KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fid‑9 ta’ Diċembru 2020 ( 1 )
Kawża C‑815/19
Natumi GmbH
vs
Land Nordrhein‑Westfalen,
fil-preżenza ta’
Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 834/2007 – Regolament (KE) Nru 889/2008 – Produzzjoni organika u tikkettar ta’ prodotti organiċi – Użu ta’ ċerti ingredjenti mhux organiċi ta’ oriġini agrikola fl-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel – Alka litotamnja (Lithothamnium calcareum) – Referenza għall-‘kalċju’”
I. Introduzzjoni
|
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 ( 2 ), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku ( 3 ). |
|
2. |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Natumi GmbH u l-Land Nordrhein‑Westfalen (il-Land Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja), irrappreżentat mil-Landesamt für Natur, Umwelt und Verbraucherschutz Nordrhein-Westfalen (l-Awtorità ta’ Protezzjoni tan-Natura, l-Ambjent u l-Konsumaturi ta’ Land Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja), fir-rigward tal-użu kkontestat ta’ prodott mhux organiku, f’dan il-każ l-alka litotamnja (Lithothamnium calcareum), fl-ipproċessar ta’ prodott tal-ikel u tal-użu tal-kliem li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika kif ukoll għall-preżenza ta’ kalċju fit-tikkettar ta’ dan l-aħħar prodott tal-ikel hekk ipproċessat. |
|
3. |
Din il-kawża toffri l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-possibbiltà li fi prodotti tal-ikel organiċi pproċessati, tintuża sustanza, li minkejja li taqa’ fil-lista limitata ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi awtorizzati fil-qasam, tintuża bħala sors ta’ minerali jew ta’ mikronutrijent mhux awtorizzat mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, din hija essenzjalment id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
4. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal din id-domanda fin-negattiv. |
II. Id-dritt tal-Unjoni
A. Ir-Regolament Nru 834/2007
|
5. |
Fil-premessi 3, 5, 20, 22 u 25 tiegħu, ir-Regolament Nru 834/2007 jistabbilixxi:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
6. |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-iżvilupp sostenibbli ta’ produzzjoni organika waqt li jiżgura l-iffunzjonar effettiv tas-suq intern, jiggarantixxi kompetizzjoni ġusta, jiżgura l-kunfidenza tal-konsumatur u jipproteġi l-interessi tal-konsumatur. Huwa jistabbilixxi objettivi komuni u prinċipji komuni biex jiġu sostnuti r-regoli stabbiliti taħt dan ir-Regolament dwar:
2. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti li ġejjin li joriġinaw mill-agrikoltura, inkluża l-akkwakultura, fejn tali prodotti jitpoġġew fis-suq jew hemm l-intenzjoni li jitpoġġew fis-suq:
[…] 4. Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet [tal-Unjoni] jew dispożizzjonijiet nazzjonali oħrajn, b’mod konformi mal-liġi [tal-Unjoni] dwar prodotti speċifikati f’dan l-Artikolu, bħal dispożizzjonijiet li jirregolaw il-produzzjoni, il-preparazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni, it-tikkettar u l-kontroll, inkluża l-leġislazzjoni dwar oġġetti ta’ l-ikel u n-nutriment ta’ l-annimali”. |
|
7. |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 834/2007, intitolat “Prinċipji speċifiċi applikabbli għall-ipproċessar ta’ ikel organiku”, jipprovdi: “[I]l-produzzjoni ta’ għalf organiku pproċessat għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji speċifiċi li ġejjin:
|
|
8. |
L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli ta’ produzzjoni għall-alka”, jipprovdi: “1. Ir-rakkoljiment ta’ l-alka selvaġġa u partijiet minnhom, li jikbru fil-baħar b’mod naturali, hu kkunsidrat metodu ta’ produzzjoni organika dment li:
[…]” |
|
9. |
L-Artikolu 14(1)(d)(iv) tar-Regolament Nru 834/2007 jipprovdi: “[I]r-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-produzzjoni tal-bhejjem: […]
|
|
10. |
