2011R0222 — MT — 08.03.2011 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 222/2011

tat-3 ta' Marzu 2011

li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta' zokkor u iżoglukożju 'l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b'imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2010/2011

(ĠU L 060, 5.3.2011, p.6)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 105, 21.4.2011, p. 79  (222/2011)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 222/2011

tat-3 ta' Marzu 2011

li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta' zokkor u iżoglukożju 'l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b'imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2010/2011



IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) ( 1 ), u b'mod partikolari l-Artikolu 64(2) u l-Artikolu 187 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-prezzijiet tas-suq dinji għaz-zokkor ilhom f'livell għoli kostanti sa mill-bidu tas-sena tas-suq 2010/2011. It-tbassir tal-prezzijiet tas-suq dinji għal Marzu, Mejju u Lulju 2011, imsejjes fuq is-suq tal-iskambju futuri taz-zokkor ta' New York ukoll jindika li l-prezz tas-suq dinji se jibqa' kostantament għoli.

(2)

Id-differenza negattiva akkumulata bejn id-disponibbiltà u l-użu taz-zokkor u l-iżoglukożju matul l-aħħar sentejn tas-suq, hija stmata għal 1,0 miljun tunnellata, u għandha twassal għall-iktar livell baxx ta' stokkijiet tal-aħħar fl-UE minn meta ġiet implimentata r-riforma tal-2006 tas-settur taz-zokkor. Kwalunkwe nuqqas ulterjuri fl-importazzjonijiet jhedded li jfixkel serjament id-disponibbiltà tal-provvista fis-suq taz-zokkor tal-Unjoni, u li se jkompli jiddeterjora jekk ma jitteħdux miżuri għas-settur.

(3)

L-esportazzjonijiet mill-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, il-pajjiżi tal-AKP u l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) lejn l-Unjoni Ewropea mhux mistennija li jiżdiedu fuq medda qasira.

(4)

Min-naħa l-oħra, il-ħsad tajjeb f'xi partijiet tal-Unjoni wassal għall-produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota stipulata fl-Artikolu 56 tal-(KE) Nru 1234/2007. Parti minn dan iz-zokkor għandu jsir disponibbli għas-suq taz-zokkor fl-Unjoni sabiex jissodisfa parzjalment id-domanda u biex jevita żidiet eċċessivi fil-prezz. Il-kwantità ta' zokkor disponibbli 'l fuq mill-kwota hija stmata għal 0,5 miljun tunnellata. Din l-istima tqis l-impenji kuntrattwali tal-produtturi taz-zokkor rigward ċerti użi industrijali kif previst fl-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u l-kwantitajiet li għalihom diġà nħarġu liċenżji tal-esportazzjoni.

(5)

L-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jawtorizza lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-imposta fuq l-ammont żejjed ta' zokkor u iżoglukożju prodotti 'l fuq mill-kwota f'livell għoli biżżejjed sabiex jevita l-akkumulu ta' kwantitajiet żejda. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 tad-29 ta' Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota ( 2 ) stabbilixxa dik l-imposta għal EUR 500 kull tunnellata.

(6)

Il-provvista straordinarjament baxxa taz-zokkor fis-suq intern matul is-sena tas-suq 2010/2011 tista' tippermetti lill-Kummissjoni li tistabbilixxi b'eċċezzjoni l-imposta fuq l-ammont żejjed għal żero għal kwantità limitata ta' zokkor prodott 'il fuq mill-kwota, bla ebda riskju ta' akkumulu ta' kwantitajiet.

(7)

Billi r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jiffissa kwoti kemm għaz-zokkor kif ukoll għall-iżoglukożju, għandhom japplikaw miżuri simili għal kwantità xierqa ta' iżoglukożju prodott 'il fuq mill-kwota, billi dan il-prodott tal-aħħar, sa ċertu punt, huwa sostitut kummerċjali għaz-zokkor. Sabiex jinżamm il-bilanċ bejn iż-żewġ tipi ta' zokkor, għandha tiġi stabbilita l-kwantità xierqa tal-iżoglukożju li taqbeż il-kwota li għandha tiġi rilaxxata fis-suq intern, imsejsa fuq ir-relazzjoni tal-kwoti għal kull wieħed miż-żewġ prodotti stipulati fl-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(8)

Il-produtturi taz-zokkor u tal-iżoglukożju għandhom japplikaw għal ċertifikati, minn għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li jippermettulhom li jbigħu ċertu kwantitajiet prodotti 'l fuq mil-limitu tal-kwota fis-suq tal-Unjoni.

(9)

Dan għandu jevita azzjonijiet spekulattivi fis-sistema maħluqa minn dan ir-Regolament, permezz tal-iffissar tal-limiti massimi tal-kwantitajiet li għalihom jista' japplika kull produttur f'perjodu wieħed ta' applikazzjoni, u permezz tar-restrizzjoni taċ-ċertifikati għal prodotti tal-produzzjoni disponibbli tal-applikant stess.

(10)

L-applikazzjonijiet jistgħu jitressqu biss sal-aħħar ta' Ġunju, u għandhom jibqgħu validi biss għal perjodu qasir ta' zmien. Dan għandu jħeġġeġ disponibbiltà rapida tal-kwantitajiet fis-suq tal-Unjoni.

(11)

Bl-applikazzjoni tagħhom, il-produtturi taz-zokkor għandhom jimpenjaw ruħhom li jħallsu l-prezz minimu għall-pitravi taz-zokkor użat fil-produzzjoni tal-kwantità taz-zokkor li jkunu applikaw għaliha.

(12)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet ippreżentati.

(13)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ċ-ċertifikati jingħataw biss għal-limiti kwantitattivi stipulati f'dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni, għalhekk, jekk meħtieġ, għandha tkun tista' tistabbilixxi koeffiċjent tal-allokazzjoni applikabbli għall-applikazzjonijiet ippreżentati.

(14)

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lill-applikanti jekk l-applikazzjoni tagħhom kinetx approvata parzjalment jew kompletament.

(15)

Jekk jitqies il-fatt illi r-rilaxx fis-suq tal-Unjoni tal-kwantitajiet li jaqbżu ċ-ċertifikati mogħtija hija soġġetta għal imposta fuq l-ammont żejjed stipulata fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, jixraq li jkun hemm dispożizzjoni li kwalunkwe applikant li ma jwettaqx l-impenn tiegħu li jirrilaxxa fis-suq tal-Unjoni l-kwantità koperta miċ-ċertifikat mogħti lilu, għandu jħallas ammont ta' EUR 500 għal kull tunnellata, għal raġunijiet ta' konsistenza, u biex jiġi evitat l-abbuż tar-rilaxx eċċezzjonali ta' zokkor u iżoglukożju 'l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni matul is-sena tas-suq 2010/2011.

(16)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Tnaqqis temporanju tal-imposta fuq l-ammont żejjed

B'deroga mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006, l-ammont tal-imposta fuq l-ammont żejjed għal kwantità massima ta' 500 000 tunnellata ta' zokkor espressa f'zokkor abjad ekwivalenti, u ta' 26 000 tunnellata ta' iżoglukożju f'materja xotta, prodotti 'l fuq mill-kwota stipulata fl-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u rilaxxati fis-suq tal-Unjoni matul is-sena tas-suq 2010/2011, għandu jiġi stipulat għal EUR 0 kull tunnellata.

Artikolu 2

Applikazzjoni għal ċertifikati

1.  Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 1, il-produtturi taz-zokkor u tal-iżoglukożju għandhom japplikaw għal ċertifikat.

2.  L-applikanti jistgħu jkunu biss impriżi li jipproduċu l-pitravi taz-zokkor u z-zokkor tal-kannamieli jew l-iżoglukożju, li huma approvati skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u li ngħatatilhom allokazzjoni ta' kwota tal-produzzjoni għas-sena tas-suq 2010/2011, skont l-Artikolu 56 ta' dak ir-Regolament.

3.  Kull applikant jista' jibgħat biss applikazzjoni waħda fil-ġimgħa għal kull prodott.

4.  L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati għandhom jintbagħtu permezz ta' feks jew posta elettronika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih kienet approvata l-impriża. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet elettroniċi jkunu akkumpanjati b’firma elettronika avvanzata fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1999/93/KE ( 3 ).

5.  Biex ikunu validi, l-applikazzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) għandhom jindikaw:

(i) l-isem, l-indirizz u n-numru tal-VAT tal-applikant; kif ukoll

(ii) il-kwantitajiet li għalihom qed issir l-applikazzjoni, espressi f'tunnellati ta' zokkor abjad ekwivalenti u f'tunnellati ta' iżoglukożju f'materja xotta.;

(b) il-kwantità ta' zokkor li għaliha qed issir l-applikazzjoni ma għandhiex taqbeż il-kwantità tal-produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota ddikjarata bħala ħażna mill-applikant fl-aħħar notifika tiegħu magħmula skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 952/2006 ( 4 ). Dik il-kwantità trid titnaqqas bil-kwantitajiet koperti minn ċertifikati li ma ntużawx u minn liċenzji tal-esportazzjoni li kienu diġà nħarġu lill-applikant skont dan ir-Regolament jew skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 397/2010 ( 5 ). Il-kwantità ta' iżoglukożju li għaliha ssir l-applikazzjoni ma għandhiex taqbeż 10 % tal-kwota tal-iżoglukożju allokata lill-applikant;

(c) jekk l-applikazzjoni tirrigwarda z-zokkor, l-applikant għandu jimpenja ruħu li jħallas il-prezz minimu tal-pitravi, stipulat fl-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, għall-kwantità ta' zokkor koperta minn ċertifikati maħruġa skont l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament;

(d) l-applikazzjoni għandha ssir bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn l-applikazzjoni tkun ippreżentata.

6.  Applikazzjoni ma tistax tiġi rtirata jew emendata wara li tintbagħat, anke jekk il-kwantità li ssir l-applikazzjoni għaliha tingħata biss parzjalment.

Artikolu 3

Preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati għandhom jiġu ppreżentati kull ġimgħa, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, sas-1 pm (ħin ta' Brussell) mill-ewwel Tnejn ta' wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament sal-24 ta' Ġunju 2011.

Artikolu 4

Trażmissjoni ta' applikazzjonijiet mill-Istati Membri

1.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-validità tal-applikazzjonijiet fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artiklu 2. Meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li applikazzjoni mhix valida, għandhom jinfurmaw lill-applikant mingħajr dewmien.

2.  L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mit-Tnejn dwar l-applikazzjonijiet validi ppreżentati matul il-ġimgħa ta' qabel, permezz ta' fekx jew posta elettronika. L-Istati Membri li ma kellhom ebda applikazzjoni ppreżentata iżda li għandhom kwoti taz-zokkor jew tal-iżoglukożju allokati lilhom għas-sena 2010/2011, għandhom jibagħtu wkoll in-notifiki tagħhom ta' ebda applikazzjoni lill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien.

3.  Il-forma u l-kontenut tan-notifiki għandhom ikunu definiti fuq il-bażi tal-mudelli li l-Kummissjoni għamlet disponibbli lill-Istati Membri.

Artikolu 5

Limiti maqbuża

Meta l-informazzjoni nnotifikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2) tindika li l-kwantitajiet li saret applikazzjoni għalihom jaqbżu l-limiti stipulati fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha:

(a) tistabbilixxi koeffiċjenti ta' allokazzjoni, li għandu japplika l-Istat Membru għall-kwantitajiet koperti min kull applikazzjoni għal ċertifikat innotifikata,

(b) tirrifjuta applikazzjonijiet li ma ġewx innotifikati qabel,

(c) tagħlaq il-perjodu għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet.

Artikolu 6

Ħruġ ta' ċertifikati

1.  Bla preġudizzju għall-Artikolu 5, kull ġimgħa, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, sa mhux iktar tard, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom joħorġu ċ-ċertifikati għall-applikazzjonijiet innotifikati lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(2), matul il-ġimgħa ta' qabel.

Mudell taċ-ċertifkat jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

2.  Kull nhar ta' Tnejn, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet ta' zokkor u/jew iżoglukożju li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati matul il-ġimgħa ta' qabel.

Artikolu 7

Validità taċ-ċertifikati

Iċ-ċertifikati għandhom ikunu validi sat-tmiem ix-xahar ta' wara x-xahar ta' meta nħarġu.

Artikolu 8

Trasferibbiltà taċ-ċertifikati

Kemm id-drittijiet kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw miċ-ċertifikati ma jistgħux jiġu trasferiti.

Artikolu 9

Monitoraġġ

1.  L-applikanti għandhom iżidu l-kwantitajiet li għalihom ingħataw ċertifikati skont l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament man-notifiki tagħhom ta' kull xahar previsti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006.

2.  Qabel tmiem it-tieni xahar ta' wara x-xahar li matulu nħareġ iċ-ċertifikat, kull applikant għandu jibgħat prova li l-kwantitajiet kollha koperti miċ-ċertifikat tiegħu ġew rilaxxati fis-suq tal-Unjoni, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-kwantitajiet koperti miċ-ċertifikat li ma ġewx rilaxxati fis-suq tal-Unjoni, ħlief għal raġunijiet ta' forza maġġuri, għandhom ikunu soġġetti għall-ħlas ta' ammont ta' EUR 500 kull tunnellata. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet rilaxxati fis-suq tal-Unjoni.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw u jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-differenza bejn il-kwantità totali ta' zokkor u iżoglukożju prodotta minn kull produttur li taqbeż il-kwota, u bil-kwantitajiet li l-produtturi ddisponew minnhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006. Jekk il-kwantitajiet li jaqbżu l-kwota taz-zokkor u tal-iżoklugożju ta' produttur li jifdal, ikunu inqas mill-kwantitajiet li għalihom ikun applika dak il-produttur skont dan ir-Regolament, il-produttur għandu jħallas ammont ta' EUR 500 għal kull tunnellata ta' dik id-differenza.

Artikolu 10

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

Mudell taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6(1)

ĊERTIFIKAT

għat-tnaqqis, għas-sena tas-suq 2010/11, tal-imposta prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006.



Stat Membru:

Detentur tal-kwota:

 

Prodott

 

Kwantitajiet li għalihom saret l-applikazzjoni:

 

Kwantitajiet li għalihom inħareġ iċ-ċertifikat:

 

►C1  Għas-sena tas-suq 2010/2011, l-imposta msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006 ma għandhiex tapplika għall-kwantitajiet maħruġa b'dan iċ-ċertifikat, soġġett għall-ħarsien tar-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 222/2011, b'mod partikolari, l-Artikolu 2(5)(c). ◄

Firma tal-Awtorità Kompetenti tal-Istat Membru Data tal-ħruġ

Dan iċ-ċertifikati għandu jkun validu sat-tmiem ix-xahar ta' wara x-xahar meta nħareġ



( 1 ) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

( 2 ) ĠU L 176, 30.6.2006, p. 22.

( 3 ) ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.

( 4 ) ĠU L 178, 1.7.2006, p. 39.

( 5 ) ĠU L 115, 8.5.2010, p. 26.