hija talbet ukoll lill-Kummissjoni biex tikkalkula mill-ġdid ir-rata ta’ dazju residwu abbażi biss tal-marġni tad-dumping tal-produtturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun.

(39)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn it-talbiet għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, billi ssottomettew il-formoli tal-kampjunar, il-kumpaniji inklużi fil-kampjun esprimew ir-rieda tagħhom li jikkooperaw fl-investigazzjoni. Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni trid, f’kooperazzjoni mal-partijiet, tagħżel kampjun li kien statistikament validu, abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tal-għażla, jew għall-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Kif imsemmi fil-premessa (38) tar-Regolament provviżorju, wara li waħda miż-żewġ kumpaniji fil-kampjun naqset milli tikkoopera, il-kumpanija magħżula addizzjonalment naqset ukoll milli tikkoopera tliet xhur wara li nbdiet l-investigazzjoni, u fid-dawl tal-iskadenzi proċedurali relatati mal-investigazzjoni anti-dumping, ma kienx hemm biżżejjed żmien biex tiġi inkluża kumpanija ġdida fil-kampjun. In-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-kumpaniji li inizjalment impenjaw ruħhom li jagħmlu dan kellu impatt fuq l-integrità tal-proċess tal-kampjunar u ma ħalla lill-Kummissjoni l-ebda għażla oħra ħlief li tabbanduna l-kampjunar.

(40)

It-tieni, il-Kummissjoni qieset li determinazzjoni ta’ dazju għall-produtturi esportaturi li kkooperaw ibbażata biss fuq formoli ta’ kampjunar ma setgħetx tiġi prevista, peress li l-informazzjoni pprovduta fil-formola tal-kampjunar kienet limitata ħafna u kienet relatata biss mal-prezz tal-esportazzjoni u mal-volum tal-esportazzjoni. Għalhekk, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat marġni ta’ dumping fuq din il-bażi, anke minħabba li ma kien hemm l-ebda possibbiltà li tiġi vverifikata din l-informazzjoni.

(41)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma qablitx ukoll li d-deċiżjoni li tabbanduna l-kampjunar kienet illegali. Għall-kuntrarju, kemm l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping kif ukoll l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku jistipulaw li kampjun irid ikun statistikament validu, jew ibbażat fuq l-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet. Għalhekk, il-kampjun irid ikun rappreżentattiv biżżejjed sabiex il-marġni tad-dumping stabbilit fuq dik il-bażi jkun rappreżentattiv tal-importazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni. Madankollu, wara li tnejn mill-produtturi inizjalment inklużi fil-kampjun ma baqgħux jikkooperaw, kumpanija waħda biss, Jiangshan Wood, kienet baqgħet bħala parti li tikkoopera mill-partijiet inklużi fil-kampjun. Il-Kummissjoni qieset li l-kampjun magħmul minn kumpanija waħda biss li tirrappreżenta biss madwar 5 % tal-esportazzjonijiet totali miċ-Ċina lejn l-Unjoni ma kienx rappreżentattiv biżżejjed, u għalhekk abbandunat il-kampjunar, iżda kkalkulat dazju individwali għal Jiangshan Wood. Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet li d-deċiżjoni li tabbanduna l-kampjunar kienet ġustifikata, u li s-sitwazzjoni ta’ Jiangshan Wood ma setgħetx titqies bħala rappreżentattiva għas-sitwazzjoni ta’ produtturi esportaturi oħra. Il-Kummissjoni fakkret ukoll li l-Artikolu 18 ma japplikax f’sitwazzjonijiet fejn il-partijiet deliberatament jirrifjutaw l-aċċess, iżda wkoll f’sitwazzjonijiet fejn il-partijiet ma jipprovdux l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien ipprovduti mill-Kummissjoni. Għalhekk, hija qieset li l-applikazzjoni tal-“fatti disponibbli” f’dan il-każ speċifiku kienet ġustifikata u f’konformità mal-Artikolu 17(4) tar-Regolament bażiku.

(42)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-Assoċjazzjoni tal-produtturi esportaturi, is-CEP u Saintland Wood ippreżentaw kummenti dwar il-kampjunar. L-assoċjazzjoni tal-produtturi esportaturi tenniet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapplika l-Artikolu 18 għall-esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, u li tabbanduna l-kampjunar kienet tikkostitwixxi żbalji legali serji li materjalment fixklu l-eżitu tal-investigazzjoni u kisru l-obbligi fundamentali skont ir-regolamenti tal-UE u l-Ftehim dwar l-Anti-dumping tad-WTO. Hija argumentat li (1) il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li ma kienx hemm biżżejjed żmien biex tiġi inkluża kumpanija ġdida fil-kampjun ma kinitx konvinċenti u irrilevanti għat-trattament tal-esportaturi mhux inklużi fil-kampjun, li (2) in-nuqqas ta’ ċerti kumpaniji li jikkooperaw ma ħelisx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tittratta l-esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun f’konformità mar-Regolament bażiku u l-Ftehim dwar l-Anti-dumping tad-WTO, u li (3) il-piż tal-ġestjoni tal-iskadenzi proċedurali u tal-proċess ta’ kampjunar kien tal-Kummissjoni. L-assoċjazzjoni sostniet ukoll li l-ispjegazzjoni mill-Kummissjoni li ma setgħetx tiddetermina dazju għall-produtturi esportaturi li kkooperaw ibbażat biss fuq formoli ta’ teħid ta’ kampjuni kienet żbaljata u inkonsistenti mar-rekwiżiti tal-Kummissjoni stess, peress li l-formoli tat-teħid ta’ kampjuni kienu mimlija mill-esportaturi f’konformità sħiħa mal-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kwestjonarju. Hija argumentat ukoll li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li sehem ta’ 5 % tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni per se mhuwiex rappreżentattiv tikkontradixxi direttament il-loġika tas-sentenza Hitit Seramik (47), fejn instab li kien biżżejjed sehem ta’ 6 % tal-volum tal-produzzjoni.

(43)

Il-Kummissjoni tenniet li l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kienet konformi kemm mar-Regolament bażiku kif ukoll mal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping. L-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn il-partijiet ma jipprovdux l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien ipprovduti mill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni dwar jekk kienx hemm biżżejjed żmien biex jiġi inkluż produttur esportatur ieħor fil-kampjun għandha tiġi vvalutata fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull investigazzjoni, u f’dan il-każ partikolari, iż-żieda ta’ kumpaniji ġodda fil-kampjun ma kinitx tippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi l-investigazzjoni fil-ħin. Id-Deċiżjoni dwar jekk kampjun huwiex rappreżentattiv tiddependi fuq għadd ta’ fatturi bħar-rappreżentattività f’termini tad-diversità tal-prodotti, id-daqs tal-industrija u ħafna oħrajn, li għandhom jitqiesu fuq bażi ta’ każ b’każ f’kull investigazzjoni. Għalhekk, il-fatt li f’każ ieħor, kampjun ta’ produtturi li jirrappreżentaw perċentwal simili ta’ volum ta’ produzzjoni tqies rappreżentattiv ma jikkontradixxix il-konklużjoni tal-Kummissjoni li kienet ibbażata fuq iċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ. Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet li l-abbandun tal-kampjun u l-applikazzjoni tal-“fatti disponibbli” f’dan il-każ speċifiku kienu ġġustifikati.

(44)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CEP jiddubita kemm in-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-kumpaniji fil-kampjun irriżulta f’ċaħda lill-partijiet l-oħra li kkooperaw mill-istatus tagħhom bħala kumpaniji li kkooperaw u rriżulta fl-abbandun tal-kampjunar. Is-CEP argumentat li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku peress li diversi produtturi esportaturi ppreżentaw ruħhom u kienu mistennija li jiġu inklużi fil-kampjun. Skont is-CEP, f’sitwazzjoni fejn tnejn mit-tliet produtturi jikkooperaw u jiksbu marġni żero jew de minimis, il-kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun jiġu ttrattati bħala li kkooperaw u d-dazju li jirriżulta ma jkunx daqshekk punittiv. Is-CEP ikkunsidrat wkoll li l-kampjunar b’mod ġenerali huwa ta’ regola eċċezzjonali meta mqabbel ma’ dak li ġeneralment jiġi applikat f’investigazzjonijiet standard. Hija argumentat li l-partijiet li ppreżentaw formola ta’ kampjunar u kisbu l-istatus ta’ kooperazzjoni jenħtieġ li jibqgħu mhux affettwati irrispettivament minn jekk il-Kummissjoni abbandunatx jew le l-kampjunar, u li dawn il-partijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess dazju bħall-parti li tikkoopera.

(45)

Il-Kummissjoni rreferiet għall-ispjegazzjonijiet tagħha ta’ hawn fuq f’din it-taqsima dwar għaliex kellha tabbanduna l-kampjunar. Hija qieset li d-dazju li jirriżulta ma kienx inġust u li l-metodoloġija biex jiġi stabbilit id-dazju tad-dumping spjegata fit-Taqsima 3.5.2 hawn taħt kienet ibbażata skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku fuq id-data tal-produtturi esportaturi kollha. Hija qieset li dan kien jirrappreżenta metodu raġonevoli u preċiż biex jiġi stabbilit il-marġni tad-dumping għall-importazzjonijiet l-oħra kollha, u tenniet li ma setgħetx tibbaża l-marġni tad-dumping għall-importazzjonijiet l-oħra kollha biss fuq data ta’ kumpanija waħda li l-importazzjonijiet fl-Unjoni ma kinux meqjusa bħala rappreżentattivi tal-importazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni. Għalhekk, hija rrifjutat l-affermazzjoni.

(46)

Wara d-divulgazzjoni finali, Saintland Wood uriet dispjaċir li ma ntgħażiltx biex tkun parti mill-kampjun u li l-ebda produttur addizzjonali ma ġie miżjud mal-kampjun wara li żewġ kumpaniji ma baqgħux jikkooperaw u dan kien fil-fehma tagħha minħabba n-nuqqas ta’ fehim tagħhom tal-liġi tal-UE. Il-kumpanija semmiet ukoll li l-kumpanija omm tagħha kienet inkluża fil-kampjun għoxrin sena ilu f’investigazzjoni fejn intgħażlu sitt produtturi, meta mqabbla ma’ tnejn biss fil-każ attwali, u għalhekk staqsiet jekk ir-regoli dwar il-kampjunar inbidlux.

(47)

Il-Kummissjoni fakkret li l-kampjunar irid jibqa’ ikun ibbażat fuq l-istess artikolu tar-Regolament bażiku (l-Artikolu 17) li ma nbidilx fis-sustanza, u li l-għadd ta’ kumpaniji inklużi fil-kampjun jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali. F’dan il-każ speċifiku, il-kampjun inizjali ta’ żewġ kumpaniji tqies rappreżentattiv. Kif spjegat fil-premessa (39) tar-Regolament provviżorju, minħabba li kwalunkwe kumpanija ġdida fil-kampjun ikollha tingħata mill-inqas 30 jum ieħor biex tipprovdi t-tweġiba għall-kwestjonarju, it-tweġiba kienet tasal aktar minn xahrejn wara l-iskadenza pprovduta inizjalment, u għalhekk tqies li fid-dawl tal-iskadenzi proċedurali, ma kienx hemm biżżejjed żmien biex tintgħażel kumpanija ġdida. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li Saintland Wood ma applikatx għal trattament individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku billi ppreżentat tweġiba sħiħa għall-kwestjonarju sal-iskadenza imposta mill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn it-talbiet.

1.7.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta’ verifika

(48)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar it-tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (40) sa (43) tar-Regolament provviżorju.

(49)

Iż-żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Importaturi mhux relatati tal-Unjoni:

—

Groupe ISB, Bruz, Franza (“ISB”)

—

Altripan B.V., Antwerp, il-Belġju (“Altripan”).

1.8.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(50)

Kif huwa ddikjarat fit-Taqsima 1.7 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(51)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA ripetutament argumentat, inkluż billi kkonfutat l-asserzjonijiet tal-ilmentatur, li l-ambitu ġenerali ta’ dan il-każ kien wiesa’ wisq, minħabba li l-plywood prodott mill-arżnu, il-luq, il-fagu, il-betula u l-okoumé, ma jistax jinġabar taħt definizzjoni waħda tal-prodott. Huma rreferew għas-sejbiet tal-Kummissjoni fil-każ tal-plywood ta’ injam iebes tal-betula mir-Russja (48) fejn argumentaw li s-sejbiet tal-Kummissjoni f’dak il-proċediment kienu jitolbu separazzjoni ċara bejn il-plywood tal-betula, il-plywood tal-luq, il-plywood tal-okoumé u l-plywood tal-fagu, jiġifieri l-ispeċijiet ta’ injam iebes. Din is-separazzjoni kienet oġġettiva u ma setgħetx tinbidel. Il-PTIA argumentat li l-Kummissjoni stess kienet iddikjarat b’mod espliċitu li l-plywood ta’ speċijiet differenti ma għandux l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi (49).

(52)

Il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha fil-premessi (55) u (56) tar-Regolament provviżorju dwar il-possibbiltà li jiġi definit l-ambitu tal-investigazzjoni abbażi ta’ kriterji oġġettivi bħall-kategorija ta’ prodotti ġenerali u użata b’mod wiesa’ tal-plywood tal-injam iebes. B’mod partikolaru, fil-premessa (55) tar-Regolament proviżorju, “il-Kummissjoni sabet li l-fattur li jiddefinixxi l-prodott taħt investigazzjoni f’din l-investigazzjoni kien li l-fuljetta tal-wiċċ hija magħmula minn injam iebes, għall-kuntrarju tal-injam artab, prodotti oħra tal-injam jew plastik”. Il-Kummissjoni nnotat li l-importaturi mhux relatati nfushom, li kienu membri tal-PTIA, użaw il-kategorija ta’ prodotti tal-plywood tal-injam iebes għall-kuntrarju tal-plywood tal-injam artab fil-fuljetti tal-bejgħ tagħhom (50). Barra minn hekk, l-istandards Ewropej tal-prodotti jvarjaw għall-plywood tal-injam iebes minn dawk tal-injam artab (51). L-eżistenza ta’ plywood tal-injam iebes bħala kategorija ta’ prodotti separata u definita sew ibbażata fuq karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi komuni, differnti mill-plywood tal-injam artab ġiet infurzata mill-ġdid mill-klassifikazzjoni doganali tal-plywood f’kategoriji koniferi (injam artab) u mhux koniferi (injam iebes) (52).

(53)

Il-Kummissjoni kompliet tfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, fid-definizzjoni tal-ambitu tal-prodott, il-Kummissjoni tista’ tqis għadd ta’ fatturi, bħal, fost l-oħrajn, il-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti, l-użu tagħhom, l-interkambjabbiltà, il-perċezzjoni tal-konsumatur, il-kanali ta’ distribuzzjoni, il-proċess tal-manifattura, il-kostijiet tal-produzzjoni u l-kwalità (53). L-investigazzjoni tal-Kummissjoni sabet livell għoli ta’ komunalità fost it-tipi ta’ prodotti f’termini tal-biċċa l-kbira tal-karatteristiċi msemmija hawn fuq, inkluż, minbarra l-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi komuni, l-użu, l-interkambjabbiltà, il-perċezzjoni tal-konsumatur, il-kanali ta’ distribuzzjoni u l-proċess ta’ manifattura tagħhom.

(54)

Il-Kummissjoni sabet ukoll linji ta’ diviżjoni ċari bejn l-injam iebes u l-injam artab. Il-biċċa l-kbira tal-injam iebes għandhom densità ogħla mill-biċċa l-kbira tal-injam artab. L-injam iebes għandu rata ta’ tkabbir aktar bil-mod. L-injam artab huwa inqas reżistenti għan-nar. L-injam iebes għandu ħbub prominenti differenti mill-ħabba ħafifa tal-injam artab. L-injam iebes huwa iebes u durabbli meta mqabbel mal-injam artab u li jista’ jinħadem u dan ikollu impatt fuq kif jista’ jintuża. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-argument imressaq mill-PTIA ġie miċħud.

(55)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-PTIA tenniet li l-prodott investigat ikkontradixxa s-sejbiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti fil-kawża tal-plywood tal-betula mir-Russja. B’appoġġ għal dan l-argument, il-PTIA sostniet li għall-kuntrarju tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi (52 )sa (54) hawn fuq, xi wħud biss mill-produtturi tal-Unjoni użaw id-differenzjazzjoni bejn il-plywood tal-injam iebes u tal-injam artab fil-brochures tal-bejgħ tagħhom, li l-eżistenza ta’ standards Ewropej differenti tal-prodotti għall-injam artab u għall-injam iebes ma kinitx rilevanti, hekk kif il-klassifikazzjoni doganali differenti għall-injam iebes u għall-injam artab, minħabba li l-kodiċijiet doganali komplew jiddistingwu l-prodotti mill-ispeċijiet tal-injam użati. Il-PTIA argumentat ukoll li d-differenzi fil-karatteristiċi tal-ispeċijiet tal-injam artab u tal-injam iebes, elenkati fil-premessa (54), kienu irrilevanti wkoll.

(56)

Il-Kummissjoni kkonfermat l-argumenti stabbiliti fil-premessi (52) sa (54) hawn fuq għall-identifikazzjoni tal-plywood tal-injam iebes bħala kategorija ta’ prodotti unika u distinta li tista’ tiġi definita bħala l-ambitu ta’ investigazzjoni anti-dumping ibbażata fuq karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi, kif ukoll, il-perċezzjoni tal-industrija u tal-konsumatur. Il-Kummissjoni sabet li importatur tal-Unjoni inkluż fil-kampjun, membru tal-PTIA, uża wkoll il-kategorija ta’ prodotti “plywood tal-injam iebes” fuq is-sit web tiegħu (54). Il-Kummissjoni żiedet li Awtoritajiet tad-Difiża tal-Kummerċ oħra ddefinixxew il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti investigazzjonijiet anti-dumping bħala plywood tal-injam iebes, filwaqt li ċċitaw Ċerti Prodotti tal-Plajst tal-Injam tal-Ħadid mill-każ tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-Istati Uniti (55) u l-każ tal-plywood dekorattiv u ta’ natura mhux strutturali ieħor tal-Kanada, b’dan tal-aħħar jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott bl-użu ta’ referenza għall-Istandard Nazzjonali Amerikan għall-Injam Hardwood u l-Plywood Dekorattiv, ANSI/HPVA HPP-1–2016 (56). Fir-rigward ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni rreferiet għall-investigazzjoni li għaddejja dwar l-importazzjonijiet tal-plywood tal-injam artab mill-Brażil (57), fejn l-ambitu tal-prodott ġie definit bħala l-kategorija ewlenija l-oħra tal-plywood: plywood tal-injam artab. L-argument, għalhekk, ġie miċħud.

2.1.   Talbiet għall-esklużjoni mill-ambitu

(57)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA argumentat li l-fatt li l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tagħha għall-esklużjoni mill-ambitu “b’sentenza waħda sa tnejn” huwa sinjal li “l-informazzjoni ppreżentata mill-PTIA ma ngħatatx kunsiderazzjoni xierqa mill-Kummissjoni”.

(58)

Il-Kummissjoni fakkret li, dak li huwa importanti huwa s-sustanza pjuttost milli t-tul tal-konfutazzjoni u jekk il-kummenti jkunux konfutati b’mod xieraq. L-argument, għalhekk, ġie miċħud.

(59)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA argumentat li fil-każ tal-plywood ta’ injam iebes tal-betula mir-Russja (58), il-Kummissjoni sabet li l-plywood magħmul minn speċijiet differenti ta’ injam iebes ma għandux l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi u li din is-sejba ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Vyatsky Plywood Mill vs Il-Kummissjoni (59). Il-PTIA sostniet li l-Kummissjoni għamlet żball ċar ta’ valutazzjoni tal-fatti u żball tal-liġi.

(60)

Il-Kummissjoni indirizzat parzjalment dawn l-asserzjonijiet fil-premessa (52). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma interpretatx il-fatti u lanqas il-liġi f’kontradizzjoni mas-sejbiet preċedenti tagħha fil-każ tal-plywood tal-injam iebes tal-betula mir-Russja minħabba li hija qatt ma ddeterminat li l-betula u tipi oħra ta’ plywood tal-injam iebes huma l-istess. Fil-premessa 55 tar-Regolament provviżorju, hija sabet li “il-plywood tal-injam iebes… tista’ tiġi distinta minn prodotti oħra permezz tal-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi tiegħu, li tinkludi wkoll diversi subkategoriji (ta’ tipi ta’ prodotti)”. Din is-sejba u d-dikjarazzjoni li l-plywood tal-injam iebes tal-betula jista’, waħdu, ikun subkategorija ta’ plywood tal-injam iebes distint minn plywood ieħor tal-injam iebes suxxettibbli li jkun l-ambitu ta’ investigazzjoni anti-dumping, ma kinux kontradittorji. L-argument, għalhekk, ġie miċħud.

(61)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CEP sostniet li l-ambitu tal-prodott kien definit b’mod wiesa’ żżejjed, u li l-Kummissjoni kienet injorat id-differenzi sostanzjali bejn il-plywood magħmul minn speċijiet differenti ta’ siġar.

(62)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza ta’ sostenn, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni u rreferiet għall-konklużjoni tagħha fil-premessa (56).

2.1.1.   Plywood tal-ewkaliptu

(63)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA, l-ETTF u GD Holz (60) sostnew li l-plywood tal-ewkaliptu jenħtieġ li jiġi eskluż mill-ambitu tal-investigazzjoni, minħabba li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tissostitwixxi l-plywood tal-ewkaliptu miċ-Ċina peress li ma kienx hemm biżżejjed produzzjoni u ma kienx hemm biżżejjed materja prima, jiġifieri zkuk tal-ewkaliptu, disponibbli fl-Unjoni. Il-pjantaġġuni ma setgħux jiġu estiżi peress li kien hemm projbizzjonijiet fi Spanja u fil-Portugall għaż-żieda fid-daqs tagħhom. Il-PTIA nnotat li tliet produtturi biss tal-Unjoni joffru prodotti bbażati fuq l-ewkaliptu. Il-PTIA sostniet ukoll li l-ewkaliptu mkabbar fl-Ewropa ma huwiex adattat għall-produzzjoni tal-plywood. Keflico sostna wkoll li l-produzzjoni tal-plywood tal-ewkaliptu fl-Unjoni kienet kważi kompletament ta’ plywood ta’ grad għoli, ma kinux jiġu prodotti gradi aktar baxxi.