L-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli ġenerali dwar il-produzzjoni ta’ l-ikel ipproċessat”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Il-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kompożizzjoni ta’ ikel organiku pproċessat:
[…]” |
|
11. |
L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kriterji għal ċerti prodotti u sustanzi fl-ipproċessar”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-awtorizzazzjoni ta’ prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u l-inklużjoni tagħhom fil-lista ristretta ta’ prodotti u sustanzi msemmija fl-Artikolu 19(2)(b) u (ċ) għandha tkun soġġetta għall-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fit-Titolu II u li ssegwi l-kriterji, li għandhom jiġu evalwati kollha kemm huma:
[…] 2. Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 37(2), tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti u s-sustanzi u l-inklużjoni tagħhom fil-lista ristretta imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u tistabbilixxi kondizzjonijiet u limiti speċifiċi għall-użu tagħhom, u, jekk meħtieġ, dwar l-irtirar ta’ prodotti. […]” |
|
12. |
L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 834/2007, intitolat “Użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika”, jipprovdi: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament prodott għandu jitqies li jinkludi termini li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika fejn, fit-tikkettar, fil-materjal tar-riklamar jew f’dokumenti kummerċjali, tali prodott, l-ingredjenti jew il-materjali ta’ l-għalf tiegħu huma mfissra f’termini li jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott, l-ingredjenti jew il-materjali ta’ l-għalf tiegħu nkisbu skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, it-termini elenkati fl-Anness, id-derivati jew id-diminuttivi tagħhom, bħal ‘bijo’ u ‘eko’, weħidhom jew b’mod kombinat, jistgħu jintużaw [fl-Unjoni Ewropea] kollha u fi kwalunkwe lingwa tal-[Unjoni] għat-tikkettar u r-reklamar ta’ prodott li jissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti fi jew skond dan ir-Regolament. Fit-tikkettar u r-reklamar ta’ prodotti agrikoli ħajjin jew mhux ipproċessati jistgħu jintużaw termini li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika fil-każ biss fejn flimkien ma’ dan l-ingredjenti kollha ta’ dak il-prodott ikunu wkoll ġew prodotti skond il-ħtiġiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. 2. It-termini msemmija fil-paragrafu 1 ma’ għandhom jintużaw imkien ieħor [fl-Unjoni] u fl-ebda lingwa tal-[Unjoni] għat-tikkettar, ir-reklamar u d-dokumenti kummerċjali ta’ prodott li ma jissodisfax il-ħtiġiet imniżżla taħt dan ir-Regolament, sakemm mhumiex applikati għal prodotti agrikoli f’ikel jew għalf jew b’mod ċar ma’ għandhom l-ebda rabta ma’ produzzjoni organika. Barra minn hekk, kwalunkwe terminu, inklużi termini użati għal trademarks, jew prattiki fit-tikkettar jew reklamar li jistgħu jqarrqu bil-konsumatur jew l-utent billi jissuġġerixxu li prodott jew l-ingredjenti tiegħu jissodisfaw il-ħtiġiet imniżżla taħt dan ir-Regolament, ma’ għandux jintuża. […] 4. Fir-rigward ta’ ikel ipproċessat, it-termini msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintużaw:
[…]” |
B. Ir-Regolament Nru 889/2008
|
13. |
Il-premessi 20 u 21 tar-Regolament Nru 889/2008 jistabbilixxu:
|
|
14. |
It-Titolu II tal-Kapitolu 1a tar-Regolament Nru 889/2008 dwar il-“[p]roduzzjoni tal-alka”, jipprovdu, fl-Artikolu 6a, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”: “Dan il-Kapitolu jistabbilixxi regoli tal-produzzjoni ddettaljati għall-algi. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-‘algi’ tinkludi algi tal-baħar multiċellolari, fitoplankton u mikroalgi”. |
|
15. |
L-Artikolu 22(d) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Għall-finijiet tal-Artikolu 14(1)(d)(iv) tar-Regolament […] Nru 834/2007, is-sustanzi li ġejjin biss jistgħu jintużaw fl-ipproċessar tal-ikel organiku u fl-għalf tal-annimali organiċi: […]
|
|
16. |
L-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008 huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet tal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament […] Nru 834/2007, is-sustanzi li ġejjin biss jistgħu jintużaw fl-ipproċessar tal-ikel organiku, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid, li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu 3a: […]
|
|
17. |
L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008 jipprovdi: “Għall-iskop ta’ l-Artikolu 19(2)(c) tar-Regolament […] Nru 834/2007, l-ingredjenti agrikoli mhux organiċi elenkati fl-Anness IX ta’ dan ir-Regolament jistgħu jintużaw fl-ipproċessar ta’ l-ikel organiku”. |
|
18. |
L-Anness V tar-Regolament Nru 889/2008 jirrigwarda il-“materjali tal-għalf kif imsemmi fl-Artikolu 22(d), l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 25m(1)”. It-Taqsima 1 tiegħu tinkludi l-lista ta’ “[m]aterjali tal-għalf li joriġinaw mill-minerali” li tinkludi, b’mod partikolari, il-qxur tal-baħar kalkariż, il-maerl, il-litotamnju, il-glukonat tal-kaċju u l-karbonat tal-kaċju. |
|
19. |
It-Taqsima A tal-Anness VIII ta’ dan ir-regolament, li flimkien magħha għandu jinqara l-Artikolu 27, tispeċifika li l-karbonat tal-kalċju (E 170) ma jistax jintuża bħala kulurant jew għat-tisħiħ tal-kalċju fil-prodotti. |
|
20. |
L-Anness IX tal-imsemmi regolament, intitolat “Ingredjenti ta’ oriġini agrikola li ma kinux prodotti b’mod organiku msemmija fl-Artikolu 28”, jinkludi Taqsima 1 li tirrigwarda l-“prodotti veġetali mhux ipproċessati kif ukoll prodotti dderivati minnhom permezz ta’ proċessi”. Fil-punt 1.3 tagħha jissemmew l-“alka, inkluża l-alka tal-baħar, permessa fil-preparazzjoni ta’ prodotti ta’ l-ikel mhux organiċi”. |
C. Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006
|
21. |
L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra ma’ l-ikel ( 9 ), intitolat “Rekwiżiti għaż-żieda ta’ vitamini u minerali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-vitamini u/jew il-minerali elenkati fl-Anness I biss, fil-forom elenkati fl-Anness II, jistgħu jiġu miżjuda ma’ l-ikel, skond ir-regoli mniżżla f’dan ir-Regolament”. |
|
22. |
L-Anness I tar-Regolament Nru 1925/2006, intitolat “Vitamini u minerali li jistgħu jintużaw jiġu miżjuda ma’ l-ikel”, fil-punt 2 tiegħu, relattiv għall-“[m]inerali”, isemmi b’mod partikolari, il-kalċju. |
|
23. |
L-Anness II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Formulazzjonijiet ta’ vitamini u sustanzi minerali li jistgħu jiġu miżjuda mal-ikel”, fil-punt 2 tiegħu, relattiv għas-“[s]ustanzi minerali”, isemmi b’mod partikolari l-karbonat tal-kalċju, il-klorur tal-kalċju, il-malat ċitrat tal-kalċju, l-imluħ tal-kalċju tal-aċidu ċitriku, il-glukonat tal-kalċju, il-gliċerofosfat tal-kalċju, il-lattat tal-kalċju, l-imluħ tal-kalċju tal-aċidu ortofosforiku, l-idrossidu tal-kalċju, il-malat tal-kalċju, l-ossidu tal-kalċju, is-sulfat tal-kalċju u l-oligosakkaridi tal-kalċju fosforil. |
D. Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011
|
24. |
L-Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 ( 10 ) jiddefinixxi l-kelma “ingredjent” bħala “kull sustanza jew prodott, inklużi l-aromatizzanti, l-addittivi tal-ikel u l-enżimi tal-ikel, u kull kostitwent ta’ xi ingredjent kompost, użat fil-manifattura jew fit-tħejjija ta’ xi ikel u li jkun għadu hemm fil-prodott lest, anki jekk f’forma mibdula; ir-residwi m’għandhomx jitqiesu bħala ‘ingredjenti’”. |
|
25. |
L-Artikolu 2(2)(s) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi n-“nutrijent” bħala l-“proteina, karboidrat, xaħam, fibra alimentari, sodju, vitamini u minerali elenkati fil-punt 1 tal-Parti A tal-Anness XIII ta’ dan ir-Regolament, u sustanzi li jappartjenu lil jew huma komponenti ta’ xi waħda minn dawk il-kategoriji”. |
III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
26. |
Natumi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija produttriċi ta’ xarbiet abbażi tas-sojja u r-ross li hija tikkummerċjalizza taħt forma imballata minn qabel. Fix-xarbiet tagħha hija tinkludi l-litotamnju, alka ħamra korallina fil-forma ta’ trab li jinkiseb mis-sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa ta’ din l-alka mejta. L-imsemmija alka tinkludi prinċipalment il-karbonat tal-kalċju u l-karbonat tal-manjeżju. |
|
27. |
Natumi tikkummerċjalizza b’mod partikolari xarba msejħa “Soja-Drink-Calcium”, li hija ttikkettata “bijo” u ssemmi s-segwenti: “kalċju”, “fih alka tal-baħar b’kontenut għoli ta’ kalċju” u “jipprovdi kalċju ta’ kwalità għolja li ġej mill-alka tal-baħar Lithothamnium”. |
|
28. |
Permezz ta’ ittra datata s-16 ta’ Frar 2005, il-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Land Nordrhein‑Westfalen, informa lil Natumi li l-użu ta’ karbonat tal-kalċju, bħala minerali, fil-prodotti organiċi kien ipporjbit, filwaqt li speċifika li dan kien il-każ ukoll meta t-tisħiħ tal-kalċju ta’ dawn il-prodotti jsir billi tiżdied l-alka. |
|
29. |
Il-konvenut beda proċedura ta’ sanzjoni pekunjarja kontra Natumi, li warajha din tal-aħħar ippreżentat, fl-14 ta’ Lulju 2005, azzjoni ta’ kontestazzjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja). |
|
30. |
Peress li din il-qorti ma laqgħetx l-azzjoni tagħha, Natumi appellat quddiem l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein‑Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land Nordrhein Westfalen, il-Ġermanja). Il-proċedura ġiet sospiża, fuq talba komuni tal-partijiet, sal-adozzjoni tar-regolamenti ġodda tal-Unjoni. |
|
31. |
Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Mejju 2016, din il-qorti ċaħdet l-appell ta’ Natumi, billi qieset li ż-żieda tal-alka litotamnja fi prodott tal-ikel organiku ma hijiex awtorizzata mir-regoli tal-Unjoni li issa kienu fis-seħħ. Skont l-imsemmija qorti, il-punt 1.3 tar-Regolament Nru 889/2008 jsemmi biss l-alka li tittiekel. Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jinkludu ebda referenza espressa għan-natura kommestibbli tal-alka, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li s-sustanzi l-oħra msemmija fil-punti 1.1 u 1.2 ta’ dan ir-regolament għandhom ikunu kommestibbli, bħall-alka msemmija fl-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament Nru 834/2007. Issa, l-alka litotamnja ma hijiex kommestibbli minħabba l-preżenza ta’ karatteristika ta’ depożitu ta’ ġebel tal-franka fil-ħitan ċellulari tagħha. Fi kwalunkwe każ, ir-residwi kalċiferi tal-alka litotamnja mejta ma jikkostitwixxux ingredjenti ta’ oriġini agrikola, iżda minerali li ż-żieda tagħhom mal-prodotti organiċi ma hijiex awtorizzata fil-prinċipju. |
|
32. |
Natumi ppreżentat rikors għal “reviżjoni” quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) kontra s-sentenza mogħtija fl-appell. |
|
33. |
Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tqis, fl-ewwel lok, li l-kwistjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008, moqri flimkien mal-punt 1.3 tal-Anness IX ta’ dan ir-regolament, jippermettix l-użu tal-alka litotamnja ħajja u/jew mejta bħala ingredjent fil-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi. |
|
34. |
Skont il-qorti tar-rinviju, peress li dan il-punt 1.3 ma jinkludi ebda restrizzjoni fir-rigward tan-natura kommestibbli tal-alka, huwa suffiċjenti li l-alka tintuża bħala ingredjent. Hija tqis li l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta’ Marzu 2015, ipprovduta minn Natumi, għandha tinqara f’dan is-sens. |
|
35. |
Mill-banda l-oħra, din il-qorti turi dubji dwar il-fatt li l-alka tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 21(1)(ii) tar-Regolament Nru 834/2007 peress li ma jidhirx li jkun impossibbli li jiġu prodotti jew ippreservati l-prodotti tal-ikel jew li jiġu ssodisfatti ħtiġiet dijetetiċi previsti mid-dritt tal-Unjoni mingħajr iż-żieda ta’ din l-alka. |
|
36. |
Madankollu, l-imsemmija qorti tqis li alka, anki mejta, tibqa’ ingredjent ta’ oriġini agrikola, indipendentement mill-kontenut ta’ kalċju tagħha, u li l-klassifikazzjoni tal-litotamnju bħala materjal prim ta’ oriġini minerali magħmula fl-Anness V tar-Regolament Nru 889/2008, relattiv għall-għalf tal-annimali, ma hijiex trasponibbli għall-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel. |
|
37. |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-użu tal-alka litotamnja, u b’mod iktar partikolari ta’ trab miksub mis-sedimenti ta’ din l-alka mejta li jinġabru, jitnixfu u jitfarrku bħala ingredjent fil-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel organiċi, huwa awtorizzat skont l-Artikolu 19(2)(ċ) tar-Regolament Nru 834/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 28 u l-punt 1.3 tal-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008. |
|
38. |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk it-tikkettar ta’ prodott li jinkludi tali ingredjent jistax jinkludi referenza għall-kalċju, li huwa minerali. |
|
39. |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 834/2007, il-kliem “organiku” u “bijo” jistgħu jintużaw biss fir-rigward ta’ prodott li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-regolament jew b’konformità miegħu. Imbagħad l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 834/2007 jikkundizzjona l-użu ta’ addittivi bħall-minerali u l-oligo‑elementi (l-Artikolu 19(2)(b) ta’ dan ir-regolament), kif ukoll l-ingredjenti agrikoli mhux organiċi (l-Artikolu 19(2)(ċ) tal-imsemmi regolament) għall-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 21 tal-istess regolament. Hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi tawtorizzahomx jew le. |
|
40. |
Ir-Regolament Nru 889/2008, li jimplimenta r-Regolament Nru 834/2007 jipprovdi, fl-Artikolu 27(1)(f) tiegħu, li fil-prinċipju, il-minerali jistgħu jintużaw biss taħt kundizzjonijiet restrittivi, b’mod partikolari sa fejn l-użu tagħhom fi prodotti tal-ikel għall-konsum normali jkun rekwiżit legali dirett. Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008, l-ingredjenti agrikoli mhux organiċi jistgħu jintużaw jekk huma elenkati fl-Anness IX ta’ dan ir-regolament. |
|
41. |
Il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-prinċipju, minkejja li fid-dawl tal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament Nru 834/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008 li jillimita l-użu tal-minerali b’kundizzjonijiet stretti, kull referenza għal minerali, bħall-kalċju, tista’ tiġi kkunsidrata qarrieqa, dan ma jkunx il-każ meta dan il-kalċju joriġina minn ingredjent li, sakemm l-użu tiegħu huwa awtorizzat, għandu kontenut għoli ta’ kalċju b’mod naturali. |
|
42. |
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
43. |
Natumi, il-Land ta’ Nordrhein‑Westfalen, il-Gvern Grieg u dak Taljan kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Taljan, wieġbu fit-terminu mogħti, għall-mistoqsijiet bi tweġiba bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
IV. Analiżi
|
44. |
Skont il-qorti tar-rinviju, ma hemmx dubju li l-litotamnju huwa alka u li l-kwistjoni tal-użu tat-tikketta “organiku” fuq prodott tal-ikel organiku li miegħu huwa kien miżjud għandha tiġi eżaminata mill-angolu taż-żieda ta’ ingredjent agrikolu mhux organiku. Madankollu, bħall-Kummissjoni, jiena naħseb li qabel kollox għandha tiġi indirizzata din il-kwistjoni mill-angolu taż-żieda ta’ minerali fi prodott tal-ikel organiku. |
|
45. |
Konsegwentement, ser neżamina l-leġiżlazzjoni applikabbli li permezz tagħha l-prodott miżjud huwa kklassifikat bħala “minerali” jew “ingredjent agrikolu mhux organiku”, imbagħad ser nindirizza n-natura minerali jew veġetali tal-litotamnju fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni. |
|
46. |
Preliminarjament, jidhirli li, fid-dawl tal-kompożizzjoni kważi identika tal-litotamnju ħaj jew mejjet, l-ewwel u t-tieni domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu ttrattati flimkien u li peress li ser tingħatalhom risposta negattiva, mhux ser ikun neċessarju li tingħata risposta għat-tielet waħda. |
A. Fuq il-leġiżlazzjoni applikabbli għaż-żidiet ta’ prodotti jew sustanzi mhux organiċi fi prodotti tal-ikel organiċi pproċessati
|
47. |
Ta’ min ifakkar li t-tikkettar ta’ prodott tal-ikel bħala organiku huwa rregolat mir-Regolament Nru 834/2007 u r-Regolament Nru 889/2008 li jirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ dan tal-ewwel. |
|
48. |
Ir-Regolament Nru 834/2007 jipprovdi ċertu numru ta’ prinċipji applikabbli għal-ikel kollu li għandu jkollu d-denominazzjoni “organiku”:
|
|
49. |
Ir-Regolament Nru 889/2008 jispeċifika l-kundizzjonijiet għall-inklużjoni fil-listi previsti fl-Artikolu 19(2)(b) u (c) tar-Regolament Nru 834/2007. |
1. Iż-żieda ta’ addittivi, ta’ minerali u mikronutrijenti oħra msemmija fl-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament Nru 834/2007
|
50. |
Fl-ewwel lok, fil-każ b’mod partikolari ta’ addittivi, minerali u mikronutrijenti oħra stabbiliti fl-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament Nru 834/2007, l-Artikolu 27(1)(f)(i) tar-Regolament Nru 889/2008 jipprovdi li l-użu tagħhom fi prodotti tal-ikel għall-konsum normali għandu jkun rekwiżit legali dirett, jiġifieri meħtieġ direttament mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, il-prodotti tal-ikel fl-ebda każ ma jistgħu jitqiegħdu fis-suq bħala prodotti tal-ikel għall-konsum normali jekk ma jiżdidux magħhom il-minerali, il-vitamini, l-aminoaċidi jew il-mikronutrijenti. |
|
51. |
L-Artikolu 27(1)(f)(ii) ta’ dan ir-regolament jipprevedi wkoll il-każ ta’ prodotti tal-ikel imqiegħda fis-suq bħala li għandhom karatteristiċi jew jipproduċu effetti partikolari fir-rigward tas-saħħa jew in-nutrizzjoni, jew fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi ta’ konsumaturi, li fir-rigward tagħhom iż-żieda ta’ minerali, vitamini, aminoaċidi jew mikronutrijenti hija possibbli biss meta tkun awtorizzata minn testi diversi tad-dritt sekondarju. |
|
52. |
Kif jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1584, il-formulazzjoni tal-Artikolu 27 ġiet emendata sabiex tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies ( 11 ). Din is-sentenza tikkundanna kull possibbiltà li tintuża t-tikketta “organiku” wara ż-żieda ta’ minerali jew mikronutrijenti oħra jekk din iż-żieda ma tkunx meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni, filwaqt li tfakkar li l-fatt li l-użu ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa jew nutrizzjonali li teħtieġ pereżempju żieda ta’ minerali, ma jikkostitwixxix regola imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni. |
|
53. |
Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq l-interpretazzjoni teleoloġika u sistematika tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007 kif ukoll tal-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008 li tikkonferma li s-sustanzi, bħall-minerali u l-vitamini, jistgħu jintużaw fl-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel organiċi biss jekk dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi miegħu teħtieġ direttament l-użu tagħhom sabiex dawn il-prodotti jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati ( 12 ). |
|
54. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tawtorizza sustanzi u tinkludihom fil-lista ristretta msemmija f’dan l-artikolu biss taħt kundizzjonijiet stretti, jiġifieri meta dawn is-sustanzi ma jkunux jistgħu jiġu ssostitwiti b’alternattivi oħra awtorizzati skont il-Kapitolu 4 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament u biss jekk l-użu tagħhom ikun inevitabbli ( 13 ). |
|
55. |
Barra minn hekk, fis-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies ( 14 ), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet bħala prinċipju li d-dritt tal-Unjoni ma jiżgurax li operatur ekonomiku jkun jista’ jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu taħt il-kategoriji kollha li huwa jqis vantaġġużi sabiex jippromwovi l-imsemmija prodotti ( 15 ). |
|
56. |
Għalhekk, f’dan l-istadju nista’ nirrileva li huwa fid-dawl tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007 li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod restrittiv l-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008. |
