6.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/19


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/60

tal-5 ta’ Jannar 2023

dwar l-awtorizzazzjoni tal-aċidu linolejku konjugat (t10, c12)-metilester bħala addittiv tal-għalf għall-ħnieżer għat-tismin u għall-baqar tal-ħalib (detentur tal-awtorizzazzjoni: BASF SE)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni.

(2)

Is-sustanza tal-aċidu linolejku konjugat (t10, c12)-metilester ġiet awtorizzata mingħajr limitu ta’ żmien f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2) bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, u ġiet inkluża fil-kategorija “addittivi nutrittivi” u fil-grupp funzjonali “vitamini, provitamini u sustanzi definiti tajjeb kimikament li għandhom effett simili”. Dik is-sustanza wara ddaħħlet fir-Reġistru tal-addittivi tal-għalf bħala prodott eżistenti, f’konformità mal-Artikolu 10(1), il-punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

L-inklużjoni tal-aċidu linolejku konjugat (t10, c12)-metilester fil-grupp “vitamini, provitamini u sustanzi definiti sew kimikament li għandhom effett simili” kienet ibbażata fuq rapport tat-18 ta’ Marzu 1994 tal-Kumitat Xjentifiku għan-Nutrizzjoni tal-Annimali dwar il-klassifikazzjoni tal-vitamini fl-Anness tad-Direttiva 70/524/KEE. Dan ir-rapport qies li din is-sustanza kellha effett simili għal dak ta’ vitamina.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, fit-13 ta’ Ottubru 2010 tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-aċidu linolejku konjugat (t10, c12)-metilester bħala addittiv fl-għalf għall-ħnieżer għat-tismin u għall-baqar tal-ħalib. L-applikant talab li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrittivi” u fil-grupp funzjonali “vitamini, provitamini u sustanzi kimikament definiti sew li jkollhom effett simili”. L-applikazzjoni kienet akkumpanjata bid-dettalji u bid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Fl-opinjoni tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2015 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti, l-aċidu linolejku konjugat (t10, c12)-metilester użat fl-għalf tal-ħnieżer għat-tismin u għall-baqar tal-ħalib ma għandux effetti negattivi fuq is-saħħa tal-annimali, is-sikurezza tal-konsumatur jew l-ambjent. Fir-rigward tal-ħnieżer għat-tismin, l-Awtorità kkonkludiet li l-aċidu linolejku konjugat (t10, c12)-metilester jista’ jkollu potenzjal għal titjib fil-proporzjon tal-għalf maż-żieda fil-piż. Effettivament iżid is-sodezza tax-xaħam minħabba ammont akbar ta’ aċidi grassi saturati fix-xaħam taħt il-ġilda. Ikun hemm ukoll żieda fix-xaħam intramuskolari, il-grad ta’ saturazzjoni tiegħu u fl-iskanalatura tat-traħħim. L-aċidu linolejku konjugat (t10, c12)-metilester jista’ jkollu wkoll il-potenzjal li jtejjeb il-proporzjon ta’ laħam dgħif għal xaħam taħt il-ġilda fil-karkassa. Għall-baqar tal-ħalib, l-Awtorità kkonkludiet li l-aċidu linolejku konjugat (t10, c12)-metilester inaqqas il-kontenut tax-xaħam tal-ħalib u għandu l-potenzjal li jnaqqas ir-rendiment tax-xaħam tal-ħalib u l-output tal-enerġija tal-ħalib. F’opinjoni oħra tal-24 ta’ Jannar 2019 (4), l-Awtorità ddikjarat li l-allokazzjoni ta’ dan l-addittiv għall-kategorija “addittivi nutrittivi” ma kinitx tinħass ġustifikata. Il-Kummissjoni, filwaqt li qieset il-kunsiderazzjonijiet tal-Awtorità u l-effetti tal-addittiv fuq il-prestazzjoni żooteknika tal-ħnieżer għat-tismin u l-baqar tal-ħalib, iddeċidiet li tikklassifika dan l-addittiv taħt il-kategorija “addittivi żootekniċi” u taħt il-grupp funzjonali “addittivi żootekniċi oħra”.

(6)

L-Awtorità kkonkludiet li l-esponiment tal-utenti permezz tan-nifs tal-prodott solidu x’aktarx li jkun minimu. Fir-rigward tal-prodott likwidu, ma ġiet ipprovduta l-ebda data dwar il-formazzjoni potenzjali ta’ fwar. Formulazzjoni f’lewlu (“beadlets”) tal-prodott likwidu wasslet għal irritazzjoni dermali ħafifa iżda persistenti, filwaqt li ma kinitx irritant għall-għajnejn. Il-potenzjal ta’ sensitizzazzjoni kutanja kien moħbi bl-effett tal-plaċebo. La l-prodott likwidu u lanqas dak solidu ma ġie ttestjat bħala tali għall-irritazzjoni tal-ġilda u tal-għajnejn u għas-sensitizzazzjoni kutanja. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-addittiv kien effettiv. L-Awtorità mhijiex tal-fehma li hemm għalfejn jiġu stipulati rekwiżiti speċifiċi għas-sorveljanza ta’ wara t-tqegħid fis-suq. Il-metodu inizjali ta’ analiżi pprovdut mill-applikant ġie vvalidat mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 u vverifikat mill-EFSA. Minħabba l-fatt li l-kontenuti massimi/minimi huma stabbiliti fl-opinjoni tal-EFSA, l-ewwel metodu ta’ analiżi ma tqiesx suffiċjenti għall-fini tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 peress li l-metodu ġie applikat biss għall-addittivi tal-għalf iżda mhux għat-taħlitiet lesti minn qabel u għall-għalf u ma kkwantifikax il-livell ta’ inkorporazzjoni tal-addittiv f’dawk it-taħlitiet lesti minn qabel u fl-għalf. L-applikant issottometta metodu ieħor għall-kwantifikazzjoni fit-taħlitiet lesti minn qabel u fl-għalf li ġie vvalidat mil-Laboratorju ta’ Referenza.

