SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
14 ta’ Marzu 2024 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 91/676/KEE – Artikolu 3(4) – Artikolu 5(4) – Punti 2 u 5 tal-Parti tal-Anness II, ,– Punt 9 tal-Parti B tal-Anness II – Punti 2 u 3 tal-paragrafu 1 u l-paragrafu 2 tal-Anness III – Artikolu 5(5) – Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli – Reviżjoni tal-lista ta’ żoni vulnerabbli għan-nitrati – Miżuri obbligatorji previsti fil-programmi ta’ azzjoni – Miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa”
Fil-Kawża C‑576/22,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑30 ta’ Awwissu 2022,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Hermes u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Ballesteros Panizo, bħala aġent,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,
Avukata Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:
ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676, tat‑12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 311, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/676”), l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-Annessi II u III tagħha, u l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
2 |
Il-ħames, is-sitt, l-għaxar, il-ħdax-il u t-tlettax-il premessa tad-Direttiva 91/676 jistabbilixxu: “Billi l-kawża prinċipali tat-tniġġis minn sorsi tat-tixrid li jaffettwaw l-ilmijiet Komunitarji hija n-nitrati minn sorsi agrikoli; Billi huwa għalhekk meħtieġ, sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u r-riżorsi ħajjin u l-ekosistemi akwatiċi u sabiex jiġu salvagwardjati l-użi leġittimi l-oħra ta’ l-ilma, li jitnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma ikkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex jiġi prevenut iktar tniġġis bħal dan; billi għal dan il-għan huwa importanti li jittieħdu miżuri dwar il-ħażna u l-applikazzjoni fuq l-art tal-komponenti kollha tan-nitroġenu u dwar il-prattiċi tal-ġestjoni ta’ ċerti artijiet; [...] Billi huwa meħtieġ illi l-Istati Membri jidentifikaw iż-żoni vulnerabbli u jistabilixxu u jimplimentaw programmi ta’ azzjoni għalbiex inaqqsu t-tniġġis ta’ l-ilma mill-komponenti tan-nitroġenu fiż-żoni vulnerabbli; Billi dawn il-programmi ta’ azzjoni għandhom jinkludu miżuri sabiex tiġi limitata l-applikazzjoni fl-art tal-fertilizzanti kollha li fihom in-nitroġenu u b’mod partikolari li jiġu ffissati limiti speċifiċi sabiex jiġi applikat id-demel tal-bhejjem; [...] Billi huwa magħruf illi l-idroġeoloġija f’ċerti Stati Membri hija hekk illi jistgħu jgħaddu ħafna snin qabel ma miżuri ta’ protezzjoni jwasslu għal titjib fil-kwalità ta’ l-ilma”. |
|
3 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Din id-Direttiva għandha l-mira li:
|
|
4 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:
[...]
|
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. L-ilmijiet effettwati bit-tniġġis u l-ilmijiet li jistgħu jiġu effettwati bit-tniġġis jekk ma titteħidx azzjoni skond l-Artikolu 5 għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri skond il-kriterji stabbiliti f’l-Anness I. 2. L-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmin ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jinominaw bħala żoni vulnerabbli ż-żoni kollha ta’ l-art fit-territorji tagħhom li jxaqilbu lejn l-ilmijiet identifikati skond il-paragrafu I u li jikkontribwixxu għat-tniġġis. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’din in-nominazzjoni inizjali fi żmien sitt xhur. [...] 4. L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jekk meħtieġ jerġgħu jikkonsidraw jew iżidu man-nomini taż-żoni vulnerabbli kif aproprjat, u mill-inqas darba kull erba’ snin, sabiex iqisu t-tibdil u l-fatturi li ma setgħux ikunu previsti fin-nomini ta’ qabel. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull revjoni jew żieda man-nomini fi żmien sitt xhur. 5. L-Istati Membri għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jidentifikaw żoni vulnerabbli speċifiċi, jekk jistabbilixxu u japplikaw il-programmi ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 5 skond din id-Direttiva fit-territorju kollu tagħhom.” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/676: “Bil-għan li jipprovdu għall-ilmijiet kollha livell ġenerali ta’ protezzjoni kontra t-tniġġis, l-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva:
[...]” |
|
7 |
L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Fil-perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-nomini inizjali riferiti fl-Artikolu 3(2) jew fi żmien sena minn kull nomina addizzjonali riferita fl-Artikolu 3(4), l-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli. 2. Programm ta’ azzjoni jista’ jkollu x’jaqsam maż-żoni vulnerabbli kollha fit-territorju ta’ Istat Membru jew, meta l-Istat Membru jqisha ħaġa xierqa, jistgħu jiġu stabbiliti programmi differenti għal żoni vulnerabbli differenti jew partijiet ta’ żoni. 3. Il-Programmi ta’ azzjoni għandhom iqisu:
4. Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:
5. L-Istati Membri għandhom barra minn hekk jieħdu, fil-qafas tal-programmi ta’ azzjoni, dawk il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li jqisu li huma meħtieġa jekk, fil-bidu jew fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, ikun jidher biċ-ċar illi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux biżżejjed għalbiex jinkisbu l-miri speċifikati fl-Artikolu 1. Fil-għażla ta’ dawn il-miżuri jew azzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effiċjenza tagħhom u l-ispejjeż tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-miżuri preventivi l-oħra possibbli. 6. L-Istati Membri għandhom ifasslu u jimplimentaw programmi ta’ monitoraġġ xieraq sabiex jivvalutaw l-effiċjenza tal-programmi ta’ azzjoni stabbiliti skond dan l-Artikolu. L-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 5 fit-territorju tagħhom kollu għandhom jimmonitorjaw il-kontenut tan-nitrat fl-ilma (l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art) f’lokalitajiet magħżula għall-kejl li jagħmluha possibbli li jiġi stabbilit l-ammont tat-tniġġis min-nitrat fl-ilmijiet minn sorsi agrikoli. [...]” |
|
8 |
L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Bil-għan tan-nominazzjoni u l-korrezzjoni tan-nomini taż-żoni vulnerabbli, l-Istati Membri għandhom:
[...]” |
|
9 |
L-Artikolu 10 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom, rigward il-perjodu taż-żmien ta’ erba’ snin wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni u rigward kull perjodu taż-żmien ta’ erba’ snin li jiġu wara, jissottometti rapport lill-Kummissjoni li jkun fih it-tagħrif deskritt fil-qosor f’l-Anness V. 2. Għandu jiġi ssottomess lill-Kummissjoni rapport skond dan l-Artikolu fi żmien sitt xhur mit-tmiem tal-perjodu taż-żmien li miegħu jkollu x’jaqsam.” |
|
10 |
Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 91/676: “Fuq il-bażi tat-tagħrif riċevut skond l-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapporti fil-qosor fi żmien sitt xhur minn meta jaslulha r-rapporti mill-Istati Membri u għandha tikkomunikahom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fid-dawl ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness III, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kunsill sa l‑1 ta’ Jannar 1998 rapport akkumpanjat meta jixraq bi proposti għal reviżjoni ta’ din id-Direttiva.” |
|
11 |
L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-Kriterji sabiex jiġu identifikati l-ilmijiet imsemmija f’l-Artikolu 3(1)”, jipprovdi, fil-punt A tiegħu: “L-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 3(1) għandhom jiġu identifikati billi jintużaw, fost ħwejjeġ oħra, il-kriterji li ġejjin:
|
|
12 |
Skont l-Anness II tal-imsemmija direttiva intitolata “Il-Kodiċi(jiet) ta’ Prattika Agrikola Tajba”
[...]” |
|
13 |
L-Anness III tal-istess direttiva, intitolat “Il-miżuri li għandhom jiġu [i]nklużi fil-programmi ta’ azzjoni skond l-Artikolu 5(4)(a)”, huwa fformulat kif ġej: “1. Il-miżuri għandhom jinkludu regoli li għandhom x’ jaqsmu ma’: [...]
2. Dawn il-miżuri jridu jiżguraw illi għal kull razzett jew unità ta’ bhima, l-ammmont tad-demel ta’ l-annimali applikat kull sena fuq l-art, inkluż dak mill-annimali nfushom, ma għandux jaqbeż ammont speċifiku għal kull ettaru. L-ammont speċifikat għal kull ettaru għandu jkun l-ammont tad-demel li jkun fih 170 kg N. [...] [...]” |
|
14 |
L-Anness V tad-Direttiva 91/676, intitolat “ It-Tagħrif li jrid ikun jinsab fir-rapporti msemmija f’l-Artikolu 10”, jipprevedi: “[...]
|
Id‑dritt Spanjol
|
15 |
Id-Direttiva 91/676 ġiet trasposta fis-sistema legali Spanjola permezz tar-Real Decreto 261/1996, sobre protección de las aguas contra la contaminación producida por los nitrati procedentes de fuentes agrarias (Digriet Irjali 261/1996 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli), tas‑16 ta’ Frar 1996 (BOE Nru 61, tal‑11 ta’ Marzu 1996, p. 9734). Sadanittant, dan id-digriet ġie mħassar u ssostitwit bir-Real Decreto 47/2022, sobre protección de las aguas contra la contaminación difusa producida por los nitratos procedentes de fuentes agrarias (Digriet Irjali 47/2022 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis imxerred min-nitrati minn sorsi agrikoli), tat‑18 ta’ Jannar 2022 (BOE Nru 17, tal‑20 ta’ Jannar 2022, p. 5664). |
|
16 |
Barra minn hekk, il-komunitajiet awtonomi kollha msemmija mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha adottaw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, leġiżlazzjoni intiża sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 91/676. |
Il‑proċedura prekontenzjuża
|
17 |
Fit‑3 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni nediet investigazzjoni, bir-referenza EU Pilot 7849/15/ENVI, intiża sabiex tikkontrolla n-nomina ta’ żoni vulnerabbli għan-nitrati u l-miżuri previsti fil-programmi ta’ azzjoni korrispondenti fi Spanja. Din l-investigazzjoni preliminari nfetħet wara l-evalwazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli fir-rapport tagħhom ikkomunikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676 u li jinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Anness V ta’ din id-direttiva dwar il-perijodu 2008–2011. |
|
18 |
Wara l-evalwazzjoni tar-risposti pprovduti mir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest tal-imsemmija investigazzjoni preliminari, li kienet tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-informazzjoni li tinsab fir-rapport sussegwenti għall-perijodu 2012–2015 (iktar ’il quddiem ir-“rapport 2012–2015”), il-Kummissjoni, billi qieset li minn dan kien jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ma kinitx konformi mal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 91/676, iddeċidiet li tibda proċedura ta’ ksur min-naħa tal-imsemmi Stat Membru. |
|
19 |
Fid‑9 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja, li fiha allegat li dan tal-aħħar kiser l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 5(4) sa (6) tad-Direttiva 91/676. |
|
20 |
Ir-Renju ta’ Spanja rrisponda għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittri tal‑21 ta’ Frar, tat‑13 ta’ Ġunju, tal‑31 ta’ Lulju, tat‑2 ta’ Settembru u tas‑17 ta’ Ottubru 2019 kif ukoll tat‑13 ta’ Frar 2020. |
|
21 |
Fit‑2 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni, peress li ma kinitx konvinta b’dawn ir-risposti, ħarġet opinjoni motivata li fiha ddikjarat li r-Renju ta’ Spanja kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet iċċitati fl-ittra ta’ intimazzjoni. |
|
22 |
F’din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ordnat lir-Renju ta’ Spanja jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu f’terminu ta’ tliet xhur mid-data li fiha jirċievi din l-opinjoni motivata. |
|
23 |
Ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-imsemmija opinjoni motivata permezz ta’ ittri tas‑27 ta’ Ottubru 2020 kif ukoll tad‑29 ta’ April, tas‑26 ta’ Mejju, tal‑25 ta’ Ġunju u tal‑5 ta’ Lulju 2021. |
|
24 |
Fid-dawl ta’ dawn ir-risposti, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-Renju ta’ Spanja kien temm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tiegħu fir-rigward tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 91/676. Min-naħa l-oħra, peress li qieset li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien għadu jippersisti fir-rigward tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) kif ukoll taħt l-Artikolu 5(4) u (5) ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni, fit‑30 ta’ Awwissu 2022, ippreżentat dan ir-rikors. |
Fuq ir‑rikors
|
25 |
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tressaq tliet ilmenti, ibbażati fuq ksur, l-ewwel wieħed, tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676, it-tieni wieħed, tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Annessi II u III tagħha, u, it-tielet wieħed, tal-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva. |
|
26 |
Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li dan ir-rikors għandu jkun miċħud. |
Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 3(4) tad‑Direttiva 91/676
|
27 |
Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma indikax bħala żoni vulnerabbli, fil-komunitajiet awtonomi ta’ Castilla y León, ta’ Extremadura, ta’ Galicia, tal-Gżejjer Baleariċi, tal-Gżejjer Kanarji, fil-Komunità ta’ Madrid u fil-Komunità ta’ Valencia, iż-żoni ta’ ġbir tal-ilma permezz ta’ tnixxija (ilma tal-wiċċ) jew permezz ta’ infiltrazzjoni (ilma ta’ taħt l-art) li jikkorrispondu għal kull wieħed mill-punti ta’ kejl msemmija fil-punt 1 ta’ din is-sentenza, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676. |
Fuq l‑ammissibbiltà
|
28 |
Ir-Renju ta’ Spanja jeċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan l-ewwel ilment, minħabba li, fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi, fis-sentenza li għandha tingħata, biss fuq it-talbiet ifformulati mill-Kummissjoni. Issa, l-ilment dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676 ma jagħmilx parti minn dawn it-talbiet, peress li, minkejja li jissemma fil-motivi tar-rikors, dan ma ssemmiex mill-Kummissjoni fil-petitum tar-rikors tagħha, li jinsab fil-punt 145 tiegħu. Fil-fatt, f’dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mhux taħt l-Artikolu 3(4) iżda tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 91/676. L-ewwel ilment għalhekk għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. |
|
29 |
Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. |
|
30 |
Minn naħa, mill-motivi tar-rikors jirriżulta b’mod ċar li l-ewwel ilment huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676 u li r-riferiment magħmul, fil-punt 145 tar-rikors, għall-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva huwa dovut, kif spjegat il-Kummissjoni fir-replika tagħha, għal żball tipografiku. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jinkludi biss żewġ paragrafi. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li, fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑255/04, EU:C:2006:401, punt 25), invokata mir-Renju ta’ Spanja insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li lment li jissemma fil-motivi tar-rikors tiegħu, iżda li ma huwiex inkluż fit-talbiet tal-Kummissjoni huwa inammissibbli, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, u minkejja dan l-iżball tipografiku, l-ilment intiż sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676 ġie inkluż fit-talbiet tal-Kummissjoni. |
|
31 |
Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja għandha tiġi miċħuda. |
Fuq il‑mertu
– L-argumenti tal-partijiet
|
32 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-ilmijiet meħuda fil-livell tal-punti ta’ kejl koperti mill-ewwel ilment ġew iddikjarati, fir-rapporti pprovduti mir-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676, bħala mniġġsa jew ewtrofikati min-nitrati. Skont il-Kummissjoni, jeżistu għalhekk indizji suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676, sakemm ir-Renju ta’ Spanja ma jippreżentax, għal kull żona ta’ ġbir ta’ ilma li tikkorrispondi għal dawn il-punti ta’ kejl, informazzjoni li turi li n-nitrati ta’ oriġini agrikola ma jikkontribwixxux b’mod sinjifikattiv għal dan it-tniġġis. |
|
33 |
Fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta dan l-argument, billi jenfasizza li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Huwa jsostni li l-komunitajiet awtonomi msemmija f’dan l-ilment issodisfaw l-obbligi tagħhom dwar in-nomina taż-żoni vulnerabbli, li jirriżultaw mill-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676, jew li l-imsemmi lment jirrigwarda żoni li fihom in-nitrati ta’ oriġini agrikola ma jikkontribwixxux b’mod sinjifikattiv għat-tniġġis, b’mod li ebda nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt din id-dispożizzjoni ma jista’ jiġi kkonstatat. |
|
34 |
Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jipprovdi osservazzjonijiet iddettaljati dwar il-punti ta’ kejl imsemmija fl-ewwel ilment, inklużi, b’mod partikolari, il-preċiżazzjonijiet li ġejjin. |
|
35 |
F’dak li jirrigwarda l-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura, il-Gvern ta’ din il-komunità beda, fl‑2022, ir-reviżjoni jew, skont il-każ, l-estensjoni tan-nomini taż-żoni vulnerabbli. Fi kwalunkwe każ, il-limiti ammissibbli ta’ konċentrazzjonijiet ta’ nitrati ta’ oriġini agrikola ma nqabżux fi tmien punti li jiddependu minn din il-komunità awtonoma msemmija fl-ewwel ilment. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jiġu identifikati ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl bħala żoni vulnerabbli. |
|
36 |
Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Galicia, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, b’mod partikolari, li, fir-rigward ta’ ċerti punti ta’ kejl, inklużi l-punti ta’ kejl 14.RW.11.020 u 14.RW.14.050, għaddejjin eżamijiet sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini tat-tniġġis min-nitrati. |
|
37 |
Fir-rigward tal-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li bħalissa għaddejja r-reviżjoni tan-nomina taż-żoni vulnerabbli u li abbozz ta’ digriet dwar in-nomina taż-żoni vulnerabbli jinsab fi stadju avvanzat ta’ trattament. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex neċessarju li jiġu nnominati, bħala “żoni vulnerabbli”, iż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal ħamsa mill-punti ta’ kejl li jiddependu fuq din il-komunità awtonoma, peress li l-ilmijiet ikkonċernati ma għandhomx jibqgħu jitqiesu bħala mniġġsa, kif jirriżulta mir-rapport mibgħut lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676 f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ bejn l‑2016 u l‑2019 (iktar ’il quddiem ir- “Rapport 2016–2019”). |
|
38 |
Fir-rigward tal-Komunità ta’ Madrid, lanqas ma jista’ jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-punt ta’ kejl TA 53306008, fih ġie rrilevat li t-tniġġis dovut għan-nitrati ta’ oriġini agrikola tnaqqas, peress li dan laħaq rata massima ta’ 17 % fl‑2021. |
|
39 |
Fir-rigward tal-Komunità ta’ Valencia, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għall-punti ta’ kejl imsemmija f’dan ir-rikors ġew innominati bħala żoni vulnerabbli permezz ta’ digriet adottat mill-Gvern ta’ din il-komunità fl‑10 ta’ Ġunju 2022. |
|
40 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tipprovdi l-preċiżazzjonijiet li ġejjin. |
|
41 |
L-ewwel nett, fir-rigward tas-sittax-il punt ta’ kejl li jiddependu mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León, mir-risposta tar-Renju ta’ Spanja jirriżulta li effettivament ma huwiex neċessarju li jiġu identifikati ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl bħala żoni vulnerabbli. |
|
42 |
It-tieni nett, fir-rigward ta’ tlieta mid-disa’ punti ta’ kejl li jiddependu mill-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji, il-Kummissjoni tindika li mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Renju ta’ Spanja fir-risposta tagħha jirriżulta li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġie rrimedjat. Fir-rigward ta’ żewġ punti oħra ta’ kejl, il-Kummissjoni tqis, fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, li lanqas ma huwa neċessarju li jiġu identifikati ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl bħala żoni vulnerabbli. |
|
43 |
Fir-rigward tal-erba’ punti ta’ kejl li jifdal, il-Kummissjoni tirrileva li r-Renju ta’ Spanja spjega, essenzjalment, fir-risposta tiegħu, li l-konċentrazzjoni ta’ nitrati kkonstatata f’dawn il-punti ta’ kejl ma kinitx ta’ oriġini agrikola iżda kienet ġejja mid-dranaġġ u mit-tankijiet settiċi. Għalkemm din l-ispjegazzjoni ma teskludix neċessarjament il-possibbiltà li n-nitrati ta’ oriġini agrikola jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għat-tniġġis, għandu jiġi ammess, fl-assenza ta’ elementi oħra li jipprovaw tali kontribuzzjoni sinjifikattiva, li ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kampjunament ma jiġux innominati bħala żoni vulnerabbli. |
|
