Brussell, 26.8.2016

COM(2016) 541 final

2016/0258(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehim Ewropew dwar ix-xogħol tal-ekwipaġġi li jaħdmu fuq vetturi użati għat-trasport fuq it-toroq internazzjonali (l-AETR) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-evoluzzjoni tar-regoli tal-UE u tal-AETR

Il-Ftehim Ewropew dwar ix-xogħol tal-ekwipaġġi li jaħdmu fuq vetturi użati għat-trasport fuq it-toroq internazzjonali (l-AETR) ġie ffirmat minn 51 pajjiż Ewropew u Ażjatiku tal-fruntieri, bl-għan li jitnaqqsu l-ostakli għat-traffiku internazzjonali fit-toroq fir-rigward tal-merkanzija u tal-passiġġieri permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-takografu.

Dan il-ftehim multilaterali ġie elaborat taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE). Il-ftehim kien ta’ ispirazzjoni għall-ħolqien ta’ regoli simili fi ħdan l-Unjoni Ewropea, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 561/2006 1 dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 2 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq.

Fl-2006, l-UE introduċiet it-takografu diġitali bħala l-apparat obbligatorju tagħha għall-monitoraġġ tal-ħinijiet tas-sewqan u tal-perjodi ta’ mistrieħ, li ħa post it-takografu analogu, li kien ilu jintuża sa mill-1985. Wara dan, il-Partijiet Kontraenti tal-AETR qablu biex, mill-2011 ’il quddiem, jintroduċu l-istess takografu diġitali fil-vetturi tagħhom użati għat-trasport internazzjonali. F’din l-okkażjoni qablu li jdaħħlu Artikolu ġdid fl-AETR, l-Artikolu 22bis, li jipprevedi li, minkejja li l-ispeċifikazzjonijiet tat-takografu ġew deċiżi b’mod unilaterali mill-UE mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim li mhumiex membri tal-UE meta din emendat l-Anness IB tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, dawn huma estiżi b’mod awtomatiku għall-Partijiet Kontraenti kollha tal-AETR.

Ilmenti minn Partijiet Kontraenti tal-AETR li mhumiex membri tal-UE

Fl-2009, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 1266/2009 3 , li indirizza, fost l-oħrajn, l-hekk imsejħa “kwistjoni tal-minuta” 4 (mill-1 ta’ Ottubru 2011) u introduċa t-tieni senser taċ-ċaqliq (mill-1 ta’ Ottubru 2012). It-takografi kollha installati fil-vetturi wara dawn id-dati kienu, jew se jkunu, meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi l-ġodda. Permezz tal-Artikolu 22bis, il-Partijiet Kontraenti tal-AETR li mhumiex membri tal-UE huma soġġetti, b’mod awtomatiku, għal dawn l-obbligi l-ġodda.

Meta raw dawn l-iżviluppi fl-UE, xi Partijiet Kontraenti tal-AETR li mhumiex membri tal-UE saru dejjem inqas kuntenti bl-awtomatiċità tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 22bis, li huma jqisu bħala żbilanċjat u inadegwat biex jiżgura implimentazzjoni armonizzata tat-takografu diġitali. Fl-2011, huma talbu lill-korp kompetenti tan-NU/KEE – il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq (SC.1) – sabiex jindirizza din il-kwistjoni b’mod formali. Bi tweġiba għal din it-talba, f’Settembru tal-2011, l-SC.1 iddeċieda li joħloq Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR biex jiddiskuti s-sitwazzjoni attwali fl-AETR u jagħmel proposti biex il-ftehim jiġi emendat.

Fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Frar 2016, Partijiet Kontraenti tal-AETR li mhumiex membri tal-UE u s-segretarjat tal-AETR qajmu ostakoli legali għall-implimentazzjoni fl-ambitu tal-AETR relatat mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-takografu “intelliġenti” (li għandu jiġi installat fit-trakkijiet irreġistrati minn Marzu 2019 'l quddiem) adottati mill-Kummissjoni f’Marzu 2016. Fit-12-il sessjoni tal-Grupp ta’ Esperti tal-AETR li saret fis-27 ta’ Ġunju f’Ġinevra, ir-Russja ppreżentat proposta formali li timmodifika l-proċedura attwali għall-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tat-takografu fl-ambitu tal-AETR. Skont din il-proposta, għandha ssir votazzjoni rigward emendi futuri fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-takografu diġitali fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tal-AETR u, bħala t-tieni pass, l-emendi għandhom jiġu mgħoddija lill-Partijiet Kontraenti, li għandhom 6 xhur biex jopponu l-abbozz ta’ miżura.

Bżonn ta’ pożizzjoni komuni tal-UE fil-qafas tal-AETR

Fl-2013, il-Kunsill diġà kien adotta deċiżjoni dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tinżamm fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti tal-AETR 5 . B’mod partikolari, il-pożizzjoni inkludiet il-kwistjoni msemmija hawn fuq, rigward l-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet għat-takografu diġitali mill-partijiet kontraenti tal-AETR, kif ukoll emenda għall-ftehim biex l-UE tkun tista’ tissieħeb fl-AETR. Fid-dawl tad-diskussjonijiet li saru dan l-aħħar fil-Grupp ta’ Esperti u tal-fatt li r-Russja ressqet proposta formali li temenda l-AETR, jeħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi pożizzjoni ġdida tal-UE fid-dawl tal-laqgħa li jmiss tal-Grupp ta’ Esperti u tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq li se ssir bejn l-24 u l-25 ta’ Ottubru 2016.

2.EMENDI PROPOSTI GĦALL-AETR

a. It-tħassir tal-Artikolu 22bis u l-applikazzjoni tal-proċedura tal-Artikolu 22

Id-dispożizzjoni dwar l-applikazzjoni “awtomatika” tal-ispeċifikazzjonijiet tat-takografu tal-Partijiet Kontraenti għall-AETR għandhom jitħassru, filwaqt li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 22 tal-AETR għandha tiġi applikata għal emendi futuri għal dawn l-ispeċifikazzjonijiet. Madankollu, il-proċedura eżistenti għandha tiġi kemxejn emendata sabiex jiġi evitat li emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tat-takografu jkunu jistgħu jiġu opposti minn terz biss tal-Partijiet Kontraenti.

b. Modifika tal-Artikolu 14 biex l-UE tkun tista’ tissieħeb fl-AETR

Ir-regoli adottati mill-AETR huma applikabbli fl-ordni legali intern tal-UE. L-adeżjoni tal-UE fl-AETR hija meħtieġa sabiex jiġi garantit l-iżvilupp armonizzat tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-AETR.

Din il-modifika tkun teħtieġ l-emenda tal-Artikolu 14 tal-AETR sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem fih l-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali. L-adeżjoni minnha nfisha tkun trid issir bħala t-tieni pass, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill wara proposta tal-Kummissjoni.

c. Modifika tal-Artikolu 10 biex jirreferi għar-Regolament il-ġdid tal-UE li fuq il-bażi tiegħu ġew adottati l-ispeċifikazzjonijiet tat-takografu intelliġenti u l-inklużjoni ta’ Anness tekniku ġdid dwar l-ispeċifikazzjonijiet

L-inklużjoni, permezz ta’ emenda għall-Artikolu 10 tal-AETR, ta’ referenza għar-Regolament (UE) Nru 165/2014 u għall-Anness IC tar-Regolament (UE) Nru 2016/799 li tistipula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar it-takografu intelliġenti l-ġdid, se tiżgura li l-aktar żviluppi teknoloġiċi reċenti introdotti bil-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tat-takografu diġitali jiġu adottati wkoll mill-Partijiet Kontraenti tal-AETR. L-emenda tal-Artikolu 10 għandha tmur id f’id mal-introduzzjoni fl-AETR ta’ Appendiċi ġdid dwar l-ispeċifikazzjonijiet tat-takografu intelliġenti.