(64)

Il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha fir-rigward tat-talba għall-esklużjoni tal-plywood tal-ewkaliptu mill-ambitu tal-investigazzjoni fil-premessa (62) tar-Regolament provviżorju għar-raġuni li, kif rikonoxxut mill-PTIA nnifisha, mill-inqas tliet produtturi tal-Unjoni joffru prodotti fejn l-ewkaliptu jintuża għall-fuljetta ta’ barra. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li d-dikjarazzjonijiet relatati man-nuqqas ta’ produzzjoni u ta’ materja prima ma kinux appoġġati minn evidenza f’termini ta’ nuqqas ta’ provvista. Il-PTIA sostniet li l-produzzjoni tal-ewkaliptu tal-Unjoni hija bbażata prinċipalment fuq materja prima importata u l-Kummissjoni sabet evidenza li l-produzzjoni Ċiniża qed tuża wkoll fuljetti importati, kifspjegat fil-premessa (246), li timmina l-asserzjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ materja prima fl-Unjoni, għall-kuntrarju tar-RPĊ. Barra minn hekk, Keflico, fis-sottomissjoni tiegħu kkonferma l-interkambjabbiltà tal-plywood tal-ewkaliptu u tal-betula (61) fl-industrija tal-imballaġġ, li kkontradixxa l-asserzjoni li l-plywood tal-injam iebes prodott fl-Unjoni jokkupa segment tas-suq differenti mill-plywood tal-ewkaliptu Ċiniż importat. Għalhekk, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(65)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li għad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri l-esklużjoni tal-injam iebes magħmul minn ċerti speċijiet, pereżempju, l-ewkaliptu, il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tissostitwixxi fl-intier tagħha l-plywood tal-ewkaliptu importat miċ-Ċina ma kinitx kriterju rilevanti. Madankollu, l-argument tqies rilevanti fil-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kompliet tindirizza l-kwistjoni fil-premessi (245) u (246).

(66)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-PTIA argumentat li l-Kummissjoni kienet ċaħdet it-talba tagħha għall-esklużjoni mill-ambitu tal-investigazzjoni tal-plywood tal-ewkaliptu mingħajr ma pprovdiet raġunijiet suffiċjenti għas-sejbiet tagħha. Il-PTIA affermat mill-ġdid li l-fajl miftuħ ma kienx fih evidenza li turi li l-industrija tal-Unjoni kienet qed tipproduċi plywood tal-ewkaliptu plywood f’volumi kummerċjali.

(67)

L-argument ġie miċħud minħabba li t-tweġibiet għall-kwestjonarju kemm ta’ Panguaneta (62) kif ukoll ta’ Garnica (63), imqiegħda fil-fajl miftuħ, kien fihom referenzi għall-firxa ta’ prodotti tagħhom, inkluż l-plywood tal-ewkaliptu (64).

(68)

Barra minn hekk, meta jitqies li l-manifatturi tal-plywood tal-injam iebes kienu jipproduċu skont l-ordnijiet li jkollhom, ma kien hemm l-ebda produzzjoni x’tinħażen b’tali mod li l-volum kummerċjali tal-produzzjoni tal-plywood tal-ewkaliptu f’sena partikolari kien ugwali għall-ammont ordnat mill-konsumaturi. Kif iddikjarat fil-premessa (64), fid-dawl tal-kummerċ globali tal-fuljetti tal-ewkaliptu pprattikati mill-produtturi kemm fiċ-Ċina kif ukoll fl-Unjoni, id-disponibbiltà ta’ materja prima għall-plywood tal-ewkaliptu ma llimitatx b’mod sinifikanti l-volum li jista’ jiġi mmanifatturat mill-industrija tal-Unjoni.

(69)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CEP sostna li r-raġunijiet għar-rifjut tat-talbiet ta’ esklużjoni għall-plywood tal-ewkaliptu u għall-plywood b’wiċċ miksi b’rita mill-investigazzjoni ma kinux biżżejjed. Is-CEP irrefera għall-kummenti tal-PTIA rigward l-esklużjoni tal-plywood tal-ewkaliptu, mingħajr ma indika s-sottomissjoni eżatta.

(70)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza ta’ sostenn, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(71)

Wara d-divulgazzjoni finali, Saintland Wood sostniet li għall-kuntrarju tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (64), l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tipproduċi plywood tal-ewkaliptu b’wiċċ miksi b’rita li jintuża darba biss b’mod ekonomiku u sostenibbli minħabba li l-kost tal-fuljetta, importat jew awtoprodott minn zkuk importati, kien projbittiv u l-industrija tal-Unjoni ma kellhiex it-teknoloġija tal-produzzjoni meħtieġa. Saintland Wood ma indikatx l-iskop ta’ għalfejn sostniet hekk. Fid-dawl tat-tqegħid tal-premessa (64) li ġiet ikkontestata minnha, il-Kummissjoni qieset is-sottomissjoni fil-kuntest tat-talba għall-esklużjoni għall-plywood tal-ewkaliptu b’wiċċ miksi b’rita. Il-Kummissjoni nnotat li l-industrija tal-Unjoni sostniet li fil-livell tal-prezz attwali tal-plywood tal-ewkaliptu b’wiċċ miksi b’rita, hija ma setgħetx tirkupra l-kostijiet tal-produzzjoni tagħha. Dan in-nuqqas intrinsiku ta’ profittabbiltà aktar milli n-nuqqas ta’ għarfien teknoloġiku jew id-disponibbiltà ta’ materja prima kien qed jipprevjeni lill-industrija tal-Unjoni milli tipproduċi plywood b’wiċċ miksi b’rita, mill-ewkaliptu jew minn speċijiet oħra ta’ injam iebes. L-asserzjoni inċaħdet.

2.1.2.   Plywood b’wiċċ miksri b’rita

(72)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA, l-ETTF, GD Holz u Questwood iddikjaraw li l-plywood b’wiċċ miksi b’rita tal-Unjoni ma kienx qed jikkompeti mal-plywood b’wiċċ miksi b’rita importat miċ-Ċina, u speċjalment mal-plywood b’wiċċ miksi b’rita għall-armar tax-xater. Dawn il-partijiet interessati argumentaw li l-plywood importat b’wiċċ miksi b’rita huwa kategorija distinta ta’ prodotti, mhuwiex prodott fl-Unjoni u hemm limitazzjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni futura tiegħu, mhuwiex f’kompetizzjoni diretta mal-prodott simili tal-Unjoni, għandu kwalità u prestazzjoni differenti u l-għajbien eventwali tiegħu mis-suq tal-Unjoni minħabba miżuri anti-dumping ikollu impatt detrimentali fuq il-politika tad-djar.

(73)

L-asserzjoni ġiet miċħuda, minħabba li minkejja li kien kategorija ta’ prodotti definita sew, il-plywood b’wiċċ miksi b’rita tal-armar tax-xaters kien parti integrali mill-familja ta’ prodotti tal-plywood tal-injam iebes kopert mill-investigazzjoni. Dan kien magħmul minn materja prima simili (fuljetti, kolla u saff addizzjonali ta’ plastik fuq il-fuljetta tal-wiċċ), jiġi prodott mill-istess produtturi esportaturi u importat mill-istess importaturi bħal pannelli oħra tal-plywood tal-injam iebes. Il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha fil-premessa (60) tar-Regolament provviżorju dwar in-nuqqas ta’ differenza fil-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi tal-plywood b’wiċċ miksi b’rita tal-armar tax-xaters prodott miċ-Ċina u mill-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġabret evidenza li turi li l-plywood importat u domestiku b’wiċċ miksi b’rita kien simili kemm fl-użu kif ukoll fid-durabbiltà (jiġifieri l-għadd ta’ drabi li jista’ jintuża għax-xogħol tal-formuli tal-kostruzzjoni). L-industrija tal-Unjoni kienet tipproduċi wkoll plywood b’wiċċ miksi b’rita tal-fagu (65) li, minħabba l-karatteristiċi tal-ispeċi tal-injam użata, kien simili ħafna għall-plywood b’wiċċ miksi b’rita tal-ewkaliptu li kellu kapaċità ta’ użu mill-ġdid aktar baxxa. Fid-dawl ta’ dan it-trikkib fl-użu u l-fatt li d-differenzi fil-kwalità tal-prodott waħedhom ma jiġġustifikawx esklużjoni mill-ambitu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet li l-plywood b’wiċċ miksi b’rita importat miċ-Ċina u dak prodott fl-Unjoni huma f’kompetizzjoni diretta. Madankollu, l-argument li ma huwiex ekonomikament vijabbli għall-produtturi tal-UE li jimmanifatturaw plywood b’wiċċ miksi b’rita tal-armar tax-xaters ta’ kwalità baxxa u rħis, kif ukoll l-impatt fuq l-akkomodazzjoni, ġew ikkunsidrati fit-Taqsima 8 dwar l-interess tal-Unjoni.

(74)

Il-Kummissjoni nnotat li l-PTIA donnha kienet qed tissuġġerixxi fil-premessa (84) tas-sottomissjoni tagħha li l-plywood b’wiċċ miksi b’rita tal-betula Russu u l-importazzjonijiet Ċiniżi ta’ plywood b’wiċċ miksi b’rita tal-ewkaliptu u tal-luq kienu interkambjabbli (66), sa fejn kien ikkonċernat l-użu tagħhom. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni kuntrarja fil-każ dwar il-plywood tal-injam iebes tal-betula mir-Russja (67) jew f’din l-investigazzjoni, il-plywood b’wiċċ miksi b’rita tal-betula Russu u l-plywood b’wiċċ miksi b’rita prodott mill-industrija tal-Unjoni tqiesu wkoll bħala interkambjabbli.

(75)

Wara d-divulgazzjoni finali, Saintland Wood ressqu l-argument li l-plywood b’wiċċ miksi b’rita bbażat fuq il-fagu ma kellu l-ebda kompetittività tas-suq u ma kienx prodott mill-industrija tal-Unjoni.

(76)

Il-Kummissjoni qieset l-argument bħala infondat u rrifjutatu minħabba li l-industrija tal-Unjoni pproduċiet u biegħet plywood b’wiċċ miksi b’rita tal-fagu (68).

(77)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA talbet li d-distinzjoni bejn “plywood strutturali u mhux strutturali” tiġi kkunsidrata fin-Numru ta’ Kontroll tal-Prodott (“PCN, Product Control Number”), fil-marġni tad-dumping u fil-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz/bejgħ taħt il-prezz.

(78)

Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument f’dak li għandu x’jaqsam mal-inklużjoni fil-PCN tal-allegata qasma strutturali u mhux strutturali fil-plywood tal-injam iebes, minħabba li l-kwalità (il-grad), l-applikazzjoni (it-tip ta’ kolla) u l-kriterji relatati mal-ispeċi fl-istruttura eżistenti tal-PCN kienu jkopru b’mod adegwat din id-distinzjoni. Matul il-verifika tat-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ importatur mhux relatat instab li fuq ordnijiet ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina, ma saritx id-distinzjoni bejn strutturali u mhux strutturali, u din ġiet sostitwita b’referenzi għal kwalitajiet oħra, diġà koperti fil-PCN. Barra minn hekk, f’dan l-istadju tal-investigazzjoni, rieżami fundamentali tal-PCN jimpedixxi t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin. Fit-Taqsima 7 tan-Notifika ta’ Bidu, il-partijiet interessati ngħataw 70 jum biex jikkummentaw dwar l-informazzjoni għall-istadju tas-sejbiet provviżorji iżda ma ġie ppreżentat l-ebda kumment bħal dan dwar il-kompożizzjoni tal-PCN.

(79)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-PTIA argumentat li r-raġuni għan-nuqqas ta’ referenza għall-plywood strutturali u mhux strutturali fl-ordnijiet kienet li l-plywood kollu importat miċ-Ċina mill-importatur tal-Unjoni vverifikat inkluż fil-kampjun ma kienx strutturali.

(80)

Il-firxa ta’ prodotti mibjugħa mill-importatur ivverifikat tal-Unjoni kienet tinkludi plywood tajjeb għal użi strutturali (69) importat kemm miċ-Ċina kif ukoll minn sorsi oħra. Il-PTIA ma pprovdietx evidenza li d-distinzjoni strutturali u mhux strutturali saret fuq l-ordnijiet għal dawn il-prodotti. L-argument, għalhekk, ġie miċħud.

(81)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz, il-Kummissjoni qieset il-kumment mill-PTIA fil-premessi (187) u (188).

(82)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA talbet l-għoti ta’ eżenzjoni tal-użu finali għall-plywood b’wiċċ miksi b’rita għal applikazzjonijiet mhux strutturali.

(83)

Il-Kummissjoni qieset li d-definizzjoni tal-prodott mill-PTIA bħala “plywood b’wiċċ miksi b’rita” ma stabbilietx distinzjoni suffiċjenti biex dan jitqies bħala kategorija speċifika tal-prodott. Barra minn hekk, l-użu finali preskritt bħala “applikazzjonijiet mhux strutturali” ma kienx meqjus preċiż biżżejjed biex jiġġustifika eżenzjoni tal-użu finali. It-talba ġiet miċħuda.

(84)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Questwood argumentat li l-Kummissjoni jenħtieġ li ssegwi l-approċċ segwit mid-Dipartiment tal-Kummerċ (“DOC, Department of Commerce”) tal-Istati Uniti u tal-Kummissjoni tal-Kummerċ Internazzjonali (“ITC, International Trade Commission”) li eskludew ċertu plywood b’wiċċ miksi b’rita mid-dazji anti-dumping u kumpensatorji imposti fuq il-plywood Ċiniż (70).

(85)

Il-Kummissjoni ma qisitx li r-riżultati ta’ investigazzjonijiet minn ġuriżdizzjonijiet oħra kienu joħolqu preċedent għall-investigazzjonijiet tagħha stess. Madankollu, hija eżaminat l-asserzjoni u sabet li kien hemm differenzi fundamentali bejn iż-żewġ proċedimenti. Il-fajl pubbliku tal-investigazzjoni oriġinali mid-DOC u mill-ITC kien fih evidenza li l-ilmentatur u l-industrija domestika fl-Istati Uniti qablu li jeskludu l-plywood b’wiċċ miksi b’rita importat miċ-Ċina (71) minħabba li l-ilmentaturi ma kinux jipproduċu plywood b’wiċċ miksi b’rita. Dan ma kienx il-każ fil-proċediment preżenti. L-asserzjoni ġiet miċħuda.

2.1.3.   Plywood irqiq

(86)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Keflico sostniet li l-plywood irqiq tal-ewkaliptu jenħtieġ li jiġi eskluż mill-ambitu, minħabba li ma kienx jiġi prodott fl-Unjoni fil-volumi meħtieġa mill-industrija tal-imballaġġ u li l-plywood irqiq magħmul mil-luq, minħabba l-karatteristiċi fiżiċi tiegħu, ma kienx adattat għall-użu ta’ din l-industrija.

(87)

Il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni għar-raġuni li l-industrija tal-Unjoni kellha l-kapaċità li tipproduċi plywood tal-injam iebes maħsub speċifikament kemm għall-imballaġġ tqil (72) kif ukoll għall-imballaġġ ħafif (73) fi kwantitajiet suffiċjenti.

3.   DUMPING

(88)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-ilmentatur u minn Jiangshan Wood dwar il-kalkolu tal-marġni tad-dumping.

3.1.   Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku

(89)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar it-tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (77) sa (82) tar-Regolament provviżorju

3.2.   Valur normali

3.2.1.   Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(90)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar it-tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (86) sa (180) tar-Regolament provviżorju.

3.2.2.   Pajjiż rappreżentattiv

(91)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar it-tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (181) sa (195) tar-Regolament provviżorju.

3.2.3.   Sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni

(92)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, l-ilmentatur u Jiangshan Wood ipprovdew kummenti dwar is-sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni. Il-kummenti huma indirizzati hawn taħt fit-Taqsima 3.2.4.

3.2.4.   Fatturi ta’ produzzjoni

(93)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Jiangshan Wood sostniet li l-valuri tal-fatturi ta’ produzzjoni msemmija fit-Tabella 1 tar-Regolament provviżorju ma kinux jikkorrispondu għall-valuri fil-fajls tal-kalkolu u fil-premessa (210) tar-Regolament provviżorju.

(94)

Il-Kummissjoni ċċarat li l-valuri fit-Tabella 1 u fil-premessa (210) kien fihom żball klerikali relatat ma’ perċentwal tat-taxxa fuq l-importazzjoni li ġie miżjud ma’ kull parametru referenzjarju. Madankollu, il-valuri korretti ġew divulgati lill-partijiet kollha fl-annessi li fihom il-parametri referenzjarji. Dawn il-valuri korretti ġew applikati fil-kalkoli tad-dumping.

(95)

Fid-dawl ta’ dawn il-kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat li l-fatturi ta’ produzzjoni li ġejjin u s-sorsi tagħhom intużaw biex jiġi ddeterminat il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku:

Tabella 1

Fatturi ta’ produzzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni

Fattur ta’ Produzzjoni

Kodiċi SA

Sors

Valur mingħajr distorsjoni

Unità ta’ kejl

Materja prima

Zokk tal-luq

4403 97

Global Trade Atlas (“GTA”) (74)

CNY 980,49

m3

Fuljetta tal-ewkaliptu

4408 90

GTA

CNY 4 073,14

m3

Karta tal-laminati

4811 49

GTA

CNY 4,26

m2

Dqiq

1101 00 15

GTA

CNY 5,31

kg

Materjal konsumabbli

Manodopera

 

Mhux applikabbli

Statistika nazzjonali

CNY 43,76

siegħa

Enerġija

Elettriku

Mhux applikabbli

L-Awtorità Regolatorja Torka tas-Suq tal-Enerġija

CNY 0,77

kWh

3.2.4.1.   Materja prima

(96)

L-ilmentatur u Jiangshan Wood ipprovdew kummenti dwar il-parametri referenzjarji għaz-zkuk tal-luq, il-fuljetta tal-ewkaliptu u d-dqiq tal-qamħ.

Zkuk tal-luq

(97)

Fir-rigward taz-zkuk tal-luq, Jiangshan Wood qieset li d-data dwar l-esportazzjoni tal-GTA minn Franza wasslet għal prezzijiet ferm ogħla milli meta jintużaw il-valuri tal-Eurostat, u qieset li dan seta’ kien minħabba li d-data statistika użata mill-Kummissjoni kienet tħallat kemm id-data dwar l-importazzjoni kif ukoll dik dwar l-esportazzjoni. Hija argumentat li peress li d-data tal-Eurostat kienet tinkludi biss data kif irrapportata direttament mill-awtoritajiet doganali Franċiżi, din kienet aktar affidabbli mid-data ta’ sorsi terzi estratta minn S&P Global. Hija ssottomettiet ukoll l-estrazzjoni mill-Eurostat li abbażi tagħha l-prezz unitarju rriżulta f’EUR 96,56/m3 jew CNY 754,66/m3. Jiangshan Wood sostniet ukoll li ma kien hemm l-ebda tariffa fuq l-importazzjonijiet ta’ zkuk tal-luq ta’ oriġini Franċiża lejn pajjiżi li fihom Franza kienet tesporta z-zkuk tal-luq, u li għalhekk, ma kienx iġġustifikat li jiżdied 4,1 % ta’ dazju tal-importazzjoni.

(98)

L-ilmentatur sostna li Jiangshan Wood interpretat ħażin id-data, peress li d-data użata mill-Kummissjoni ma kinitx ibbażata fuq il-valur tal-esportazzjoni minn Franza lejn pajjiżi terzi, iżda fuq il-valur tal-importazzjoni f’pajjiżi terzi taz-zkuk tal-luq ta’ oriġini Franċiża, li hija qieset li kien il-metodu korrett. L-ilmentatur għalhekk argumenta li jenħtieġ li d-data ma tiġix immodifikata.

(99)

Il-Kummissjoni ċċarat li, kif imsemmi mill-ilmentatur, il-parametru referenzjarju għaz-zkuk tal-luq ma kienx ibbażat fuq il-valuri tal-esportazzjoni taz-zkuk tal-luq minn Franza, iżda fil-fatt fuq l-importazzjonijiet ta’ oriġini Franċiża ta’ zkuk tal-luq fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Id-data statistika kienet ibbażata fuq il-bażi tad-data tal-GTA li l-Kummissjoni qieset bħala affidabbli, u li ntużat mill-Kummissjoni għal dan l-għan f’ħafna investigazzjonijiet oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li l-GTA kien jirrappreżenta bażi tad-data komprensiva li kien fiha mhux biss l-Eurostat, iżda wkoll id-data tal-Comtrade tan-NU u bosta sorsi statistiċi oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-parametru referenzjarju stabbilit fuq din il-bażi kien preċiż biżżejjed. Il-Kummissjoni ċċarat ukoll li d-dazju tal-importazzjoni applikat għaz-zkuk tal-luq ma ġiex iddeterminat abbażi tal-esportazzjonijiet minn Franza, iżda fuq id-dazji tal-importazzjoni medji fuq iz-zkuk tal-luq imposti mill-akbar pajjiżi importaturi, kif imsemmi fil-premessa (218) tar-Regolament provviżorju. L-affermazzjoni ġiet għalhekk miċħuda.