44 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Extremadura, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mir-Renju ta’ Spanja fir-risposta tiegħu, ma huwiex, fil-fatt, neċessarju li jiġu indikati ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal 8 mill‑20 punt ta’ kejl imsemmija fl-ewwel ilment bħala żoni vulnerabbli. Fir-rigward tat‑12-il punt ta’ miżura li jifdal, jiġifieri l-punti tal-kejl TA 67714001, TA 62312004, TA 67714102, TA 67812004, TA 65312005, TA 72914003, TA 65212006, TA 67514001, TA 70414002, TA 72914001, TA 72914002 u TA 62309002, il-Kummissjoni ttenni l-kritika tagħha li l-awtoritajiet Spanjoli ma spjegawx għaliex iż-żoni ta’ ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl ma ġewx innominati bħala żoni vulnerabbli. |
|
45 |
Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, fir-rigward ta’ 21 mit‑23 punt ta’ kejl msemmija fir-rikors mill-ewwel ilment, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Renju ta’ Spanja jirriżulta li ma huwiex neċessarju li jiġu identifikati ż-żoni ta’ ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl bħala żoni vulnerabbli. |
|
46 |
Fir-rigward taż-żewġ punti ta’ kejl li jifdal, jiġifieri l-punti ta’ kejl 14.RW.11.020 u 14.RW.14.050, il-Kummissjoni tqis li hemm lok li jiġu identifikati ż-żoni ta’ ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl bħala żoni vulnerabbli, sa fejn ma jistax jiġi eskluż li t-tniġġis imkejjel f’dawn il-postijiet ġie kkawżat minn nitrati ta’ oriġini agrikola. |
|
47 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirreferi għal ħmistax-il punt ta’ kejl ieħor li jiddependu mill-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, jiġifieri l-punti ta’ kejl NO01880006, NO03010003, 14.RW.12.020, 14.RW.05.060, 14.RW.10.020, 14.RW.11.060, 14.RW.11.070, 14.RW.11.040, 14.RW.10.030, 14.RW.11.080, 14.RW.12.030, 14.RW.12.110, 14.RW.14.040, 14.RW.14.060 u 14.RW.05.090, li fil-livell tagħhom ġiet ikkonstatata ewtrofikazzjoni. Iż-żoni ta’ ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl għandhom għalhekk, skont din l-istituzzjoni, jiġu nnominati wkoll bħala żoni vulnerabbli. |
|
48 |
Il-ħames nett, fir-rigward tal-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, il-Kummissjoni tispjega li mill-informazzjoni li tinsab fir-risposta tar-Renju ta’ Spanja jirriżulta li ma huwiex neċessarju li jiġu nnominati bħala żoni vulnerabbli ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal ħamsa mid-disa’ punti ta’ kejl imsemmija fl-ewwel ilment. |
|
49 |
Fir-rigward tal-erba’ punti ta’ kejl li jifdal, jiġifieri l-punti ta’ kejl 1801M1T 1, ES 53M0137, ES 53M1123 u ES 53M1205, il-Kummissjoni tqis li r-Renju ta’ Spanja rrikonoxxa li l-ewwel ilment huwa fondat fir-rigward tagħhom. |
|
50 |
Is-sitt nett, il-Kummissjoni tirrileva li, fir-rigward ta’ tlieta mill-erba’ punti ta’ kejl imsemmija fl-ewwel ilment f’dak li jikkonċerna l-Komunità ta’ Madrid, ir-Renju ta’ Spanja pproduċa provi suffiċjenti sabiex juri jew li t-tniġġis ikkonstatat ma huwiex dovut għan-nitrati ta’ oriġini agrikola jew li ż-żoni vulnerabbli attwali jkopru ż-żoni kollha rilevanti ta’ ġbir tal-ilma. |
|
51 |
Fir-rigward tal-punt ta’ kejl li jibqa’ f’din il-komunità, jiġifieri l-punt ta’ kejl TA 53306008, il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-pressjoni eżerċitata mill-agrikoltura fuq l-ilmijiet ikkonċernati minn dan il-punt ta’ kejl naqset b’mod kunsiderevoli, billi laħqet rata massima ta’ 17 % fl‑2021, ma jistax jiġi aċċettat. L-imsemmi punt ta’ kejl rreġistra ewtrofikazzjoni kemm għall-perijodu 2012–2015 kif ukoll għall-perijodu 2016–2019, u kontribuzzjoni ta’ 17 % għat-tniġġis, għalkemm limitata, ma tista’ fl-ebda każ tiġi kkunsidrata bħala minoritarja. |
|
52 |
Is-seba’ nett, fir-rigward tal-punti ta’ kejl JU210, JU209 u JU202 li jiddependu mill-Komunità ta’ Valencia, il-Kummissjoni, filwaqt li tirrikonoxxi li n-nuqqas ġie rrimedjat permezz ta’ digriet adottat mill-Gvern ta’ din il-komunità fl‑10 ta’ Ġunju 2022, tenfasizza li n-nomina taż-żoni vulnerabbli inkwistjoni seħħet wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. |
|
53 |
Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, fir-rigward tat-tnax-il punt ta’ kejl imsemmija fir-replika li jiddependu mill-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura, li, fin-nuqqas, f’dan l-istadju, ta’ data li tipprova kontribuzzjoni sinjifikattiva tan-nitrati ta’ oriġini agrikola għat-tniġġis, il-Kummissjoni għandha taċċetta li ż-żoni ta’ ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl ma jiġux innominati bħala żoni vulnerabbli, bħall-pożizzjoni li hija adottat fir-rigward tal-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji. |
|
54 |
Skont ir-Renju ta’ Spanja, l-istess japplika, fir-rigward tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, fir-rigward taż-żewġ punti ta’ kejl imsemmija fir-rikors li għalihom il-Kummissjoni żammet l-ewwel ilment tagħha fir-replika tagħha. |
|
55 |
Fir-rigward tal-ħmistax-il punt ta’ kejl addizzjonali msemmija minn din l-istituzzjoni fir-replika fir-rigward ta’ din il-komunità awtonoma, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex ċara u l-valuri tan-nitrati qatt ma kienu ogħla minn 25 mg/l. F’kull każ, dawn il-punti ta’ kejl ma jidhrux li ssemmew fit-talbiet tar-rikors. Konsegwentement, jidher li ma hemmx lok li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tagħhom. |
|
56 |
Fir-rigward tal-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li digriet dwar in-nomina ta’ żoni vulnerabbli, inklużi ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għall-erba’ punti ta’ kejl imsemmija fir-replika tal-Kummissjoni, ġie adottat u ppubblikat minn din il-komunità awtonoma fis‑27 ta’ Marzu 2023. |
|
57 |
Fir-rigward tal-Komunità ta’ Madrid, ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li, f’deċiżjoni reċenti dwar deroga mitluba skont id-Direttiva 91/676, jiġifieri d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2069 tat‑30 ta’ Settembru 2022 dwar l-għoti ta’ deroga mitluba min-Netherlands [mill-Pajjiżi l-Baxxi] skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676 (ĠU 2022, L 277, p. 195), din l-istituzzjoni qieset li, “[sabiex ikun sinjifikattiv,] l-kontribut mill-agrikoltura għat-tniġġis bin-nutrijenti [għandu jirrappreżenta] aktar minn 19 % tat-tagħbija totali tan-nutrijenti”. Kontribuzzjoni għat-tniġġis ta’ 17 %, bħal dik imsemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, ma tistax għalhekk tiġi kklassifikata bħala “sinjifikattiva”. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
– |
Fuq il-punti ta’ kejl li ma baqgħux jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni fir-replika tagħha |
|
58 |
Mir-replika tal-Kummissjoni jirriżulta li hija tammetti, fid-dawl tal-provi prodotti fir-risposta tiegħu mir-Renju ta’ Spanja, li ma hemmx lok li jiġu nnominati bħala żoni vulnerabbli żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal 62 mill‑84 punt ta’ kejl msemmija fir-rikors, inklużi l-punti kollha ta’ kejl li jiddependu mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y Leon u tal-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji, u li hija ma għadhiex titlob il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’dan ir-rigward. |
|
59 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud sa fejn, permezz tiegħu, il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju ta’ Spanja talli naqas milli jinnomina bħala żoni vulnerabbli ż-żoni tal-ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għal dawn it‑62 punt ta’ miżura.
|
|
60 |
Fil-motivi tar-replika tagħha, il-Kummissjoni sostniet li ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal ħmistax-il punt ta’ kejl li jiddependu mill-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, li ma kinux imsemmija fit-talbiet tar-rikors promotur tagħha, kellhom jiġu nnominati bħala żoni vulnerabbli. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Issa, il-Kummissjoni la sostniet u lanqas uriet li din l-eċċezzjoni tal-aħħar tista’ tiġġustifika estensjoni tas-suġġett tat-tilwima. |
|
62 |
Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn jirrigwarda dawn il-ħmistax-il punt ta’ miżura addizzjonali.
|
|
63 |
Fir-rigward tat‑22 punt ta’ kejl li jifdal u li jissemmew fir-rikors promotur, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma din l-istituzzjoni tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni. Huwa biss meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed elementi sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-Istat Membru għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u ddettaljat l-elementi hekk ippreżentati u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni Ewropea vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana)C‑559/19, EU:C:2021:512, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 91/676, l-Istati Membri għandhom jinnominaw, fi żmien sentejn min-notifika ta’ din id-direttiva, bħala żoni vulnerabbli ż-żoni kollha magħrufa fit-territorju tagħhom li jalimentaw l-“ilmijiet mniġġsa” jew “li jistgħu jitniġġsu”, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 3 li jikkontribwixxu għat-tniġġis. |
|
65 |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676, “(l)-ilmijiet effettwati bit-tniġġis u l-ilmijiet li jistgħu jiġu effettwati bit-tniġġis” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huma ddefiniti skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-direttiva. B’hekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 3(1) u tal-Anness I tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jiddefinixxu bħala “(l)-ilmijiet effettwati bit-tniġġis u l-ilmijiet li jistgħu jiġu effettwati bit-tniġġis” l-ilma ħelu tal-wiċċ kollu u l-ilma ta’ taħt l-art li fih jew li hemm riskju li jkun fih kontenut ta’ nitrati ogħla mill-konċentrazzjonijiet imsemmija f’dan l-anness, kif ukoll l-ilma li jkun għadda minn jew jirriskja li jsofri minn ewtrofikazzjoni. |
|
66 |
F’dan ir-rigward, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ilma jiġi kkunsidrat bħala “effettwat bit-tniġġis”, b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676, biex ikun hemm il-ħtieġa li jiġu nnominati bħala żona vulnerabbli, skond l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, mhuwiex meħtieġ li l-komponenti tan-nitroġenu li jkunu ġejjin mill-agrikoltura jikontribwixxu b’mod esklużiv għat-tniġġis. Huwa biżżejjed li dawn jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑149/14, EU:C:2015:264, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
67 |
L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676 jobbliga lill-Istati Membri, minn naħa, jeżaminaw mill-ġdid u, jekk ikun meħtieġ, jirrevedu jew jikkompletaw fi żmien xieraq, mill-inqas kull erba’ snin, il-lista taż-żoni vulnerabbli msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva li jalimentaw l-ilmijiet iddefiniti skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva u li jikkontribwixxu għat-tniġġis min-nitrati, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bidliet u l-fatturi imprevedibbli fil-mument tal-klassifikazzjoni preċedenti u, min-naħa l-oħra, jinnotifikaw lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ sitt xhur, b’kull reviżjoni jew żieda ma’ din il-lista. |
|
68 |
F’dan il-każ, għalkemm l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676, li sempliċement jordna lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi li huwa jipprevedi “kif approprjat” u tal-inqas kull erba’ snin, ma jippreċiżax f’liema mument u f’liema ċirkustanzi tali eżami mill-ġdid għandu jsir, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax l-argument tal-Kummissjoni li, essenzjalment, dan l-Istat Membru kien obbligat li jissodisfa l-obbligi previsti minn din id-dispożizzjoni fir-rigward taż-żoni ta’ ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għall-punti ta’ kejl imsemmija fir-rikors, peress li l-ilmijiet meħuda fil-livell ta’ dawn il-punti ta’ kejl kienu ġew iddikjarati, fir-rapporti pprovduti mill-awtoritajiet Spanjoli fil-kuntest tad-Direttiva 91/676, bħala mniġġsa jew ewtrofikati, sa fejn it-teħid minn dawn il-punti ta’ kejl kienu wrew jew li l-ilma ħelu tal-wiċċ u l-ilma ta’ taħt l-art ikkonċernati minn dawn iż-żoni ta’ ġbir tal-ilma kienu, jew kien hemm riskju li jkollhom, konċentrazzjoni ta’ nitrati ogħla minn dawk previsti fl-Anness I ta’ din id-direttiva, jew li dan l-ilma kien ġarrab jew kien jirriskja li fil-futur qarib jgħaddi minn ewtrofikazzjoni. |
|
69 |
Ir-Renju ta’ Spanja lanqas ma jikkontesta li l-ilmijiet meħuda fil-livell tat‑22 punt ta’ kejl li jifdal kienu b’hekk imniġġsa jew ewtrofikati min-nitrati. |
|
70 |
Madankollu, kif tfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, l-indikazzjoni ta’ żona ta’ ġabra tal-ilma li tikkorrispondi għal punt ta’ kejl partikolari bħala żona vulnerabbli tapplika biss jekk il-komponenti tan-nitroġenu ta’ oriġini agrikola kkonstatati f’dan il-punt ta’ miżura jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għat-tniġġis tan-nitrati. Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, peress li r-Renju ta’ Spanja jikkontesta li dan huwa l-każ, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova, fir-rigward ta’ dawn il-punti ta’ miżura, il-preżenza ta’ tali kontribuzzjoni sinjifikattiva għal tali tniġġis jew, tal-inqas, li tipproduċi provi addizzjonali li jistgħu jippermettu tali konstatazzjoni. |
|
71 |
Issa, fir-rigward ta’ 14 mill-kumplament tat‑22 punt ta’ kejl li jibqgħu, li jinsabu fil-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura u l-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, il-Kummissjoni la stabbilixxiet li l-komponenti tan-nitroġenu ta’ oriġini agrikola jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għat-tniġġis min-nitrati li l-preżenza tagħhom ġiet ikkonstatata f’dawn il-punti ta’ kejl u lanqas ma pproduċiet provi li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ tali konsegwenza, li hija kkonstata mir-Renju ta’ Spanja. Fil-fatt, il-Kummissjoni essenzjalment sempliċement sostniet li r-Renju ta’ Spanja ma kienx ipprovda spjegazzjonijiet suffiċjenti fir-rigward ta’ dawn il-punti ta’ kejl. |
|
72 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud sa fejn jilmenta li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676 billi ma indikax bħala żoni vulnerabbli ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal dawn l-erbatax-il punt ta’ kejl. |
|
73 |
Fir-rigward tal-punti ta’ kejl 1801M1T 1, ES 53M0137, ES 53M1123 u ES 53M1205, li jiddependu mill-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, għandu jiġi rrilevat li, fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja sempliċement jindika li r-reviżjoni tan-nomina taż-żoni vulnerabbli hija attwalment pendenti u li abbozz ta’ digriet dwar in-nomina taż-żoni vulnerabbli jinsab fi stadju avvanzat ta’ pproċessar. |
|
74 |
Għalkemm, fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li digriet li jindika żoni vulnerabbli, inklużi ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal dawn l-erba’ punti ta’ kejl, ġie adottat u ppubblikat mill-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi fis‑27 ta’ Marzu 2023, għandu jiġi kkonstatat li dan il-fatt, minbarra li jikkonferma li ż-żoni inkwistjoni kellhom effettivament jiġu nnominati bħala żoni vulnerabbli, seħħ wara d-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. |
|
75 |
Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jseħħu sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Aġġornament tal-istrateġiji marittimi), C‑510/20, EU:C:2022:324, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
76 |
Minn dan isegwi li l-ewwel ilment għandu jintlaqa’ sa fejn, permezz tiegħu, il-Kummissjoni takkuża lir-Renju ta’ Spanja li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676 billi ma indikax bħala żoni vulnerabbli ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għall-erba’ punti ta’ kejl imsemmija fil-punt 73 ta’ din is-sentenza. |
|
77 |
L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-punti ta’ kejl JU210, JU209 u JU202, li jiddependu mill-Komunità ta’ Valencia. Fil-fatt, ir-Renju ta’ Spanja sempliċement jindika f’dan ir-rigward li ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl ġew innominati bħala żoni vulnerabbli permezz ta’ digriet adottat mill-Gvern ta’ din il-Komunità Awtonoma fl‑10 ta’ Ġunju 2022, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. |
|
78 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-punt tal-kejl TA 53306008, li jiddependi mill-Komunità ta’ Madrid, ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment isostni li l-kontribuzzjoni tal-komponenti tan-nitroġenu ta’ oriġini agrikola għat-tniġġis naqset b’mod kunsiderevoli, billi laħqet rata massima ta’ 17 % fl‑2021. Issa, kif irrilevat il-Kummissjoni fir-replika tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑221/03, EU:C:2005:573, punti 86 u 87), li tali kontribuzzjoni ta’ 17 % għandha natura sinjifikattiva, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 ta’ din is-sentenza. |
|
79 |
Fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja, imqajjem fil-kontroreplika tiegħu u bbażat fuq il-fatt li, f’deċiżjoni reċenti dwar deroga mitluba skont id-Direttiva 91/676, il-Kummissjoni kkunsidrat li, sabiex tkun sinjifikattiva, il-kontribuzzjoni tal-komponenti tan-nitroġenu ta’ oriġini agrikola għat-tniġġis għandha teċċedi 19 % tat-tniġġis, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ma tistax fi kwalunkwe każ torbot lill-Qorti tal-Ġustizzja meta hija jkollha tevalwa hija stess in-natura sinjifikattiva ta’ tali kontribuzzjoni għat-tniġġis. |
|
80 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment huwa fondat sa fejn il-Kummissjoni takkuża lir-Renju ta’ Spanja li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676, sa fejn dan l-Istat Membru naqas milli jinnomina bħala żoni vulnerabbli ż-żoni li fihom jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għall-punti ta’ kejl 1801M1T 1, ES 53M0137, ES 53M1123 u ES 53M1205, dipendenti fuq il-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, fil-punti ta’ kejl JU210, JU209 u JU202, dipendenti fuq il-Komunità ta’ Valencia, u fil-punt ta’ kejl TA 53306008, dipendenti fuq il-Komunità ta’ Madrid. |
Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 5(4) tad‑Direttiva 91/676
|
81 |
Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-Annessi II u III ta’ din id-direttiva, billi ma pprovdiex għall-miżuri obbligatorji kollha neċessarji fil-programmi ta’ azzjoni ta’ ċertu numru ta’ komunitajiet awtonomi. |
|
82 |
Dan l-ilment jinqasam fi tliet partijiet li jirrigwardaw, l-ewwel waħda, il-programmi ta’ azzjoni tal-Komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha u ta’ Castilla y León, it-tieni waħda, il-programm ta’ azzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura, u t-tielet waħda, il-programm ta’ azzjoni tal-Komunità ta’ Madrid. |
Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-programmi ta’ azzjoni tal-komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha u ta’ Castilla y León
– L-argumenti tal-partijiet
|
83 |
Fir-rigward tal-Komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha u ta’ Castilla y León, il-Kummissjoni ssostni, fir-rikors tagħha, li l-programmi ta’ azzjoni ta’ dawn il-komunitajiet awtonomi ma jinkludux il-miżuri obbligatorji neċessarji fir-rigward tal-kundizzjonijiet għat-tixrid tal-fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa ħafna, imsemmija fil-punt 2 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva 91/676, minħabba l-fatt li l-miżuri li jinsabu f’dawn il-programmi ta’ azzjoni huma inqas stretti mir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fi studju, ippubblikat fl‑2011 u intitolat “Recommendations for establishing Action Programmes under Directive 91/676/EEC concerning the protection of waters against pollution caused by nitrates from agricultural sources” (Rakkomandazzjonijiet għat-twaqqif ta’ programmi ta’ azzjoni skont id-Direttiva 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, iktar ’il quddiem l-“istudju xjentifiku”). |
|
84 |
L-istudju xjentifiku jirrakkomanda dan li ġej fir-rigward tat-tixrid tal-fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa ħafna:
|
|
85 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, filwaqt li tirrikonoxxi li dan l-istudju ma għandux valur legali vinkolanti u ma huwiex l-uniku kriterju xjentifiku validu sabiex jiġi evalwat jekk l-Istati Membri żgurawx traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 91/676 fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom, tfakkar li, skont l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva, il-programmi ta’ azzjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-“data xjentifika u teknika disponibbli”. Issa, l-istudju xjentifiku jagħmel parti minn din id-data u r-Renju ta’ Spanja ma pprovdiex data xjentifika oħra sabiex jiġġustifika li miżuri inqas stretti minn dawk previsti minn dan l-istudju huma suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti mill-imsemmija direttiva. |
|
86 |
Fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, essenzjalment, li l-istudju xjentifiku ma jistax jitqies li huwa l-kriterju uniku ta’ evalwazzjoni tat-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 91/676 u ma jistax jiġi rrikonoxxut lilu natura legalment vinkolanti. Barra minn hekk, huwa jsostni li, minkejja li din id-direttiva tipprevedi biss, fl-Artikolu 11 tagħha, il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tissottometti proposti ta’ reviżjoni tal-imsemmija direttiva, din l-istituzzjoni għandha l-intenzjoni, billi tuża l-istudju xjentifiku bħala l-uniku kriterju ta’ evalwazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, li tintroduċi obbligi addizzjonali għall-Istati Membri li fir-realtà jeħtieġu li tiġi emendata l-istess direttiva. Issa, jidher li jeżistu programmi ta’ azzjoni fit-territorji differenti msemmija fir-rikors promotur li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. |
|
87 |
Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Aragón, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-unika kritika fformulata mill-Kummissjoni hija bbażata fuq il-fatt li l-miżuri previsti mill-programm ta’ azzjoni ta’ din il-komunità awtonoma għall-artijiet fix-xaqliba huma inqas stretti minn dawk li jinsabu fl-istudju xjentifiku. Il-Kummissjoni ma tipproduċi ebda element li jippermetti li jiġi sostnut li dan il-programm ta’ azzjoni ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, peress li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix ċifra speċifika li fuqha tista’ tibbaża ruħha l-Kummissjoni. |
|
88 |
Skont ir-Renju ta’ Spanja, l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fir-rigward tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha. Barra minn hekk, din il-Komunità Awtonoma tidher li emendat il-programm ta’ azzjoni tagħha permezz ta’ digriet adottat fit‑28 ta’ Settembru 2020, li żied fih dispożizzjonijiet dwar iż-żieda ta’ fertilizzanti b’komponent ta’ nitroġenu fuq l-artijiet b’xaqliba. Issa, dawn l-emendi saru mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha abbażi tal-abbozz tal-programm ta’ azzjoni ppreżentat mill-Komunità Awtonoma ta’ Navarra, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni kkunsidrat, fl-opinjoni motivata tagħha, li kien konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676. Għaldaqstant, loġikament għandu jiġi kkunsidrat li l-programm ta’ azzjoni hekk emendat tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha huwa konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
89 |
Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla y Léon, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fir-rikors tagħha, l-Artikolu 10 tal-Kodiċi ta’ Prattika tajba ta’ din il-Komunità Awtonoma, adottat permezz tad-digriet tal‑25 ta’ Ġunju 2020, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-tixrid tal-fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa ħafna. L-obbligi previsti fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676 jidhru li ġew għalhekk osservati f’din il-komunità awtonoma. Fi kwalunkwe każ, din tal-aħħar adottat, permezz ta’ digriet adottat fid‑29 ta’ April 2022, miżuri intiżi għall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa sabiex issegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. |
|
90 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Renju ta’ Spanja. B’mod partikolari, hija żżomm il-pożizzjoni tagħha dwar il-Komunità Awtonoma ta’ Aragón. |
|
91 |
Fir-rigward tal-allegata similarità tal-programmi ta’ azzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha ma’ dak tal-Komunità Awtonoma ta’ Navarra, hija tippreċiża li hija teżamina l-miżuri ta’ kull programm ta’ azzjoni reġjonali skont il-kundizzjonijiet klimatiċi u pedoloġiċi tagħhom. |
|
92 |
Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla y Leon, il-Kummissjoni żżid li jekk ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ din il-komunità awtonoma, regoli iktar permissivi minn dawk previsti fl-istudju xjentifiku huma suffiċjenti sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ tnixxija, dan l-Istat Membru kellu jipprovdi d-data xjentifika u teknika li fuqha huwa bbaża ruħu f’dan ir-rigward, ħaġa li huwa baqa’ ma għamilx. Fir-rigward tal-verżjoni tal-programm ta’ azzjoni ta’ din il-komunità awtonoma li tirriżulta mid-digriet tad‑29 ta’ April 2022, li, fi kwalunkwe każ, ġie adottat wara t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, din għadha ma tissodisfax ir-regoli xjentifiċi u tekniċi disponibbli, peress li hija tidher li tipprevedi l-possibbiltà, f’ċerti ċirkustanzi, li jiġu mxerrda fertilizzanti fuq artijiet b’inklinazzjoni ta’ iktar minn 15 %, mingħajr ma tiġi pprovduta data teknika li tiġġustifika din id-diverġenza meta mqabbla mar-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni. |
|
93 |
Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jippreċiża, fir-rigward tal-Komunità Awtonoma ta’ Aragón, li, fl‑14 ta’ Diċembru 2022, ġiet adottata riżoluzzjoni li kienet intiża sabiex tiċċara l-kontenut tal-programm ta’ azzjoni ta’ din il-komunità awtonoma fir-rigward tal-kundizzjonijiet għat-tixrid ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa ħafna, filwaqt li jispeċifika b’mod preċiż u ddettaljat l-obbligi u l-miżuri li għandhom jiġu implimentati. Skont ir-Renju ta’ Spanja, din ir-riżoluzzjoni hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
94 |
Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 91/676 jipprovdi li l-programmi ta’ azzjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika u teknika disponibbli. Dawn il-programmi ta’ azzjoni għandu jkun fihom għadd ta’ miżuri obbligatorji elenkati fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Għaldaqstant, sabiex jiġi vverifikat jekk programm ta’ azzjoni partikolari huwiex konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa neċessarju, għall-Kummissjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika u teknika disponibbli. Issa, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li l-istudju xjentifiku, li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni f’dan il-każ, jagħmel parti mid-data xjentifika disponibbli li din l-istituzzjoni kellha għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni. |
|
95 |
Kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, billi bbażat ruħha fuq l-istudju xjentifiku, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma allegat li tagħtih natura legalment vinkolanti jew imponiet obbligi addizzjonali fuq dan l-Istat Membru. |
|
96 |
Fil-fatt, ir-Renju ta’ Spanja seta’ jipproduċi studji u dokumenti xjentifiċi oħra sabiex jikkonfuta l-allegazzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑543/16, EU:C:2018:481, punt 77). Issa, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja ma pprovdiex tali studji jew tali dokumenti intiżi sabiex juru li l-kundizzjonijiet għat-tixrid ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa inqas stretti minn dawk previsti mill-istudju xjentifiku huma suffiċjenti sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-ilmijiet ipprovokat jew ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex jiġi evitat kull tniġġis ġdid ta’ dan it-tip, konformement mal-għan imfittex mid-Direttiva 91/676, stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha. |
|
97 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li l-kundizzjonijiet għat-tixrid ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa stabbiliti fil-programmi ta’ azzjoni tal-komunitajiet awtonomi msemmija fl-ewwel parti tat-tieni lment huma inqas stretti minn dawk previsti mill-istudju xjentifiku. |
|
98 |
Fit-tielet lok, għalkemm ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-miżuri adottati mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-Mancha kienu bbażati fuq il-miżuri meħuda mill-Komunità Awtonoma ta’ Navarra li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala sodisfaċenti, kif jirriżulta mill-opinjoni motivata tagħha, huwa ma jikkontestax li l-miżuri meħuda mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha huma inqas stretti minn dawk previsti mill-istudju xjentifiku, mingħajr ma jispjega għalfejn dawn il-miżuri inqas stretti għandhom jiġu kkunsidrati bħala konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676. |
|
99 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jinvoka miżuri meħuda wara d-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, dwar il-Komunitajiet awtonomi ta’ Castilla-u-Léon u ta’ Aragon, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, il-bidliet li jseħħu wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkunsidrat. |
|
100 |
Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni lment għandha tintlaqa’. |
Fuq it-tieni parti, li tirrigwarda l-programm ta’ azzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura
– L-argumenti tal-partijiet
|
101 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra, fir-rikors tagħha, li hemm tliet nuqqasijiet fil-programm ta’ azzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura, jiġifieri miżuri li jikkonċernaw il-ħażna temporanja tad-demel solidu tal-annimali fl-għelieqi imsemmija fil-punt 5 tal-Parti A tal-Anness II u fil-punt 2 tal-Anness III(1) tad-Direttiva 91/676, tal-miżuri dwar ir-reġistru tal-użu tal-fertilizzanti, imsemmija fil-punt 9 tal-Anness IIB, u fil-punt 3 tal-Anness III(1) u (2) ta’ din id-direttiva, kif ukoll miżuri li jirrigwardaw il-kwantità massima annwali ta’ demel tal-annimali għal kull ettaru li għandu jiġi mxerred fuq l-art, imsemmija fl-Anness III(2) tal-imsemmija direttiva. |
|
102 |
Fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’din il-komunità awtonoma tipprekludi l-ħażna temporanja tad-demel solidu tal-bhejjem fl-irziezet. Dawn l-irziezet huma obbligati wkoll li jżommu reġistru aġġornat għal kull wiċċ tar-raba’, li jippreċiża, b’mod partikolari, id-dati tat-tixrid fuq l-art tal-fertilizzanti, it-tip ta’ fertilizzant u l-kwantità mxterrda fuq l-art. Fi kwalunkwe każ, il-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura tidher li tfassal programm ta’ azzjoni ġdid sabiex issegwi l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni. |
|
103 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tirribatti li r-regoli invokati mir-Renju ta’ Spanja ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni korretta tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, li jeżiġi li l-miżuri inkwistjoni jiġu inklużi fil-programm ta’ azzjoni għaż-żoni vulnerabbli. |
|
104 |
Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-impriżi agrikoli kollha huma obbligati jikkonformaw ruħhom mar-regoli dwar ir-reġistru tal-użu ta’ fertilizzanti u l-aspetti dwar il-miżuri ta’ ħażna temporanja tad-demel solidu tal-bhejjem fuq il-post, indipendentement mill-inklużjoni tagħhom fil-programm ta’ azzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura, peress li dawn huma obbligi imposti minn Digriet Irjali applikabbli fit-territorju nazzjonali kollu. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
105 |
Għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax, essenzjalment, li l-programm ta’ azzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura ma jinkludix it-tliet elementi msemmija fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, kuntrarjament għall-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-Annessi II u III ta’ din id-direttiva. |
|
106 |
Barra minn hekk, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jinvoka miżura leġiżlattiva li ma kinitx ġiet adottata fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, l-argument tiegħu għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 99 ta’ din is-sentenza. |
|
107 |
Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni lment għandha tintlaqa’. |
Fuq it-tielet parti, dwar il-programm ta’ azzjoni tal-Komunità ta’ Madrid
– L-argumenti tal-partijiet
|
108 |
Fir-rigward tal-Komunità ta’ Madrid, il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju ta’ Spanja bin-nuqqas, fil-programm ta’ azzjoni ta’ din il-Komunità, ta’ indikazzjonijiet ċari fuq il-miżuri dwar il-ħażna temporanja ta’ fertilizzanti solidi fuq l-art, imsemmija fil-punt 5 tal-Parti A tal-Anness II u fil-punt 2 tal-Anness III(1) tad-Direttiva 91/676 b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-perijodu massimu ta’ ħażna tad-demel tal-bhejjem fuq l-art. |
|
109 |
Fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jindika li l-programm ta’ azzjoni li kien qed jiġi żviluppat fiż-żmien tal-opinjoni motivata jinsab attwalment fl-istadju ta’ approvazzjoni. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-Digriet Irjali 47/2022 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis diffuż ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, imsemmi fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, u abbozz ta’ Digriet Irjali dwar in-nutrizzjoni fit-tul fl-artijiet agrikoli. |
|
110 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tosserva li, peress li l-programm ta’ azzjoni ġdid tal-imsemmija komunità għadu qed jitħejja, il-programm ta’ azzjoni preċedenti jibqa’ applikabbli. |
|
111 |
Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jippreċiża li l-kontrolli mwettqa kull sena fuq l-azjendi agrikoli preżenti fiż-żoni vulnerabbli mis-sena 2020 jinkludu, b’applikazzjoni tal-programm ta’ azzjoni fis-seħħ, il-verifika tal-faċilitajiet ta’ ħażna tal-fertilizzanti, tad-demel solidu u tad-demel likwidu. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
112 |
Għandu jiġi rrilevat li r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa kkritikat bih fir-rigward tal-Komunità ta’ Madrid. |
|
113 |
Barra minn hekk, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jinvoka miżura leġiżlattiva adottata wara d-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, l-argument tiegħu għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet li jinsabu fil-punt 99 ta’ din is-sentenza. |
|
114 |
Minn dan isegwi li t-tielet parti tat-tieni lment u, għaldaqstant, dan l-ilment kollu kemm hu, għandhom jintlaqgħu. |
|
115 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma pprovdiex għall-miżuri obbligatorji kollha neċessarji fil-programmi ta’ azzjoni tal-komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla y León u ta’ Extremadura kif ukoll tal-Komunità ta’ Madrid, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-Annessi II u III ta’ din id-direttiva. |
Fuq it‑tielet ilment, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 91/676
|
116 |
Permezz tat-tielet ilment tagħha, li jinqasam f’żewġ partijiet, il-Kummissjoni titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħax il-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa meħtieġa f’dak li jirrigwarda t-tniġġis ikkawżat min-nitrati, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676. Hija ssostni li, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni, jieħdu l-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa kollha li huma jqisu neċessarji jekk il-miżuri msemmija fl-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva ma jkunux biżżejjed sabiex inaqqsu t-tniġġis u jipprevjenu kwalunkwe tniġġis ġdid min-nitrati minn sorsi agrikoli. |
Fuq l-ewwel parti li tirrigwarda l-Komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla y León u tar-Reġjun ta’ Murcia
– L-argumenti tal-partijiet
|
117 |
Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lir-Renju ta’ Spanja talli naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 billi ma ħax il-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa meħtieġa fir-rigward tat-tniġġis min-nitrati fir-rigward tal-komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla-y-León u tar-Reġjun ta’ Murcia. |
|
118 |
Il-Kummissjoni tqis li d-data pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli fir-rapport 2016–2019 turi li, fl-erba’ komunitajiet awtonomi inkwistjoni, il-kwalità tal-ilmijiet ma tjibitx meta mqabbla mal-perijodu preċedenti, li jindika li l-miżuri adottati skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676 ma kinux suffiċjenti sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. |
|
119 |
Fir-rigward tal-komunità awtonoma ta’ Aragón, mir-rapport 2016–2019 jirriżulta wkoll li, l-ewwel nett, f’ 56.3 % tal-punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art, il-valuri tan-nitrati kienu ogħla minn 40 mg/l, u f’ 39.1 % ta’ dawn il-punti, dawn il-valuri kienu jaqbżu l-50 mg/l. Issa, fir-rapport 2012–2015, il-proporzjon ta’ punti ta’ kejl li juri valuri ta’ nitrati ogħla minn 40 mg/l jidher li kien ta’ 54.3 %, filwaqt li l-proporzjon ta’ punti ta’ kejl li juru valuri ta’ iktar minn 50 mg/l kien ta’ 42.3 %. It-tieni nett, 67.4 % tal-punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art li jindikaw valuri tan-nitrati ogħla minn 40 mg/l urew tendenza stabbli jew ogħla. It-tielet nett, l-istess japplika għal 53.8 % tal-punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art li jindikaw valuri ogħla minn 50 mg/l. |
|
120 |
Fir-rigward tal-ilma tal-wiċċ, il-perċentwali ta’ punti ta’ kejl li jindikaw valuri ta’ nitrati ogħla minn 40 mg/l żdiedet minn 7.7 % għal 8 % minn perijodu għal ieħor u l-perċentwali ta’ dawn il-punti li tindika valuri ogħla minn 50 mg/l żdiedet minn 0 % għal 4 %. Il-punti ta’ kejl kollha li jindikaw valuri tan-nitrati ogħla minn 50 mg/l juru xejra ta’ żieda jew stabbli. |
|
121 |
Fir-rigward tal-ewtrofikazzjoni, il-komunità awtonoma ta’ Aragón kellha biss żewġ punti ta’ kejl fiż-żoni vulnerabbli matul il-perijodu 2012–2015, fejn wieħed minnhom kien irrapporta ewtrofikazzjoni. Matul il-perjodu 2016–2019, l-għadd ta’ punti ta’ kejl li jimmonitorjaw l-istat trofiku naqas għal tmienja, u tnejn minnhom jindikaw tniġġis. |
|
122 |
Fil-qosor, id-data dwar l-ilma ta’ taħt l-art ma tirreferix għal titjib fil-kwalità tal-ilma, l-informazzjoni dwar l-ilma tal-wiċċ tidher li turi deterjorament tal-kwalità tal-ilma u n-numru żgħir ta’ punti ta’ kejl li jindikaw l-ewtrofikazzjoni fiż-żoni vulnerabbli jirrendi diffiċli l-evalwazzjoni tal-evoluzzjoni tal-istat trofiku. |
|
123 |
Filwaqt li tirrikonoxxi li l-miżuri meħuda mill-komunità awtonoma ta’ Aragón jinsabu fid-direzzjoni t-tajba, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fid-dawl tal-livell ta’ tniġġis tal-ilma u tan-nuqqas ta’ studji li jsostnu n-natura suffiċjenti ta’ dawn il-miżuri, ir-Renju ta’ Spanja jkompli ma josservax l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676, fir-rigward ta’ din il-komunità awtonoma. |
|
124 |
Fir-rigward tal-komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, il-proporzjon ta’ punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żoni vulnerabbli li jindikaw konċentrazzjoni ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l jidher li naqas minn 32 % fil-kuntest tar-Rapport 2012–2015 għal 26.3 % fil-kuntest tar-Rapport 2016–2019. Madankollu, 57.8 % tal-punti ta’ kejl fejn matul dan l-aħħar perijodu ġie kkonstatat tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art juru tendenzi stabbli jew ogħla. Barra minn hekk, il-perċentwali ta’ punti ta’ kejl tal-ilma tal-wiċċ fiż-żoni vulnerabbli li juru ewtrofikazzjoni żdiedet minn 35.9 % fir-Rapport 2012–2015 għal 60 % fir-Rapport 2016–2019. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli rrikonoxxew id-deterjorament tal-kwalità tal-ilma fir-rigward ta’ din il-komunità awtonoma. |
|
125 |
Fid-dawl tal-livell ta’ tniġġis tal-ilmijiet u tal-assenza ta’ studji u ta’ data teknika li jsostnu n-natura suffiċjenti tal-miżuri adottati, ir-Renju ta’ Spanja jkompli ma josservax l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 f’dak li jirrigwarda l-imsemmija komunità awtonoma. |
|
126 |
Fir-rigward tal-komunità awtonoma ta’ Castilla y Leon, id-data mibgħuta mill-awtoritajiet Spanjoli fir-Rapport tal‑2016‑2019 tidher li turi b’mod ċar li s-sitwazzjoni fiż-żoni vulnerabbli ma tjibitx. Għalhekk, f’dawn iż-żoni, il-perċentwali tal-punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art b’konċentrazzjonijiet ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l żdiedet minn 37.2 % għal 43 %. Barra minn hekk, iktar minn nofs il-punti ta’ kejl b’konċentrazzjonijiet ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l juru tendenza stabbli jew ogħla meta mqabbla mal-perijodu preċedenti. |
|
127 |
Il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Spanjoli ma humiex biżżejjed sabiex itemmu n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Renju ta’ Spanja. |
|
128 |
F’dak li jirrigwarda l-komunità awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, id-data mibgħuta mill-awtoritajiet Spanjoli fir-Rapport 2016–2019 ma tippermettix li jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni fiż-żoni vulnerabbli tjiebet meta mqabbla mad-data li tirriżulta mir-Rapport 2012–2015. Fil-fatt, minkejja li l-perċentwali ta’ punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art li jiddikjaraw valuri ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l f’dawn iż-żoni naqas, minn 62.5 % għal 57.4 %, il-perċentwali ta’ punti ta’ kejl tal-ilma tal-wiċċ li jiddikjara valuri ogħla minn 50 mg/l fiż-żoni vulnerabbli żdied, minn 10 % għal 15.6 %. |
|
129 |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-imsemmija komunità awtonoma adottat diversi miżuri addizzjonali. Madankollu, dawn il-miżuri huma insuffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 91/676, kif jidhru li juru wkoll id-daqs u l-gravità tal-avvenimenti tal-kriżi ta’ anossija matul is-sena 2019 u fl-aħħar tas-sajf tal‑2021. |
|
130 |
Fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni, billi jsostni li l-obbligu impost mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 ma huwiex obbligu ta’ riżultat. Għall-kuntrarju, dan huwa obbligu li jittieħdu miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. Issa, fil-komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla y León u tar-Reġjun ta’ Murcia ġew adottati miżuri addizzjonali u azzjonijiet imsaħħa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva. |
|
131 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 jeżiġi l-adozzjoni tal-miżuri li l-Istati Membri “jqisu meħtieġa” sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. Dan jippreżumi li r-riżultat tal-miżuri fis-seħħ seta’ jiġi eżaminat minn qabel, sabiex jittieħdu miżuri ġodda “fid-dawl tal-esperjenza miksuba”, kif jipprevedi l-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva. Issa, dan neċessarjament u inevitabbilment jeħtieġ li jkun għadda ċertu perijodu ta’ żmien. Kif tindika t-tlettax-il premessa tal-istess Direttiva, mhuwiex eskluż li jridu jgħaddu ħafna snin sabiex il-miżuri ta’ protezzjoni jwasslu għal titjib fil-kwalità tal-ilma. |
|
132 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 91/676 jirriżulta li, mill-inqas kull erba’ snin, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw mill-ġdid u, jekk ikun il-każ, jirrevedu l-programmi ta’ azzjoni tagħhom, inkluża kull miżura addizzjonali meħuda skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 10 tagħha, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, kull erba’ snin, rapport li jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-Anness V tal-imsemmija direttiva u li jirrigwarda, b’mod partikolari, kull miżura addizzjonali jew azzjoni msaħħa meħuda skont l-Artikolu 5(5) tal-istess direttiva. L-Istati Membri għandhom, fil-kuntest ta’ dan ir-rapport, jiddeċiedu, minn naħa, dwar it-termini approssimattivi li fihom huma jqisu li l-ilmijiet iddefiniti skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676 għandhom jirreaġixxu għall-miżuri previsti fil-programm ta’ azzjoni u, min-naħa l-oħra, dwar indikazzjoni tal-livell ta’ inċertezza ta’ dawn l-istimi. Għaldaqstant, ma jkunx eżatt li jiġi affermat, kif tidher li tagħmel il-Kummissjoni, li l-miżuri jew l-azzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva jidhru li ma ġewx adottati. |
|
133 |
Fl-aħħar nett, l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali jew ta’ azzjonijiet imsaħħa fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni hija biss waħda mill-azzjonijiet possibbli li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu sabiex jilħqu l-għanijiet iddefiniti mid-Direttiva 91/676. |
|
134 |
Fir-rigward tal-komunità awtonoma ta’ Aragón, ikun kontradittorju li l-awtoritajiet Spanjoli jiġu kkritikati li ma ħadux miżuri addizzjonali filwaqt li jiġi aċċettat li l-proporzjon ta’ punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art li juri valuri ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l naqas. Barra minn hekk, ma jistax jiġi aċċettat li punti ta’ kejl li fihom ġew irrilevati valuri ta’ nitrati ta’ inqas minn 50 mg/l huma invokati, kif tidher li tagħmel il-Kummissjoni, sabiex tiġi stabbilita n-neċessità ta’ miżuri addizzjonali jew ta’ azzjonijiet imsaħħa. Għaldaqstant, kien hemm titjib fil-kwalità tal-ilma f’din il-komunità awtonoma. |
|
135 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li wieħed miż-żewġ atti leġiżlattivi adottati mill-Komunità Awtonoma ta’ Aragona f’dan ir-rigward jikkontribwixxi sabiex tiġi evitata aċċellerazzjoni taż-żieda tat-tniġġis u li l-oħra tillimita l-ftuħ ta’ impriżi ġodda u jista’ jkollha effetti pożittivi sabiex tnaqqas il-kontenut tan-nitroġenu. |
|
136 |
F’dak li jirrigwarda l-komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, din qiegħda ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll tagħha bl-għan li tilħaq l-għanijiet iddefiniti mid-Direttiva 91/676. It-tisħiħ tal-miżuri inklużi fil-programmi ta’ azzjoni ta’ din il-komunità awtonoma għandu jsir biss meta jintwera li dawn il-miżuri mhumiex biżżejjed biex inaqqsu t-tniġġis. |
|
137 |
Fir-rigward tal-komunità awtonoma ta’ Castilla y Leon, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-miżuri neċessarji ġew implimentati permezz ta’ digriet ta’ din il-komunità awtonoma, adottat fl‑2018 u li jiddetermina l-kundizzjonijiet ambjentali minimi għall-eżerċizzju tal-attivitajiet jew tal-installazzjonijiet tat-trobbija li jinsabu fit-territorju tiegħu. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija komunità awtonoma approvat, fl‑2022, programm ta’ azzjoni ġdid li jipprevedi miżuri ġodda intiżi sabiex jipprevjenu u, jekk ikun il-każ, inaqqsu t-tniġġis tal-ilma min-nitrati minn sorsi agrikoli. |
|
138 |
F’dak li jirrigwarda l-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-avvenimenti tal-kriżi ta’ anossija matul is-sena 2019 u fl-aħħar tas-sajf tal‑2021, li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fir-rikors tagħha, huma sussegwenti u ma humiex relatati mal-kritika fformulata fil-kuntest tal-fażi amministrattiva tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża l-ilment tagħha fuq tali fatti. |
|
139 |
Fuq il-mertu, bl-adozzjoni ta’ serje ta’ programmi u ta’ atti leġiżlattivi, inkluż, fl-aħħar lok, liġi tas‑27 ta’ Lulju 2020 dwar ir-restawr u l-protezzjoni tal-baħar Minuri, il-Komunità awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia kkonformat ruħha mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676. Ir-Renju ta’ Spanja jirreferi wkoll għal pjan ta’ spezzjoni tal-impriżi agrikoli għall-perijodu 2020–2021, approvat permezz ta’ digriet adottat fix-xahar ta’ Settembru 2020, u għal diversi atti leġiżlattivi oħra adottati fis‑27 ta’ Awwissu 2021, fis‑6 ta’ Settembru 2021, fit‑13 ta’ April 2022 u fl‑14 ta’ Lulju 2022. |
|
140 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprekludi l-argument tar-Renju ta’ Spanja, imressaq fir-risposta tiegħu, li jgħid li huwa neċessarju li jgħaddi ċertu żmien sabiex jiġi evalwat ir-riżultat fit-tul tal-miżuri adottati mill-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, tali argument iċaħħad lill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 minn kull effett utli. |
|
141 |
Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Aragón, kuntrarjament għal dak li deher li sostna r-Renju ta’ Spanja, is-sitwazzjoni fiż-żoni vulnerabbli li jiddependu minnha ma tjibitx matul il-perijodu 2016‑2019 meta mqabbla mal-perijodu 2012–2015. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-miżuri meħuda minn din il-komunità awtonoma, il-Kummissjoni tirreferi għat-talbiet li hija ppreżentat fir-rikors tagħha. |
|
142 |
Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li s-sitwazzjoni fiż-żoni vulnerabbli li tiddependi minnha lanqas ma tjiebet matul il-perijodu 2016–2019 meta mqabbel mal-perijodu 2012–2015. L-argument ta’ dan l-Istat Membru li miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa għandhom jiġu implimentati biss meta jkun evidenti li l-miżuri attwali tal-programm ta’ azzjoni huma insuffiċjenti, ma jidhirx li huwa fondat. L-obbligu li jiġu adottati miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa previst fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 jitnissel minn meta jiġi kkonstatat matul perijodu partikolari li l-kwalità tal-ilma ma tjibitx meta mqabbla mal-perijodu preċedenti, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi pprovata l-ineffettività tal-miżuri diġà adottati. |
|
143 |
Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li s-sitwazzjoni fiż-żoni vulnerabbli li jiddependi minnha lanqas ma tjiebet matul il-perijodu 2016–2019 meta mqabbel mal-perijodu 2012–2015. Fir-rigward tad-Digriet tal‑2018 imsemmi fil-punt 137 ta’ din is-sentenza, dan ma jistax jissostitwixxi l-eżami mill-ġdid tal-programm ta’ azzjoni. Fir-rigward tad-digriet tal‑2022 ta’ din il-komunità awtonoma msemmi fl-istess punt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan seħħ wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. |
|
144 |
F’dak li jirrigwarda l-Komunità awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, il-Kummissjoni tenfasizza li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 huwa bbażat, fir-rigward ta’ din il-komunità awtonoma, fuq id-data ppreżentata mir-Renju ta’ Spanja dwar il-kwalità tal-ilma, li turi l-eżistenza ta’ problemi ta’ ewtrofikazzjoni u tipprova li l-miżuri adottati mill-imsemmija komunità awtonoma skont l-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva ma tejbux is-sitwazzjoni. Din id-data hija esposta b’mod ċar fir-rikors u r-Renju ta’ Spanja ma kkontestax il-fondatezza tagħha fir-risposta tiegħu. |
|
145 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li, fir-rikors tagħha, hija enfasizzat il-fatt li din is-sitwazzjoni kompliet sew wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, u dan jidher li jikkonferma li l-miżuri fis-seħħ fl-iskadenza ta’ dan it-terminu ma kinux suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti mid-Direttiva 91/676. L-elementi fattwali mressqa minn din l-istituzzjoni fir-rigward tal-kriżi ta’ anossija matul is-sena 2019 u fl-aħħar tas-sajf 2021 jidhru li juru din il-persistenza. Madankollu, din ma hijiex l-unika prova prodotta mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni tidher li elenkat ukoll fir-rikors tagħha ċertu numru ta’ dokumenti uffiċjali li joriġinaw mill-awtoritajiet Spanjoli li fihom dawn tal-aħħar irrikonoxxew id-deterjorament tal-kwalità tal-ilma u, għaldaqstant, l-insuffiċjenza tal-miżuri adottati fil-livell tal-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia. |
|
146 |
Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li jidhru li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-miżuri meħuda mill-komunitajiet awtonomi kkonċernati, il-leġiżlazzjonijiet adottati sadanittant fuq il-livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għal diversi atti leġiżlattivi adottati matul is-sena 2022. |
|
147 |
Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Aragón, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li l-Kummissjoni stess tirrikonoxxi li l-miżuri adottati minn din il-komunità awtonoma jmorru fid-direzzjoni t-tajba. |
|
148 |
Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, il-Kummissjoni tidher li tippersisti, b’mod żbaljat, li teżiġi riżultati immedjati. |
|
149 |
Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla y Leon, ir-Renju ta’ Spanja jfakkar il-miżuri msemmija fil-punt 137 ta’ din is-sentenza. |
|
150 |
F’dak li jirrigwarda l-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li ttieħdu miżuri skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali jew ta’ azzjonijiet imsaħħa fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni tidher li hija biss waħda mill-azzjonijiet possibbli li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ din id-direttiva. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
151 |
Skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676, l-Istati Membri għandhom jieħdu, fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni, il-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa kollha li huma jqisu neċessarji, jekk jirriżulta, mill-bidu jew fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, li l-miżuri obbligatorji msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu ma jkunux biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. |
|
152 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/676, din hija intiża sabiex tnaqqas it-tniġġis tal-ilma ipprovokat jew ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex tipprevjeni kull tniġġis ulterjuri ta’ dan it-tip. |
|
153 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit li l-miżuri obbligatorji msemmija fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676 ma humiex suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-kwalità tal-ilma ma tjibitx, meta mqabbla mal-perijodu preċedenti (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑543/16, EU:C:2018:481, punti 55, 56, 59 u 71). |
|
154 |
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa, imsemmija fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676, mill-bidu tal-ewwel programm ta’ azzjoni jew fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni u għalhekk mill-ewwel konstatazzjoni tal-bżonn tagħhom (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑543/16, EU:C:2018:481, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
155 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk ir-Renju ta’ Spanja naqasx milli jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676. |
|
156 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-provi invokati minn dan l-Istat Membru ma jippermettux li jiġu kkontestati ċ-ċifri li jinsabu fir-rapporti li huwa bagħat li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, li juru li l-kwalità tal-ilma ma tjibitx matul il-perijodu 2016–2019 meta mqabbla mal-perijodu 2012–2015 fil-Komunitajiet awtonomi ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla y León u tar-Reġjun ta’ Murcia. |
|
157 |
Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Aragón, huwa minnu li r-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha, f’dak li jirrigwarda l-ilma ta’ taħt l-art, fuq ir-riżultat tal-ġbir imwettaq fil-punti sa fejn ġew ikkonstatati valuri ta’ nitrati inqas minn 50 mg/l u li l-proporzjon ta’ punti ta’ kejl li juru valuri ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l naqas b’ 42.3 % matul il-perijodu 2012–2015 għal 39.1 % matul il-perijodu 2016–2019. Madankollu, b’dan il-mod, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta biss tnejn mit-tliet konstatazzjonijiet imsemmija fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kwalità ta’ ilma ta’ taħt l-art ma tjibitx fil-Komunità Awtonoma ta’ Aragón. Min-naħa l-oħra, huwa la jikkontesta l-konstatazzjoni l-oħra invokata mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, li tgħid li f’ 53.8 % tal-punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art fejn ġew ikkonstatati valuri ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l, dawn il-valuri jevolvu skont tendenza stabbli jew għolja, u lanqas il-konstatazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fir-rigward tal-ilma tal-wiċċ. |
|
158 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni stabbilixxiet li l-kwalità tal-ilma f’din il-komunità awtonoma ma tjibitx matul il-perijodu 2016–2019, meta mqabbla mal-perijodu preċedenti. |
|
159 |
Fit-tieni lok, għalkemm mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 jirriżulta li l-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa msemmija minn din id-dispożizzjoni jistgħu jittieħdu “fid-dawl tal-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni”, xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, dawn il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa jistgħu wkoll jittieħdu “mill-bidu” ta’ din l-implimentazzjoni u li, fi kwalunkwe każ, u konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa għandhom jittieħdu sa mill-ewwel konstatazzjoni tal-bżonn tagħhom. Minn dan isegwi li l-argument tar-Renju ta’ Spanja li miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa għandhom jiġu adottati biss wara ċertu żmien, wara li jkun ġie kkonstatat li l-miżuri eżistenti ma humiex suffiċjenti, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tneħħi l-effett utli tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 u tidher li tikkomprometti l-għanijiet ta’ din id-direttiva, kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tagħha. |
|
160 |
L-istess japplika għall-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676, billi jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa “li huma jqisu meħtieġa”, jidher li jippreżupponi li r-riżultat tal-miżuri fis-seħħ seta’ ġie eżaminat minn qabel, sabiex jittieħdu miżuri ġodda fid-dawl tal-esperjenza miksuba. |
|
161 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 ma jistgħux jiġu kkontestati la minħabba l-eżistenza ta’ obbligi oħra imposti fuqhom skont l-Artikolu 5(7) u l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, u lanqas mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fit-tlettax-il premessa tagħha. Fil-fatt, dawn l-aħħar obbligi u dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jeżentaw lill-Istati Membri milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva. |
|
162 |
Bl-istess mod, l-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali jew ta’ azzjonijiet imsaħħa fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni hija biss waħda mill-azzjonijiet possibbli li l-Istati Membri jistgħu jieħdu sabiex jilħqu l-għanijiet tad-Direttiva 91/676 għandu jiġi miċħud, peress li dawn xorta waħda huma obbligati jassumu l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676. |
|
163 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-Renju ta’ Spanja ħax il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li huwa kien obbligat jadotta, fir-rigward tal-erba’ komunitajiet awtonomi inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 jirriżulta li dawn il-miżuri jew azzjonijiet għandhom jittieħdu meta l-miżuri obbligatorji msemmija fl-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva ma jkunux suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 1 tagħha. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, ma huwiex biżżejjed, sabiex jitqies li Stat Membru ssodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva, li jkun adotta miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa. Fil-fatt, sabiex jitqies li ġew issodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, huwa barra minn hekk neċessarju li dawn l-azzjonijiet addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa jkunu biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/676, jiġifieri li jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma ipprovokat jew ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex jiġi evitat kwalunkwe tniġġis ulterjuri ta’ dan it-tip. |
|
164 |
Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Aragón, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-miżuri meħuda minn din il-komunità awtonoma kienu jinsabu fid-direzzjoni t-tajba, hija enfasizzat ukoll, ġustament, li r-Renju ta’ Spanja ma kienx ipprovda studji u lanqas provi ċirkustanzjali li juru li dawn il-miżuri huma suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti mid-Direttiva 91/676. |
|
165 |
Fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet adottati sadanittant fuq il-livell nazzjonali, li għalihom irrefera r-Renju ta’ Spanja fil-kontroreplika tiegħu u li huma intiżi sabiex itejbu mhux biss is-sitwazzjoni tal-imsemmija komunità awtonoma, iżda wkoll dik tat-tliet komunitajiet awtonomi l-oħra kkonċernati mill-ewwel parti tat-tielet ilment, għandu jiġi rrilevat li dawn il-leġiżlazzjonijiet ġew adottati matul is-sena 2022, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, il-bidliet li jseħħu wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkunsidrat. |
|
166 |
F’dak li jirrigwarda l-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, ir-Renju ta’ Spanja sempliċement isostni li t-tisħiħ tal-miżuri inklużi fil-programmi ta’ azzjoni ta’ din il-komunità awtonoma għandu jsir biss jekk jiġi stabbilit li dawn il-miżuri ma humiex biżżejjed sabiex inaqqsu t-tniġġis min-nitrati. Issa, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 159 ta’ din is-sentenza, tali argument jista’ jiġġustifika biss li Stat Membru ma jissodisfax l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676. |
|
167 |
Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla y Leon, kif jirriżulta mill-punt 137 ta’ din is-sentenza, ir-Renju ta’ Spanja jillimita ruħu li jsemmi l-adozzjoni, minn din il-Komunità awtonoma, minn naħa, matul is-sena 2018, ta’ digriet li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ambjentali minimi għall-eżerċizzju tal-attivitajiet jew tal-installazzjonijiet tat-trobbija li jinsabu fit-territorju tagħha u, min-naħa l-oħra, matul is-sena 2022, ta’ digriet li japprova programm ta’ azzjoni ġdid li jidher li jipprevedi miżuri ġodda intiżi għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma min-nitrati minn sorsi agrikoli. Issa, minn naħa, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, l-adozzjoni ta’ tali digriet ma hijiex ta’ natura li teħles lir-Renju ta’ Spanja mill-obbligu tiegħu li jissorvelja r-reviżjoni tal-programm ta’ azzjoni ta’ din il-Komunità Awtonoma li huwa għandu taħt l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-digriet adottat mill-imsemmija komunità awtonoma matul is-sena 2022, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, il-bidliet li jseħħu wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
|
168 |