(7)

Il-valutazzjoni tal-aċidu linolejku konjugat (t10, c12)-metilester turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ġew issodisfati. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-użu ta’ dik is-sustanza jiġi awtorizzat. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tal-utenti tal-addittiv.

(8)

Billi r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-aċidu linolejku konjugat (t10, c12)-metilester għall-użu ta’ dik is-sustanza fl-għalf tal-ħnieżer għat-tismin u l-baqar tal-ħalib, jixraq li jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni għall-partijiet interessati biex iħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sustanza speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “addittivi żootekniċi oħra”, hija awtorizzata bħala addittiv tal-għalf għat-tismin tal-ħnieżer u għall-baqar tal-ħalib, f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

1.   Is-sustanza speċifikata fl-Anness u t-taħlitiet lesti minn qabel li fihom dik is-sustanza, li huma maħsuba għall-ħnieżer għat-tismin u għall-baqar tal-ħalib u jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-26 ta’ Lulju 2023 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-26 ta’ Jannar 2023 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanza speċifikata fl-Anness, li huma maħsuba għall-ħnieżer għat-tismin u għall-baqar tal-ħalib u jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-26 ta’ Jannar 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-26 ta’ Jannar 2023 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f’għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

(3)   EFSA Journal 2016;14(1):4348.

(4)   EFSA Journal 2019;17(3):5614.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg ta’ sustanza attiva għal kull kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija tal-addittivi Żootekniċi. Grupp funzjonali: Addittivi żootekniċi oħrajn (titjib fil-prestazzjoni żooteknika)

4d895

BASF SE

Aċidu linolejku konjugat (t10, c12)-metilester

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparazzjoni ta’aċidu grass omega-6 bħala aċidu ottadekadienojku t10,c12 (aċidu linolejku konjugat)-metilester (CLA(t10,c12)-ME).

Formulazzjoni likwida:

CLA (t10,c12)-ME ≥ 28 %

CLA (c9,t11)-ME ≥ 28 %

CLA (t10,c12) < 2 %

CLA (c9,t11) < 2 %

Aċidi grassi taż-żejt tal-ġirasol: 38-42 % ħielsa jew bħala metilesteri inqas minn 1 % bħala iżomeri trans trans.

Formulazzjoni solida:

CLA (t10,c12)-ME: ≥ 9 %

CLA (c9,t11)-ME: ≥ 9 %

CLA (t10,c12): < 1 %

CLA (c9,t11): < 1 %

Aċidi grassi taż-żejt tal-ġirasol: 13-15 % (ħielsa jew bħala metilesteri).

Żjut veġetali (trigliċeridi idroġenati, fil-biċċa l-kbira aċidu steariku u sa ċertu punt aċidu

palmitiku): 44,5 %.

Siliċe kollojdali: 15 %.

Sulfat tal-kalċju: 5 %.

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva:

Aċidu linolejku konjugat (t10,c12)-metilester.

Formula kimika: C19 H34O2

Numru CAS: 21870-97-3

Metodu analitiku  (1)

—

Għad-determinazzjoni tal-aċidu grass omega-6 bħala aċidu ottadekadienojku (trans-10, cis-12- iżomeru) fl-addittiv tal-għalf: Kromatografija b’fażi gassuża abbinata mal-Individwatur tal-Jonizzazzjoni bi Fjamma (GC-FID)

—

Għall-kwantifikazzjoni tas-CLA (t10,c12)-metilester fit-taħlitiet lesti minn qabel u fl-għalf tal-annimali:

—

kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja abbinata ma’ detezzjoni spettrofotometrika (HPLC-UV)

Ħnieżer tas-simna

—

400

5 000

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u l-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

2.

Għall-baqar tal-ħalib, il-livell ta’ CLA (t10,c12)-ME fir-razzjon ta’ kuljum ma għandux jaqbeż l-10 g/ras/jum.

3.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji ta’ saħħa potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jistgħux jiġu eliminati jew jitnaqqsu għal livell minimu permezz ta’ tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b’tagħmir personali protettiv, inkluż bi protezzjoni tal-għajnejn u tal-ġilda.

26.1.2033

Baqar tal-ħalib

 

175

350

 

 

—

—

 


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports