[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 28.1.2009 KUMM(2009) 21 finali 2009/0009 (CNS) Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA | 110 | Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/115/KE (‘Id-Direttiva dwar il-Fatturazzjoni’) introduċiet ir-regoli komuni tal-UE dwar il-fatturi tal-VAT, meqjusa bħala neċessarji biex is-suq jiffunzjona b’mod adegwat. Madankollu, l-għan li r-regoli dwar il-fatturi tal-VAT jiġu ssimplifikati, immodernizzati u armonizzati ma ntlaħaqx b’mod sħiħ: id-diversi għażliet li l-Istati Membri għandhom bħalissa wasslu għal sett ta’ regoli dwar il-fatturazzjoni li kienu ferm inqas armonizzati. Dan jidher b’mod ċar fejn jirrigwarda r-regoli differenti li hemm fis-seħħ għall-fatturazzjoni elettronika, u b’mod ġenerali dan jitqies bħala wieħed mill-ostakli li hemm biex tintuża aktar il-fatturazzjoni elettronika. Id-Direttiva dwar il-Fatturazzjoni, li issa hija inkorporata fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (‘Id-Direttiva dwar il-VAT’), kienet tirrekjedi li sal-31 ta’ Diċembru 2008 il-Kummissjoni tirrapporta lill-Kunsill dwar l-iżviluppi teknoloġiċi fil-fatturazzjoni elettronika u biex tippreżenta proposta jekk ikun xieraq. Peress li d-Direttiva dwar il-Fatturazzjoni ma laħqitx b’mod sħiħ l-għanijiet iddikjarati tagħha, il-proposta anċillari għar-rapport lill-Kunsill ġiet imwessa’ sabiex tindirizza n-nuqqasijiet tad-dispożizzjonijiet dwar il-fatturazzjoni. | 120 | Il-kuntest ġenerali Piżijiet amministrattivi bla bżonn ifixklu t-tkabbir kif ukoll l-innovazzjoni. Ir-regoli dwar il-fatturazzjoni fid-Direttiva dwar il-VAT jimponu obbligi ta’ informazzjoni fuq kważi n-negozji kollha fl-Ewropa. Simplifikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, għalhekk, għandha potezjal qawwi li tnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji. Barra minn hekk, il-konformità mar-rekwiżiti tal-VAT tfixkel l-użu tal-fatturazzjoni elettronika, bil-konsegwenza li n-negozji qed jitilfu l-opportunità li potenzjalment jiffrankaw spejjeż kbar. Jekk in-negozju għandu jkun imħeġġeġ biex isir aktar effiċjenti, l-ostakli biex jintużaw teknoloġiji ġodda jridu jitneħħew. Flimkien mal-introduzzjoni ta’ sett ta’ regoli moderni li jkunu aktar simplifikati u armonizzati, trid titqies ukoll il-kwistjoni ta’ frodi tal-VAT. Diġà sar xogħol sostanzjali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ frodi tal-VAT, u kwalunkwe bidla fir-regoli dwar il-fatturazzjoni m’għandhomx iġibu fix-xejn din il-ħidma iżda jikkumplementawaha. | 130 | Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-prosposta Id-Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE | 140 | Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni L-għan ewlieni tal-proposta dwar il-fatturazzjoni huwa li jiġi stabbilit sett modern ta’ regoli armonizzati li jissimplifika r-rekwiżiti tal-fatturazzjoni għan-negozji, filwaqt li jippermetti lill-awtoritajiet fiskali biex ikollhom mezzi effettivi biex jiżguraw li t-taxxa titħallas. B’hekk dan ikun qed jappoġġa l-erba’ aspetti ewlenin tal-programm tal-Kummissjoni. It-tnaqqis tal-piżijiet fuq in-negozji F’Jannar 2007, il-Kummissjoni ppreżentat Programm ta’ Azzjoni ambizzjuż intiż biex sal-2012 il-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji fl-UE jitnaqqsu b’25%. Il-Programm ta’ Azzjoni kien approvat mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa f’Marzu 2007. Id-Direttiva dwar il-VAT hija fost it-42 att legali fl-ambitu tal-Programm ta’ Azzjoni. F’din id-Direttiva r-regoli dwar il-fatturazzjoni jirrappreżentaw qasam ewlieni fejn l-obbligi tal-informazzjoni huma imposti fuq in-negozji. Din il-proposta hija intiża biex tnaqqas il-piżijiet li ġejjin minn dawn ir-regoli. B’mod partikolari, din għandha l-għan li tiżgura li l-awtoritajiet fiskali jaċċettaw fatturi elettroniċi taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall fatturi stampati. Barra minn hekk, din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi sett ta’ regoli armonizzati dwar il-fatturazzjoni billi jitnaqqsu l-għażliet għall-Istati Membri. In-negozji jqisu li sett komuni ta’ regoli bażiċi dwar il-fatturazzjoni huwa kruċjali biex jitnaqqsu l-piżijiet fuqhom. Fl-opinjoni tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2008, il-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi rrefera għall-potenzjal qawwi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fil-qasam tal-fatturazzjoni, u approva l-prinċipju tat-trattament ugwali tal-fatturi elettroniċi u dawk stampati mill-awtoritajiet fiskali. Il-promozzjoni tal-SMEs L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA) kien adottat mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Ġunju 2008. Dan jistabbilixxi lista ta’ miżuri li jridu jittieħdu kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni bil-għan komuni li jippromwovu lill-SMEs. Din il-proposta tikkumplementa l-SBA billi testendi l-ambitu biex jintużaw fatturi simplifikati, inklużi dawk għal ammonti iżgħar li huma importanti ħafna għall-SMEs, u billi tagħti l-opportunità lill-Istati Membri kollha biex jippremettu lill-SMEs biex iniżżlu l-VAT fil-kontijiet fuq bażi ta’ sistema ta’ kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet. Iż-żieda fl-użu tal-fatturazzjoni elettronika L-Aġenda ta’ Liżbona, li tiffoka fuq it-tkabbir u l-impjiegi, hija prijorità ewlenija għall-Kummissjoni. Il-promozzjoni tal-użu tal-fatturazzjoni elettronika billi jitneħħew l-ostakli legali għat-trażmissjoni u l-ħażna tal-fatturi elettroniċi tista’ jgħin lin-negozji biex inaqqsu l-ispejjeż u jżidu l-effiċjenza, u għalhekk tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Aġenda ta’ Liżbona. Grupp espert dwar il-fatturazzjoni elettronika, stabbilit b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni, emfasizza li d-Direttiva dwar il-VAT hija wieħed mill-atti leġiżlattivi ewlenin li għandu impatt dirett fuq il-fatturazzjoni elettronika, għalkemm żgur li mhuwiex l-uniku wieħed. Barra minn hekk, iż-Żona Ewropea Unika tal-Ħlas, imnedija fil-bidu tal-2008 biex tarmonizza l-proċessi ta’ ħlas elettroniku fl-Ewropa kollha, u l-għan li tiġi promossa l-fatturazzjoni elettronika jistgħu jkunu ta’ benefiċċju reċiproku għal xulxin, meta jitqiesu l-konnessjonijiet inerenti li jeżistu bejn il-fatturi u l-ħlasijiet. Biex tippromwovi l-fatturazzjoni elettronika, din il-proposta għandha l-għan li telimina l-ostakli għall-fatturazzjoni elettronika li hemm fid-Direttiva dwar il-VAT billi tneħħi d-differenzi bejn il-fatturi mibgħuta