3.L-Artikolu 10bis il-ġdid - Interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali dwar il-kards tas-sewwieqa

Biex ikun jista’ jsir l-iskambju ta’ informazzjoni li tinsab fuq il-kards tas-sewwieqa, il-Kummissjoni żviluppat u implimentat b’suċċess in-netwerk imsejjaħ “TACHOnet”, applikazzjoni tat-teknoloġija tal-informatika li tippermetti li ssir interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali għall-kards tas-sewwieqa sabiex tiġi vverifikata l-uniċità ta’ dawn il-kards fl-Ewropa kollha, u biex b’hekk tiġi evitata l-frodi. Il-bażi legali għal TACHOnet hija r-Regolament (UE) Nru 165/2014. Il-Grupp ta’ Esperti tat-28 ta’ Frar 2014 diġà qabel li jinkludi Artikolu 10bis li jobbliga lill-Partijiet Kontraenti jiskambjaw l-informazzjoni dwar il-kards tas-sewwieqa b’mod elettroniku, kif attwalment isir fl-UE. Madankollu, l-Artikolu 10bis għadu ma ġiex inkorporat fil-Ftehim peress li l-ebda Parti Kontraenti ma ħadet l-inizjattiva li tikkomunika l-emenda korrispondenti lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. B’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-TUE, din il-komunikazzjoni għandha ssir skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 21(1) tal-AETR.

4.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE jistabbilixxi li “Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni (...) għandu jadotta deċiżjoni (...) li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f' isem l-Unjoni f' sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”.

Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE, il-proċedura ta' hemmhekk trid tiġi rispettata hekk kif il-kundizzjonijiet t'hemmhekk jiġu ssodisfati. Dawn il-kundizzjonijiet huma: (a) il-qasam rilevanti jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni, (b) il-pożizzjoni tal-Unjoni hija espressa f’sede stabbilita bi ftehim internazzjonali meta dik is-sede tintalab tadotta (c) atti li jkollhom effetti legali. Ġie ċċarat permezz tal-ġurisprudenza li s-sħubija tal-Unjoni fis-sede relevanti mhix prerekwiżit għall-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

Attwalment, l-Istati Membri kollha tal-UE huma partijiet kontraenti għall-AETR. Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 jistabbilixxi li l-AETR għandu jibqa’ japplika għat-trasport tal-merkanzija u l-passiġġieri bit-triq permezz ta’ vetturi rreġistrati fi kwalunkwe Stat Membru jew kwalunkwe pajjiż li huwa parti kontraenti għall-AETR, għall-vjaġġ kollu fejn dak il-vjaġġ isir bejn l-Unjoni u pajjiż terz minbarra l-Iżvizzera u l-pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jew minn ġo tali pajjiż.

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2016/0258 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehim Ewropew dwar ix-xogħol tal-ekwipaġġi li jaħdmu fuq vetturi użati għat-trasport fuq it-toroq internazzjonali (l-AETR) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fis-sentenza AETR tagħha tal-31 ta’ Marzu 1971, Kawża 22/70, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-qasam tal-ħidma tal-ekwipaġġi li jaħdmu fuq vetturi użati għat-trasport bit-triq jaqa’ taħt il-kompetenza esterna esklussiva tal-Unjoni Ewropea. Din il-kompetenza ilha tiġi eżerċitata minn dak iż-żmien f’bosta atti legali adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri fir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 u fir-Regolament (KE) Nru 165/2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq 7 . Peress li s-suġġett tal-AETR jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament 561/2006, is-setgħa li tinnegozja u li tikkonkludi l-Ftehim hija tal-Unjoni.

(2)Il-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa stabbilixxiet Grupp ta’ Esperti fil-qafas tal-AETR. Dan huwa korp li għandu s-setgħa jiżviluppa u jippreżenta proposti biex jiġi emendat l-AETR, inkluż l-Artikolu 22 tiegħu.

(3)Il-laqgħa li jmiss tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR se ssir fl-24 ta’ Ottubru 2016, filwaqt li l-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq se ssir fil-25 ta’ Ottubru 2016. F’dik l-okkażjoni l-Grupp ta’ Esperti u l-Grupp ta’ Ħidma se jeżaminaw il-proposti li jkunu saru mill-Partijiet Kontraenti li, jekk jiġu aċċettati mill-Grupp ta’ Esperti, jistgħu jwasslu għal emenda tal-AETR, wara li titnieda u tiġi konkluża proċedura għar-reviżjoni tal-AETR. Dan se jipproduċi l-effetti legali msemmija fl-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

(4)Ladarba l-proposti jiġu aċċettati mill-Grupp ta’ Esperti, bħala t-tieni pass l-Istati Membri tal-UE, bħala Partijiet Kontraenti tal-AETR, għandhom l-obbligu li jikkooperaw sabiex jagħtu bidu għall-mekkaniżmu għar-reviżjoni tal-Ftehim tal-AETR, b’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2829/77 8 u b’osservanza tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 4(3) tat-TUE, soġġett għal Deċiżjoni tal-Kunsill b’konformità mal-Artikolu 218(6) skont kif meħtieġ. L-emendi proposti għall-AETR se jsiru effettivi biss wara li titlesta r-reviżjoni tal-AETR.

(5)Sabiex tinkiseb armonizzazzjoni pan-Ewropea fil-qasam tal-apparat tar-reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (it-takografi), hemm bżonn li jiġi implimentat proċess uniku għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Tali proċess għandu jqis l-interessi tal-Unjoni u dawk tal-pajjiżi terzi li huma Partijiet Kontraenti għall-AETR.

(6)L-Artikolu 22bis tal-AETR jistipula li l-bidliet fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 b’rabta mat-takografu diġitali għandhom jiġu adottati b’mod awtomatiku mill-Partijiet Kontraenti tal-AETR kollha, mingħajr ebda konsultazzjoni jew votazzjoni formali. In-nuqqas ta’ parteċipazzjoni min-naħa tal-partijiet kontraenti tal-AETR fil-proċess tal-iżvilupp u tal-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi dwar it-takografu diġitali kien kawża prinċipali ta’ skuntentizza fost xi wħud minn dawk il-Partijiet Kontraenti; il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Takografu Diġitali: Pjan direzzjonali għall-attivitajiet tal-ġejjieni” 9 tirrikonoxxi li dan il-mekkaniżmu jipperikola l-implimentazzjoni korretta u armonizzata tat-takografu diġitali min-naħa tal-Partijiet Kontraenti li mhumiex membri tal-UE. Għalhekk huwa fl-interess tal-Unjoni li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tat-takografi diġitali jinbidel, u li fil-Grupp ta’ Esperti jiġu proposti t-tneħħija tal-Artikolu 22bis u l-applikazzjoni tal-proċedura stipulata fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 22 biex jiġu emendati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-takografu diġitali.

(7)Fid-dawl tal-fatt li emendi fl-ispeċifikazzjonijiet tat-takografu diġitali ma għandhomx jaffettwaw il-prinċipji u l-funzjonament tal-AETR peress li dawn għandhom ikunu soġġetti biss għal aġġornamenti regolari filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi, l-għadd tal-Partijiet Kontraenti li jistgħu jinnotifikaw l-oppożizzjoni tagħhom għal dawk l-emendi għandu jiżdied minn terz għal sa mill-inqas in-nofs.

(8)Hemm diversi argumenti favur l-adeżjoni tal-Unjoni fl-AETR. L-ewwel nett, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-ħidma tal-ekwipaġġi li jaħdmu fuq vetturi użati għat-trasport bit-triq, kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fil-Kawża 22/70. Min-naħa l-oħra, tali adeżjoni kieku tigarantixxi r-rappreżentanza effettiva tal-interessi tal-Unjoni fi ħdan l-AETR. Fl-aħħar nett, l-ispeċifiċitajiet tal-AETR u tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet propost jiġġustifikaw għaliex li l-Unjoni għandha tkun il-Parti Kontraenti minflok l-Istati Membri.