(100)

Wara d-divulgazzjoni finali, Jiangshan Wood sostniet li l-Kummissjoni ma kellhiex iżżid it-tariffa tal-importazzjoni ta’ 4.1 % mal-prezz medju taz-zkuk tal-luq u li s-sors tal-markup kien arbitrarju peress li kien ibbażat fuq it-tariffa medja tal-importazzjoni fl-aqwa 10 pajjiżi importaturi filwaqt li l-prezz tal-importazzjoni kien ibbażat fuq l-importazzjonijiet taz-zkuk tal-luq ta’ oriġini Franċiża lejn il-pajjiżi kollha. Hija indikat ukoll li skont id-data tal-importazzjoni tal-Comtrade tan-NU, l-aqwa 10 pajjiżi importaturi kienu differenti minn dawk elenkati mill-Kummissjoni fid-divulgazzjoni. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni kellha teżamina t-tariffi tal-importazzjoni applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ zkuk tal-luq ta’ oriġini Franċiża biss. Peress li dawn l-importazzjonijiet kienu soġġetti għal 0 % tat-tariffa tal-importazzjoni, hija qieset li ma għandha tiġi applikata l-ebda tariffa.

(101)

Il-Kummissjoni ma qablitx mal-affermazzjoni li t-tariffa tal-importazzjoni miżjuda mal-prezz taz-zkuk tal-luq kienet arbitrarja. Hija qieset li ż-żieda ta’ tariffa tal-importazzjoni kienet konformi mal-prattika tagħha u li ġiet miżjuda b’mod konsistenti mal-prezzijiet tal-importazzjoni biex tirrifletti l-fatt li kwalunkwe kumpanija li xtrat fuljetta tal-ewkaliptu jkollha tħallasha. F’dan il-każ partikolari, peress li Franza kienet produttur importanti ta’ zkuk tal-luq, il-Kummissjoni sabet li kien xieraq li tibbaża l-parametru referenzjarju tagħha għaz-zkuk tal-luq fuq l-importazzjonijiet dinjija minn Franza. Għalhekk, tali parametru referenzjarju ġie ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 2 (6a) tar-Regolament bażiku dwar prezz internazzjonali mingħajr distorsjoni, u mhux fuq prezz tal-importazzjoni lejn pajjiż rappreżentattiv. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li torbot it-tariffa tal-importazzjoni ma’ pajjiż rappreżentattiv u lanqas f’dan il-każ ma’ Franza. Minflok, il-Kummissjoni sabet li l-livell tat-tariffa tal-importazzjoni bbażat fuq l-aktar destinazzjonijiet importanti tal-importazzjoni għaz-zkuk tal-luq kien jikkostitwixxi metodu raġonevoli biex jiġi stabbilit il-livell tagħha. Fir-rigward tal-affermazzjoni li kien hemm differenza bejn il-lista tal-aktar destinazzjonijiet importanti tal-importazzjoni ppreżentata minn Jiangshan Wood, il-Kummissjoni bbażat il-lista tagħha fuq id-data tal-GTA filwaqt li Jiangshan Wood użat il-bażi tad-data UN Comtrade. Il-Kummissjoni qieset li l-GTA kienet sors affidabbli tad-data u li ma kinitx qed tara raġuni sottostanti biex id-data tiġi sostitwita b’sors ieħor. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.

Fuljetta tal-ewkaliptu

(102)

Kif imsemmi fil-premessi (206) sa (210) tar-Regolament provviżorju, fin-nuqqas ta’ parametru referenzjarju xieraq ieħor, il-prezz referenzjarju għall-fuljetta tal-ewkaliptu kien ibbażat fuq prezz medju tal-esportazzjoni fil-bażi tad-data tal-GTA taħt il-kodiċi HS 4408 90 , li jinkludi l-fuljetta tal-ewkaliptu kif ukoll tipi oħra ta’ fuljetta. Il-prezz referenzjarju stabbilit, u ddivulgat lill-partijiet, fuq din il-bażi kien jammonta għal CNY 4 073,134/m3 jew EUR 521,22/m3 li l-Kummissjoni qieset li kien akkurat u konformi mal-prezz tas-suq għat-tip ta’ fuljetta.

(103)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Jiangshan Wood staqsiet għaliex ħafna pajjiżi inklużi l-akbar produtturi tal-fuljetta tal-ewkaliptu bħall-Urugwaj, il-Paragwaj, il-Brażil jew iċ-Ċili ma ġewx ikkunsidrati mill-Kummissjoni. Hija rrimarkat li biex tistabbilixxi l-parametru referenzjarju, il-Kummissjoni qieset id-data tal-Polonja, l-Iżvezja u l-Latvja, li ma kinux l-esportaturi ewlenin tal-fuljetta tal-ewkaliptu, u li kienu ġejjin minn pajjiżi li ma kinux jipproduċu fuljetta, bħall-Ukrajna. Barra minn hekk, hija semmiet ukoll li l-Kummissjoni inkludiet fil-kalkolu tagħha tal-parametru referenzjarju pajjiżi li kienu jesportaw kwantitajiet żgħar. Għalhekk, Jiangshan Wood esprimiet tħassib dwar l-affidabbiltà tal-bażi tad-data użata mill-Kummissjoni.

(104)

Jiangshan Wood sostniet ukoll li l-Kummissjoni setgħet tuża d-data tal-Comtrade tan-NU li kienet tiġbor data tal-pajjiżi esportaturi kollha inklużi l-esportaturi l-kbar tal-ewkaliptu. Hija sostniet li l-prezz unitarju li kellu jintuża bħala l-parametru referenzjarju fuq din il-bażi kien ta’ CNY 3 238/m3 jew EUR 414/m3. Għalhekk, Jiangshan Wood talbet lill-Kummissjoni biex tuża dan il-valur bħala l-valur referenzjarju, jew inkella, biex tuża l-valur ta’ EUR 443/m3 imsemmi fil-premessa (210) tar-Regolament provviżorju. Hija semmiet ukoll li jekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża l-parametru referenzjarju użat fl-istadju provviżorju, hija kienet mitluba tiddivulga l-pajjiżi meqjusa bħala l-akbar pajjiżi esportaturi u tispjega għaliex il-pajjiżi ewlenin li jipproduċu l-fuljetta tal-ewkaliptu ma ġewx ikkunsidrati. Wara d-divulgazzjoni finali, Jianshan Wood irrepetiet it-talba tagħha li tiddivulga data addizzjonali relatata mal-parametru referenzjarju, filwaqt li rreferiet għad-differenzi bejn il-bażi tad-data użata mill-Kummissjoni u mill-Comtrade tan-NU.

(105)

Il-Kummissjoni l-ewwel tenniet li l-valur ta’ EUR 443/m3, imsemmi fil-premessa (210) tar-Regolament provviżorju, kien jikkonċerna żball klerikali li ma kellux bażi fattwali. Il-Kummissjoni tenniet ukoll li, kif huwa spjegat fil-premessa (210) tar-Regolament provviżorju, l-istatistika tal-esportazzjoni taħt il-kodiċi SA 4408 90 kien fiha fuljetti ta’ speċijiet differenti tal-injam u għalhekk ta’ prezzijiet differenti. Il-firxiet tal-prezzijiet kienu jvarjaw b’mod konsiderevoli għall-fuljetti rqaq ħafna meta mqabbla ma’ fuljetti fil-medda ta’ 0,3 – 0,6 mm li hija l-aktar ħxuna komuni użata għall-produzzjoni tal-plywood, u bejn fuljetti ta’ kwalitajiet differenti. Pereżempju, għall-fuljetta tal-ewkaliptu biss, il-prezz jista’ jvarja b’mod konsiderevoli jekk il-fuljetta kellha tintuża għall-qalba tal-plywood jew għal wiċċ. Għalhekk, il-kodiċi SA ma kienx biss kodiċi basket li kien fih aktar tipi ta’ fuljetti mill-fuljetti tal-ewkaliptu użati għall-produzzjoni tal-plywood iżda kien jinkludi wkoll fuljetta tal-ewkaliptu ta’ tipi u kwalitajiet differenti. Mhux il-fuljetti kollha setgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-plywood b’mod speċifiku.

(106)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset biss l-importazzjonijiet minn pajjiżi li għalihom il-prezzijiet medji tal-importazzjoni kienu fil-medda li tibda minn EUR 350/m3 għal fuljetta tal-ewkaliptu ta’ kwalità baxxa sa EUR 720/m3 għal fuljetta tal-ewkaliptu ta’ kwalità għolja. Din il-medda kienet ibbażata fuq fatturi ppreżentati bħala evidenza mill-ilmentatur għal fuljetta tal-ewkaliptu ta’ prezzijiet u kwalitajiet differenti. Għalhekk, il-medda kienet tikkorrispondi għall-prezzijiet li jistgħu jitqiesu li jitħallsu jew għall-fuljetta tal-ewkaliptu li tista’ tintuża fil-produzzjoni tal-plywood tal-injam iebes. Għalhekk, il-pajjiżi bi prezzijiet medji tal-importazzjoni barra minn din il-medda ma ġewx ikkunsidrati.

(107)

Fin-nuqqas ta’ kodiċi SA speċifiku għall-fuljetta tal-ewkaliptu, il-Kummissjoni għalhekk qieset li l-prezz medju stabbilit fuq din il-bażi kien raġonevoli u kien jirrifletti b’mod akkurat il-prezz li kellu jitħallas għal dan il-fattur ta’ produzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-parametru referenzjarju ppreżentat minn Jiangshan Wood ibbażat fuq id-data tal-Comtrade tan-NU ta’ 3 238 CNY/m3 jew 414 EUR/m3 kien fil-medda tal-prezzijiet użata mill-Kummissjoni ta’ EUR 350/m3 sa EUR 720/m3 u li dan kien fil-biċċa l-kbira konformi mal-parametru referenzjarju ta’ 4 073,14 CNY/m3 jew 521,22 EUR użat mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni qieset ukoll li kienet ipprovdiet divulgazzjoni dettaljata biżżejjed fid-divulgazzjoni provviżorja u definittiva ta’ kif ġie kkalkolat il-parametru referenzjarju. Filwaqt li l-Kummissjoni nnotat id-differenzi li ġew enfasizzati mill-produttur esportatur meta uża bażi tad-data alternattiva, hija ma identifikat l-ebda raġuni konvinċenti biex tirrifjuta l-użu tal-bażi tad-data tal-GTA, li tintuża fl-investigazzjonijiet l-oħra kollha u li hija qieset bħala sors ta’ data affidabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni li l-istatistika użata mill-Kummissjoni setgħet ma kinitx affidabbli u sostniet li l-parametru referenzjarju stabbilit kif huwa spjegat hawn fuq kien raġonevoli u akkurat.

(108)

Wara d-divulgazzjoni finali, Jiangshan Wood sostniet li fil-proċess tal-produzzjoni tagħha, użat biss fuljetta tal-ewkaliptu ta’ kwalità aktar baxxa għall-qalba, u rreferiet ukoll għall-fatt li ma xtrat l-ebda fuljetta tal-wiċċ. Hija argumentat li l-firxa tal-prezzijiet li l-Kummissjoni applikat biex tistabbilixxi l-parametru referenzjarju ma tridx tinkludi fuljetta tal-ekwaliptu tal-qalba ta’ kwalità għolja u fuljetta tal-wiċċ. Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Jiangshan Wood talbet lill-Kummissjoni tiddivulga sommarju sinifikanti tal-evidenza pprovduta mill-ilmentatur li jistabbilixxi l-firxa tal-prezzijiet ta’ bejn EUR 350 u EUR 720/m3 għall-fuljetta tal-ewkaliptu. Hija tenniet l-affermazzjoni tagħha tal-14 ta’ Ottubru 2025 fejn talbet lill-Kummissjoni tipprovdi “divulgazzjoni sinifikanti ta’ dawn il-fatturi u/jew sommarju ta’ kull grad ta’ fuljetta, l-incoterm, l-oriġini u l-prezz tagħhom,” peress li qieset li n-nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ din l-informazzjoni kiser id-drittijiet tad-difiża tiegħu. Permezz ta’ email tal-15 ta’ Ottubru 2025, il-Kummissjoni pprovdiet lill-kumpanija bis-sommarju mitlub, filwaqt li madankollu indikat li ma qisitx li billi ma żvelatx il-fatturi (kunfidenzjali) huma stess, id-drittijiet tad-difiża ta’ Jiangshan Wood inkisru. Jiangshan Wood sussegwentement tenniet it-talba tagħha billi talbet informazzjoni aktar dettaljata dwar il-fatturi bħad-dati u d-dettalji tagħhom dwar il-proporzjonijiet ta’ konverżjoni tal-prezzijiet mill-piż nett għal dak gross.

(109)

Biex jirribatti l-argumenti ta’ Jiangshan Wood, l-ilmentatur sostna li l-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni biex taġġusta d-data dwar l-importazzjoni skont il-kodiċi HS 4408 90 kienet raġonevoli sabiex jinqabdu b’mod xieraq u preċiż l-importazzjonijiet ta’ fuljetti tal-ewkaliptu speċifikament f’dan il-kodiċi tal- “basket” li fih tipi oħra ta’ plywood.

(110)

Il-Kummissjoni sabet li l-affermazzjoni ta’ Jiangshan Wood ma kinitx sostanzjata. Il-kodiċi HS 4408 90 użat biex jiġi ddeterminat il-parametru referenzjarju huwa basket ta’ tipi oħra ta’ plywood u l-firxa li ġiet applikata ntużat biss bħala indikatur biex jiġu identifikati l-importazzjonijiet tal-eucalyptus veneer f’dan il-kodiċi tal-basket b’mod aktar speċifiku. Il-Kummissjoni qieset li dan il-metodu kien raġonevoli u li, minħabba l-informazzjoni disponibbli u minkejja li ma setax jiddistingwi bejn il-kwalitajiet tal-fuljetta, dan kien jirrifletti bl-aktar mod preċiż il-prezz tal-eucalyptus veneer.

(111)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li t-talba ta’ Jiangshan Wood biex tiddivulga l-fatturi kunfidenzjali ma kinitx sostanzjata. Il-fatturi nfushom ma ntużawx biex jiġu ddeterminati l-parametri referenzjarji. Dan intuża biss bħala indikatur biex tiġi ddeterminata firxa ta’ prezzijiet għall-fuljetta tal-ewkaliptu, u huwa għalhekk li l-Kummissjoni ma qisitx li d-divulgazzjoni tal-fatturi kunfidenzjali tippermetti lil Jiangshan Wood tissostanzja l-affermazzjoni tagħha b’mod aktar dettaljat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjoni dettaljata ħafna tal-metodu tagħha fid-Dokument ta’ Divulgazzjoni Ġenerali fil-premessi (67) u (72), u pprovdiet informazzjoni fil-qosor addizzjonali li fiha d-dettalji kollha dwar in-natura tal-fuljetta tal-ewkaliptu, u l-prezzijiet rilevanti, fuq talba ta’ Jiangshan Wood, permezz ta’ email tal-15 ta’ Ottubru 2025.

(112)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni sabet l-affermazzjoni ta’ Jiangshan Wood li użat biss fuljetta tal-ekwaliptu tal-qalba ta’ kwalità baxxa fil-produzzjoni tagħha bħala mhux sostanzjata. Għall-kuntrarju, il-fatturi tax-xiri tal-kumpanija għall-fuljetta tal-ewkaliptu kienu jindikaw kwalità “grad 1” jew “l-ewwel grad” li kienu jissuġġerixxu li l-fuljetta mixtrija kienet ta’ kwalità superjuri. Barra minn hekk, ir-referenza ma ppermettietx li jiġi ddeterminat jekk il-fuljetta mixtrija kinitx il-fuljetta tal-qalba u tal-wiċċ, minkejja li l-kumpanija sostniet li l-fuljetti tal-wiċċ kollha kienu prodotti minnha. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx taċċerta l-affermazzjoni li Jiangshan Wood xtrat biss fuljetta tal-qalba ta’ kwalità baxxa.

(113)

Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument li jenħtieġ li tintuża biss fuljetta tal-ewkaliptu bi prezz aktar baxx. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma qisitx li billi ma żvelatx informazzjoni addizzjonali dwar il-fatturi kunfidenzjali, inkisru d-drittijiet tad-difiża ta’ Jiangshan Wood. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.

Dqiq

(114)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Jiangshan Wood reġgħet sostniet li s-suq tad-dqiq Tork u għalhekk il-prezzijiet tad-dqiq kienu b’mod ġenerali distorti u minfuħa minħabba d-diversi miżuri adottati mill-Uffiċċju tal-Qamħ Tork li jaffettwaw l-importazzjoni/esportazzjoni tad-dqiq tal-qamħ. Hija argumentat li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kien jipprevedi l-istabbiliment ta’ kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametru referenzjarju mingħajr distorsjoni, u l-Kummissjoni vvalutat ukoll l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tas-suq meta stabbiliet il-parametru referenzjarju. Fil-fehma tagħha, parametru referenzjarju mingħajr distorsjoni jista’ jkun il-prezz medju tal-importazzjoni tad-dqiq fil-pajjiżi l-oħra b’introjtu medju superjuri, li huwa ta’ CNY 3,9/kg mingħajr tariffi tal-importazzjoni jew CNY 4,45/kg bit-tariffi doganali applikabbli.

(115)

L-ilmentatur sostna li l-kummenti ta’ Jiangshan Wood kienu relatati mal-ħbub tal-qamħ iżda mhux mad-dqiq tal-qamħ. Huwa argumenta wkoll li r-rekwiżit ta’ liċenzjar u spezzjoni kienu rekwiżiti standard għal raġunijiet ta’ sikurezza tas-saħħa għall-prodotti agrikoli kollha.

(116)

Il-Kummissjoni kkonfermat li r-restrizzjonijiet imsemmija fil-fatt kienu relatati mal-importazzjonijiet tal-ħbub tad-dqiq u mhux mad-dqiq tal-qamħ innifsu. Kif imsemmi fil-premessa (213) tar-Regolament provviżorju, il-kwantità ta’ dqiq importat fit-Turkija kienet sinifikanti u kien hemm domanda għad-dqiq bi prezzijiet li kienu jinkludu d-dazji. Għalhekk, hija sostniet li l-prezzijiet kienu rappreżentattivi ta’ prezz tas-suq.

3.2.4.2.   Manodopera

(117)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-manodopera, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessa (223) tar-Regolament provviżorju.

3.2.4.3.   Elettriku

(118)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-elettriku, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessa (224) tar-Regolament provviżorju.

3.2.4.4.   Kostijiet ġenerali tal-manifattura, SG&A, profitti u deprezzament

(119)

Kif spjegat fil-premessa (228) tar-Regolament proviżorju, meta tkun qed tistabbilixxi l-livelli ta’ referenza għall-SG&A u l-profitt, il-Kummissjoni użat id-data tal-gvern Tork dwar l-ispejjeż operattivi medji u l-profitt operattiv tal-kumpaniji ppubblikata mill-Bank Ċentrali tat-Turkija dwar ir-riżultati finanzjarji tat-3 121 kumpanija b’attivitajiet fis-settur tal-manifattura ta' prodotti tal-injam, sufra, tiben u materjali tal-insiġ (NACE – C-162).

(120)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, l-ilmentatur sostna li d-data ma kinitx xierqa, peress li kopriet settur wiesa’ wisq u li ma kinitx tirrifletti l-ispejjeż operatorji reali u l-profittabbiltà tal-industrija tal-plywood fit-Turkija. Hija argumentat li l-kodiċi C162 tal-NACE kien jinkludi l-produzzjoni ta’ prodotti oħra bbażati fuq l-injam bħall-karpentrija u tal-ġonġituri għall-bennejja, pavimentar tal-injam, containers tal-injam, materjali tad-dfir eċċ., u li s-subkategorija rilevanti C162-1 Manifattura ta’ pannelli bbażati fuq sandwood tal-fuljetta ma kinitx disponibbli. Huwa argumenta li s-segment tal-plywood fi ħdan il-kategorija kien jirrappreżenta biss 2 %, u li dan kien iddominat mill-industrija tal-pannelli bbażati fuq l-injam bħall-produtturi tal-bords tal-partikoli u l-MDF. Huwa sostna li l-prodotti tal-plywood kienu l-aktar prodotti sofistikati u primjum fost il-prodotti kollha bbażati fuq l-injam u li peress li l-kodiċi aggregat tan-NACE kien jinkludi l-aktar produzzjonijiet oħra, dan ma kienx xieraq biex jiġu ddeterminati l-SG&A u l-profitt tas-settur tal-plywood. Huwa argumenta wkoll li l-bażi tad-data kienet tinkludi kważi esklussivament data ta’ kumpaniji mikro jew żgħar, iżda li l-plywood jiġi prodott minn kumpaniji ta’ daqs medju. Huwa sostna wkoll li aktar minn 3 000 kumpanija li tqiesu kienu qed jagħmlu telf u dan għamel l-użu tad-data makroekonomika mhux applikabbli. L-ilmentatur sostna wkoll li d-data użata kienet relatata mal-perjodu tal-2022 u li għalhekk ma kinitx tirrifletti s-sitwazzjoni tal-kumpaniji fil-PI.

(121)

L-ilmentatur issottometta data finanzjarja tal-2024 ta’ kumpanija Pelit Arslan Kontrplak Fabrikasi Anonim Sirketi (“Pelit Arslan”), disponibbli mill-bażi tad-data ta’ Dun&Bradstreet Finance Analytics (75). Skont ir-rapport finanzjarju, l-ispejjeż SG%A fl-2024 kienu 21,6 % tal-kostijiet tal-prodotti mibjugħa, u l-profitt qabel it-taxxa kien ta’ 23,6 %. Fil-fehma tiegħu, dawn l-indikaturi kienu konservattivi peress li l-kumpanija wriet livell saħansitra ogħla ta’ SG&A u profitt fis-snin ta’ qabel. Fil-fehma tiegħu, il-livell propost ta’ SG&A baqa’ fil-biċċa l-kbira konformi mal-SG&A identifikati mill-Kummissjoni filwaqt li l-profitt ogħla kien b’mod ċar aktar rappreżentattiv tas-settur tal-plywood peress li kien prodott ibbażat fuq l-injam primjum meta mqabbel ma’ pannelli oħra tal-injam. Fuq din il-bażi, l-ilmentatur talab lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-approċċ u tuża d-data ta’ Pelit Arslan bħala parametru referenzjarju għall-SG&A u l-profitt.

(122)

Jiangshan Wood sostniet li hija ma oġġezzjonatx għall-użu tad-data tal-gvern Tork ippubblikata mill-Bank Ċentrali tat-Turkija, proposta mill-Kummissjoni. Hija sostniet li r-rapport mid-data kien jindika li l-SG&A kienu jinkludu spejjeż tad-distribuzzjoni li jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kostruzzjoni tal-valur normali. Għalhekk, hija argumentat li l-Kummissjoni jenħtieġ li teskludi l-ispejjeż tad-distribuzzjoni abbażi ta’ proporzjon raġonevoli, ibbażat jew fuq id-data tal-produtturi tal-Unjoni jew abbażi tal-informazzjoni finanzjarja ppreżentata min-negozjant mhux relatat Pizhou Ouyme Import and Export Trade Co. Ltd (“Pizhou Ouyme”) li wriet li l-ispejjeż tal-bejgħ dirett fl-SG&A totali tagħha kienu jirrappreżentaw 62 % tal-SG&A totali.

(123)

Bħala konfutazzjoni għall-argumenti mressqa minn Jiangshan Wood, l-ilmentatur argumenta li ma kienx ċar liema tipi ta’ spejjeż kienu inklużi f’din il-kategorija, u li l-kategorija ġenerali tal-“ispejjeż tad-distribuzzjoni” setgħet tirreferi wkoll (jew esklussivament) għall-kostijiet assoċjati mat-tqegħid ta’ prodott jew servizz għad-dispożizzjoni tal-klijenti, bħall-ippakkjar, il-kummerċjalizzazzjoni, il-bejgħ, il-ħżin u ż-żamma f’imħażen, il-ġestjoni tal-ordnijiet, is-servizzi tal-konsumatur, eċċ. Huwa argumenta wkoll li d-data finanzjarja tal-produtturi tal-Unjoni ma kienet tinkludi l-ebda diżaggregazzjoni tal-ispejjeż SGA f’kategoriji individwali, u b’hekk ma ppermettietx li jsiru aġġustamenti u li bl-istess mod, is-sehem tal-entrati tal-kostijiet individwali fil-kategorija tal-“ispejjeż tad-distribuzzjoni” tan-negozjant Ċiniż ma kienx applikabbli u lanqas affidabbli minħabba d-distorsjonijiet li sabet il-Kummissjoni fiċ-Ċina għal dan il-prodott u l-industrija. Fl-aħħar nett, huwa argumenta li tali aġġustament ma sarx mill-Kummissjoni f’investigazzjonijiet preċedenti.

(124)

Bħala konfutazzjoni għall-kummenti tal-ilmentatur, Jiangshan Wood talbet lill-Kummissjoni tinjora d-data finanzjarja ta’ Pelit Arslan peress li hija argumentat li mingħajr aċċess għad-data, hija ma setgħetx tivverifika l-akkuratezza tal-kalkoli u lanqas tivvaluta l-affidabbiltà tad-data għall-kostruzzjoni tal-valur normali u li dan ma kienx se jiġi rettifikat b’sommarju sinifikanti tad-data (pereżempju f’meded) peress li l-SG&A u l-profitt iridu jkunu perċentwali akkurati. Hija rrimarkat li d-data finanzjarja ppreżentata fil-kuntest tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku għandha tkun “faċilment disponibbli”, u ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Hija tat eżempju ta’ każijiet fejn id-data ġiet miċħuda milli tintuża minħabba l-fatt li ma setgħetx titqiegħed fil-fajl miftuħ għal raġunijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur.

(125)

Il-Kummissjoni fakkret li fl-istadju provviżorju, id-data reċenti ta’ kwalunkwe kumpanija Torka ma kinitx disponibbli, u għalhekk, il-bażi tad-data li ntużat kienet tikkostitwixxi l-aħjar indikatur disponibbli biex jiġu stabbiliti SG&A u profitt raġonevoli. Madankollu, id-data ta’ kumpanija li tipproduċi l-plywood tal-injam iebes, kif ippreżentata mill-ilmentatur, kienet bażi aktar raġonevoli biex jiġu ddeterminati l-SG&A u l-profitt, minn bażi tad-data li tiġbor id-data ta’ settur ferm aktar wiesa’. Barra minn hekk, abbażi tar-rapporti finanzjarji dettaljati ta’ din il-kumpanija ppreżentati mill-ilmentatur, il-Kummissjoni setgħet tivverifika li l-perċentwali tal-SG&A u l-profitt kienu stabbiliti b’mod akkurat. Ir-rapporti kienu direttament disponibbli, bi ħlas żgħir, fuq sit web pubbliku (https://www.informa.es/en). Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-data ta’ Pelit Arslan setgħet tintuża biex jiġu stabbiliti SG&A u profitt raġonevoli u, għalhekk, kienet konformi mal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Asserzjonijiet dwar l-użu tad-data ta’ Pelit Arslan wara d-divulgazzjoni finali

(126)

Wara d-divulgazzjoni finali, Jiangshan Wood qieset li l-Kummissjoni jeħtiġilha terġa’ lura għall-użu tad-data finanzjarja fil-livell settorjali u ma tridx tinkludi l-ispejjeż tal-bejgħ meta jinħadem il-valur normali. Hija sabet li huwa inaċċettabbli li l-ammont għall-SG&A u l-profitt li inizjalment kien meqjus raġonevoli ġie sostitwit bid-data finanzjarja ta’ Petit Arslan li fil-fehma tagħha mhix faċilment disponibbli. Hija sostniet li ma kienx possibbli li r-rapport jinkiseb permezz tas-sit internet u lanqas ma kien possibbli permezz tas-sit internet ġenerali ta’ Dun&Bradstreet. Hija argumentat ukoll li peress li l-Kummissjoni kisbet ir-rapport permezz tal-ilmentatur, ma setax jiġi aċċertat li kien preċiż. Jiangshan Wood argumentat ukoll li s-sommarju pprovdut mill-Kummissjoni ma ppermettiex li jiġu vvalutati entrati individwali fir-rapporti finanzjarji li ntużaw għall-kalkolu tal-SG&A u l-profitt. Hija qieset li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tipprovdi sommarju sinifikanti kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha, u rreferiet ukoll għal investigazzjoni dwar ċerti alkoħols tal-polivinil u l-kawża tal-Qorti relatata fejn il-Qorti ddikjarat li l-partijiet għandhom ikunu “f’pożizzjoni matul il-proċedura amministrattiva li fiha jkunu jistgħu jesprimu b’mod effettiv il-fehmiet tagħhom dwar il-korrettezza u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkostanzi allegati u dwar l-evidenza ppreżentata mill-Kummissjoni b’appoġġ għall-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ dumping u d-dannu li jirriżulta (76)”.

(127)

Bħala konfutazzjoni, l-ilmentatur sostna li l-allegazzjonijiet ta’ Jiangshan Wood li r-rapporti finanzjarji ma setgħux jinkisbu kienu qarrieqa u bla bażi. Hija indikat li jista’ jiġi vverifikat permezz ta’ tfittxija online rapida li skont is-sit web, il-portal web Informa.es ipprovda aċċess online għad-Dun&Bradsheet. Cloud tad-data li tiġbor informazzjoni Finanzjarja u ta’ Kummerċjalizzazzjoni minn aktar minn 600 miljun kumpanija online madwar id-dinja kollha (77). Biex ikompli juri li r-rapport finanzjarju huwa u baqa’ faċilment disponibbli, l-ilmentaturi reġgħu akkwistawh mill-ġdid permezz ta’ Informa.es fid-9 ta’ Ottubru 2025 u ssottomettew id-data lill-Kummissjoni.

(128)

Barra minn hekk, l-ilmentatur ikkunsidra li r-referenza għall-ġurisprudenza ta’ Jiangshan Wood kienet qarrieqa. Fl-investigazzjoni dwar l-alkoħols tal-polivinil miċ-Ċina, il-Kummissjoni ddikjarat li “skont l-Artikolu 2 (6a) tar-Regolament bażiku, id-data ma għandhiex għalfejn tkun “disponibbli għall-pubbliku” iżda “disponibbli faċilment”, u li “disponibbli għall-pubbliku”kienet tfisser disponibbli għall-pubbliku ġenerali filwaqt li “faċilment disponibbli” kienet maħsuba disponibbli għal kulħadd, dment li ċerti kundizzjonijiet, bħal ħlas ta’ tariffa, ikunu ġew issodisfati”  (78). Hija indikat ukoll li din il-konstatazzjoni fl-aħħar mill-aħħar ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni finali tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-763/20, u li l-Qorti Ġenerali kkonfermat ukoll f’dik is-sentenza li l-Kummissjoni kienet intitolata taċċetta data kunfidenzjali, dment li jiġi ppreżentat sommarju mhux kunfidenzjali (79). L-ilmentatur indika li sommarju mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni finanzjarja ġie pprovdut kif xieraq u tqiegħed fil-fajl pubbliku.

(129)

Il-PTIA sostniet li ma setgħetx tikseb ir-rapporti finanzjarji mis-sit web https://www.informa.es/en iżda li setgħet tiksibhom minn sorsi oħra. Hija indikat li abbażi tad-dikjarazzjonijiet minn sorsi oħra, il-profitt qabel it-taxxa kien ta’ 17 % u mhux ta’ 23.6 % kif indikat mill-Kummissjoni.

(130)

Saintland Wood sostniet li kellha diffikultà biex taċċessa d-data ta’ Pelit Arslan minħabba dak li deher difett tekniku fil-proċess tal-login tas-sit web, li ma ħallithiex tirreġistra, u għalhekk, ma setgħetx tħejji u tippreżenta sottomissjoni effettiva u f’waqtha. Hija talbet lill-Kummissjoni tipprovdi struzzjonijiet ċari u pass pass jew metodu alternattiv għall-aċċess tad-data.

(131)

Il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa (52) tad-Dokument ta’ Divulgazzjoni Ġenerali li semma li r-rapporti finanzjarji dettaljati ta’ Pelit Arslan kienu disponibbli mill-bażi tad-data ta’ Dun&Bradstreet Finance Analytics. Fil-premessa, il-Kummissjoni indikat ukoll il-paġna web informa.es, fornitur ta’ rapporti internazzjonali ta’ Dun&Bradstreet (80) fi Spanja. Il-Kummissjoni kkonfermat li l-informazzjoni finanzjarja relatata mal-kumpanija Pelit Arslan kienet faċilment disponibbli u faċilment aċċessibbli permezz tal-paġna web ta’ Dun&Bradstreet li tipprovdi data permezz tas-sħab internazzjonali tagħha. Ir-rapporti finanzjarji ta’ Pelit Arslan jistgħu jinxtraw direttament, mingħajr reġistrazzjoni, bi ħlas (81). Peress li d-data kienet faċilment disponibbli permezz tal-paġni web ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ma qisitx li kien meħtieġ li tipprovdi xi indikazzjoni “pass b’pass” kif mitlub minn Saintland Wood.

(132)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li sommarju mhux kunfidenzjali tad-data ġie pprovdut fid-divulgazzjoni finali. Għalkemm is-sommarju mhux kunfidenzjali ma ppermettiex lill-partijiet jidentifikaw informazzjoni kunfidenzjali dettaljata, is-sommarju kien fil-fehma tal-Kummissjoni biżżejjed biex jipprovdi lill-partijiet bl-informazzjoni li fuqha ntużat id-data. Peress li r-rapport dettaljat kien faċilment disponibbli, il-Kummissjoni wkoll ma qisitx li nkisru d-drittijiet tad-difiża ta’ kwalunkwe parti - kwalunkwe parti inkluża Jiangshan Wood setgħet tikseb u tivverifika d-data dettaljata bi ħlas raġonevoli, kif għamlet il-PTIA. Barra minn hekk, l-affermazzjoni ta’ Jiangshan Wood, li ma setgħetx tidentifika l-partiti individwali bħall-kostijiet tal-bejgħ li għandhom jitnaqqsu, ma kinitx sostanzjata – kif ġie konkluż hawn taħt l-affermazzjoni li l-ispejjeż tal-bejgħ kellhom jitnaqqsu mill-valur referenzjarju ġiet miċħuda, kif spjegat fid-dettall hawn taħt fit-taqsima li jmiss.

(133)

Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-PTIA li l-profitt kien ta’ 17 %, il-Kummissjoni kkonfermat li l-kalkolu tagħha tal-parametru referenzjarju għall-marġni ta’ profitt tal-kumpanija rappreżentattiva Pelit Arslan, ġie kkalkolat b’mod korrett bħala l-ammont ta’ profitt qabel it-taxxi espress bħala sehem fil-valur tal-kost tal-oġġetti mibjugħa mill-kumpanija, kif spjegat fit-Taqsima 3.2.4.4 ta’ dan ir-Regolament, u li l-profitt qabel it-taxxa kien ta’ 23.6 %.

Pretensjonijiet fuq l-ispejjeż tal-bejgħ wara d-divulgazzjoni finali

(134)

Jiangshan Wood argumentat ukoll li l-Kummissjoni trid tiddistingwi u tissepara l-ispejjeż tal-bejgħ mill-ispejjeż ġenerali u amministrattivi l-oħra peress li Jiangshan Wood ma ġarrbitx spejjeż bħal dawn u ma kinitx irrappurtathom lill-Kummissjoni. Fil-fehma tagħha, dan kien essenzjali peress li l-inklużjoni tal-kostijiet tal-bejgħ u tad-distribuzzjoni (jiġifieri t-trasport, l-immaniġġar u l-imballaġġ) fi ħdan il-kostijiet SG&A twassal biex il-valur normali maħdum ma jkunx mill-fabbrika.

(135)

Sabiex tirribatti l-argument ta’ Jiangshan Wood, l-ilmentatur ifferefa għal sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-263/22, li tgħid li “għalkemm il-prattika li jsiru aġġustamenti tista’ tirriżulta neċessarja skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali li jaffettwaw in-natura paragunabbli tagħhom, tali tnaqqis ma jistax isir fir-rigward ta’ valur mibni [skont l-Artikolu 2(6a)] u li, għaldaqstant, ma huwiex ġenwin. Dan il-valur ma huwiex ġeneralment affettwat minn fatturi li jistgħu jippreġudikaw il-komparabbiltà tiegħu, peress li ġie stabbilit artifiċjalment” (82).

(136)

L-ilmentatur għalhekk argumenta li l-valur normali nħadem fid-dawl tad-distorsjonijiet strutturali fis-segment tal-ipproċessar tal-injam fiċ-Ċina, u b’hekk il-valur normali ma kienx “ġenwin” u għalhekk mhux suxxettibbli għal fatturi li jaffettwaw il-komparabbiltà tiegħu mal-prezz tal-esportazzjoni. Huwa indika li skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont mingħajr distorsjoni u raġonevoli għall-kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għall-profitti”, u li din id-dispożizzjoni kienet tirrikjedi b’mod ċar u inekwivoku li jitqiesu l-kostijiet tal-bejgħ meta jinħadem il-valur normali skont id-dispożizzjoni msemmija. Il-fatt li Jiangshan Wood “ma ġġarrab l-ebda spiża tal-bejgħ” bl-ebda mod ma jbiddel il-fatt li l-valur normali maħdum għandu jinkludi l-ispejjeż tal-bejgħ. Kieku kellha tagħmel mod ieħor, il-Kummissjoni tkun qed tnaqqas (tissottovaluta) il-valur normali maħdum, bi ksur ċar tar-Regolament bażiku.

(137)

Il-Kummissjoni sabet li l-affermazzjoni ta’ Jiangshan Wood ma kinitx sostanzjata. L-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku jirreferi għal ammont raġonevoli għall-kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għall-profitt, peress li dawn huma l-kostijiet normalment imġarrba minn kull kumpanija, inklużi kumpaniji bħal Jiangshan Wood li jbigħu permezz ta’ negozjanti. Barra minn hekk, it-tnaqqis mill-ammont mingħajr distorsjoni tal-kostijiet SG&A minn produttur ibbażat f’pajjiż rappreżentattiv biex jirrifletti l-kostijiet reali ta’ Jiangshan Wood imur kontra l-iskop li jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni ta’ kumpanija. Fl-aħħar nett, il-fatt li Jiangshan Wood innifisha ma rrapportat l-ebda spiża tal-bejgħ lill-Kummissjoni ma kienx jikkostitwixxi evidenza li ma kienx hemm - b’mod ġenerali, is-sistema kontabilistika tal-kumpanija ma ppermettietx li jiġu identifikati l-kostijiet b’mod dettaljat. Waqt iż-żjara ta’ verifika tal-kumpanija, is-servizzi tal-Kummissjoni żaru dipartiment tal-bejgħ u ltaqgħu ma’ maniġer tal-bejgħ li fih innifsu kien indikazzjoni li l-kumpanija ġarrbet kostijiet tal-bejgħ. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.

Pretensjonijiet dwar ir-rilevanza tal-użu tad-data ta’ Pelit Arslan biex jiġi stabbilit parametru referenzjarju għall-kostijiet u l-profitt tal-SG&A wara d-divulgazzjoni finali

(138)

Barra minn hekk, il-PTIA qieset li d-data settorjali kienet parametru referenzjarju aktar xieraq biex jiġu stabbiliti l-SG&A u l-profitt minħabba li kienet tirrifletti l-fatt li l-industrija tal-plywood Ċiniża kienet magħmula minn SMEs u kienet frammentata ħafna. Kompliet targumenta li jekk il-Kummissjoni tuża d-data settorjali, l-indikaturi finanzjarji li għandhom jitqiesu jenħtieġ li jirriflettu l-fatt li l-kostijiet ta’ finanzjament għall-inflazzjoni straordinarja u l-kostijiet tas-self li huma għoljin b’mod anormali fit-Turkija, b’rata tal-imgħax ta’ 45 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni, u li jenħtieġ li tnaqqas ukoll il-kostijiet tad-distribuzzjoni f’każ li Jiangshan Wood ma tkunx ġarrbet dawn il-kostijiet. Il-PTIA reġgħet issottomettiet pretensjonijiet simili fis-sottomissjoni tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2025. Hija argumentat li għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet tal-ilmentaturi, id-data settorjali kienet disponibbli mhux biss għall-2022 iżda wkoll għall-2024, u li xi plywood jista’ jkun orħos minn MDF jew prodotti użati għal mal-art ta’ kwalità aħjar.

(139)

Il-PTIA qieset ukoll li 45,2 % tal-SG&A u l-profitt ma kinux raġonevoli peress li kienu eċċessivament għoljin u distorti mill-iperinflazzjoni, l-iżvalutazzjoni tal-munita u l-kostijiet għoljin tat-teħid b’self fit-Turkija, u talbet lill-Kummissjoni tirrevedihom ’l isfel. Il-PTIA talbet lill-Kummissjoni tuża l-proporzjon tal-kostijiet ta’ finanzjament ta’ pajjiżi oħra bħala indikatur u pproponiet indikatur ta’ 6 %.

(140)

Il-PTIA ssottomettiet ukoll li skont dikjarazzjoni fuq is-sit web tagħha (83), Pelit Arslan tipproduċi wkoll tipi oħra ta’ prodotti, u li għalhekk, ir-rapporti finanzjarji ta’ din il-kumpanija neċessarjament kienu jinkludu data minn unitajiet kummerċjali oħra. Hija rreferiet ukoll għal żewġ siti web oħra relatati ma’ kumpaniji fl-istess grupp li jsemmu prodotti oħra (84). Il-PTIA argumentat ukoll li l-kumpanija kienet qed tuża l-plywood Russu u Vjetnamiż.

(141)

Il-PTIA argumentat ukoll li d-data ta’ din il-kumpanija ġiet miċħuda f’investigazzjoni dwar injam għall-pavimenti b’diversi saffi fejn tqieset li kienet eċċessivament għolja u għalhekk mhux rappreżentattiva (85).

(142)

Biex jirribatti l-argumenti tal-PTIA, l-ilmentatur sostna li Pelit Arslan kien tabilħaqq parti mit-Turanlar Group li huwa akbar, iżda li Pelit Arslan huwa produttur tal-plywood fi ħdan il-grupp. Il-prodotti msemmija mill-PTIA ma kinux prodotti minn Pelit Arslan iżda minn kumpaniji relatati oħra fi ħdan il-grupp bħal PeliParke (pavimenti tal-injam, pannelli tal-ħitan, skirtings, eċċ.) (86) jew Vezirköpron Orman Ürünleri Ve Kağit San. A.Ş. (MDF, pavimentar tal-laminat, pannelli ħfief oħra tal-ħajt, prodotti tal-karta, eċċ.) (87). Hija argumentat li r-rapport finanzjarju ta’ Pelit Arslan kien speċifiku għall-kumpanija u mhux wieħed konsolidat li jirrappreżenta d-data tal-grupp, u l-fatt li r-riżultati finanzjarji relatati man-negozju tal-plywood kien speċifikat fir-rapport innifsu.

(143)

Barra minn hekk, l-ilmentatur sostna li l-użu tad-data ta’ Pelit Arslan kien parametru referenzjarju aktar raġonevoli u aktar affidabbli u li dan irrifletta aħjar il-kundizzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fil-pajjiż rappreżentattiv, minflok data konsolidata ta’ settur ħafna usa’. Huwa argumenta li l-livell stabbilit ta’ SG&A kien fil-biċċa l-kbira konformi mal-proporzjon SG&A ta’ 16.1 % abbażi tad-data tal-gvern Tork għall-industrija tal-ipproċessar tal-injam li fil-fatt huwa livell rappreżentattiv għal industriji usa’ u mhux biss għas-segment tal-plywood. Fir-rigward tal-proporzjon tal-profitt ta’ 23,6 %, l-ilmentatur indika li dan irid jitqies raġonevoli minħabba n-natura primjum tal-pannelli tal-plywood tal-injam iebes meta mqabbla ma’ pannelli oħra bbażati fuq l-injam bħal MDF jew OSB, kif ukoll prodotti oħra tal-injam.

(144)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni li jenħtieġ li terġa’ lura għad-data settorjali. Anki jekk id-data kienet disponibbli għall-2022, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien fiha data ta’ kumpaniji ta’ settur akbar. Ġie spjegat fid-dettall fil-premessa (84) tad-Dokument ta’ Divulgazzjoni Ġenerali li din id-data inizjalment intużat minħabba nuqqas ta’ informazzjoni aktar preċiża. Id-data finanzjarja ta’ kumpanija li tipproduċi l-prodott ikkonċernat, fil-fehma tagħha, kienet tikkostitwixxi indikatur aħjar biex jiġi stabbilit il-parametru referenzjarju. Il-Kummissjoni sabet li d-dikjarazzjoni li d-data finanzjarja tal-kumpanija Pelit Arslan jenħtieġ li tiġi rrifjutata fl-investigazzjoni attwali peress li ma tqiesx xieraq fl-investigazzjoni dwar il-pavimenti tal-injam b’diversi saffi kienet infondata - l-investigazzjoni dwar pavimenti tal-injam b’diversi saffi kienet relatata mad-data għas-sena finanzjarja 2023, u għalhekk, mhux mad-data tal-2024, li ġiet ikkunsidrata f’din l-investigazzjoni.

(145)

It-tieni, il-Kummissjoni sabet li l-affermazzjoni tal-PTIA li Pelit Arslan kienet tipproduċi prodotti differenti ma kinitx issostanzjata. Kif indikat mill-ilmentatur, is-siti web li l-PTIA semmiet fis-sottomissjoni tagħha kienu relatati mal-attivitajiet tal-grupp li għalih tappartjeni Pelit Arslan u ma’ kumpaniji oħra fil-grupp. Il-fatt li r-rapporti finanzjarji huma relatati mal-produzzjoni tal-plywood jissemma wkoll fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji pprovduti mill-bażi tad-data ta’ Dun&Bradstreet.

(146)

Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-affermazzjoni tal-PTIA dwar il-livell ta’ profitt u l-SG&A ma kinitx sostanzjata. Kif indikat mill-ilmentatur, dan kien fil-biċċa l-kbira konformi mad-data settorjali li kienet tinkludi l-produzzjoni ta’ prodotti b’valur aktar baxx b’mod ġenerali. Il-fatt li xi plywood seta’ jkun irħas minn prodotti oħra tal-injam kien affermazzjoni ġenerali, u fih innifsu ma weriex li l-parametri referenzjarji indikati kienu eċċessivament għoljin. L-affermazzjoni ġiet għalhekk miċħuda.

(147)

Fir-rigward tal-affermazzjoni dwar il-kostijiet finanzjarji għoljin fit-Turkija, il-Kummissjoni indikat li kwalunkwe kost bħal dan ma ġiex ikkunsidrat. L-affermazzjoni ġiet għalhekk miċħuda.

Konklużjoni

(148)

Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet li d-data finanzjarja ta’ Pelit Arslan kienet tikkostitwixxi parametru referenzjarju xieraq biex jiġi stabbilit il-livell ta’ SG&A u l-profitt.

3.2.4.5.   Kalkolu

(149)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Jiangshan Wood sostniet li l-Kummissjoni għaddet darbtejn il-kostijiet tat-trasport, peress li meta stabbiliet il-parametru referenzjarju għall-fatturi ta’ produzzjoni, il-kostijiet bħat-trasport domestiku tal-merkanzija fil-pajjiżi esportaturi kif ukoll it-trasport tal-merkanzija bil-baħar u l-assigurazzjoni ġew inklużi, u li l-Kummissjoni żiedet ukoll il-kostijiet tat-trasport fil-kostijiet tal-manifattura kkalkulati mill-ġdid.

(150)

Jiangshan Wood argumentat ukoll li, jekk il-Kummissjoni żżid il-kostijiet tat-trasport, hija jenħtieġ li żżid il-kostijiet reali tat-trasport irrapportati, minflok iżżid il-valuri bil-proporzjon tal-kostijiet tat-trasport fuq il-valur reali tax-xiri tal-input irrapportat minn Jiangshan Wood. Hija argumentat li dawn il-kostijiet tqiesu affidabbli mill-Kummissjoni peress li l-Kummissjoni użat ukoll id-data ta’ negozjant Ċiniż Pizhou Ouyme biex tistabbilixxi l-valur CIF. Hija qieset li r-Regolament provviżorju ma weriex li l-kostijiet tat-trasport fiċ-Ċina kienu distorti b’mod sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, u għalhekk, jekk il-Kummissjoni żżid il-kostijiet tat-trasport mal-kost tal-parametru referenzjarju, hija jenħtieġ li tuża l-kostijiet reali tat-trasport.

(151)

Il-Kummissjoni ċċarat li l-kostijiet tat-trasport li ġew miżjuda mal-prezz referenzjarju kienu l-kostijiet tat-trasport fil-livell CIF jew FOB, u għalhekk kienu jinkludu l-kostijiet tal-konsenja sal-fruntiera ta’ pajjiż rappreżentattiv. Madankollu, dawn il-kostijiet ma kinux jinkludu t-trasport intern tal-merkanzija. Peress li, skont il-metodoloġija applikata skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jenħtieġ li jirrifletti l-prezz mingħajr distorsjoni tal-materja prima fil-pajjiż rappreżentattiv, f’dan il-każ it-Turkija, dan jenħtieġ li għalhekk jirrifletti l-prezz li produttur iħallas fit-Turkija għal materja prima kkonsenjata fil-bieb tal-fabbrika. Għalhekk, il-Kummissjoni żiedet il-kostijiet tat-trasport intern tal-materja prima mal-valur referenzjarju. Għalhekk, il-kostijiet tat-trasport ma ngħaddux darbtejn; il-parametru referenzjarju kien jinkludi l-kostijiet tat-trasport sal-fruntiera tal-pajjiż rappreżentattiv u l-kostijiet tat-trasport miżjuda meta nħadem il-valur normali kienu kostijiet interni.

(152)

Il-Kummissjoni ċċarat ukoll li l-kost tat-trasport kif irrapportat minn Jiangshan Wood, intuża bħala l-perċentwal tal-kostijiet tat-trasport tal-valur reali tax-xiri tal-input irrapportat minn Jiangshan Wood, kif huwa spjegat fil-premessa (222) tar-Regolament provviżorju. L-investigazzjoni diġà stabbiliet l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina u n-natura sistemika tagħhom. Il-Kummissjoni qieset li d-distorsjonijiet affettwaw bl-istess mod il-kostijiet tat-trasport. Għaldaqstant, il-proporzjon bejn il-materja prima tal-produttur esportatur u l-kostijiet tat-trasport irrapportati jista’ jintuża b’mod raġonevoli bħala indikazzjoni biex jiġu stmati l-kostijiet mingħajr distorsjoni tat-trasport tal-materja prima meta tiġi kkonsenjata lill-fabbrika tal-kumpanija. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni li jenħtieġ li tuża l-kostijiet reali tat-trasport.

(153)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar kwistjonijiet ta’ kalkolu, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessa (224) tar-Regolament provviżorju.

3.3.   Prezz tal-esportazzjoni

(154)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar il-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessa (235) tar-Regolament provviżorju.

3.4.   Tqabbil

(155)

Kif huwa spjegat fil-premessi (236) sa (237) tar-Regolament provviżorju, il-valur CIF stabbilit biex jintuża bħala denominatur għall-kalkoli tad-dumping kien ibbażat fuq il-prezz mill-fabbrika ta’ Jiangshan Wood li miegħu l-Kummissjoni żiedet il-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar, kif ukoll l-SG&A u l-profitt ta’ negozjant mhux relatat. Kif huwa spjegat fir-Regolament provviżorju (il-premessa (237)), sabiex tistabbilixxi dawn l-aġġustamenti biex tasal mill-prezz mill-fabbrika għall-valur CIF, il-Kummissjoni qagħdet fuq informazzjoni disponibbli għall-pubbliku (l-Indiċi Dinji tal-Kontejners Drewry) fil-każ tal-merkanzija bil-baħar, u fuq ir-rapport finanzjarju ta’ wieħed min-negozjanti mhux relatati pprovdut minn Jiangshan Wood.

(156)

Il-Kummissjoni stiednet lin-negozjanti mhux relatati ma’ Jiangshan Wood biex jikkooperaw biex jipprovdu d-data reali tagħhom dwar il-kostijiet tat-trasport bil-baħar, l-SG&A u l-profitt. Id-data ġiet ipprovduta mill-ħames negozjanti li ġejjin: Jiangsu Sainty Land-up Pro-trading Co., Ltd, Lianyungang Yuantai International Co., Ltd., Pizhou Ouyme Import & Export Trade Co., Ltd., Sumec International Technology Co., Ltd. u Shanghai Fanhong Commerce Co., Ltd. L-analiżi tal-informazzjoni pprovduta min-negozjanti kienet tikkorrispondi għall-kostijiet stabbiliti mill-Kummissjoni fl-istadju provviżorju. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-valuri CIF, kif iddeterminati fid-divulgazzjoni provviżorja.

(157)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Jianghan Wood sostniet li parametru referenzjarju aktar xieraq biex jiġu stabbiliti l-valuri CIF ikun li jiġi kkalkulat ammont ta’ marġni kummerċjali għall-involviment tan-negozjanti bbażat fuq id-data tagħhom. Hija argumentat li dan kien minħabba li ma kienx ċar taħt liema incoterms kienu jbigħu il-prodott ikkonċernat lill-Unjoni n-negozjanti u b’mod aktar speċifiku Pizhou Oyeme.

(158)

Il-Kummissjoni ċċarat li l-kostijiet tan-negozjanti involuti bejn il-prezz mill-fabbrika ta’ Jianghan Wood ġew stabbiliti abbażi ta’ informazzjoni min-negozjanti li kienet tkopri kważi 90 % tal-volum tal-bejgħ u l-valur ta’ Jiangshan Wood lejn l-Unjoni, u li hija qieset l-incoterms differenti. Din il-metodoloġija għalhekk tqieset preċiża u affidabbli. L-affermazzjoni ġiet għalhekk miċħuda.

(159)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-Kummissjoni tikkonferma l-premessi minn (236) sa (237) tar-Regolament proviżorju.

3.5.   Marġnijiet tad-dumping

3.5.1.   Marġni ta’ dumping individwali għal Jiangshan Wood

(160)

Wara l-affermazzjonijiet mill-partijiet interessati kif dettaljati fit-Taqsima 3, il-Kummissjoni rrevediet il-marġni tad-dumping individwali għal Jiangshan Wood. Il-marġni definittiv tad-dumping espress bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, tal-assigurazzjoni u tan-nol (CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huwa kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Pizhou Jiangshan Wood Co., Ltd

43,3

3.5.2.   Marġni tad-dumping għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha

3.5.2.1.   Metodu għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha

(161)

Kif imsemmi fit-Taqsima 1.7, l-assoċjazzjoni ta’ produtturi-esportaturi, CEP u CNFPIA kkontestaw id-deċiżjoni li tabbanduna t-teħid ta’ kampjuni u l-fatt li l-Kummissjoni konsegwentement stabbiliet marġni wieħed biss għall-importazzjonijiet kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Jiangshan Wood li rċeviet marġni ta’ dumping individwali. Dawn il-partijiet talbu lill-Kummissjoni biex tikkalkula mill-ġdid ir-rata ta’ dazju residwu abbażi biss tal-marġni tad-dumping ta’ Jiangshan Wood. Is-CNFPIA sostniet b’mod partikolari li kien inġust u mhux raġonevoli li l-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun, li ppreżentaw il-formoli tal-kampjunar fil-ħin, għandhom l-istess dazju bħall-kumpaniji li ma kkooperawx. Fil-fehma tagħha, il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun, li ppreżentaw il-formoli tal-kampjunar fil-ħin, kellhom ikollhom l-istess dazju anti-dumping ta’ Jiangshan Wood. Hija reġgħet issottomettiet l-istess pretensjoni wara d-divulgazzjoni finali. Is-CNFPIA talbet ukoll lill-Kummissjoni biex tiddivulga l-lista ta’ produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun, li ppreżentaw formoli tal-kampjunar fil-ħin, u biex tiddivulga l-kalkolu dettaljat tad-dazju għall-“Importazzjonijiet l-oħrajn kollha” sabiex tkun tista’ tikkummenta. Wara d-divulgazzjoni finali, il-PTIA sostniet ukoll li kwalunkwe kumpanija li mliet il-formola tal-kampjunar jenħtieġ li tissemma f’anness separat inkella d-drittijiet tad-difiża tagħha biex tikkontesta s-sejbiet tal-Kummissjoni quddiem il-qrati tal-UE huma affettwati b’mod negattiv.

(162)

Il-Kummissjoni fakkret li l-objettiv li ma jiġix stabbilit id-dazju residwu abbażi tal-marġni tad-dumping tal-unika parti li kkooperat mill-partijiet inizjalment inklużi fil-kampjun ma kienx li jiġu ppenalizzati l-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, iżda pjuttost li jiġi stabbilit dazju bbażat fuq l-aħjar data disponibbli, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-kumpaniji inizjalment inklużi fil-kampjun. Il-Kummissjoni ma qablitx li r-rata tad-dazju għall-produtturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun kellha tiġi stabbilita abbażi tar-rata tad-dazju għal Jiangshan Wood. L-istabbiliment tal-marġni tad-dumping għall-importazzjonijiet kollha abbażi biss tad-data ta’ kumpanija waħda seta’ ma rriżultax f’marġni ta’ dumping rappreżentattiv, peress li f’dan il-każ speċifiku, l-esportazzjonijiet ta’ Jiangshan Wood lejn l-Unjoni kienu jammontaw biss għal madwar 5 % tal-esportazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni. Dan huwa differenti minn sitwazzjoni fejn il-marġni tad-dumping għall-kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw huwa bbażat fuq kampjun li huwa rappreżentattiv biżżejjed. F’dan il-każ, il-kampjunar ġie abbandunat, u għalhekk ma seta’ jiġi kkalkulat l-ebda dazju medju fil-kampjun għall-kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw.

(163)

Il-Kummissjoni fakkret ukoll li, fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni, id-dazju residwu kien diġà bbażat fuq id-data tal-produtturi esportaturi kollha peress li l-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu bbażati fuq l-istatistika tal-Eurostat. Fir-rigward tal-valur normali, intużat id-data ta’ Jiangshan. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset dan bħala metodu raġonevoli u akkurat biex tiġi kkalkulata r-rata tad-dazju residwu u għalhekk ċaħdet l-asserzjoni.

(164)

Fir-rigward tat-talba għad-divulgazzjoni tal-lista ta’ kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni fakkret li t-tweġibiet għall-kampjunar tal-kumpaniji setgħu jiġu kkonsultati fil-fajl miftuħ. Il-lista tal-kumpaniji tkun parti biss minn Regolament f’każ li dawn il-kumpaniji jiksbu kodiċi TARIC u rata ta’ dazju individwali, li ma kienx il-każ. Barra minn hekk, il-fatt li l-kumpaniji ma kinux elenkati f’anness separat ma affettwax id-dritt tal-kumpaniji li jikkontestaw is-sejbiet tal-Kummissjoni fil-Qrati tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma qablitx li hija jenħtieġ li tagħmel divulgazzjoni speċifika ta’ lista ta’ produtturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun.

(165)

Fir-rigward tal-kalkoli, il-Kummissjoni qieset li dawn ma setgħux jiġu ddivulgati, peress li l-kalkoli kienu bbażati fuq il-valur normali ta’ Jiangshan Wood. Għalhekk, id-divulgazzjoni tiżvela data kunfidenzjali tal-kumpanija. Madankollu, il-Kummissjoni saħqet li l-metodu dwar kif ġie stabbilit il-livell tad-dazju għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha kien dettaljat biżżejjed fit-Taqsima 3.5 tar-Regolament provviżorju, li ppermetta lill-partijiet jagħmlu kummenti. Il-Kummissjoni għalhekk ċaħdet l-asserzjoni li kellu jiġi divulgat kalkolu dettaljat tad-dazju għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha.

(166)

Wara d-divulgazzjoni finali, Saintland Wood sostniet li ma kienx raġonevoli li jiġu stabbiliti żewġ livelli tad-dazju anti-dumping, wieħed għal Jiangshan Wood, u t-tieni wieħed għall-kumpaniji l-oħra kollha, u li l-Kummissjoni għandha pjuttost tikkunsidra li l-kumpaniji li ma kkooperawx aġixxew bħala Jiangshan Wood. Hija semmiet li minkejja li xi kumpaniji ma kinux lesti li jikkooperaw, huma saru soġġetti għal miżuri punittivi.

(167)

Il-Kummissjoni l-ewwel fakkret li d-dazju residwu ma kienx mistenni li jkollu effett inġust. F’każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda għażla oħra ħlief li tibbaża s-sejbiet tagħha fuq “fatti disponibbli” u li f’dan il-każ partikolari, id-dazju kien jirrifletti l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi kollha li ma kkooperawx, u għalhekk, il-metodu rrifletta b’mod aktar preċiż l-imġiba fuq il-produtturi li ma kkooperawx milli kieku d-dazju kien ibbażat biss fuq id-data ta’ Jiangshan Wood. Il-Kummissjoni fakkret li dan ġie spjegat fid-dettall hawn fuq fit-Taqsima 1.6.2. L-affermazzjoni ġiet għalhekk miċħuda.

3.5.2.2.   Kummenti dwar il-livell tal-marġni tad-dumping u d-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni

(168)

L-ilmentatur sostna li kemm il-marġni tad-dumping ta’ Jiangshan Wood, kif ukoll għall-produtturi l-oħra fiċ-Ċina, kien baxx ħafna, meta wieħed iqis id-distorsjonijiet tas-suq li jinstabu fiċ-Ċina fl-industrija tal-plywood, u l-livelli baxxi ħafna tal-ipprezzar disponibbli b’mod wiesa’ għall-importazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni. Huwa argumenta li l-marġnijiet tad-dumping kienu wkoll ħafna aktar baxxi meta mqabbla mal-livelli ta’ eliminazzjoni tad-dannu li sabet il-Kummissjoni. Għalhekk, il-livelli tad-dazji provviżorji ma kinux suffiċjenti biex joħolqu kundizzjonijiet ekwi u jippermettu lill-produtturi tal-Unjoni jirkupraw mid-dannu materjali. L-ilmentatur argumenta wkoll li, fid-dawl tal-livell baxx ħafna ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tapplika l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li tgawdi f’każijiet ta’ difiża tal-kummerċ u tapplika l-ogħla dazju anti-dumping possibbli għall-produtturi Ċiniżi l-oħra kollha li ma kkooperawx.

(169)

L-ilmentatur argumenta wkoll li, abbażi tal-informazzjoni fil-fajl miftuħ (bħall-formola tal-kampjunar jew in-noti dwar il-fatturi ta’ produzzjoni), Jiangshan Wood tesporta l-aktar il-luq, li kien l-irħas plywood tal-injam iebes bil-bosta meta mqabbel ma’ tipi oħra ta’ plywood. Huwa indika l-fatt li l-prezz tal-esportazzjoni kien iddeterminat prinċipalment abbażi tal-importazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni, inkluż il-plywood irħas tal-luq iżda wkoll il-plywood ogħla tal-ewkaliptu u tal-betula. L-ilmentatur issottometta d-differenzi fil-prezzijiet abbażi tad-data tal-Eurostat li turi d-differenza fil-prezz. Għalhekk, huwa talab lill-Kummissjoni biex tbiddel l-approċċ billi taġġusta l-prezz tal-esportazzjoni u billi tuża biss il-prezz tal-esportazzjoni għall-plywood tal-luq, peress li huwa kien iħoss li dan il-metodu jirrifletti aħjar l-imġiba tad-dumping tal-esportaturi li ma kkooperawx.

(170)

Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-ilmentatur, Jiangshan Wood kienet tesporta lejn l-Unjoni mhux biss il-luq iżda wkoll tipi oħra aktar għaljin ta’ plywood bħall-ewkaliptu u l-betula. Għalhekk, ma kienx iġġustifikat li l-prezz tal-esportazzjoni jiġi bbażat biss fuq l-esportazzjonijiet tal-plywood tal-luq, peress li tipi oħra ta’ plywood aktar għaljin kienu jirrappreżentaw sehem suffiċjenti fl-esportazzjonijiet ta’ Jiangshan Wood. Dawn l-ishma tal-injam tal-luq u ta’ tipi oħra aktar għaljin esportati minn Jiangshan Wood kienu komparabbli mal-ishma fl-importazzjonijiet globali tal-plywood tal-injam iebes fl-Unjoni mir-RPĊ, li kkonferma li l-użu tal-istatistika tal-Eurostat biex jiġi stabbilit il-prezz tal-esportazzjoni f’dan il-każ kien raġonevoli u akkurat. Il-Kummissjoni għalhekk sostniet li l-metodu li użat biex tistabbilixxi l-marġni tad-dumping għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha ma wassal għall-ebda asimmetrija u kien akkurat u raġonevoli. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.

3.5.2.3.   Marġni tad-dumping definittiv għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha

(171)

Wara r-reviżjoni tal-valur normali ta’ Jiangshan Wood kif dettaljat fit-Taqsima 3.2, il-marġni tad-dumping definittiv għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha, espress bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, assigurazzjoni u nol (CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huwa kif ġej:

 

Dazju anti-dumping definittiv (%)

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha

86,8

4.   DANNU

(172)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA rrimarkat li l-Kummissjoni bbażat fuq data minn kwestjonarju makro mill-Federazzjoni Ewropea tal-Panel (“EPF, European Panel Federation”) fil-premessa (247) tar-Regolament provviżorju mingħajr ma semmiet is-sorsi tad-data.

(173)

Il-Kummissjoni rreferiet lill-PTIA għall-verżjoni pubblika tat-tweġiba għall-kwestjonarju makro (88) li hija nnifisha tirreferi għal informazzjoni kunfidenzjali mill-EPF. It-tweġiba għall-kwestjonarju tal-EPF ġiet ivverifikata u r-rapport kien disponibbli fil-fajl pubbliku (89).