b’mezzi elettroniċi u dawk mibgħuta f’forma stampata, u b’hekk tiżgura li l-metodu ta’ trażmissjoni jkun wieħed newtrali. Is-sostenn tal-ġlieda kontra l-frodi Fil-31 ta’ Mejju 2006 il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar il-ħtieġa li tkun żviluppata strateġija kkoordinata biex titjieb il-ġlieda kontra l-frodi fiskali (COM(2006) 254). Ċerti forom ta’ frodi tal-VAT li jissemmew fil-komunikazzjoni, bħat-tnaqqis mhux awtorizzat u l-frodi “karusell”, jiddependu fuq il-fatturazzjoni sabiex issir il-frodi. Filwaqt li fattura tista’ tintuża biex issir frodi, f’ħafna każijiet din tkun id-dokument ewlieni li jintuża mill-awtoritajiet fiskali biex jivverifikaw li t-taxxa tkun tħallset. B’dan il-ħsieb, fir-rapport orali tiegħu lill-ECOFIN li sar fil-laqgħa tal-14 ta’ Mejju 2008, il-Kummissarju Kovacs iddikjara li ‘meta jiġu aġġornati r-regoli dwar il-fatturazzjoni, irid jiġi kkunsidrat ukoll l-aspett li titjieb il-possibbiltà li l-awtoritajiet fiskali jkunu jistgħu jikkontrollaw lill-persuni taxxabbli’. Din il-proposta tinkludi miżuri biex tgħin lill-awtoritajiet fiskali biex jittrattaw aħjar każijiet ta’ frodi ta’ VAT. Dawn il-miżuri jinkludu l-issikkar tar-regoli dwar l-irwol tal-fattura fit-tnaqqis tal-VAT u jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni aktar mgħaġġel dwar il-provvisti intra-Komunitarji. Din il-miżura tal-aħħar tikkumplementa l-proposta tal-Kummissjoni biex jitnaqqas il-limitu ta’ żmien biex tkun skambjata l-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar dikjarazzjonijiet rikapitulattivi. | IL-KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT | Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati | 211 | Il-metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu Il-konsultazzjoni pubblika | 212 | Sommarju dwar it-tweġibiet u kif dawn ġew ikkunsidrati Ibbażat fuq għażla ta’ rakkomandazzjonijiet mill-istudju dwar il-fatturat, u fuq il-prinċipji ġenerali dwar il-fatturazzjoni elettronika żviluppati mill-Grupp Espert dwar il-Fatturazzjoni Elettronika, il-pubbliku ġenerali kien mistieden biex jagħti l-kummenti tiegħu. B’mod ġenerali, in-negozji u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju kienu favur ħafna r-rakkomandazzjonijiet li kienu għall-konsulktazzjoni pubblika. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet huma riflessi sew f’din il-proposta. | 213 | Saret konsultazzjoni pubblika permezz tal-internet bejn l-24 ta’ Lulju 2008 sad-19 ta’ Settembru 2008. Il-Kummissjoni rċeviet 64 tweġiba. Ir-riżultati huma disponibbli fuq is-sit: http://ec.europa.eu/taxation_customs/common/consultations/tax/index_en.htm. | Il-ġbir u l-użu tal-għarfien kompetenti | 221 | L-oqsma xjentifiċi/ta’ għarfien ikkonċernati Fil-25 ta’ Lulju 2007 il-Kummissjoni nediet sejħa pubblika għall-offerti għal studju dwar il-fatturazzjoni. Id-data tal-għeluq għall-offerti kienet is-7 ta’ Settembru 2007. Il-kuntratt għall-istudju kien iffirmat mal-kuntrattur magħżul fis-17 ta’ Diċembru 2007. | 222 | Il-metodoloġija użata L-għan tal-istudju kien maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel, dan kellu jidentifika d-diversi regoli differenti f’kull wieħed mis-27 Stat Membru fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Fatturazzjoni u biex jipprovdi dejta dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-UE. It-tieni, dan kellu janalizza d-diffikultajiet li n-negozji ltaqgħu magħhom biex josservaw id-diversi obbligi tal-fatturazzjoni, partikolarment fejn jirrigwarda l-fatturazzjoni elettronika, u biex jevalwa l-importanza tal-obbligi tal-fatturazzjoni bħala miżura ta’ kontroll għall-amministrazzjonijiet nazzjonali. It-tielet, l-istudju kellu jippreżenta rakkomandazzjonijiet għall-bidliet fil-leġiżlazzjoni f’dawk l-oqsma fejn l-Istati Membri jistgħu jadottaw metodu aktar armonizzat jew fejn il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi modernizzata. | 223 | L-organizzazzjoni/esperti ewlenin ikkonsultati Il-konsulenti fiskali u l-esperti tal-VAT mill-Istati Membri kollha. | 2249 | Sinteżi tal-pariri li waslu u ntużaw Ma kienu indikati l-ebda riskji potenzjalment serji b’konsegwenzi li ma jistgħux jitreġġgħu lura. | 225 | Il-pariri li waslu kienu fil-forma ta’ studju dwar il-fatturazzjoni, li ntuża bħala bażi għall-konsultazzjoni pubblika. L-Istati Membri kienu kkonsultati fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma Nru 1 li saret fil-25 ta’ Settembru 2008. L-esperti tal-VAT mill-Istati Membri kkummentaw dwar għażla ta’ miżuri li kellhom jiġu inklużi f’din il-proposta. | 226 | Modi biex il-pariri jkunu disponibbli għall-pubbliku L-istudju dwar il-fatturazzjoni kien ippubblikat fuq il-websajt tal-Kummissjoni u ntużat għażla ta’ rakkomandazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika. L-istudju dwar il-fatturazzjoni huwa disponibbli fuq is-sit http://ec.europa.eu/taxation_customs/common/publications/studies/index_en.htm | 230 | Valutazzjoni tal-impatt L-Artikolu 237 tad-Direttiva dwar il-VAT jeħtieġ li sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008 il-Kummissjoni tippreżenta rapport u, jekk ikun xieraq, proposta li temenda l-kundizzjonijiet għall-fatturazzjoni elettronika biex ikunu riflessi l-iżviluppi teknoloġiċi f’dan il-qasam. Filwaqt li intrinsikament l-ebda żvilupp teknoloġiku ma jeħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta proposta, l-iktar għażla xierqa biex jitneħħew l-ostakli għall-fatturazzjoni elettronika huwa billi tiġi emendata d-Direttiva peress li dawn l-ostakli jinsabu fid-Direttiva dwar il-VAT. Għanijiet oħra ta’ politika biex jitnaqqsu l-piżijiet fuq in-negozju u biex l-SMEs ikunu megħjuna l-istess, jistgħu jintlaħqu biss billi jinbidlu r-regoli stabbiliti fid-Direttiva dwar il-VAT. Filwaqt li valutazzjoni tal-impatt sħiħa ma kinitx possibbli, meta wieħed iqis id-data tal-għeluq li hemm fid-Direttiva dwar il-VAT, ħafna mill-karatteristiċi ta’ valutazzjoni tal-impatt xorta waħda jinsabu fil-proposta kif ukoll fil-komunikazzjoni mehmuża. L-eżerċizzju ta’ kejl taħt il-Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis fil-Piżijiet Amministrattivi fl-UE (http://ec.europa.eu/enterprise/admin-burdens-reduction/action_program_en.htm), li juża l-mudell standard tal-ispejjeż tal-UE, jistma li kieku l-fatturi kollha kellhom jintbagħtu b’mod elettroniku, il-potenzjal massimu ta’ tnaqqis ta’ nofs it-terminu biex jitneħħew l-ostakli tal-VAT għall-fatturazzjoni elettronika kien ilaħħaq it-EUR 18-il biljun. Metodu aktar konservattiv biex tinħadem id-differenza