(9)L-Artikolu 14 tal-AETR ma jippermettix l-adeżjoni ta’ korpi ħlief għal Stati Membri tan-NU/KEE u għal Stati li huma parti min-NU/KEE bi rwol konsultattiv. Għaldaqstant, sabiex tkun tista’ sseħħ l-adeżjoni tal-Unjoni fl-AETR, għandha tiġi proposta emenda għall-Artikolu 14 li tippermetti l-adeżjoni ta’ organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni reġjonali fl-AETR.

(10)L-Artikolu 10 tal-AETR jistipula li takografu li l-kostruzzjoni, l-istallazzjoni, l-użu u l-ittestjar tiegħu jsiru skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 huwa meqjus bħala konformi mar-rekwiżiti tal-AETR. Dan il-prinċipju japplika għal kull modifika fl-ispeċifikazzjonijiet tat-takografu, irrispettivament minn jekk dawn ikunux ġew adottati fuq il-bażi tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 jew ta’ att legali ieħor. Għaldaqstant, japplika għar-Regolament (UE) Nru 165/2014 li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85, kif ukoll għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/799 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-takografu intelliġenti l-ġdid 10 . Għal dawn ir-raġunijiet, l-Artikolu 10 tal-AETR għandu jiġi emendat b’mod li jinkludi r-referenzi għar-Regolament (UE) Nru 165/2014 u għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/799, li se jkun applikabbli mill-15 ta’ Ġunju 2019 minflok ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 3821/85. Barra minn hekk, fl-AETR għandu jiġi inkorporat anness ġdid bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/799 u bi kwalunkwe adattament sussegwenti għall-progress tekniku.

(11)Iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni għat-takografi diġitali mehmuż mal-AETR għandu jiġi modifikat sabiex ikun jista’ jintuża wkoll għall-approvazzjoni ta’ takografi intelliġenti u tal-komponenti tagħhom.

(12)Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jeħtieġ li tiġi adottata din id-Deċiżjoni li tiddefinixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Grupp ta’ Esperti rigward il-Ftehim Ewropew dwar ix-xogħol tal-ekwipaġġi li jaħdmu fuq vetturi użati għat-trasport fuq it-toroq internazzjonali (l-AETR) u fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehim Ewropew dwar ix-xogħol tal-ekwipaġġi li jaħdmu fuq vetturi użati għat-trasport fuq it-toroq internazzjonali (l-AETR) u fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq għandha tkun konformi mal-Annessi ta' din id-Deċiżjoni u għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-AETR, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

(2)L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawn l-emendi proposti lill-Grupp ta’ Esperti.

(3)Jista' jsir qbil dwar bidliet formali u żgħar għal din il-pożizzjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi emendata dik il-pożizzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, ĠU L 102, 11.04.2006, p.1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal-20 ta' Diċembru 1985 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq, ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1266/2009 tas-16 ta' Diċembru 2009 li jadatta, għall-għaxar darba, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat tar-reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq għall-progress tekniku, ĠU L 339, 22.12.2009, p. 3.
(4) It-tqarrib għas-60 sekonda fir-reġistrazzjoni tal-ħin tas-sewqan fil-każ ta’ waqfiet spissi u qosra.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 5826/13 tal-15 ta' Frar 2013
(6) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.  
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1.)
(8) Council Regulation (EEC) 2829/77 of 12 December 1977 on the bringing into force of the European Agreement concerning the work of crews of vehicles engaged in international road transport (AETR), OJ L 334, 24.12.1977, p. 11.  
(9) COM(2011) 454 final
(10) ĠU L 139, 26.5.2016, p. 1.