(174)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA talbet lill-Kummissjoni biex tindika b’mod ċar liema kumpaniji ġew inklużi taħt it-terminu “Ilmentatur”.

(175)

Il-Kummissjoni ddefiniet it-terminu “Ilmentatur” fil-premessa (2) tar-Regolament provviżorju.

(176)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA sostniet li l-analiżi tad-dannu kienet difettuża minħabba li ma kinitx tinkludi analiżi għal kull speċi ta’ injam iebes.

(177)

L-asserzjoni ġiet miċħuda għar-raġuni li fid-dawl tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, ara l-premessi (45) u (46) tar-Regolament provviżorju, analiżi separata tad-dannu għal kull speċi differenti ma kinitx iġġustifikata. Barra minn hekk, l-ispeċijiet ewlenin, jiġifieri l-luq, il-betula u l-ewkaliptu, ġew eżaminati, kemm fl-analiżi tad-dannu kif ukoll f’dik tad-dumping.

(178)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-PTIA tenniet li ma setgħetx tagħmel analiżi bir-reqqa u sinifikanti tal-ilment minħabba trattament kunfidenzjali eċċessiv u mhux ġustifikat. L-aggregazzjoni tal-indikaturi tad-dannu għad-disa’ ilmentaturi ma kinitx ġustifikata, li ppermettiet lill-PTIA tara x-xejriet iżda tipprevjeni l-verifika tad-data fi snin individwali jew tivverifika l-indikaturi tad-dannu għall-konsistenza. Il-PTIA sostniet li l-istandard legali oġġettiv għat-trattament kunfidenzjali tal-indikaturi tad-dannu ma ġiex issodisfat.

(179)

Il-Kummissjoni ikkonfermat is-sejbiet tagħha fil-premessa (13). L-ilment kien jinkludi biżżejjed evidenza dwar il-fatturi ta’ dannu, kif kien raġonevolment disponibbli. Id-divulgazzjoni ta’ din id-data fil-fajl miftuħ f’format aggregat laħqet bilanċ adegwat bejn id-dritt tal-ilmentatur għat-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni u d-dritt tad-difiża tal-partijiet interessati. Id-data ppermettiet analiżi tax-xejriet fl-indikaturi tad-dannu li jipprovdu biżżejjed evidenza għad-determinazzjoni prima facie tad-dannu fil-bidu. Il-Kummissjoni nnotat li d-determinazzjoni prima facie pożittiva tagħha tal-eżistenza ta’ dannu fil-bidu ġiet ikkonfermata kemm fl-istadju provviżorju kif ukoll f’dak definittiv tal-investigazzjoni.

(180)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-PTIA sostniet li f’każ li l-Kummissjoni kompliet tqis li d-definizzjoni tal-prodott kienet korretta u konsistenti mal-plywood tal-betula mill-każ tar-Russja, jenħtieġ li titwettaq analiżi tad-dannu segmentata.

(181)

Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument minħabba li l-PTIA ma ddefinixxietx is-segmenti preċiżi li kellhom jiġu analizzati separatament, u lanqas ma pprovdiet evidenza tal-eżistenza tagħhom u tal-linji ta’ diviżjoni ċari bejniethom. F’dan ir-rigward, referenza għas-sentenza tal-Qorti fil-każ tal-plywood tal-betula mir-Russja li ddistingwiet il-luq, il-betula u l-fagu bħala speċijiet tal-injam użati għall-fuljetta tal-wiċċ ma tqisitx suffiċjenti jew preċiża biżżejjed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet fil-premessa (53), (64), (74) u (242) li l-plywood tal-betula u tal-ewkaliptu, kif ukoll il-plywood tal-ewkaliptu u tal-fagu kienu interkambjabbli u, għalhekk, kien hemm kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ prodotti daqstant simili. Dawn is-sejbiet speċifiċi ma ġewx ikkontestati mill-partijiet interessati. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(182)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (246) sa (247) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(183)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment dwar il-konsum tal-Unjoni, il-premessi (248) sa (250) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.3.1.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(184)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CEP, assoċjazzjoni ad hoc tal-produtturi Ċiniżi, argumentat li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-2023 u fil-PI kellu jirriżulta f’żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet. Minflok, il-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina naqas fl-2023 meta mqabbel mal-2022, is-sena ta’ qabel, u żdied biss marġinalment fil-PI.

(185)

L-argument ma ntlaqax, minħabba li l-volum tal-importazzjonijiet kien affettwat minn diversi fatturi oħra minbarra l-prezzijiet biss. Fl-2022, tali fatturi kienu t-tneħħija tal-plywood Russu u Belarussu mis-suq tal-Unjoni permezz ta’ sanzjonijiet u l-aspettattiva ta’ rkupru ekonomiku wara l-pandemija tal-COVID-19 fejn l-ordnijiet żdiedu b’mod sinifikanti. Dawn il-fatturi żiedu l-kwantità tal-importazzjonijiet miċ-Ċina fl-2022. L-effett ta’ dawk il-fatturi, madankollu, kien inqas evidenti fis-snin ta’ wara, u b’hekk l-importazzjonijiet l-ewwel naqsu fl-2023 qabel ma żdiedu fil-PI.

4.3.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u twaqqigħ tal-prezz

(186)

Fl-assenza ta’ kummenti rigward il-prezzijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-premessi (258) sa (260) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

(187)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA kkontestat ir-rappreżentattività tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz billi argumentat li l-plywood tal-ewkaliptu b’wiċċ miksi b’rita importat ma setax jitqabbel mal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u jenħtieġ li jiġi miċħud mill-ambitu tal-prodott kif spjegat u indirizzat fit-Taqsima 2.1.2. Jekk iċ-ċaħda mill-ambitu tal-prodott tiġi miċħuda, il-PTIA talbet lill-Kummissjoni tiżgura tqabbil ġust billi tqis id-differenza fil-prezz bejn il-karatteristiċi strutturali u dawk mhux strutturali fil-kalkoli.

(188)

Il-Kummissjoni sabet li l-maġġoranza l-kbira tal-plywood tal-injam iebes b’wiċċ miksi b’rita tar-RPĊ importat kien luq u ewkaliptu, filwaqt li l-produtturi lmentaturi tal-Unjoni fil-kampjun kienu jipproduċu plywood tal-injam iebes b’wiċċ miksi b’rita billi jużaw l-aktar il-betula. Kien hemm differenza fil-prezz fil-prodott li jirriżulta minħabba l-varjanza fil-prezz tal-materja prima użata. Għalhekk, il-Kummissjoni wettqet aġġustament tal-kwalità, ibbażat fuq id-differenza fil-prezz bejn il-prezz medju tax-xiri mħallas matul il-PI taz-zkuk tal-luq u tal-betula fl-UE, sabiex tqabbel b’mod sinifikanti t-tipi korrispondenti ta’ plywood tal-injam iebes miksi b’rita prodott mill-industrija tal-Unjoni u importat mir-RPĊ. Ir-riżultat tal-aġġustament kien tnaqqis fil-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz minn 46,3 % għal 32,3 % u tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz minn 144,37 % għal 93,16 % għal Jiangshan Wood u tnaqqis korrispondenti minn 192,7 % għal 185,9 % għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha mir-RPĊ.

4.4.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Kummenti ġenerali

(189)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar rimarki ġenerali, il-premessi (264) sa (268) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(190)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CEP argumentat li l-kapaċità tal-produzzjoni baqgħet stabbli u li tnaqqis fil-produzzjoni ta’ 11 % matul il-perjodu kkunsidrat kien normali.

(191)

L-argument ġie miċħud, peress li tnaqqis ta’ 11 % fil-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-2021 sal-PI, speċjalment fid-dawl tal-vojt fis-suq li nħoloq bis-sanzjonijiet kontra r-Russja u l-Belarussja, kien ta’ detriment għall-industrija tal-Unjoni.

(192)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA sostniet li l-użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni kien stabbli.

(193)

Il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni minħabba li l-użu tal-kapaċità naqas b’9 % mill-2021 sal-PI.

(194)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA sostniet li kien żbaljat għall-Kummissjoni li tqis fil-premessa (270) tar-Regolament provviżorju li l-industrija tal-Unjoni setgħet żiedet il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha biex timla parti mill-vojt fis-suq li nħoloq bil-projbizzjoni tal-plywood tal-injam iebes Russu u Belarussu fl-2022.

(195)

Wara l-impożizzjoni tal-projbizzjoni fuq il-plywood tal-injam iebes Russu u Belarussu, l-industrija tal-plywood tal-Unjoni li kellha kapaċità kbira ta’ produzzjoni żejda kellha aspettattiva ġustifikata li d-domanda għall-plywood tal-injam iebes setgħet iddur għall-prodotti tagħha stess. Minflok, mill-inqas parzjalment, dik id-domanda ġiet fornuta minn importazzjonijiet Ċiniżi li huma dannużi kif ukoll l-oġġett ta’ dumping. Id-disponibbiltà ta’ materja prima għal tali żieda, ikkontestata mill-PTIA, ma tqisx il-ħsad tal-pjantaġġuni ta’ riżerva u l-kummerċ taz-zkuk u l-fuljetta.

(196)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA nnotat li użu tal-kapaċità ta’ 66 % kien realistiku għall-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, is-CEP sostna li l-użu tal-kapaċità kien diġà baxx fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat, fl-2021. Għalhekk, it-tnaqqis sussegwenti tiegħu ma setax jiġi attribwit għall-importazzjonijiet miċ-Ċina iżda għal nuqqas ġenerali ta’ għarfien kummerċjali tal-industrija tal-Unjoni.

(197)

Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-argumenti, dawn ma kienu sostnuti minn ebda evidenza.

4.4.2.2.   Kwantità ta’ bejgħ u sehem mis-suq

(198)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-kwantità tal-bejgħ, il-premessi (273) sa (275) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

(199)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA nnotat li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kien żdied. Hija argumentat li l-ispjegazzjoni pprovduta fil-premessa (276) tar-Regolament provviżorju li l-esklużjoni ta’ prodotti tal-plywood tal-injam iebes Russu u Belarussu mis-suq tal-Unjoni wasslet għal tnaqqis fil-konsum kienet illoġika peress li plywood Russu illegali kompla jidħol fis-suq tal-Unjoni kif muri mill-konklużjonijiet tal-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni tal-plywood tal-injam iebes tal-betula mill-Każakistan u t-Turkija (90) (“l-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni”). Il-PTIA sostniet ukoll li t-tnaqqis fil-konsum kien pjuttost marbut ma’ normalizzazzjoni tad-domanda wara l-irkupru ekonomiku ta’ wara l-Covid.

(200)

L-asserzjoni ġiet miċħuda minħabba li fl-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni, instabet evidenza li 130 900 m3 ta’ plywood tal-injam iebes Russu ġew importati mill-Każakistan u t-Turkija f’Lulju 2022 – Ġunju 2023, li kien inqas minn 10 % tal-ammont importat mir-Russja u l-Belarussja fl-2021, jiġifieri l-aħħar sena qabel l-introduzzjoni tas-sanzjonijiet. Għalhekk, jekk kien hemm spostament tal-importazzjonijiet mir-Russja u l-Belarussja għal kunsinni mill-Każakistan u t-Turkija, dan kien biss limitat.

(201)

Fi kwalunkwe każ, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 12 % jew aktar minn 165 000 m3 bejn l-2021 u l-perjodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu b’16 % u b’aktar minn 100 000 m3 fl-istess perjodu. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied b’25 % bejn l-2021 u l-perjodu ta’ investigazzjoni iżda dak tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied b’67 % fl-istess perjodu. Fuq din il-bażi, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.

4.4.2.3.   Tkabbir

(202)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar it-tkabbir, il-premessa (278) tar-Regolament provviżorju ġiet ikkonfermata.

4.4.2.4.   Impjiegi u produttività

(203)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CEP argumentat li l-livell ta’ impjieg tal-industrija tal-Unjoni kien stabbli u li l-produttività tagħha wriet żvilupp pożittiv.

(204)

L-argumenti ġew miċħuda, minħabba li t-tnaqqis ta’ 2 % fl-impjiegi, it-tnaqqis ta’ 11 % fil-volum tal-produzzjoni u t-tnaqqis ta’ 9 % fil-produttività kienu juru deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni pjuttost milli jindikaw stabbiltà jew titjib kif argumentat mis-CEP. Il-Kummissjoni fakkret ukoll li l-analiżi tad-dannu tagħha ma kinitx sempliċement statika, li tqabbel biss il-punti finali iżda wkoll dinamika, li tanalizza x-xejra bejn il-punti finali wkoll. F’dan il-każ, l-analiżi dinamika tad-data dwar l-impjiegi, il-volum tal-produzzjoni u l-produttività kkonfermat l-eżistenza ta’ dannu materjali.

4.4.2.5.   Daqs tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping fil-passat

(205)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru mid-dumping fil-passat, il-premessi (283) sa (284) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(206)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA ssottolinjat li ż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni bejn l-2021 u l-2023 uriet li ma kien hemm l-ebda dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(207)

Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument minħabba li ż-żieda fil-prezz tal-bejgħ ġiet paċuta miż-żieda sinifikanti fil-kostijiet tal-produzzjoni. Id-depressjoni tal-prezzijiet mill-importazzjonijiet wasslet għat-telf tal-profittabbiltà mill-industrija tal-Unjoni, li jindika dannu materjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset ukoll li jenħtieġ li l-konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni ma jkunux ibbażati fuq ċerti indikaturi tad-dannu meħuda waħedhom, iżda pjuttost fuq valutazzjoni tal-evoluzzjoni tas-sett kollu ta’ indikaturi tad-dannu matul il-perjodu kkunsidrat.

4.4.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(208)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-kostijiet lavorattivi, il-premessi (289) u (290) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.3.3.   Inventarji

(209)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA sostniet li ż-żieda fil-livell tal-istokk għandha titqies bħala immaterjali peress li, meta espressa bħala perċentwal tal-produzzjoni, żdiedet biss minn 1,74 % fl-2021 għal 2,43 % fil-PI.

(210)

Il-Kummissjoni nnotat li l-PTIA ma kkontestatx li kien hemm żieda fl-istokkijiet kemm f’termini relattivi kif ukoll f’termini assoluti, kif ivvalutat mill-Kummissjoni. It-2,43 % tal-istokkijiet tal-plywood tal-injam iebes mhux mibjugħ fil-PI, ittikkettati “immaterjali” mill-PTIA, f’termini reali ammontaw għal 44 504 m3 tal-prodott li qed jiġi investigat, jiġifieri aktar mill-ammont ta’ plywood tal-betula mir-Russja li nstab li kien qed jiġi evitat mit-Turkija fl-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni. Barra minn hekk, kwalunkwe żieda fl-istokks tirrappreżenta spiża għad-detentur tagħha li jeħtieġ li tiġi ffinanzjata. Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument.

4.4.3.4.   Profittabilità, fluss tal-flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(211)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA esprimiet tħassib dwar ir-rappreżentattività tal-profittabbiltà tal-kumpaniji inklużi fil-kampjun. Hija identifikat ċerti produtturi tal-plywood tal-betula li rrapportaw riżultati tajbin fil-perjodu kkunsidrat. Il-PTIA argumentat li ma setgħetx tikkummenta dwar liema speċijiet tal-injam se jiġu affettwati aktar bil-miżuri minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet analiżi għal kull segment.

(212)

Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument minħabba li l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni ġiet ivvalutata billi ġie eżaminat kampjun rappreżentattiv debitament magħżul ta’ produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat. Ir-rappreżentattività tiegħu ma ġietx ikkontestata mill-partijiet interessati fl-istadju tal-kampjunar. Barra minn hekk, il-produtturi tal-Unjoni, inklużi dawk imsemmija mill-PTIA, ma kinux jimmanifatturaw il-prodott li qed jiġi investigat biss, u għalhekk l-ambitu tal-investigazzjoni kien aktar dejjaq mir-riżultati finanzjarji ppubblikati tagħhom. Il-Kummissjoni ddeterminat fil-premessa (55) tar-Regolament provviżorju li l-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi tal-plywood magħmul mill-ispeċijiet kollha ta’ injam iebes kienu l-istess u kienu jiffurmaw kategorija waħda ta’ prodotti, u b’hekk ma kinitx meħtieġa analiżi għal kull segment. Id-determinazzjoni dwar il-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi tal-plywood tal-injam iebes minn speċijiet differenti ġiet ikkontestata mill-PTIA abbażi tas-sejbiet u d-deċiżjoni tal-Qorti fil-każ tal-plywood tal-betula tar-Russja iżda ġiet miċħuda fil-premessi (55) u (56) tar-Regolament provviżorju u l-premessa (52), hawn fuq. Fuq din il-bażi, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(213)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA sostniet li l-prezzijiet tal-Unjoni ma kinux imnaqqsa u li l-kwistjonijiet ta’ profittabbiltà rriżultaw minn żidiet fil-kost tal-produzzjoni. Il-PTIA sostniet li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdiedu fil-PI skont ir-realtà tas-suq li wassal għal telf ta’ profittabilità, u li l-volum tal-bejgħ tal-Unjoni segwa t-tnaqqis ġenerali fil-konsum. Il-PTIA argumentat li l-Kummissjoni żbaljat meta attribwiet it-tnaqqis fil-konsum għall-projbizzjoni tal-plywood Russu u Belarussu minħabba li l-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni wriet li l-plywood tal-betula Russu kompla jidħol fis-suq tal-Unjoni.

(214)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza ġdida, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha fil-premessa (285) – (288) tar-Regolament provviżorju. L-argument relatat mat-tnaqqis fil-konsum ġie indirizzat fil-premessa (200).

(215)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA sostniet li ma hemm l-ebda parametru referenzjarju ta’ investiment li juri s-saħħa ta’ industrija, l-industrija tal-plywood tal-injam iebes ma hijiex intensiva fil-kapital u nnotat li l-investimenti bejn l-2023 u l-PI żdiedu bi 8 %.

(216)

Il-Kummissjoni sostniet is-sejba tagħha fil-premessa (296) tar-Regolament provviżorju li l-investiment mill-industrija tal-Unjoni naqas b’31 % matul il-perjodu kkunsidrat. L-eżistenza ta’ parametru referenzjarju u l-intensità tal-kapital tal-industrija tal-plywood tal-injam iebes kienu irrilevanti minħabba li dawn l-indikaturi tad-dannu ma ġewx analizzati separatament iżda bħala parti minn analiżi akbar tal-indikaturi tad-dannu materjali, li jfisser li anke mingħajr parametru referenzjarju jew valutazzjoni tal-intensità tal-kapital tal-industrija, ix-xejra tat-tnaqqis fl-investiment appoġġat pjuttost milli ċaħdet l-eżistenza ta’ dannu materjali.

4.5.   Konklużjoni dwar id-dannu

(217)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA sostniet li għar-raġunijiet diskussi hawn fuq, l-indikaturi tad-dannu ma appoġġawx il-konklużjoni provviżorja tal-Kummissjoni li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu.

(218)

Il-Kummissjoni indirizzat l-asserzjonijiet mill-PTIA fir-rigward ta’ għadd ta’ indikaturi tad-dannu hawn fuq, ara l-premessi (172) sa (177), (187) sa (188), (192) sa (196), (199) u (200), (206) sa (207), u (209) sa (210). Bl-eċċezzjoni tal-kumment dwar it-twaqqigħ tal-prezz, l-asserzjonijiet tal-PTIA ġew miċħuda. Madankollu, il-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz ikkalkulati mill-ġdid baqgħu għoljin, ara l-premessa (188).

(219)

Il-Kummissjoni, għalhekk, żammet il-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(220)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA sostniet li l-Kummissjoni ma vvalutatx b’mod xieraq l-impatt taż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet u li ma kien hemm l-ebda żieda sinifikanti fil-volum tal-importazzjoni ta’ oriġini Ċiniża fir-rigward tal-konsum jew tal-kwantità tal-produzzjoni fl-2023 u fil-PI. L-importazzjonijiet laħqu l-ogħla livell fl-2022 b’żieda ta’ 32 % iżda, fl-2023 u fil-PI, l-importazzjonijiet kienu biss 11 % u 16 % ogħla milli kienu fl-2021, rispettivament. Il-PTIA kkontestat id-dikjarazzjoni fil-premessa (324) tar-Regolament provviżorju li l-manifatturi Ċiniżi kienu qegħdin “kontinwament iżidu l-volumi tal-importazzjoni tagħhom bi prezzijiet ferm aktar baxxi”.

(221)

Il-Kummissjoni, meta vvalutat il-volum tal-importazzjonijiet u l-impatt tagħhom fuq il-prezzijiet, sabet li żieda sinifikanti fil-volum tal-importazzjonijiet fl-2022, kienet segwita minn żieda aktar moderata fl-2023 u fil-PI meta mqabbla mal-2021, bi prezzijiet li kienu qed jonqsu drastikament. Dawn ix-xejriet, madankollu, komplew jindikaw l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet miċ-Ċina u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. L-importazzjoni ta’ plywood tal-injam iebes miċ-Ċina fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni żdiedet minn 18 % fl-2021, għal 26 % fl-2022, u 29 % fl-2023, u reġgħet żdiedet għal 31 % fil-PI. Fir-rigward tal-produzzjoni tal-Unjoni, il-perċentwal tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien ta’ 37 % fl-2021 li żdied għal 49 %, 44 % u 48 % fl-2022, fl-2023 u fil-PI, rispettivament. L-argument, għalhekk, ġie miċħud.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

(222)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA sostniet li ż-żieda aktar sinifikanti fil-kostijiet tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni fir-rigward tal-prezz tal-bejgħ tagħha kienet ir-riżultat ta’ avvenimenti straordinarji bħaż-żieda fil-kost tal-materja prima, il-gwerra fl-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija li rriżultat.

(223)

Il-Kummissjoni sabet li l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi żżid il-prezzijiet ogħla mill-kostijiet tal-produzzjoni tagħha fl-2022. Madankollu, wara din iż-żieda, il-prezzijiet tal-bejgħ naqsu u baqgħu taħt il-livell tal-kostijiet tal-produzzjoni. Dawn tal-aħħar kienu kostanti fl-2023 u fil-PI. L-element li kellu impatt fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni li juri bidla kien il-volum dejjem jiżdied u t-tnaqqis fil-prezz tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni żammet mal-konklużjoni tagħha li l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu qed jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni.