fl-ispejjeż bejn il-fatturi stampati u dawk elettroniċi, meta wieħed iqis in-numru ta’ fatturi tal-VAT li jridu joħorġu u r-rata attwali ta’ fatturazzjoni elettronika li kien hemm fl-Istati Membri li diġà għandhom trattament simili bejn il-fatturi stampati u l-fatturi elettroniċi, jirriżulta fi ffrankar aktar baxx iżda xorta waħda sinifikanti għan-negozji. | L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA | 305 | Sinteżi tal-azzjoni proposta L-azzjoni proposta hija emenda għad-Direttiva dwar il-VAT. Il-bidliet leġiżlattivi proposti jinkludu l-miżuri li ġejjin. Il-ħlas ta’ taxxi għall-provvisti intra-Komunitarji Din il-proposta tikkumplementa l-proposta tal-Kummissjoni (COM(2008) 147) dwar it-tnaqqis fil-perjodu ta’ żmien għal dikjarazzjonijiet rikapitulattivi billi jiġu ssimplifikati r-regoli dwar il-ħlas ta’ taxxi għall-provvisti intra-Komunitarji. L-għan huwa li tiġi stabbilita data waħda li fiha tkun dovuta t-taxxa, dik tad-data tal-avveniment li jagħti lok għall-ħlas kif stabbilit biż-żmien tal-provvista. Għalkemm il-fattura hija meħtieġa li tinħareġ sal-15-il jum tax-xahar wara li jseħħ l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas, il-fattura xorta waħda tibqa’ id-dokument ewlieni li tikkonferma l-provvista intra-Komunitarja. Barra minn hekk, id-data tal-ħlas tat-taxxa għall-akkwisti intra-Komunitarji qed tkun emendata biex tikkorrispondi mal-provvista intra-Komunitarja. Id-dritt tat-tnaqqis Ġew proposti żewġ miżuri dwar il-bidliet fir-regoli dwar id-dritt tat-tnaqqis. Ir-rekwiżit biex tinżamm il-fattura tat-tnaqqis Il-proposta tapplika trattament ugwali bejn ir-rekwiżiti tal-fornitur biex joħroġ fattura u l-klijent biex iżomm fattura biex jeżerċita d-dritt tiegħu għat-tnaqqis. Ir-regoli preżenti jwasslu għal disparità għaliex f’ċerti każijiet, bħalma huma tranżazzjonijiet ta’ inverżjoni tal-ħlas, il-klijent mhuwiex obbligat li jżomm fattura valida biex jeżerċita d-dritt tat-tnaqqis. Madankollu, bħalma huwa issa l-każ, il-proposta xorta waħda tippermetti lill-Istati Membri biex jawtorizzaw id-dritt tat-tnaqqis, kemm-il darba jkun hemm prova oħra meta fattura valida ma tkunx disponibbli. Il-kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet Ċerti Stati Membri għandhom awtorizzazzjoni għal deroga rigward iż-żmien li fih id-dritt tat-tnaqqis jista’ jiġi eżerċitat għal dawk il-persuni taxxabbli li jiddikjaraw il-VAT taħt sistema bbażata fuq ħlasijiet mhux obbligatorja li tissimplifika l-ħlas tat-taxxa għan-negozji ż-żgħar. Din id-deroga ddewwem id-dritt tat-tnaqqis għal dawk il-persuni taxxabbli fl-isistema bbażata fuq ħlasijiet sakemm il-fornituri tagħhom jitħallsu, ladarba dawn ikunu awtorizzati jdumu sakemm isir il-ħlas tat-taxxa dovuta. Qed ikun propost li din il-miżura mhux obbligatorja ta’ simplifikazzjoni ta’ kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet tiġi estiża għall-Istati Membri kollha. L-iskema għandha tkun disponibbli għall-intrapriżi mikro kollha li jkollhom fatturazzjoni annwali li ma teċċedix EUR 2 miljun, kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (2003/361/KE) dwar id-definizzjoni ta’ mikrointrapriżi ,u ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju. Barra minn hekk, fejn il-fornitur juri biss il-VAT fuq l-irċevuta tal-ħlas, għandha ssir konċessjoni biex min jirċievi dawk il-provvisti jkun jista’ xorta waħda jagħmel talba għad-dritt immedjat għat-tnaqqis. Din il-proposta toħloq il-bażi legali biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jappoġġjaw aktar lin-negozji li jkunu qed iħaddmu sistema ta’ kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet. Hemm ukoll emenda għad-dettalji meħtieġa fuq fattura tal-VAT sħiħa, liema emenda tobbliga lill-fornitur biex jiddikjara d-data tal-ħlas tat-taxxa fuq il-fattura. Bħalissa, mingħajr dan ir-rekwiżit ir-reċipjent, f’ċerti każijiet, ma jkunx jista’ jaf safejn jista’ jeżerċita d-dritt tat-tnaqqis. Il-ħruġ ta’ fattura Stat Membru fejn japplikaw ir-regoli Bħalissa hemm ċertu ambigwità rigward f’liema Stat Membru japplikaw ir-regoli dwar il-fatturazzjoni. Filwaqt li b’mod ġenerali huwa mifhum li r-regoli dwar il-fatturazzjoni huma dawk applikabbli fl-Istat Membru fejn hija dovuta t-taxxa, dan mhuwiex iddikjarat b’mod ċar. Dan joħloq ċerti diffikultajiet għan-negozji. Persuna taxxabbli li tagħmel fornimenti li għalihom hija dovuta t-taxxa fi Stat Membru ieħor, trid tissodisfa l-kundizzjonijiet dwar il-fatturazzjoni fl-Istati Membri l-oħra, u dawn ir-regoli jistgħu jkunu differenti għall-Istat Membru fejn din tkun stabbilita. Il-proposta hija intiża li ssolvi din il-problema billi tistabbilixxi sett ta’ regoli armonizzati għall-fatturi bejn Negozju u Negozju (B2B), bil-konsegwenza li persuna taxxabbli li toħroġ fattura li permezz tagħha dan jiġi identifikat għal finijiet ta’ VAT ikollha ċ-ċertezza legali li l-fattura tkun valida fl-UE kollha. Din tippermetti wkoll li r-regoli jkunu japplikaw fl-Istat Membru tal-fornitur, li tibni fuq l-idea tal-Iskema ta’ Waqfa Waħda li tippermetti lin-negozji biex iwettqu l-obbligi tagħhom mill-Istat Membru fejn huma stabbiliti. B’mod partikolari, il-proposta hija intiża li tarmonizza r-regoli dwar il-fatturazzjoni fejn bħalissa jeżisti trattament differenti, jiġifieri provvisti li huma eżentati, il-limiti ta’ żmien biex jinħarġu l-fatturi, fatturi fil-qosor, fatturi maħruġa mill-klijent u s-sottokuntrattar lil terzi partijiet. Għall-provvisti bejn Negozju u Klijent (B2C) ir-regoli li japplikaw għandhom jibqgħu bħal fil-post fejn titħallas it-taxxa, iżda b’aktar armonizzazzjoni u trasparenza għan-negozju. Filwaqt li tippermetti lill-Istati Membri biex jagħżlu li jitolbu fatturi għall-provvisti B2C, li trid tkun applikabbli kemm għal negozji stabbiliti kif ukoll ukoll għal dawk mhumiex stabbiliti, iżda li tillimita l-għażla għal fatturi simplifikati biss, il-proposta għandha l-għan li tibbilanċja l-ħtiġijiet tal-Istati Membri biex jikkontrollaw it-taxxa u li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. It-trasparenza fin-negozju tista’ tinkiseb jekk l-Istati Membri jintalbu biex permezz ta’ websajt jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar ir-regoli tal-fatturazzjoni għall-provvisti B2C. Fil-fatt, il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2004) 728 finali – l-Artikolu 34f tar-Regolament (KE) Nru 1798/2003)) diġà tipprevedi dan għall-"iskema ta’ waqfa waħda" u għalhekk l-"iskema żgħira ta’ waqfa waħda" li tkun adottata tkun teħtieġ xi ħaġa simili. Il-kontenut ta’ fattura Normalment, fattura