F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, il-Komunità awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, għalkemm huwa minnu li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni rreferiet għal avvenimenti li seħħew fl‑2019 u fl‑2021, u għalhekk għal fatti li ma kinux ikkonċernati mill-fażi amministrattiva tal-proċedura, din l-istituzzjoni spjegat, mingħajr ma ġiet kontradetta f’dan ir-rigward mir-Renju ta’ Spanja, li hija kienet semmiet dawn il-fatti fir-rikors tagħha sabiex turi li l-miżuri li kienu ġew adottati mill-awtoritajiet Spanjoli fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ma kinux suffiċjenti. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-liġi msemmija fil-punt 139 ta’ din is-sentenza, adottata fis‑27 ta’ Lulju 2020, tirrikonoxxi espliċitament li l-miżuri tal-programm ta’ azzjoni eżistenti f’dak iż-żmien ma kinux biżżejjed sabiex jipprevjenu u jikkoreġu t-tniġġis ikkawżat min-nitrati fil-korp tal-ilma ta’ taħt l-art f’ċertu reġjun ta’ din il-komunità awtonoma. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fir-replika tagħha, li mill-programm ta’ azzjoni l-ġdid li kien qiegħed jiġi ppreparat fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata kien jirriżulta espressament li kienu għadhom neċessarji miżuri addizzjonali u azzjonijiet imsaħħa oħra. |
|
169 |
Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet lment għandha tintlaqa’. |
|
170 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħax il-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa meħtieġa fir-rigward tat-tniġġis min-nitrati fir-rigward tal-Komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla y León u tar-Reġjun ta’ Murcia, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676. |
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li r-Renju ta’ Spanja ma adottax il-miżuri adegwati sabiex jirrimedja l-ewtrofikazzjoni fit-territorju kollu tiegħu
– L-argumenti tal-partijiet
|
171 |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-Renju ta’ Spanja ma adottax il-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa meħtieġa mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 sabiex jirrimedja l-ewtrofikazzjoni fit-territorju kollu tiegħu, filwaqt li d-data disponibbli kienet tistabbilixxi li l-miżuri previsti fil-programmi ta’ azzjoni ma kinux suffiċjenti sabiex inaqqsu u jipprevjenu t-tniġġis. |
|
172 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punti 2 u 3 tal-Parti A tal-Anness I tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ilmijiet għandhom jitqiesu li huma affettwati mit-tniġġis, b’mod partikolari, meta l-lagi naturali ta’ ilma ħelu, il-korpi l-oħra tal-ilma ħelu, l-estwarji, l-ilmijiet kostali u marittimi jkunu sofrew ewtrofikazzjoni. Konsegwentement, f’każ bħal dan, l-Istati Membri jkunu obbligati jadottaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-programmi ta’ azzjoni, u, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri addizzjonali u l-azzjonijiet imsaħħa sabiex jipprovaw jirrimedjaw għal din il-forma ta’ tniġġis. |
|
173 |
Minkejja li, fir-risposti tagħhom għall-opinjoni motivata, l-awtoritajiet Spanjoli sostnew li l-istat trofiku tal-ilma tjieb matul il-perijodu 2012–2015 meta mqabbel mal-perijodu 2008–2011, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li tali argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, jekk il-perċentwali tal-punti ta’ kejl fejn ġiet ikkonstatata ewtrofikazzjoni għaddiet minn 0.32 % għal 0.29 %, it-titjib żgħir li b’hekk jidher li ġie kkonstatat huwa bbażat fuq kampjun iżgħar (429 punti ta’ kejl għall-perijodu 2012–2015 kontra 476 punti ta’ kejl għall-perijodu 2008–2011), b’tali mod li ma jurix is-sitwazzjoni reali. Is-sottovalutazzjoni tal-problema tal-ewtrofikazzjoni li tirriżulta mid-data mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli tidher li hija spjegata, b’mod partikolari, mill-esklużjoni tax-xmajjar mill-eżami tal-ewtrofikazzjoni fir-rapport 2012–2015. Issa, din l-esklużjoni ma hijiex konformi mad-Direttiva 91/676. |
|
174 |
Minħabba bidla fil-metodoloġija, id-data pprovduta fir-rapport 2016–2019 lanqas ma tidher li tista’ tintuża sabiex turi titjib fir-rigward tal-ewtrofikazzjoni. Fil-fatt, f’dan ir-rapport, 68 punt ta’ kejl li jippreżentaw ewtrofikazzjoni jew riskju ta’ ewtrofikazzjoni kienu tneħħew meta mqabbla mal-perijodu preċedenti. |
|
175 |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-data disponibbli u ppreżentata fir-rikors tagħha tikkonferma li l-problema tal-ewtrofikazzjoni ma tjibitx, b’tali mod li l-awtoritajiet Spanjoli kienu obbligati jadottaw miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa f’dan ir-rigward. Issa, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jissodisfa dan l-obbligu. |
|
176 |
Fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa kkritikat bih. L-argumenti kollha tal-Kummissjoni huma bbażati fuq l-esklużjoni, minn dan l-Istat Membru, tax-xmajjar mill-eżami mwettaq sabiex jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet ta’ ewtrofikazzjoni fit-territorju tiegħu. Issa, din l-istituzzjoni tillimita ruħha li tallega li din l-esklużjoni jista’ jkollha bħala konsegwenza li l-portata tal-fenomenu ta’ ewtrofikazzjoni fit-territorju Spanjol tidher li hija ssottovalutata fir-rapporti indirizzati lilha, mingħajr ma jipproduċi d-data neċessarja sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas allegat. |
|
177 |
Barra minn hekk, mir-rapport 2016–2019 jirriżulta li l-ewtrofikazzjoni li taffettwa l-ilmijiet interni ġiet evalwata fuq il-bażi ta’ 468 punt ta’ kejl u 23.3 % ta’ dawn tal-aħħar urew tali forma ta’ tniġġis. Jekk din il-konstatazzjoni tiġi estiża għall-ilmijiet kollha ssorveljati fi Spanja, iċ-ċifra titla’ għal 172 punt sa fejn fenomenu ta’ ewtrofikazzjoni jkun ġie kkonstatat fuq total ta’ 1024 punt ta’ kejl, jiġifieri 16.8 % tat-total imkejjel, li ma jippermettix li jiġi konkluż, minkejja l-importanza ta’ din il-problema, li kien meħtieġ li jittieħdu miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa f’dan ir-rigward. |
|
178 |
Fi kwalunkwe każ, skont il-punt B tal-Anness I tad-Direttiva 91/676, jidher li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti minn din id-direttiva, il-karatteristiċi fiżiċi u ambjentali tal-ilmijiet u tal-artijiet kif ukoll l-għarfien attwali dwar l-aġir tal-komponenti tan-nitroġenu fl-ambjent. Issa, ix-xmajjar Spanjoli huma suġġetti għal varjazzjonijiet staġjonali kunsiderevoli, b’tali mod li l-livell ta’ tiġdid tal-ilmijiet huwa għoli u li s-sitwazzjonijiet ta’ ewtrofikazzjoni mhumiex sejrin jippersistu matul iż-żmien. |
|
179 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-data xjentifika disponibbli tirrakkomanda li x-xmajjar ma jiġux esklużi mill-analiżi tal-istat trofiku tal-korpi tal-ilma fi Spanja, peress li t-tkabbir tal-alka u l-fjorituri ta’ ċjanobatterji jistgħu jseħħu f’dawn ix-xmajjar u jibqgħu hemm għal xhur, għall-inqas fil-partijiet tax-xmajjar fejn il-fluss huwa l-iktar bil-mod. |
|
180 |
Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ewtrofikazzjoni tidher li ma kinitx ser isseħħ fix-xmajjar kollha. Issa, dan huwa preċiżament dak li sostna r-Renju ta’ Spanja b’mod issostanzjat fir-risposta tiegħu. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
181 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li minn qari flimkien tal-Artikolu 3(1) u tal-punti 2 u 3 tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 91/676 jirriżulta li l-ilmijiet għandhom jitqiesu li huma mniġġsa mhux biss meta l-ilmijiet ta’ taħt l-art ikollhom kontenut ta’ nitrat ta’ iktar minn 50 mg/l, iżda wkoll, b’mod partikolari, meta l-lagi naturali ta’ ilma ħelu, il-korpi l-oħra ta’ ilma ħelu, l-estwarji, l-ilmijiet tal-kosta u marittimi jkunu sofrew ewtrofikazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑543/16, EU:C:2018:481, punt 60). Konsegwentement, f’każ ta’ ewtrofikazzjoni, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-programmi ta’ azzjoni u, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri addizzjonali u l-azzjonijiet imsaħħa, sabiex jirrimedjaw għal tali sitwazzjoni. |
|
182 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 153 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha turi, sabiex tistabbilixxi li l-miżuri obbligatorji msemmija fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676 ma humiex biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li l-kwalità tal-ilmijiet matul perijodu partikolari ma tjibitx, meta mqabbla mal-perijodu preċedenti. Peress li, permezz tat-tieni parti tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju ta’ Spanja li ma adottax il-miżuri meħtieġa mill-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva sabiex jirrimedja għas-sitwazzjonijiet ta’ ewtrofikazzjoni preżenti fit-territorju kollu tiegħu, hija din l-istituzzjoni li għandha turi li l-kwalità tal-ilmijiet ma tjibitx, fir-rigward tal-ewtrofikazzjoni, minn perijodu għall-ieħor. |
|
183 |
Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx tali assenza ta’ titjib. Fil-fatt, minn naħa, din l-istituzzjoni tirrikonoxxi li, skont ir-rapport 2012–2015, ġie kkonstatat titjib żgħir fir-rigward tal-perijodu 2008–2011, peress li l-perċentwali tal-punti ta’ kejl fejn ġiet ikkonstatata ewtrofikazzjoni għaddiet minn 0.32 % għal 0.29 %. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma wrietx li s-sitwazzjoni ma kinitx tjiebet, fir-rigward tal-ewtrofikazzjoni, matul il-perijodu 2016–2019 meta mqabbel mal-perijodu 2012–2015, peress li f’dan ir-rigward din l-istituzzjoni ma ressqet l-ebda data konkreta f’dan ir-rigward. |
|
184 |
Huwa minnu li l-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-Renju ta’ Spanja, li d-data li tidher fir-rapport 2012–2015 hija bbażata fuq kampjun ta’ korp tal-ilma inqas minn dak meħud in kunsiderazzjoni fir-rapport ikkomunikat lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Spanjoli, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676, u li fih l-informazzjoni msemmija fl-Anness V ta’ din id-direttiva dwar il-perijodu 2008–2011, peress li x-xmajjar ġew esklużi mill-metodoloġija intiża sabiex tidentifika s-sitwazzjonijiet ta’ ewtrofikazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni, mingħajr lanqas ma hija kontradetta mir-Renju ta’ Spanja, li, fir-Rapport 2016–2019, 68 punt ta’ kejl sa fejn ewtrofikazzjoni jew riskju ta’ ewtrofikazzjoni kien ġie kkonstatat matul il-perijodu preċedenti tneħħew. |
|
185 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li Stat Membru ma jiħux in kunsiderazzjoni x-xmajjar sabiex jidentifika s-sitwazzjonijiet ta’ ewtrofikazzjoni preżenti fit-territorju tiegħu jista’ jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Parti A tal-Anness I tagħha, li minnu jirriżulta li ilmijiet għandhom jitqiesu li huma affettwati mit-tniġġis meta “l-għadajjar naturali tal-ilma ħelu, il-korpi l-oħra tal-ilma ħelu, l-estwarji, l-ilmijiet kostali u marittimi” sofrew ewtrofikazzjoni. Fil-fatt, ix-xmajjar għandhom jiġu kkunsidrati bħala “korpi oħra tal-ilma ħelu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tat-tneħħija ta’ punti ta’ kejl li fihom ewtrofikazzjoni jew riskju ta’ ewtrofikazzjoni ġie kkonstatat matul il-perijodu preċedenti, għandu jiġi mfakkar li l-Istati Membri huma obbligati jipproċedu korrettament u kompletament għall-monitoraġġ u għar-reviżjoni tal-ilmijiet, b’mod partikolari skont l-Artikolu 6(1)(a) sa (c) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(6) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom ifasslu u jimplimentaw programmi ta’ sorveljanza adegwati sabiex jevalwaw l-effettività tal-programmi ta’ azzjoni li huma jkunu stabbilixxew. |
|
186 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tilmentax li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 3 Parti A tal-Anness I tagħha. Din l-istituzzjoni lanqas ma tibbaża tali lment fuq l-Artikolu 5(6) ta’ din id-direttiva, la fuq l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, u lanqas fuq l-Artikolu 10 tal-istess direttiva, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Anness V tagħha, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, bir-riżultati tas-sorveljanza eżerċitata skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/676. |
|
187 |
Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet ilment għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
|
188 |
Mill-motivi kollha preċedenti jirriżulta li:
ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676, l-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Annessi II u III tagħha, u mal-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva. |
Fuq l‑ispejjeż
|
189 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
190 |
Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
191 |
F’dan il-każ, peress li kemm il-Kummissjoni u kemm ir-Renju ta’ Spanja tilfu fir-rigward ta’ ċerti lmenti, huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.