(224)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CEP argumenta li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ma kinux affettwati mit-tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjoni minħabba li meta l-prezzijiet tal-importazzjoni naqsu b’mod sinifikanti fl-2023, l-industrija tal-Unjoni setgħet iżżid il-prezzijiet.

(225)

Kif diġà ġie stabbilit fil-premessi (306) u (307) tar-Regolament provviżorju, it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi impedixxa lill-industrija tal-Unjoni milli tgħolli l-prezzijiet tagħha ogħla mill-kostijiet tal-produzzjoni tagħha. Il-Kummissjoni sabet li l-asserzjoni tas-CEP, pjuttost milli wriet nuqqas ta’ kawżalità wriet li f’sitwazzjoni ta’ żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni u tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjoni, l-industrija tal-Unjoni ppruvat iżda ma rnexxilhiex tgħolli l-prezzijiet tagħha għal livelli sostenibbli, preċiżament minħabba l-importazzjonijiet bi prezz baxx.

(226)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, biex turi l-allegat nuqqas ta’ rabta kawżali, il-PTIA rreferiet għad-data dwar il-kost tal-produzzjoni mill-każ tal-plywood tal-betula mir-Russja (91), fejn Paged, wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun f’dan il-każ kien ukoll parti mill-kampjun.

(227)

Ir-referenza tqieset irrilevanti minħabba li kienet tikkonċerna każ b’perjodu ta’ investigazzjoni u ambitu tal-prodott differenti.

(228)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-PTIA sostniet li ż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet tant qawwija li ma setgħetx tiġi mgħoddija lill-klijenti b’mod sħiħ fil-forma ta’ żidiet fil-prezzijiet. Kien il-pass taż-żieda fil-kostijiet aktar milli l-preżenza ta’ importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx li żammew lill-industrija tal-Unjoni milli tgħolli l-prezzijiet għal livell profittabbli.

(229)

Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument minħabba li ż-żieda radikali fil-kostijiet tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-2022 meta mqabbla mas-sena 2021, kienet akkumpanjata minn żieda korrispondenti fil-prezz, li turi li tal-ewwel setgħet tiġi mgħoddija lill-konsumaturi. Barra minn hekk, żieda ħafna iżgħar fil-kostijiet tal-produzzjoni fl-2023 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni ma setgħetx tiġi mgħoddija u dan wassal għal sitwazzjoni fejn il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni saret negattiva, kif iddikjarat fil-premessa (288) tar-Regolament provviżorju.

5.3.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(230)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA u s-CEP attribwew id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni għat-tnaqqis fil-prestazzjoni tal-esportazzjoni tagħha.

(231)

Il-Kummissjoni sabet li aktar minn 80 % tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni sar fl-Unjoni u li l-esportazzjonijiet kienu profittabbli matul il-perjodu kkunsidrat. Minħabba s-sehem tal-bejgħ tal-esportazzjoni, it-tnaqqis tagħhom ma tqiesx li jnaqqas ir-rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet Ċiniżi li huma l-oġġett ta’ dumping.

5.4.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(232)

Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt tal-fatturi magħrufin kollha, filwaqt li qieset il-kummenti tal-partijiet interessati, u kkonkludiet li dawk il-fatturi ma naqqsux ir-rabta kawżali. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet fil-premessi (332) sa (334) tar-Regolament proviżorju li kien hemm rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina.

6.   LIVELL TAL-MIŻURI

(233)

F’dan il-każ, l-ilmentatur sostna l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tal-materja prima skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, sabiex titwettaq il-valutazzjoni fuq il-livell xieraq ta’ miżuri, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet l-ammont ta’ dazju neċessarju biex jiġi eliminat id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ distorsjonijiet skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Imbagħad hija eżaminat jekk il-marġni tad-dumping tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ikunx ogħla mill-marġni tad-dannu tagħhom.

6.1.   Marġni tad-dannu

(234)

Abbażi tad-data mill-bażi tad-data Surveillance 2, il-volumi tal-importazzjoni miċ-Ċina matul il-perjodu ta’ erba’ ġimgħat qabel id-divulgazzjoni minn qabel kienu 82 % inqas mill-volumi medji tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni fuq bażi ta’ erba’ ġimgħat. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni.

(235)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma aġġustatx il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu f’dan ir-rigward.

(236)

Kif deskritt fil-premessa (188), il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet tad-dannu. Għalhekk, il-livell finali ta’ eliminazzjoni tad-dannu għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u għall-kumpaniji l-oħrajn kollha huwa kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dannu definittiv (%)

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Pizhou Jiangshan Wood Co., Ltd

93,1

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-RPĊ

185,9

6.2.   Eżami tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni

(237)

Fil-premessa (347) tar-Regolament provviżorju, ġie stabbilit li l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu kienu ogħla mill-marġnijiet tad-dumping.

(238)

Wara r-reviżjoni tal-livelli ta’ eliminazzjoni tad-dannu fl-istadju definittiv, il-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu baqgħu ogħla mill-marġnijiet tad-dumping. Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet li kien xieraq li jiġi ddeterminat l-ammont ta’ dazji definittivi f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku.

7.   KONKLUŻJONI DWAR IL-LIVELL TA’ MIŻURI

(239)

Wara l-valutazzjoni ta’ hawn fuq, id-dazji anti-dumping definittivi jenħtieġ li jiġu stabbiliti kif ġej f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku:

Kumpanija

Marġni tad-dannu definittiv (%)

Marġni tad-dumping definittiv (%)

Livell ta’ dazju definittiv (%)

Pizhou Jiangshan Wood Co., Ltd

93,1

43,3

43,3

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-RPĊ

185,9

86,8

86,8

8.   INTERESS TAL-UNJONI

8.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(240)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA argumentat li mhuwiex fl-interess tal-industrija tal-Unjoni li timponi miżuri fuq il-plywood Ċiniż b’wiċċ miksi b’rita għall-armar tax-xaters, minħabba li, fid-dawl tal-limitazzjonijiet tal-produzzjoni tal-plywood għall-armar tax-xaters fl-UE, mhuwiex ekonomikament vijabbli għall-industrija tal-Unjoni li tipproduċih.

(241)

Il-Kummissjoni nnotat li l-plywood Ċiniż b’wiċċ miksi b’rita jista’ jkollu gradi differenti ta’ durabbiltà, xi wħud jistgħu jintużaw sa għaxar darbiet għall-armar tax-xaters. L-industrija tal-Unjoni pproduċiet plywood b’wiċċ miksi b’rita b’durabbiltà għolja u aktar baxxa bl-użu ta’ speċijiet differenti ta’ injam iebes. Ir-restawr tal-ipprezzar ġust f’din il-parti tas-suq tal-plywood b’wiċċ miksi b’rita huwa b’mod ċar fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

(242)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-plywood b’wiċċ miksi b’rita b’użu mill-ġdid baxx, użat prinċipalment minn ditti tal-kostruzzjoni għall-armar tax-xaters, matul il-verifika tat-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, saret l-asserzjoni li f’każ ta’ pprezzar ġust, il-kumpanija hija kapaċi u lesta li tipproduċih. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda raġuni biex tiddubita din id-dikjarazzjoni speċifika, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-plywood tal-fagu prodott fl-Unjoni jista’ jkun alternattiva vijabbli għall-importazzjonijiet Ċiniżi b’wiċċ miksi b’rita b’użu mill-ġdid baxx, kif spjegat fil-premessa (73). L-argument, għalhekk, ġie miċħud.

8.2.   Interess ta’ importaturi mhux relatati

(243)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, ISB, importatur mhux relatat tal-Unjoni inkluż fil-kampjun, argumenta fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju li l-miżuri jikkawżaw nuqqas fil-provvista tal-prodott u żieda fil-prezz tagħhom għall-konsumatur finali. Altripan, importatur mhux relatat ieħor tal-Unjoni inkluż fil-kampjun, argumenta fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju li l-importaturi u n-negozjanti li jiddependu fuq prodotti ta’ oriġini Ċiniża jiffaċċjaw kostijiet miżjuda, li jwasslu għal marġnijiet imnaqqsa jew prezzijiet ogħla għax-xerrejja downstream. Altripan kien favur l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq il-plywood tal-betula, iżda bħala membru tal-PTIA, argumenta għall-esklużjoni tal-plywood tal-luq u tal-ewkaliptu, indirizzati fit-Taqsima 2.1.1 u t-Taqsima 2.5 tar-Regolament provviżorju. Il-PTIA ssottomettiet ittri ta’ appoġġ mill-importaturi li jopponu l-impożizzjoni tal-miżuri (92). Dawn l-ittri kienu bbażati fuq mudelli komuni u ma kinux appoġġati minn evidenza addizzjonali.

(244)

Il-Kummissjoni qieset li meta l-plywood tal-injam iebes tal-betula mir-Russja u mill-Belarussja ġie pprojbit b’sanzjonijiet fl-2022, il-provvista ġiet sostitwita bi plywood tal-injam iebes tal-ewkaliptu, prinċipalment mir-RPĊ. F’każ li l-miżuri imposti fuq il-plywood tal-injam iebes mir-RPĊ f’din l-investigazzjoni jikkawżaw tfixkil fis-suq tal-Unjoni, l-importaturi se jkunu jistgħu jibbażaw fuq sorsi ta’ provvista fix-Xlokk tal-Asja, l-Afrika jew l-Amerika Latina biex ifornu l-plywood tal-injam iebes biex jissostitwixxu l-importazzjonijiet kurrenti mir-RPĊ, jekk l-importaturi u/jew l-utenti jkunu jixtiequ jibbażaw fuq sors alternattiv ta’ provvista.

(245)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, ISB argumenta li l-provvista limitata ta’ zkuk f’ċerti ċentri ta’ produzzjoni, speċjalment fl-Unjoni, u n-nuqqas tal-kummerċ dinji tagħhom jagħmluha impossibbli li jinstabu sorsi alternattivi għall-volum ta’ plywood tal-injam iebes li bħalissa jiġi fornut miċ-Ċina. Il-PTIA enfasizzat li dan jgħodd b’mod partikolari għall-plywood tal-ewkaliptu fejn l-industrija tal-Unjoni ma għandhiex il-kapaċità li tforni lis-suq tal-Unjoni b’pannelli tal-plywood tal-injam iebes tal-ewkaliptu minħabba n-nuqqas ta’ zkuk tal-ewkaliptu.

(246)

Il-Kummissjoni sabet evidenza ta’ importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ plywood tal-injam iebes tal-ewkaliptu prodott fiċ-Ċina minn zkuk li joriġinaw mill-Urugwaj, li turi li l-kummerċ taz-zkuk kien jeżisti u li l-ammont allegatament limitat ta’ zkuk disponibbli fl-Unjoni seta’ jiġi ssupplimentat bl-importazzjonijiet. Il-PTIA nnifisha sostniet li l-UE tiddependi fuq l-importazzjonijiet għall-produzzjoni tagħha tal-plywood tal-ewkaliptu.

(247)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA sostniet li ma kien hemm l-ebda verifika tat-tweġibiet tal-importaturi mhux relatati tal-Unjoni.

(248)

L-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun li pprovdew tweġiba kompluta għall-kwestjonarju ġew ivverifikati qabel id-divulgazzjoni finali.

(249)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni sostniet li l-benefiċċji ġenerali tal-miżuri kienu akbar mill-impatt negattiv potenzjali għall-importaturi u kkonfermat il-konklużjonijiet fil-premessi (360) sa (361) tar-Regolament provviżorju.

(250)

Wara d-divulgazzjoni finali, Andrex sostniet li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi dazji anti-dumping fuq twavel tal-plywood għall-containers magħmula kompletament mir-rubberwood. Dan il-prodott kien fundamentalment differenti mill-plywood tal-betula, tal-luq jew tal-ewkaliptu mmanifatturat fl-Unjoni. Ma kien hemm l-ebda manifattur tal-UE ta’ plywood tal-ippavimentar tal-containers ta’ 28 mm magħmul mir-rubberwood. Andrex sostniet ukoll li l-miżuri jfixklu l-industrija tat-tiswija tal-kontejners tal-UE, iġiegħlu lill-operaturi jimportaw containers lesti minflok isewwu dawk eżistenti u jimminaw l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari tal-UE skont il-Patt Ekoloġiku.

(251)

Il-Kummissjoni sabet li t-twavel tal-plywood għall-pavimenti tal-containers magħmula kompletament mir-rubberwood kienu alternattiva ta’ kwalità aktar baxxa għall-plywood tal-containers għall-pavimenti magħmul mill-keuring u mill-apitong, żewġ speċijiet tropikali użati ħafna għall-paviment tal-containers tal-aqwa kwalità. It-twavel tal-plywood tal-pavimenti tal-containers magħmula kompletament mir-rubberwood kienu f’kompetizzjoni mal-plywood tal-bambù u mal-kisi tal-azzar għall-pavimenti tal-containers, li jipprovdu alternattivi għall-importaturi tal-partijiet tal-kontejners fl-Unjoni. Il-Kummissjoni identifikat lill-UPM-Kymene Corporation tal-Finlandja bħala attur sinifikanti fl-industrija tal-kontejners u tal-pavimenti tat-trakkijiet fl-Unjoni (93), l-Overseas Hardwood Company fl-Istati Uniti (94) u diversi kumpaniji fl-Indja (95) li jipprovdu sorsi alternattivi ta’ provvista għall-importaturi tal-Unjoni kemm ta’ bords tal-injam iebes tal-kontejners ta’ kwalità għolja kif ukoll ta’ kwalità baxxa. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni fi stadju aktar bikri minn Andrex jew minn kumpaniji oħra li joperaw fis-settur tal-kontejners, u fin-nuqqas konsegwenti ta’ informazzjoni verifikabbli, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonferma l-affermazzjonijiet ta’ Andrex. Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li l-benefiċċji ġenerali tal-miżuri kienu akbar mill-impatt negattiv potenzjali għall-importaturi tal-plywood tal-injam iebes għall-pavimentar tal-containers.

8.3.   Interess tal-utenti

(252)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA, appoġġata mill-ETTF u GD Holz, ilmentat li l-evidenza essenzjali fil-forma ta’ ittri ta’ appoġġ mill-utenti ma ġietx ikkunsidrata fl-istadju provviżorju. Barra minn hekk, il-PTIA ssottomettiet aktar ittri ta’ appoġġ mill-utenti.

(253)

Il-Kummissjoni eżaminat l-ittri ġustifikattivi mill-utenti fl-istadju definittiv. Il-Kummissjoni sabet li l-maġġoranza tal-entitajiet li ppreżentawhom ma rreġistrawx bħala partijiet interessati, xi wħud mill-ittri mimlija bl-idejn ma setgħux jinqraw, oħrajn kienu duplikati abbażi ta’ mudell komuni. L-ebda waħda mill-ittri ma kienet ikkomplementata minn evidenza attwali li tiġġustifkka d-dikjarazzjonijiet li jinsabu fihom. Madankollu, l-oppożizzjoni tal-utenti għall-miżuri, li kienu jirrappreżentaw prinċipalment lill-industrija tal-kostruzzjoni u l-fornituri tagħha u industriji oħra rappreżentati fl-ittri ta’ akkumpanjament, ġiet ikkunsidrata kif xieraq fir-rigward tal-utenti industrijali, pereżempju l-industrija tat-trasport, u l-utenti mhux industrijali, kif spjegat fil-premessa (20) u l-premessa (364) tar-Regolament provviżorju.

(254)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, l-ETTF u l-PTIA argumentaw li l-industrija tal-kostruzzjoni kienet qed titħabat fl-Unjoni, u li s-sitwazzjoni mwiegħra tagħhom kienet se tiggrava biż-żieda fil-kost tal-plywood b’wiċċ miksi b’rita. L-Unjoni trid tiżgura li jiġi garantit dritt universali ġenwin għall-akkomodazzjoni, l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq il-plywood b’wiċċ miksi b’rita miċ-Ċina twassal għal żieda fil-kostijiet tal-kostruzzjoni li huma waħda mill-kawżi ewlenin tal-kriżi tal-akkomodazzjoni tal-UE. Il-PTIA elenkat għadd ta’ passi mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mill-Parlament Ewropew biex jappoġġaw il-pożizzjoni tagħha,

(255)

Il-Kummissjoni eżaminat is-sottomissjoni u sabet li d-determinazzjoni provviżorja tagħha, kif jidher fil-premessa (364) tar-Regolament provviżorju, li l-ispejjeż relatati mal-plywood b’wiċċ miksi b’rita għall-armar tax-xaters fi proġetti tal-kostruzzjoni jammontaw għal porzjon żgħir tal-kostijiet globali, kienet tajba. Għalhekk, kwalunkwe żieda fil-prezz tal-plywood b’wiċċ miksi b’rita importat miċ-Ċina għall-utenti finali, se jkollha biss impatt żgħir fuq l-kost ġenerali u l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni u d-domanda għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Barra minn hekk, is-suq internazzjonali tal-plywood tal-injam iebes kien divers u flessibbli, b’atturi li jvarjaw mill-Indoneżja sal-Urugwaj, li jistgħu jfornu partijiet differenti tas-suq tal-Unjoni bi prezzijiet kompetittivi u ġusti. Barra minn hekk, il-livell tad-dazji imposti f’din l-investigazzjoni ma tqiesx bħala projbittiv sabiex l-importaturi jistgħu jkomplu jakkwistaw minn produtturi esportaturi Ċiniżi bi prezzijiet ġusti.

(256)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-PTIA argumentat li l-Kummissjoni ma ddivulgatx il-kalkoli li jappoġġaw is-sejbiet li l-ispejjeż relatati mal-plywood b’wiċċ miksi b’rita għall-armar tax-xaters fi proġetti ta’ kostruzzjoni kienu jammontaw għal porzjon żgħir tal-kostijiet ġenerali.

(257)

Fl-istadju provviżorju, il-Kummissjoni sabet li għall-biċċa l-kbira tal-utenti industrijali ġeneralment il-kost tal-pannelli tal-plywood tal-injam iebes użati għall-armar tax-xaters għall-kostruzzjoni mhuwiex sinifikanti ħafna fir-rigward tal-kostijiet totali tiegħu, kif imsemmi fil-premessa (364) tar-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni nnotat li l-PTIA ma pprovdietx evidenza għall-kuntrarju. Barra minn hekk, id-determinazzjoni preliminari tal-Kummissjoni li l-kostijiet relatati mal-plywood b’wiċċ miksi b’rita għall-armar tax-xaters kienu baxxi, ma ġietx ikkontestata fl-istadju preliminari minn xi parti interessata. L-aktar importanti, tali sejba ma ġietx ikkontestata mill-partijiet interessati inkluż meta l-kwistjoni tal-impatt tal-miżuri fuq il-proġetti ta’ kostruzzjoni tqajmet mill-Kummissjoni matul iż-żjara ta’ verifika tat-tweġiba għall-kwestjonarju tal-importaturi inklużi fil-kampjun, inkluż membru tal-PTIA. Barra minn hekk, l-ebda kumpanija tal-kostruzzjoni ma rreġistrat bħala parti interessata li tipprovdi evidenza tal-proporzjon eżatt tal-tal-kostiijiet tal-plywood b’wiċċ niksi b’rita għall-armar tax-xaters fil-proġetti tagħha. Minħabba dan ta' hawn fuq, l-argument ġie rifjutat.

(258)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni sostniet li l-benefiċċji ġenerali tal-miżuri kienu akbar mill-impatt negattiv potenzjali għall-utenti u, għalhekk, il-konklużjonijiet fil-premessi (362) sa (364) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

8.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(259)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti biex jiġi deċiż li kien b’mod ċar mhux fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri fuq l-importazzjonijiet ta’ plajwud tal-injam iebes li joriġina miċ-Ċina.

(260)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-PTIA sostniet li fl-istadju provviżorju, il-fehmiet tal-utenti, prinċipalment fis-settur tal-kostruzzjoni, li jappoġġaw il-PTIA ma tqiesu xejn u li ma kien hemm l-ebda analiżi tad-dannu skont is-segment tal-prodott, dawn l-allegati nuqqasijiet irrendew il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni mill-Kummissjoni inadegwata.

(261)

L-argument dwar il-veduti tal-utenti fis-settur tal-kostruzzjoni:ġie ribattut fil-premessi (29) u (253). L-argument dwar in-neċessità ta’ analiżi tad-dannu segmentata ġie ribattut fil-premessi (181) u (212). Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni li l-analiżi tal-interess tal-Unjoni mhijiex adegwata.

(262)

Wara d-divulgazzjoni finali, Saintland Wood sostniet li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li l-prodotti tal-plywood Ċiniżi jiġu sostitwiti b’importazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja u tal-Amerika t’Isfel, fejn, meta mqabbel maċ-Ċina, il-livell ta’ protezzjoni tal-ambjent kien aktar baxx, u l-foresti ma ġewx ġestiti b’mod sostenibbli.

(263)

Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument minħabba li l-għan tal-miżuri mhuwiex li l-plywood Ċiniż jiġi sostitwit b’sorsi oħra iżda li jiġu restawrati kundizzjonijiet ekwi. Il-Kummissjoni nnotat, matul il-verifika ta’ importaturi mhux relatati, li fil-livell tal-kumpaniji individwali, il-kwalifika ta’ Forest Stewardship Council (“FSC”) (96) tal-importazzjonijiet kienet mifruxa minħabba li l-konsumaturi fis-suq tal-Unjoni talbu dan. Jekk l-importazzjonijiet Ċiniżi jiġu sostitwiti bl-Asja tax-Xlokk u l-Amerika t’Isfel, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipanti l-ġodda jiffaċċjaw pressjoni biex jikkonformaw mal-istess rekwiżiti.