tkun meħtieġa li tinħareġ għal finijiet ta’ VAT kemm biex turi l-VAT li trid titħallas lit-Teżor kif ukoll biex tippermetti lill-klijent biex jeżerċita d-dritt tat-tnaqqis. L-importanza tal-fattura f’każijiet fejn jista’ jiġi eżerċitat id-dritt tat-tnaqqis hija ferm akbar minn dik fejn hija dovuta biss il-VAT mill-fornitur. B’dan il-ħsieb il-proposta hija intiża biex tistabbilixxi sistema ta’ fatturazzjoni fuq żewġ livelli. L-ewwel nett, hemm il-fattura li turi l-VAT sħiħa li hija fattura obbligatorja b’sett estensiv ta’ dettalji għall-provvisti B2B meta jkun hemm il-probabbiltà li l-klijent ikun se jeżerċita d-dritt tat-tnaqqis u fejn il-fornitur ikollu d-dritt tat-tnaqqis fil-fażi ta’ qabel jew għal provvista transkonfinali. It-tieni nett, hemm l-għażla, jew f’ċerti każijiet ir-rekwiżit, għal fattura simplifikata. Fattura li turi l-VAT sħiħa Rigward fattura li turi l-VAT sħiħa r-rekwiżiti preżenti fl-Artikolu 226 tad-Direttiva dwar il-VAT b’mod ġenerali qed jinżammu. Hemm tliet bidliet importanti. L-ewwel bidla tirrigwarda r-rekwiżit biex il-fornitur jiddikjara fuq il-fattura n-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT tal-klijent. Dan jipprovdi assigurazzjoni akbar għall-awtorità fiskali li n-numru tal-VAT tal-klijent li jkun hemm fuq il-fattura jkun jaqbel ma’ dak li fih ikun qed jiġi eżerċitat id-dritt tat-tnaqqis. Dan itemm ukoll id-distinzjoni bejn fatturi domestiċi u dawk li jikkonċernaw provvista lil klijent fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, dan jgħin ukoll sabiex b’mod uniku jiġi identifikat il-klijent meta, kif inhu ttamat, it-trażmissjoni tal-fatturi b’mezzi elettroniċi ssir aktar mifruxa. It-tieni bidla hija li l-data tal-provvista tal-merkanzija jew servizzi qed tinbidel bid-data li fiha tkun dovuta t-taxxa. B’dan il-mod min jirċievi l-provvista jkun jaf f’liema perjodu huwa jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu tat-tnaqqis. It-tielet bidla tikkonċerna l-provvisti bl-inverżjoni tal-ħlas. Hawnhekk il-fornitur, li ma jkunx responsabbli għall-ħlas tal-VAT, jista’ jeskludi r-rata tal-VAT kif ukoll l-ammont ta’ VAT dovut mill-fattura sħiħa meta l-provvista sseħħ fi Stat Membru ieħor. F’diversi każijiet fejn il-klijent ikun fi Stat Membru ieħor, l-għarfien tar-rata tal-VAT jista’ jkun diffiċli għall-fornitur. Fattura tal-VAT simplifikata L-Istati Membri għandhom l-għażla li jeħtieġu persuna taxxabbli biex toħroġ fattura fil-każ ta’ provvisti B2C. Madankollu, f’dawn il-każijiet, peress li x’aktarx ma jkunx hemm tnaqqis fil-VAT, tista’ tkun meħtieġa fattura simplifikata biss. Għall-provvisti B2B negozju għandu l-għażla li joħroġ fattura simplifikata għal noti ta’ kreditu u għal provvisti domestiċi eżentati li ma jippermettux lill-fornitur id-dritt tat-tnaqqis fil-fażi ta’ qabel. Barra minn hekk, meta l-ammont tal-fattura jkun inqas minn EUR 200 tkun meħtieġa biss fattura simplifikata. Peress li l-ammont tal-VAT li jista’ jitnaqqas huwa żgħir, ir-riskju li jista’ jkun hemm għall-baġits tal-Istati Membri jkun żgħir ukoll. Il-maġġoranza tal-Istati Membri, fi kwalunkwe każ, diġà kkonsultaw lill-Kumitat tal-VAT biex jagħmlu użu mill-fatturi simplifikati fejn jirrigwarda ammonti żgħar. Id-dettalji meħtieġa dwar il-fattura simplifikata huma dawk il-punti msemmija bħalissa fl-Artikolu 238 tad-Direttiva dwar il-VAT. L-unika żjieda huwa r-rekwiżit biex ikun inkluż il-valur tat-tip ta’ oġġetti jew servizzi fornuti. Il-fattura elettronika Bis-saħħa ta’ diversi għażliet li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, l-Istati Membri implementaw ir-regoli tagħhom dwar il-fatturi elettroniċi b’mod differenti. Dan ħoloq sett ta’ regoli mhux armonizzati dwar il-fatturi elettroniċi li kien diffiċli ferm għan-negozji biex ikunu konformi magħhom, partikolarment fil-każ meta jintbagħtu fatturi elettroniċi transkonfinali. Il-proposta hija intiża biex ittemm kull ostaklu legali għall-fatturi elettroniċi li jeżisti fid-Direttiva dwar il-VAT billi tittratta t-trażmissjoni ta’ fatturi stampati u fatturi elettroniċi b’mod ugwali. Għalhekk, ir-referenza għall-fatt li fattura elettronika għandha ssir permezz ta’ firma elettronika avvanzata jew permezz ta’ EDI qed tiġi eliminata. Fl-istess waqt, huwa importanti li l-aħjar prattiki jiżviluppaw sabiex l-istandards, ir-rekwiżiti tan-negozju u r-rekwiżiti legali kollha jingħaqdu f’metodu komuni. F’dan is-sens, id-Direttiva dwar il-VAT ftit li xejn tista’ tgħin biex jitneħħew l-ostakli li jeżistu bħalissa f’termini ta’ leġiżlazzjoni dwar il-VAT, u hawnhekk ix-xogħol tal-Grupp Espert dwar il-Fatturazzjoni Elettronika huwa utli. Iż-żamma tal-fatturi Il-proposta tistabbilixxi perjodu ta’ żmien komuni ta’ 6 snin għall-UE kollha li matulu jridu jinżammu l-fatturi kollha. Dan jippermetti l-uniformità għall-iskambju ta’ fatturi bejn l-Istati Membri u, b’mod ġenerali, huwa skont il-perjodi ta’ żamma li hemm bħalissa fl-Istati Membri. B’din il-proposta, l-Istat Membru li fih japplikaw ir-regoli issa qed ikun definit b’mod ċar fil-liġi. Fil-każ ta’ fornitur, ir-regoli li japplikaw ikunu dawk tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur li jagħmel il-provvista. Fil-każ ta’ klijent, ir-regoli li japplikaw ikunu dawk tal-Istat Membru li għalih dan ikun jappartjeni. Huwa importanti wkoll li għall-finijiet ta’ żamma n-negozji jitħallew jikkonvertu l-fatturi stampati f’format elettroniku. | 310 | Bażi legali L-Artikolu 93 tat-Trattat KE. | 329 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. | Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. | 331 | Bħala l-aktar miżura xierqa u faċli ntgħażlet Direttiva, peress li r-regoli preżenti li jridu jiġu simplifikati, modernizzati u armonizzati huma stabbiliti f’Direttiva. | 332 | Il-miżuri huma intiżi li jnaqqsu l-piżijiet fuq in-negozju, li jgħinu lill-SMEs u li jiffaċilitaw l-użu tal-fatturazzjoni elettronika u għaldaqstant għandu jkollhom effett pożittiv fuq l-opertauri ekonomiċi filwaqt li jħallu lill-Istati Membri b’mezzi suffiċjenti biex jispezzjonaw it-taxxi b’mod effettiv u effiċjenti. | Għażla tal-istrumenti | 341 | Strumenti proposti: Direttiva. | 342 | Mezzi oħra mhumiex adegwati għar-raġunijiet li ġejjin. Il-liġi li qed tiġi emendata hija Direttiva u għalhekk l-ebda att leġiżlattiv ieħor m’huwa adattat. | IMPLIKAZZJONI BAġITARJA | 409 | Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Komunità. | INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI | 510 | Simplifikazzjoni | 511 | Il-proposta hija intiża li tissimplifika l-liġi u l-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi (UE u nazzjonali), kif ukoll għall-partijiet privati. | 512 | Il-proposta hija intiża li telimina l-ostakli legali fis-suq intern għall-fatturi tal-VAT. Din il-proposta tikkontribwixxi għall-istrateġija ta’ simplifikazzjoni mnedija mill-Kummissjoni f’Ottubru 2005 (COM(2005)535) bil-ħsieb li tgħin lin-negozji biex ikunu aktar kompetittivi. Il-miżuri simplifikati jkopru, l-aktar, il-ħruġ ta’ fattura li tkun saret fi ħdan sett ta’ regoli armonizzati li huma validi fl-UE kollha, fattura simplifikata fil-każ ta’ provvisti B2C, it-trattament ugwali ta’ fatturi elettroniċi u stampati, perjodu ta’ żmien komuni fl-UE kollha li matulu jridu jinżammu l-fatturi u t-tneħħija tal-għażla biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimponu kundizzjonijiet fuq fatturi li jinħarġu mill-klijent stess. | 513 | Il-proposta għandha ttejjeb il-kwalità tad-dejta li tiġi skambjata bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ provvisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija. | 514 | L-istabbiliment ta’ regoli armonizzati f’livell ta’ UE jagħti lin-negozji ċ-ċertezza legali li fattura li tkun konformi mar-regoli fi Stat Membru wieħed, tkun konformi wkoll fl-Istati Membri kollha. Bħalissa teżisti l-possibbiltà li n-negozji jridu jkunu konformi ma’ 27 regola differenti dwar il-fatturazzjoni. | 550 | Tabella korrelattiva L-Istati Membri huma meħtieġa li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom li jittrasponu d-Direttiva kif ukoll it-tabella korrelattiva bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. | E-28891 | 2009/0009 (CNS) Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3], Billi: (1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud[4] tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-regoli dwar il-fatturi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, minn issa ’l quddiem magħrufa bħala "VAT", biex tiżgura l-iffunzjonar xieraq tas-suq intern. Skont l-Artikolu 237 ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni ppreżentat rapport li jidentifika, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, ċerti diffikultajiet dwar il-fatturazzjoni elettronika u li, barra minn hekk, jidentifika wkoll ċerti oqsma oħra li fihom ir-regoli tal-VAT għandhom ikunu simplifikati biex itejbu l-iffunzjonar tas-suq intern. (2) Peress li jeħtieġ li ż-żamma tad-dokumenti tkun suffiċjenti biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw l-merkanzija li tgħaddi temporanjament minn Stat Membru għall-ieħor, irid ikun ċar li ż-żamma tad-dokumenti għandha tinkludi d-dettalji tal-valutazzjonijiet tal-merkanzija li tgħaddi temporanjament bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, għal finijiet ta’ valutazzjoni, it-trasferiment ta’ merkanzija lejn Stat Membru ieħor m’għandux jitqies bħala provvista ta’ merkanzija għall-finijiet ta’ VAT. (3) Ir-regoli dwar il-ħlas tal-VAT fuq provvisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija għandhom ikunu simplifikati sabiex jiżguraw l-uniformità tal-informazzjoni li tiġi sottomessa fid-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi kif ukoll il-perjodu ta’ żmien għall-iskambju ta’ informazzjoni permezz ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet. Id-deroga fl-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2006/112/KE li tippermetti biex il-fattura tistabbilixxi l-impożizzjoni tat-taxxa għandha titneħħa; iż-żmien tal-provvista biss għandu jwassal biex tiġi imposta l-VAT. Barra minn hekk, it-taxxa fuq provvista kontinwa ta’ merkanzija minn Stat Membru għall-ieħor matul perjodu ta’ iktar minn xahar kalendarju wieħed għandha tiġi imposta fi tmiem kull xahar kalendarju. Ir-regoli li jikkonċernaw il-ħlas tal-VAT fuq akkwisti intra-Komunitarji għandhom jinbidlu wkoll. (4) Biex ikunu megħjuna l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex iħallsu l-VAT lill-awtorità kompetenti qabel ma jkunu rċevew il-ħlas mill-klijenti tagħhom, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla biex jippermettu li l-VAT tinħadem permezz ta’ sistema bbażata fuq ħlasijiet, li tippermetti lill-fornitur biex iħallas il-VAT lill-awtorità kompetenti wara li dan jirċievi l-ħlas għall-provvista u li tistabbilixxi d-dritt tiegħu tat-tnaqqis meta jitħallas għall-provvista. Dan għandu jippermetti lill-Istati Membri biex jintroduċu sistema bbażata fuq ħlasijiet mhux obbligatorja li ma jkollhiex effett negattiv fuq il-bilanċ ta’ dħul ta’ flus relatat mal-irċevuti tal-VAT tagħhom. (5) Fattura valida maħruġa skont id-Direttiva 2006/112/KE hija dokument importanti biex tkun ikkontrollata l-VAT, partikolarment fir-rigward tad-dritt tat-tnaqqis. Dan huwa l-każ għat-tranżazzjonijiet kollha, irrispettivament mill-persuna li hija responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. Għalhekk, għandhom jiddaħħlu regoli biex l-Istati Membri jkollhom id-dritt li jitolbu fattura tal-VAT valida fil-każijiet kollha fejn ikun hemm id-dritt tat-tnaqqis. (6) Biex in-negozji jkollhom iċ-ċertezza legali rigward l-obbligi tagħhom għall-fatturazzjoni, l-Istat Membru li fih japplikaw ir-regoli dwar il-fatturazzjoni għandhom ikunu ddikjarati b’mod ċar. Ir-regoli li japplikaw għandhom ikunu dawk tal-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli li tagħmel il-provvista tiġi identifikata għall-VAT jew li fih din tkun stabbilita mod ieħor. (7) Biex jitnaqqsu aktar il-piżijiet fuq in-negozju, l-użu ta’ fatturi simplifikati għandu jiġi estiż għal oqsma li fihom ir-riskju tat-taxxa jkunu wieħed żgħir, bħan-noti ta’ kreditu, provvisti ta’ valur baxx u ċerti provvisti eżentati. (8) Minħabba r-regoli differenti tal-Istati Membri dwar il-fatturazzjoni għal provvisti lil persuni mhux taxxabbli u l-ħtieġa li jinżammu miżuri biex ikunu kkontrollati każijiet ta’ frodi, l-għażla li persuni taxxabbli joħorġu fattura lil persuni li mhumiex taxxabbli għandha tinżamm. Madankollu, biex din tkun bilanċjata mal-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet fuq in-negozju, għandha tkun meħtieġa biss fattura simplifikata li tinkludi livell baxx ta’ informazzjoni. (9) Sabiex ikunu armonizzati r-regoli dwar il-fatturazzjoni għal persuni taxxabbli jew persuni legali li mhumiex taxxabbli, bil-ħsieb li jitjieb l-iffunzjonar tas-suq intern, l-għażliet rilevanti għall-Istati Membri għandhom jiġu eliminati jew mibdula b’regoli armonizzati. Dan huwa l-każ fejn jirrigwarda provvisti eżentati, il-limitu ta’ żmien għall-ħruġ ta’ fattura, fatturi fil-qosor, fatturi