9.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

9.1.   Miżuri definittivi

(264)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(265)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Marġni tad-dannu (%)

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Pizhou Jiangshan Wood Co., Ltd

43,3

93,1

43,3

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

86,8

185,9

86,8

(266)

Ir-rata tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikata f’dan ir-Regolament ġiet stabbilita abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, din tirrifletti s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ din il-kumpanija. Għalhekk, din ir-rata tad-dazju hija applikabbli esklussivament għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat u mmanifatturat mill-entità legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”.

(267)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (97). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla fl-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(268)

Sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. L-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali hija applikabbli biss mal-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, jenħtieġ li l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”.

(269)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, din mhijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, ikunu jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-tbaħħir, eċċ.) bl-għan li jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(270)

Jekk l-esportazzjonijiet mill-kumpanija li tibbenefika minn rata ta’ dazju individwali aktar baxxa jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’tali ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni antiċirkomvenzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet sabiex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija ta’ rata/rati tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(271)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, jenħtieġ li d-dazju anti-dumping għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ma japplikax biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(272)

L-istatistika tal-plywood tal-injam iebes spiss tiġi espressa f’m3. Hemm unità supplimentari għall-kodiċijiet NM 4412 31 10 , 4412 31 90 , 4412 33 10 , 4412 33 10 , 4412 33 20 , 4412 33 30 , 4412 33 90 , u 4412 34 00 għall-plywood tal-injam iebes speċifikat fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (98). Għaldaqstant, l-unità supplimentari m3 hija applikabbli għall-kodiċijiet TARIC 4412 31 10 80, 4412 31 90 00, 4412 33 10 12, 4412 33 10 22, 4412 33 10 82, 4412 33 20 10, 4412 33 30 10, 4412 33 90 10 u 4412 34 00 10 u trid tiddaħħal fid-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera. Il-piż f’kg jew tunnellati għandu jiġi indikat indipendentement mill-unità supplimentari (jiġifieri n-numru f’m3).

9.2.   Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji

(273)

Fid-dawl tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, jenħtieġ li l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping proviżorji, imposti bir-Regolament proviżorju, jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament.

9.3.   Retroattività

(274)

Kif imsemmi fit-Taqsima 1.2., il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni soġġetti għar-reġistrazzjoni.

(275)

Matul l-istadju definittiv tal-investigazzjoni, ġiet ivvalutata d-data miġbura fil-kuntest tar-reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni analizzat jekk il-kriterji skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku kinux issodisfati għall-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi.

(276)

Ma kien hemm l-ebda żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet minbarra l-livell tal-importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Meta jitqabblu l-volumi medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni mal-volumi medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar matul il-perjodu mix-xahar ta’ wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni (jiġifieri, Novembru 2024) sa u inkluż ix-xahar li fih ġew imposti l-miżuri provviżorji (jiġifieri, Ġunju 2025), seta’ jiġi osservat tnaqqis ta’ 39 % fil-livell tal-importazzjonijiet fl-Unjoni.

 

Importazzjonijiet mir-RPĊ f’tunnellati

Medja ta’ kull xahar PI

37 798

Medja ta’ kull xahar 11/2024 – 06/2025

22 892

(277)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur sostna li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-kundizzjonijiet għar-retroattività, speċjalment ir-raba’ kundizzjoni fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku, naqset milli tqis l-importazzjonijiet li jaslu fl-Unjoni taħt il-kodiċijiet NM ex 4412 10 00 u ex 4412 39 00 (il-kodiċijiet TARIC 4412 10 00 10 u 4412 39 00 20) li għalihom ġie introdott monitoraġġ wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji u l-Artikolu 1(5) tiegħu.

(278)

Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument minħabba li r-rekwiżit ta’ żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku kien jirreferi għall-prodott investigat. Il-prodotti mmonitorjati, magħmula mill-bambù jew mill-injam artab, kienu barra mill-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni u l-kodiċijiet doganali tagħhom, li nħolqu mir-Regolament provviżorju, ma kinux jeżistu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-bidla allegata tagħhom fix-xejra tal-importazzjoni, għalhekk, ma setgħetx titqies meta jitqabblu l-volumi medji ta’ importazzjoni ta’ kull xahar tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni mal-volumi medji ta’ importazzjoni fix-xahar matul il-perjodu mix-xahar ta’ wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni.

10.   MONITORAĠĠ TAL-IMPORTAZZJONIJIET

(279)

Fil-premessa (382) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ddeċidiet li timmonitorja l-importazzjonijiet taħt il-kodiċijiet TARIC maħluqin ġodda fi ħdan il-kodiċijiet NM 4412 10 00 u 4412 39 00 , fid-dawl tal-allegata ċirkomvenzjoni li tikkonsisti fit-tqegħid ta’ saffi ta’ barra rqaq ħafna ta’ fuljetta tal-injam artab fuq il-fuljetta tal-wiċċ tal-plywood tal-injam iebes.

(280)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-PTIA u l-importatur mhux relatat u bejjiegħ bl-ingrossa Ljungberg Fritzoe, rispettivament, sostnew li l-importazzjonijiet ta’ plywood biż-żewġ saffi ta’ barra magħmulin minn injam koniferu u b’qalba li fiha saffi ta’ injam mhux koniferu ma kinux jirrappreżentaw prattika ġdida peress li fil-passat kien jimporta dan it-tip ta’ plywood. Ljungberg Fritzoe sostna li dan it-tip ta’ plywood (“K-plywood Twin”) kien jaqdi skop speċifiku fis-suq, peress li minħabba l-piż ħafif u l-kompożizzjoni tal-materjal tiegħu, kien adattat tajjeb għal firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet interni u mhux strutturali. L-użu ewlieni tiegħu, madankollu, kien fil-kostruzzjonijiet tal-ħitan, bħala pannell tal-ħajt wara l-bord tal-ġibs. Għalhekk, huwa qies li fin-nuqqas ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ, il-prattika ma kinitx tikkostitwixxi antiċirkomvenzjoni. Huwa ħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tapplika approċċ konsistenti u kawt għall-ambitu tal-prodott, peress li fid-dawl tal-investigazzjoni konkorrenti li tkopri l-plywood tal-injam artab mill-Brażil, estensjoni mhux ġustifikata tal-każ kurrenti kienet tirriskja li timmina ċ-ċertezza legali għall-importaturi u ddgħajjef iċ-ċarezza tal-qafas ta’ rimedju kummerċjali tal-Unjoni. Il-PTIA elenkat diversi prodotti mill-industrija tal-Unjoni li jikkombinaw l-injam artab u l-injam iebes bħala allegata prova li t-tqegħid ta’ saffi ta’ barra rqaq ħafna ta’ fuljetta tal-injam artab fuq il-fuljetta tal-wiċċ tal-plywood iebes hija prattika komuni.

(281)

Il-Kummissjoni qieset li dawn is-sottomissjonijiet ma kienu jikkostitwixxu l-ebda raġuni biex jitwaqqaf il-monitoraġġ tal-importazzjonijiet ta’ dan it-tip ta’ prodott. Madankollu, dawn l-elementi se jiġu kkunsidrati fi kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu li l-Kummissjoni tista’ tirrikorri għaliha fil-futur marbuta ma’ attivitajiet possibbli ta’ ċirkomvenzjoni.

11.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(282)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ plywood li jikkonsisti biss f’folji tal-injam għajr bambu u okoumé, b’kull folja ma taqbiżx il-ħxuna ta’ 6 mm, b’mill-inqas saff wieħed fuq barra ta’ injam tropikali jew injam mhux koniferu, tal-ispeċijiet speċifikati taħt is-subintestaturi 4412 31 , 4412 33 u 4412 34 , kemm jekk miksija jew bil-wiċċ miksi kif ukoll jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM u TARIC 4412 31 10 80, 4412 31 90 00, 4412 33 10 12, 4412 33 10 22, 4412 33 10 82, 4412 33 20 10, 4412 33 30 10, 4412 33 90 10, u 4412 34 00 10, u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandha tkun kif ġej:

Pajjiż ta’ oriġini

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Pizhou Jiangshan Wood Co., Ltd

43,3

89MK

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

86,8

8999

3.   L-applikazzjoni tar-rata tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpanija msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun kundizzjonali għall-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li fuqha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u bil-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ biex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea u kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

4.   Meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fir-rigward tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1, irrispettivament mill-oriġini tiegħu, id-daqs f’metri kubi tal-prodotti importati għandu jiddaħħal fit-taqsima rilevanti ta’ dik id-dikjarazzjoni.

L-Istati Membri għandhom, fuq bażi ta’ kull xahar, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar in-numru ta’ metri kubi importati taħt il-kodiċijiet NM u TARIC 4412 31 10 80, 4412 31 90 00, 4412 33 10 12, 4412 33 10 22, 4412 33 10 82, 4412 33 20 10, 4412 33 30 10, 4412 33 90 10, u 4412 34 00 10.

5.   L-importazzjonijiet ta’ plywood biż-żewġ saffi ta’ barra magħmula minn injam koniferu jew bambù u b’qalba li fiha saffi ta’ speċi speċifikati taħt is-subintestaturi 4412 31 , 4412 33 u 4412 34 , kemm jekk miksija jew bil-wiċċ miksi kif ukoll jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 4412 10 00 u ex 4412 39 00 (kodiċijiet TARIC 4412 10 00 10 u 4412 39 00 20) għandhom jiġu mmonitorjati mill-Kummissjoni.

6.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1139 għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping rigward l-importazzjonijiet ta’ plywood ta’ injam iebes li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2024/6048, 11.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6048/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3140 tas-17 ta’ Diċembru 2024 li jagħmel importazzjonijiet ta’ plywood ta’ injam iebes li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L, 2024/3140, 18.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3140/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1139 tas-6 ta’ Ġunju 2025 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ plywood tal-injam iebes mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2025/1139, 10.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1139/oj).

(5)  Il-Federazzjoni Spanjola tal-Kummerċ tal-Injam (“AEIM, Asociación Española del Comercio e Industria de la Madera”) issottomettiet ittra li tappoġġa l-pożizzjoni tal-PTIA, iżda ma rreġistratx bħala parti interessata. Baukrane, utent, ipprovda kummenti iżda ma rreġistrax bħala parti interessata.

(6)  t25.009783, Taqsima: Proċedura.

(7)  t24.008384.

(8)  Ara pereżempju t24.008226 għal Panguaneta.

(9)  t25.000896.

(10)  t25.000277.

(11)  t24.009472, t24.010197 and t24.040502.

(12)  Appellate Body Report, US – Hot-Rolled Steel, paragraph 77, Appellate Body Report, US – Hot-Rolled Steel, paragraphs 74 and 77; ara wkoll il-Kawża T-633/11, Guangdong Kito Ceramics u Oħrajn vs Il-Kunsill (il-punti 70–91).

(13)  t24.010502.

(14)  t25.000176.

(15)  Ara n-nota 13 f’qiegħ il-paġna.

(16)  Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna.

(17)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1930 tat-8 ta’ Novembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ plywood tal-betula li joriġinaw mir-Russja (ĠU L 394, 9.11.2021, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1930/oj).

(18)  Ara n-nota 13 f’qiegħ il-paġna.

(19)  Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna.

(20)  t24.009472.

(21)  t24.010197.

(22)  Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna.

(23)  Ara n-nota 20 f’qiegħ il-paġna.

(24)  Ara n-nota 21 f’qiegħ il-paġna.

(25)  Ara n-nota 13 f’qiegħ il-paġna.

(26)  Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna.

(27)  Ara n-nota 20 f’qiegħ il-paġna.

(28)  Ara n-nota 21 f’qiegħ il-paġna.

(29)  Ara n-nota 13 f’qiegħ il-paġna.

(30)  Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna.

(31)  Ara n-nota 20 f’qiegħ il-paġna.

(32)  Ara n-nota 21 f’qiegħ il-paġna.

(33)  Ara n-nota 13 f’qiegħ il-paġna.

(34)  Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna.

(35)  Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna.

(36)  Taqsima 7 Notifika ta’ Bidu, ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(37)  Taqsima 8 Notifika ta’ Bidu, ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(38)  Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.

(39)   “Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, kull informazzjoni għall-istadju tas-sejbiet proviżorji għandha tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, il-partijiet interessati ma għandhomx jippreżentaw informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni tas-sejbiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju tas-sejbiet proviżorji. Wara din l-iskadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida jekk ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex tirribatti l-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn partijiet interessati oħra u dment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.” Notifika ta’ Bidu Taqsima 7, linji 1 u 2, ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.

(40)  Il-premessi 29–45, ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.

(41)  It-Taqsima 2 tan-Notifika ta’ Bidu, ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(42)  Ara n-nota 10 f’qiegħ il-paġna.

(43)  Ara n-nota 20 f’qiegħ il-paġna.

(44)  Ara n-nota 21 f’qiegħ il-paġna.

(45)  Ara n-nota 13 f’qiegħ il-paġna.

(46)   “Il-miżuri se jwasslu lil diversi kumpaniji, minn importaturi/kummerċjanti lill-utenti finali, biex jagħlqu l-operazzjonijiet peress li huwa impossibbli li jgħaddu dazju lill-klijenti tagħhom li jista’ jvarja bejn 89 % u 335 %. Ta’ min jinnota li rċevejna aktar minn 100 ittra ta’ appoġġ mingħand il-klijenti tal-importaturi. Dawn huma ħwienet tal-bejgħ bl-imnut, ħwienet DIY, ħwienet tal-injam, kumpaniji tal-kostruzzjoni, materjali tal-imballaġġ u kumpaniji tal-għamara fil-Belġju, Franza, in-Netherlands, il-Ġermanja, l-Irlanda u l-Lussemburgu li jopponu l-impożizzjoni ta’ dazji peress li d-dazji se jillimitaw l-offerta tal-prodotti tagħhom u jrażżnu l-marġnijiet tagħhom. Aħna ser nippreżentaw l-ittri ta’ appoġġ separatament lill-Kummissjoni.”, il-premessa 149, ara n-nota 13 f’qiegħ il-paġna.

(47)  Ara Hitit Seramik Sanayi ve Ticaret AŞ vs Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kawża T-230/23, ECLI:EU:T:2025:579, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) (il-11 ta’ Ġunju 2025).

(48)  Ara n-nota 17 f’qiegħ il-paġna.

(49)   Idem, premessa 26.

(50)   https://www.sinbpla.fr/produits/panneaux-dagencement, https://fokuspremium.eu/kategorie/sklejki-dla-branzy-meblowej/, https://www.frischeis.at/shop/platte/sperrholz-platte~c14208283.

(51)  EN 635-2 Plywood – Classification by surface appearance – Part 2 : Injam iebes, EN 635-3 Plywood – Classification by surface appearance – Part 3: Injam artab.

(52)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2364 tas-26 ta’ Settembru 2023 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L, 2023/2364, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2364/oj).

(53)  Eż, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2024, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products (CCCME) u Oħrajn vs Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kawża T-263/22, ECLI:EU:T:2024:663, il-punt 294; tat-13 ta’ Settembru 2010, Whirlpool Europe vs Il-Kunsill, T-314/06, ECLI:EU:T:2010:390, il-punt 138; tas-17 ta’ Diċembru 2010, EWRIA u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-369/08, ECLI:EU:T:2010:549, il-punt 82.

(54)  Eż, Duroform, plywood tal-injam iebes ta’ kwalità għolja, plywood tal-injam iebes ta’ kwalità għolja Meraform Indo, https://www.altripan.com/en/products.

(55)  DEPARTMENT OF COMMERCE International Trade Administration [A–570–051] Certain Hardwood Plywood Products From the People’s Republic of China: Initiation of Less-Than-Fair-Value Investigation, Federal Register / Vol. 81, No. 242 / Friday, December 16, 2016 / Notices 91125.

(56)   https://www.cbsa-asfc.gc.ca/sima-lmsi/i-e/donp2020/donp2020-in-eng.html#toc3-1.

(57)  Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping rigward l-importazzjonijiet ta’ plywood ta’ injam artab li joriġinaw mill-Brażil (ĠU C, C/2025/1490, 6.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1490/oj).

(58)  Ara n-nota 17 f’qiegħ il-paġna.

(59)  Il-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla), il-11 ta’ Settembru 2024, il-Kawża T-32/22, ECLI:EU:T:2024:617, il-punt 50.

(60)  L-AEIM ressqet ukoll talba għall-esklużjoni fir-rigward tal-plywood tal-ewkaliptu iżda ma rreġistratx bħala parti interessata.

(61)   “Il-klijenti esperjenzaw żieda fil-prezz minn meta l-plywood Russu/Belarussu ġie pprojbit. Il-plywood tal-Eucalyptus Ċiniż fil-fatt għen lill-industrija tal-imballaġġ biex tibqa’ ħajja. Mhux billi tiġi offruta soluzzjoni orħos, iżda sempliċiment bħala alternattiva għall-importazzjonijiet illegali tal-betula Russa (iżda dik hija storja oħra).” t25.006761.

(62)  t24.010595.

(63)  t24.010593.

(64)  Eucapypto Twin għal Panguaneta, u Eucalyptus Globulus għal Garncia.

(65)   DYAS film – Film faced plywood | Dyas.eu.

(66)   “Wara s-sanzjonijiet imposti fl-2022 fuq il-Federazzjoni Russa u l-Belarus u fil-kuntest tar-restrizzjonijiet kummerċjali proposti fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi, is-suq Ewropew diġà ffaċċja diskrepanza serja fil-provvista. Dan huwa partikolarment kritiku għas-setturi tal-kostruzzjoni li jiddependu fuq plywood tal-armar tax-xaters li jintrema wara l-użu u bi prezz baxx. … F’dan il-kuntest, l-importazzjoni ta’ plywood b’wiċċ miksi b’rita minn pajjiżi b’sitt (6) pjantaġġuni kkontrollati u ta’ rendiment għoli, bħaċ-Ċina, għandha rwol stabbilizzanti, li tgħin biex jiġu ppreservati l-foresti tal-Ewropa filwaqt li tiġi żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet essenzjali ta’ kostruzzjoni”, t25.006824, il-paġna 20.

(67)  In-nota 48 f’qiegħ il-paġna.

(68)  Idem.

(69)  Pereżempju Duroform jew Pagle Wiremesh, https://www.altripan.com/en/products.

(70)  Ara n-nota 55 f’qiegħ il-paġna.

(71)   “ UFP targumenta li ... il-PFF jenħtieġ li jiġi eskluż mill-ambitu tal-investigazzjonijiet kurrenti.... il-petizzjonanti jiddikjaraw li ma jopponux il-lingwaġġ modifikat tal-esklużjoni mill-ambitu propost mill-UFP...”, Certain Hardwood Plywood Products from the People’s Republic of China: Scope Comments Decision Memorandum for the Preliminary Determinations, A-570-051, C-570-052, is-17 ta’ April 2017.

(72)   https://www.garnica.one/en-uk/plywood-panels/range/reinforced/reinforced-globulus-poplar-sg.html.

(73)   https://www.garnica.one/en-uk/plywood-panels/range/efficiency/efficiency-poplar.html, https://pagedplywood.com/en/produkty/paged-stringply-3.

(74)   http://www.gtis.com/gta/secure/default.cfm.

(75)  Ir-rapport jista’ jinkiseb bi ħlas minn https://www.informa.es/en.

(76)  Il-Kawża T-763/20, Inner Mongolia Shuangxin Environment-Friendly Material vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2024:114, il-punt 100; ara wkoll il-Kawża T-442/12, Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kunsill, ECLI:EU:T:2017:372, il-punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(77)   https://www.informa.es/en/business-information/international.

(78)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (EU) 2020/1336 tal-25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 315, 29.9.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1336/oj, il-premessa 228).

(79)  Il-Kawża T-763/20, Inner Mongolia Shuangxin Environment-Friendly Material vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2024:114, il-punti 88 u 104.

(80)   https://www.informa.es/en/business-information/international.

(81)  Il-paġna web ġenerali ta’ Dun&Bradstreet relatata mas-servizzi dinjija tagħha twassal għal fornituri lokali. Fil-każ tal-Belġju, pereżempju, il-paġna web tillinkja direttament lill-fornitur lokali Altares (https://www.altares.be/en/), fejn ir-rapport huwa direttament disponibbli permezz ta’ https://order.altares.be/, bi ħlas ta’ EUR 415,03 (aċċessat l-aħħar fis-17 ta’ Ottubru 2025).

(82)  Il-Kawża T-263/22, CCCME u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2024:663, il-punt 188.

(83)   https://turanlargroup.com/sirket-detay.php?slug=pelit-arslan-kontraplak-fab-as&id=5.

(84)   https://www.peliparke.com/, https://pelicompact.com/.

(85)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/78 tal-15 ta’ Jannar 2025 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ pavimenti tal-injam b’diversi saffi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2025/78, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/78/oj, il-premessa 164).

(86)   https://www.peliparke.com/en.

(87)   https://turanlargroup.com/sirket-detay.php?slug=vezrkopru-orman-urunler-ve-kagit-san-as&id=6.

(88)  It-tweġiba għall-kwestjonarju makro hija disponibbli fuq t24.011339 fil-fajl pubbliku.

(89)  t25.00938.

(90)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1287 tat-13 ta’ Mejju 2024 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1930 fuq l-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula li joriġinaw mir-Russja għall-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula kkonsenjati mit-Turkija u mill-Każakistan, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija u mill-Każakistan kif ukoll jekk le (ĠU L, 2024/1287, 14.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1287/oj).

(91)  Ara n-nota 48 f’qiegħ il-paġna.

(92)  Is-sottomissjoni tal-PTIA nru t25.006824.

(93)   https://pmarketresearch.com/hc/container-flooring-plywood-market/.

(94)   https://www.ohc.net/product/container-flooring/#.

(95)  Pereżempju, il-Yamunagar Company, https://plyxpert.com/our-factory/.

(96)   https://fsc.org/en/businesses/wood.

(97)  Indirizz tal-posta elettronika: TRADE-TDI-NAME-CHANGE-REQUESTS@ec.europa.eu; Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Wetstraat 170 Rue de la Loi, 1040 Brussell, il-Belġju.

(98)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2333/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)