maħruġa mill-klijent stess u s-sottokuntrattar lil partijiet terzi barra l-Komunità. (10) Ir-rekwiżiti dwar l-informazzjoni li trid tiġi fornuta dwar il-fatturi għandhom ikunu emendati ħalli jippermettu kontroll fiskali aħjar, biex joħolqu trattament indaqs bejn provvisti transkonfinali u lokali u biex jgħinu wkoll fil-promozzjoni tal-fatturazzjoni elettronika. (11) Peress li l-użu ta’ fatturi elettroniċi jista’ jgħin lin-negozji biex inaqqsu l-ispejjeż u jkunu aktar kompetittivi, huwa importanti li l-fatturi stampati u l-fatturi elettroniċi jingħataw l-istess trattament. Metodu teknoloġikament newtrali jinkiseb biss jekk jiġi żgurat li ma ssir l-ebda distinzjoni bejn fatturi stampati u fatturi elettroniċi fuq bażi ta’ kontenut, ħruġ jew żamma. (12) Peress li r-regoli differenti tal-Istati Membri dwar il-perjodu ta’ żmien li matulu l-fatturi jridu jinżammu, dwar il-mezz li fih dawn iridu jinżammu kif ukoll dwar il-post fejn għandhom jinżammu joħolqu piżijiet sinjifikanti fuq in-negozju, għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ żamma komuni u għandu jkun possibbli li l-fatturi jinżammu f’format elettroniku u li dawn jinżammu barra l-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli tkun stabbilita, sakemm dawk il-fatturi jistgħu jkunu disponibbli mingħajr dewmien żejjed. Għandu jiġi pprovdut ukoll li r-regoli li japplikaw għaż-żamma tal-fatturi għandhom ikunu dawk tal-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli tkun stabbilita. (13) Ir-regoli dwar l-aċċess għall-fatturi mill-awtorità kompetenti għall-finijiet ta’ kontroll għandhom ikunu ċari sabiex meta persuna taxxabbli żżomm fatturi onlajn li hija tkun ħarġet jew irċeviet, l-Istat Membru li fih tkun dovuta t-taxxa jkollu aċċess għal dawk il-fatturi. (14) Peress li l-għanijiet tal-azzjoni li trid tittieħed rigward is-simplifikazzjoni, l-immoderniazzar u l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-fattura tal-VAT ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, għalhekk, jistgħu jintlaħqu aħjar f’livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet. (15) Id-Direttiva 2006/112/KE għandha, għalhekk, tkun emendata kif jixraq, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE Id-Direttiva 2006/112/KE qed tkun emendata kif ġej: (1) Fl-Artikolu 17(2), il-punt (f) jinbidel b’dan li ġej: "(f) il-provvista ta’ servizz li jsir lil persuna taxxabbli u li jikkonsisti f’valutazzjonijiet ta’, jew xogħol fuq, il-merkanzija kkonċernata li jsir fiżikament fit-territorju tal-Istat Membru li fih jintemm id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija, sakemm il-merkanzija, wara li tkun ġiet ivvalutata jew sar ix-xogħol fuqha, titwassal għand il-persuna taxxabbli fl-Istat Membru li minnu dawn intbagħtu jew inġarru oriġinarjament;" (2) Fl-Artikolu 64, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej: "2. Il-provvisti kontinwi ta’ merkanzija matul perjodu ta’ iktar minn xahar kalendarju wieħed, li jintbagħtu jew jinġarru lejn Stat Membru minbarra dak li fih jibda d-dispaċċ jew it-trasport ta’ dik il-merkanzija u li jiġu fornuti bħala eżentati mill-VAT jew li jiġu ttrasferiti bħala eżentati mill-VAT lejn Stat Membru ieħor minn persuna taxxabbli għall-finijiet tan-negozju tiegħu, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 138, għandhom jitqiesu bħala kompluti meta jiskadi kull xahar kalendarju sakemm tintemm il-provvista. Il-provvisti ta’ servizzi li għalihom trid titħallas il-VAT mill-klijent skont l-Artikolu 196, li jiġu fornuti kontinwament matul perjodu ta’ aktar minn sena u li ma jwasslux għal dikjarazzjonijiet tal-kont jew għal ħlasijiet matul dak il-perjodu, għandhom jitqiesu bħala kompluti meta tiskadi kull sena kalendarja sakemm jintemm il-forniment tas-servizzi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, f’ċerti każijiet minbarra dawk imsemmija fl-ewwel u fit-tieni sottoparagrafi, il-provvista kontinwa ta’ merkanzija jew servizzi matul perjodu ta’ żmien għandha titqies bħala kompluta ta’ mill-inqas f’intervalli ta’ sena." (3) Fl-Artikolu 66, il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej: "(c) fejn fattura ma tinħariġx, jew tinħareġ tard, sa mhux aktar tard mill-15-il jum tax-xahar wara dak li fih iseħħ l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas." (4) L-Artikolu 67 qed jitħassar. (5) Fil-Kapitolu 2 tat-Titolu VI, jiddaħħal l-Artikolu 67a li ġej: "Artikolu 67a L-Artikolu 64(1), it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 64(2), l-Artikolu 65 u l-Artikolu 66 ma japplikax fejn, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 138, il-merkanzija li tintbagħat jew tinġarr lejn Stat Membru, minbarra dak li fih jibda d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija, tiġi fornuta eżentata mill-VAT, jew fejn il-merkanzija tiġi ttrasferita b’eżenzjoni mill-VAT lejn Stat Membru minn persuna taxxabbli għall-finijiet tan-negozju tagħha." (6) Fl-Artikolu 68, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej: "L-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija għandu jitqies li jkun sar, u l-VAT issir dovuta, meta l-provvista ta’ merkanzija simili ssir fit-territorju tal-Istat Membru rilevanti." (7) L-Artikolu 69 qed jitħassar. (8) Qed jiddaħħal l-Artikolu 167a li ġej: "Artikolu 167a 1. Fejn it-taxxa deduċibbli ssir dovuta meta jsir il-ħlas, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dritt tat-tnaqqis jiġi eżerċitat meta l-merkanzija jew is-servizzi jiġu fornuti jew meta tinħareġ il-fattura. 2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li fi ħdan skema mhux obbligatorja l-persuni taxxabbli għandhom, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin, jipposponu d-dritt tat-tnaqqis sakemm il-VAT titħallas lill-fornitur: (a) il-persuna taxxabbli tiddikjara l-VAT li trid titħallas għall-provvisti tagħha biss meta din tkun fil-fatt tħallset mill-klijenti tagħha; (b) il-fatturazzjoni annwali tal-persuna taxxabbli ma tkunx ogħla minn EUR 2 000 000. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kumitat tal-VAT dwar il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali adottati skont l-ewwel sottoparagrafu." (9) L-Artikolu 178 huwa emendat skont kif ġej: (a) Il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej: "(a) għall-finijiet ta’ tnaqqis skont l-Artikoli 168(a), fir-rigward ta’ provvista ta’ merkanzija jew servizzi, dan irid ikollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI;" (b) Il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej: "(c) għall-finijiet ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 168(c), fir-rigward ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, dan irid jinkludi fil-formola tal-VAT prevista fl-Artikolu 250 l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-ammont ta’ VAT dovut li jrid jiġi kkalkulat għall-akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija u għandu jkollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3, 4 u 5 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI;" (c) Il-punt (f) jinbidel b’dan li ġej: "(f) meta jkun meħtieġ iħallas il-VAT bħala klijent fejn japplikaw l-Artikoli 194 sa 197 jew l-Artikolu 199, dan irid ikollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI u jrid ikun konformi mal-formalitajiet kif stabbilit minn kull Stat Membru." (10) L-Artikolu 180 jinbidel b’dan li ġej: "Artikolu 180 L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw persuna taxxabbli biex tagħmel tnaqqis li din ma tkunx għamlet skont l-Artikoli 178 u 179. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u r-regoli li taħthom għandha tingħata din l-awtorizzazzjoni." (11) L-Artikoli 181 u 182 qed jitħassru. (12) Fl-Artikolu 197(1), il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej: "(c) il-fattura maħruġa minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl-Istat Membru tal-persuna li lilha tiġi fornuta l-merkanzija għandha ssir skont it-Taqsimiet 3, 4 u 5 tal-Kapitolu 3." (13) Qed jiddaħħal l-Artikolu 218a li ġej: "Artikolu 218a L-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq persuni taxxabbli obbligi jew formalitajiet, minbarra dawk stabbiliti f’dan il-Kapitolu u fil-Kapitolu 4, fejn jirrigwarda l-ħruġ jew iż-żamma ta’ fatturi, irrispettivament minn jekk il-fatturi jintbagħtux jew ikunux disponibbli b’mezzi elettroniċi jew jekk jintbagħtux f’forma stampata." (14) Fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI, qed jiddaħħal l-Artikolu 219a li ġej: "Artikolu 219a 1. Il-ħruġ ta’ fattura għandu jkun soġġett għar-regoli li japplikaw fl-Istat Membru li jkun ħareġ lill-persuna taxxabbli kkonċernata n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT li taħtu tkun għamlet il-provvista. Jekk ma jkunx jeżisti tali numru, ir-regoli għandhom ikunu dawk li japplikaw fl-Istat Membru li fih il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss li minnu ssir il-provvista jew, fin-nuqqas ta’ dan il-post ta’ negozju jew stabbiliment fiss, li fih ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew li s-soltu jgħix fih jew li jkun meħtieġ mod ieħor sabiex jiġi identifikat għal finijiet ta’ VAT. 2. Fejn klijent li jirċievi provvista ta’ merkanzija jew servizzi jkun stabbilit fi Stat Membru minbarra dak li minnu tkun saret il-provvista u l-klijent ikun responsabbli biex iħallas il-VAT, il-ħruġ tal-fattura għandu jkun soġġett għar-regoli li japplikaw fl-Istat Membru li jkun ħareġ in-numru tar-reġistrazzjoni tal-VAT li taħtu l-klijent ikun irċieva l-provvista." (15) L-Artikolu 220 huwa emendat skont kif ġej: (a) Il-punt (2) huma mħassar; (b) Il-punt (4) jinbidel b’dan li ġej: "(4) kwalunkwe ħlas akkont magħmul lilu qabel ma tkun saret jew tlestiet il-provvista tal-merkanzija msemmija fil-punt (1);" (16) Qed jiddaħħal l-Artikolu 220a li ġej: "Artikolu 220a L-Istati Membri għandhom jippermettu li persuna taxxabbli toħroġ fattura simplifikata fil-każijiet li ġejjin: (a) fejn l-ammont taxxabbli tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi jkun inqas minn EUR 200; (b) fejn il-fattura maħruġa jkun dokument jew messaġġ meqjus bħala fattura skont l-Artikolu 219; (c) fejn il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi tkun eżentata mingħajr ma titnaqqas il-VAT li tħallset fil-fażi preċedenti, u fejn il-persuna taxxabbli li tkun meħtieġa tiżgura li tinħareġ il-fattura tiġi identifikata, għal finijiet ta’ VAT, fl-istess Stat Membru bħala l-post tat-tassazzjoni. Il-punt (c) tal-ewwel paragrafu ma japplikax fejn il-provvista tal-merkanzija kkonċernata tkun eżentata wkoll skont l-Artikolu 138." (17) L-Artikoli 221, 222 u 223 jinbidlu b’dan li ġej: "Artikolu 221 L-Istati Membri jistgħu jimponu fuq persuni taxxabbli l-obbligu li joħorġu fattura simplifikata fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 220, fejn il-post tal-provvista ta’ dik il-merkanzija jew dawk is-servizzi jkun fit-territorju tagħhom. Artikolu 222 Il-fattura għandha tinħareġ sa mhux aktar tard mill-15-il jum tax-xahar wara dak li fih ikun seħħ avveniment li jagħti lok għall-ħlas. Artikolu 223 L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lill-persuna taxxabbli biex toħroġ fattura fil-qosor li tiddeskrivi fid-dettal diversi provvisti separati ta’ merkanzija jew servizzi, sakemm il-provvisti msemmija f’dik il-fattura fil-qosor tkun trid titħallas il-VAT fuqhom matul l-istess xahar kalendarju." (18) L-Artikoli 224 u 225 huma mħassra. (19) L-Artikolu 226 huwa emendat skont kif ġej: (a) Il-punt (4) jinbidel b’dan li ġej: "(4) in-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT tal-klijent kif imsemmi fl-Artikolu 214;" (b) Il-punt (7) jinbidel b’dan li ġej: "(7) id-data li fiha tiġi imposta l-VAT, sakemm dik id-data tkun differenti minn dik tal-ħruġ tal-fattura, jew, jekk id-data li fiha tkun dovuta l-VAT ma tkunx magħrufa, referenza għall-avveniment li jagħti lok għall-ħlas ikkonċernat;" (c) Qed jiddaħħal il-punt (7a) li ġej: "(7a) fejn il-VAT trid titħallas meta jsir il-pagament, id-data li fiha l-merkanzija jew is-servizzi jiġu fornuti jekk id-data tal-provvista tiġi qabel dik tal-ħlas;" (d) Qed jiddaħħal il-punt (10a) li ġej: "(10a) fejn il-klijent li jirċievi l-provvista joħroġ fattura minflok il-fornitur, il-kelmiet "fattura maħruġa mill-klijent ";" (e) Il-punt (11) huwa mibdul b’dan li ġej: "(11) fil-każ ta’ eżenzjoni, l-ittri "EŻ";" (f) Qed jiddaħħal il-punt (11a) li ġej: "(11a) fejn il-klijent huwa responabbli biex iħallas il-VAT, l-ittri "RC";" (g) Il-punt (13) jinbidel b’dan li ġej: "(13) fejn tiġi applikata l-iskema ta’ marġini għall-aġenti tal-ivvjaġġar, referenza għall-Artikolu 306;" (h) Il-punt (14) jinbidel b’dan li ġej: "(14) fejn japplika wieħed mill-arranġamenti speċjali li jgħoddu għal oġġetti użati, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u oġġetti antiki, referenza għall-Artikoli 313, 326 jew 323 skont kif japplika;" (20) Qed jiddaħħlu l-Artikoli 226a u 226b li ġejjin: "Artikolu 226a Meta tinħareġ fattura mill-persuna taxxabbli li tagħmel il-provvista lil klijent li jkun soġġett għall-ħlas tal-VAT, il-persuna taxxabbli tista’ tħalli barra d-dettalji msemmija fil-punti (8), (9) u (10) tal-Artikolu 226 u minflok tindika, b’referenza għall-kwantità jew il-grad ta’ merkanzija jew servizzi fornuti kif ukoll in-natura tagħhom, il-valur ta’ dik il-merkanzija jew dawk is-servizzi. Artikolu 226b Id-dettalji biss li ġejjin huma meħtieġa għall-fatturi simplifikati maħruġa skont l-Artikoli 220a u 221: (a) id-data tal-ħruġ; (b) l-identifikazzjoni tal-persuna taxxabbli li tagħmel il-provvista; (c) l-identifikazzjoni tat-tip ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti u l-valur tagħhom; (d) l-ammont ta’ VAT li jrid jitħallas jew li jrid jiġi kkreditat, jew l-informazzjoni meħtieġa biex dan ikun ikkalkulat." (21) L-Artikoli 227 u 228 huma mħassra. (22) L-Artikolu 230 huwa mibdul b’dan li ġej: "Artikolu 230 L-ammonti li jidhru fil-fattura jistgħu jkunu mfissra fi kwalunkwe munita, sakemm l-ammont tal-VAT li jrid jitħallas jew jiġi kkreditat ikun imfisser fil-munita nazzjonali tal-Istat Membru li fih issir il-provvista tal-merkanzija jew tas-servizzi, billi tintuża r-rata tal-kambju ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-jum li fih tiġi imposta t-taxxa, jew, f’każ li f’dik il-ġurnata din ma tiġix ippubblikata, għall-jum ta’ qabel dik tal-pubblikazzjoni." (23) L-Artikolu 231 huwa mħassar. (24) L-Artikolu 232 huwa emendat skont kif ġej: "Artikolu 232 Fatturi maħruġa skont it-Taqsima 2 jistgħu jintbagħtu stampati jew jistgħu jintbagħtu jew ikunu disponibbli b’mezzi elettroniċi." (25) L-Artikoli 233, 234, 235 u 237 huma mħassra. (26) L-Artikolu 238 huwa emendat skont kif ġej: (a) Il-paragrafu 1 huwa mibdul b’dan li ġej: "1. Wara li jikkonsulktaw lill-Kumitat tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu, skont il-kundizzjonijiet li dawn jistgħu jistabbilixxu, jipprovdu li fil-każijiet li ġejjin l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 226b biss tiġi inkluża fil-fatturi li jirrigwardaw provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li jsiru fit-territorju tagħhom: (a) fejn l-ammont tal-fattura jkun iktar minn EUR 200 iżda mhux ogħla minn EUR 400; (b) fejn il-prattika kummerċjali jew amministrattiva fis-settur tan-negozju kkonċernat jew fejn il-kundizzjonijiet tekniċi li taħthom jinħarġu l-fatturi jagħmluha ferm diffiċli biex ikun hemm konformità mal-obbligi kollha msemmija fl-Artikolu 226." (b) Il-paragrafu 2 huwa mħassar; (c) Il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej: "3. L-arranġamenti simplifikati previsti fil-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu applikati meta l-fatturi jridu jinħarġu skont il-punt (3) tal-Artikolu 220 jew meta l-provvista taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi ssir minn persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilita fl-Istat Membru li fih hija dovuta l-VAT u l-persuna li trid tħallas il-VAT tkun dik il-persuna li lilha jridu jiġu fornuti l-merkanzija jew is-servizzi." (27) L-Artikoli 239 u 240 huma mħassra. (28) L-Artikolu 243 jinbidel b’dan li ġej: " Artikolu 243 1. Kull persuna taxxabbli għandha żżomm reġistru tal-merkanzija li tintbagħat jew tiġi ttrasportata, minn dik il-persuna stess jew f’isimha, lejn destinazzjoni barra t-territorju tal-Istat Membru tat-tluq iżda fil-Komunità, għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet li jikkonsistu f’valutazzjonijiet ta’ dik il-merkanzija jew f’xogħol fuqha jew fl-użu temporanju tagħha kif imsemmi fil-punti (f), (g) u (h) tal-Artikolu 17(2). 2. Kull persuna taxxabbli għandha żżomm kontijiet dettaljati biex tkun tista’ tiġi identifikata l-merkanzija mibgħuta lilha minn Stat Membru ieħor, minn jew f’isem persuna taxxabbli identifikata għal finijiet ta’ VAT f’dak l-Istat Membru l-ieħor, u użati għal servizzi li jikkonsistu f’valutazzjonijiet ta’ dik il-merkanzija jew xogħol fuq dik il-merkanzija." (29) L-Artikolu 244 jinbidel b’dan li ġej: "Artikolu 244 Kull persuna taxxabbli meħtieġa li tiżgura li tinħareġ fattura minnha stess jew mill-klijent tagħha jew, minn dan stess u f’ismu, minn parti terza għandha tiżgura li jinżammu kopji ta’ dawn il-fatturi. Kull persuna taxxabbli li tirċievi fattura għandha tiżgura li l-fattura tinżamm. Iż-żamma ta’ fattura għandha tkun soġġetta għar-regoli li japplikaw fl-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli tkun stabbiliet in-negozju tagħha jew ikollha stabbiliment fiss li minnu jew li għalih tkun saret il-provvista jew, fin-nuqqas ta’ tali post ta’ negozju jew stabbiliment fiss, li fih din ikollha l-indirizz permanenti tagħha jew li normalment tkun tgħix fih jew li jkun b’mod ieħor meħtieġ sabiex din tkun identifikata għal finijiet ta’ VAT." (30) Fl-Artikolu 245(2), it-tieni sottoparagrafu huwa mħassar. (31) Fl-Artikolu 246, it-tieni paragrafu huwa mħassar. (32) L-Artikolu 247 huwa mibdul b’dan li ġej: "Artikolu 247 Il-persuna taxxabbli għandha tiżgura ż-żamma tal-fatturi għal perjodu ta’ sitt snin." (33) L-Artikolu 248 huwa mħassar. (34) Fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 4 tat-Titolu XI, qed jiddaħħal l-Artikolu 248a li ġej: "Artikolu 248a Għal finijiet ta’ kontroll, l-Istati Membri li fihom hija dovuta t-taxxa jistgħu jeħtieġu li fatturi partikolari jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali tagħhom." (35) L-Artikolu 249 huwa mibdul b’dan li ġej: "Artikolu 249 Għal finijiet ta’ kontroll, meta persuna taxxabbli żżomm, b’mezzi elettroniċi li jiggarantixxu l-aċċess onlajn għad-dejta kkonċernata, il-fatturi li toħroġ jew tirċievi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih din tkun stabbilita u, meta l-VAT tkun dovuta fi Stat Membru ieħor l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, għandu jkollhom id-dritt għall-aċċess, biex iniżżlu u biex jużaw dawk il-fatturi." (36) Fl-Artikolu 272(1), it-tieni sottoparagrafu huwa mibdul b’dan li ġej: "L-Istati Membri m’għandhomx jeżentaw lill-persuni taxxabbli msemmija fil-punt (b) tal-ewwel sottoparagrafu mill-obbligi tal-fatturazzjoni stabbiliti fit-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 u t-Taqsima 3 tal-Kapitolu 4." Artikolu 2 Traspożizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet kif ukoll it-tabella korrelattiva bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2013. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva. Artikolu 3 Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Artikolu 4 Destinatarji Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU C , , p. . [2] ĠU C , , p. . [3] ĠU C , , p. . [4] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.