2. Iż-żieda ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi msemmija fl-Artikolu 19(2)(ċ) tar-Regolament Nru 834/2007
|
57. |
Fit-tieni lok, f’każ ta’ żieda ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008 jispeċifika li “[g]ħall-iskop ta’ l-Artikolu 19(2)(c) tar-Regolament […] Nru 834/2007, l-ingredjenti agrikoli mhux organiċi elenkati fl-Anness IX [tar-Regolament Nru 889/2008] jistgħu jintużaw fl-ipproċessar ta’ l-ikel organiku”. |
|
58. |
Il-punt 1.3 tal-Anness IX ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi: “Mixxellanji: l-alka, inkluża l-alka tal-baħar, permessa fil-preparazzjoni ta’ prodotti ta’ l-ikel mhux organiċi”. |
|
59. |
Madankollu, minħabba l-interpretazzjoni restrittiva tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam organiku, u b’mod partikolari tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007, li fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-interpretazzjoni restrittiva tagħha taż-żieda ta’ minerali fil-prodotti tal-ikel organiċi fis-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies ( 16 ), wieħed jista’ jistaqsi dwar ir-rabta bejn dan l-Artikolu 21 u l-inklużjoni fil-lista limitattiva tal-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008. |
|
60. |
Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 834/2007 jistabbilixxi li “[l]-awtorizzazzjoni ta’ prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u l-inklużjoni tagħhom fil-lista ristretta ta’ prodotti u sustanzi msemmija fl-Artikolu 19(2) (b) u (ċ) għandha tkun soġġetta għall-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fit-Titolu II u li ssegwi l-kriterji, li għandhom jiġu evalwati kollha kemm huma:
|
|
61. |
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007 għandu jiġi dedott li s-sempliċi inklużjoni fil-lista tal-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008 tfisser awtorizzazzjoni tal-użu tal-ingredjent fil-każijiet kollha u fil-prodotti tal-ikel kollha, jew li għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni tal-kriterji imposti minn dan l-Artikolu 21 għandha ssir għal kull prodott tal-ikel skont l-iskop tal-użu tal-ingredjent inkluż fil-lista limitattiva? |
|
62. |
Fi kliem ieħor, l-evalwazzjoni tal-kriterji tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007, jiġifieri l-assenza ta’ soluzzjonijiet oħra awtorizzati fil-qasam organiku u l-impossibbiltà li jiġu pprodotti jew ikkonservati il-prodotti tal-ikel jew li jiġu osservati ħtiġijiet dijetetiċi speċifiċi mingħajr iż-żieda, għandha ssir fil-mument tal-inklużjoni tal-ingredjent fil-lista restrittiva jew fil-mument tal-iżvilupp ta’ kull prodott tal-ikel? |
|
63. |
Il-ħtieġa ta’ prevedibbiltà tar-regola applikabbli għall-industriji agroalimentari tista’ twassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-inklużjoni fil-lista restrittiva hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-kriterji tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007 huma ssodisfatti. |
|
64. |
Madankollu, il-filosofija tad-denominazzjoni “organiku” hija ċara: iż-żidiet ta’ elementi mhux organiċi għandhom jitnaqqsu għal dak li huwa strettament il-minimu. |
|
65. |
Din l-orjentazzjoni hija stabbilita fil-premessi 3, 5, 20, 22 u 25 tar-Regolament Nru 834/2007. Il-prinċipju hemm ippreżentat huwa impost fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, li infakkar li jindika b’mod partikolari, li l-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi pproċessati hija bbażata fuq diversi prinċipji fosthom, kif jispeċifika l-punt (b), ir-restrizzjoni tal-użu ta’ addittivi tal-ikel, ingredjenti mhux organiċi b’funzjonijiet prinċipalment teknoloġiċi jew funzjonijiet sesorji kif ukoll mikronutrijenti u għajnuniet għall-ipproċessar, sabiex huma jintużaw mill-inqas u biss f’każ ta’ ħtieġa teknoloġika essenzjali jew għal skopijiet partikolari nutrizzjonali. |
|
66. |
Fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Herbaria Kräuterparadies ( 17 ), l-Avukat Ġenerali Sharpston iddikjarat li “[i]l-kliem ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ( 18 ) jagħmilha ċara li huma maħsubin li jiġu interpretati restrittivament — kif huwa kkonfermat mill-premessa 22 tal-preambolu tar-Regolament Nru 834/2007, li tgħid li, biex tinżamm il-kunfidenza tal-konsumatur, l-eċċezzjonijiet għar-rekwiżiti applikabbli għall-produzzjoni organika għandhom ikunu limitati strettament għal każijiet ġustifikati”. |
|
67. |
Issa, l-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Avukat Ġenerali Sharpston japplikaw ukoll f’każ ta’ żieda ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi, li jippermetti li jiġi previst li ingredjent inkluż fil-lista limitattiva li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008 jista’ jintuża fi prodott tal-ikel partikolari biss jekk jissodisfa, għal dan l-ikel partikolari, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007, jiġifieri, li ma għandux ekwivalenti organiku u li huwa indispensabbli għall-produzzjoni jew għall-konservazzjoni tal-prodotti tal-ikel. |
|
68. |
Ċertament, din l-analiżi jkollha l-għan prinċipali li tappoġġa l-użu tal-alka msemmija mingħajr distinzjoni fl-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008, iżda tippermetti wkoll il-prevenzjoni tal-evażjoni tar-regoli stretti relattivi għaż-żieda ta’ prodotti jew sustanzi fil-qasam organiku bl-użu ta’ alka li l-karatteristiċi teknoloġiċi tagħha huma importanti. |
B. Fuq il-klassifikazzjoni tal-litotamnju
|
69. |
Il-klassifikazzjoni tal-prodott inkwistjoni f’din il-kawża, il-litotamnju, magħruf ukoll bl-isem Phymatolithon calcareum ( 19 ), tista’ tidher inċerta fid-dritt tal-Unjoni. |
|
70. |
Din il-klassifikazzjoni bħala “minerali” jew “ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola” hija essenzjali sabiex jiġi stabbilit, kif speċifikajt preċedentement, is-sistema applikabbli f’każ ta’ żieda għal ikel organiku b’mod partikolari l-possibbiltà li tintuża d-denominazzjoni “organiku”. |
|
71. |
Fil-fatt, jekk din l-alka tiġi kklassifikata bħala “minerali” fis-sens tal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament Nru 834/2007, l-applikazzjoni tal-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008 jipprekludi kull possibbiltà li tinżamm it-tikketta “organiku” wara żieda tal-litotamnju peress li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali ma teħtieġ tali tisħiħ ta’ kalċju għal xarba veġetali. |
|
72. |
Għall-kuntrarju, jekk il-litotamnju jiġi kkunsidrat bħala alka fis-sens tal-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008, allura ż-żieda tiegħu tkun possibbli mingħajr ma tippreġudika l-klassifikazzjoni organika tal-prodott tal-ikel ipproċessat skont l-applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 19(2)(ċ) tar-Regolament Nru 834/2007 u tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008, bla ħsara li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007. |
1. Tentattiv ta’ klassifikazzjoni fid-dawl tar-Regolamenti Nri 834/2007 u 889/2008 biss
|
73. |
Fir-rigward tar-Regolament Nru 889/2008, il-litotamnju jissemma biss fl-Anness V ta’ dan ir-regolament, intitolat “Materjali tal-għalf kif imsemmi fl-Artikolu 22(d), l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 25m(1)” ( 20 ), bħala minerali bħall-maerl jew il-qxur tal-baħar kalkarużi ( 21 ), filwaqt li nispeċifika li, fil-verżjoni inizjali ta’ dan l-anness, dawn is-sustanzi kienu miġbura taħt kategorija “kalċju”. |
|
74. |
Mill-banda l-oħra, kif issemma preċedentement fil-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-punt 1.3 tal-Anness IX tal-imsemmi regolament isemmi biss l-alka, inkluża l-alka tal-baħar, li l-użu tagħha huwa permess fil-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel mhux organiċi. |
|
75. |
Għalhekk, fir-rigward tan-natura tal-litotamnju huma possibbli żewġ interpretazzjonijiet:
|
|
76. |
Konsegwentement, jidher li l-argumenti favur kwalità waħda jew oħra tal-litotamnju bbażati fuq r-Regolamenti Nri 834/2007 u 889/2008 huma fraġli ħafna sabiex jiġi konkluż b’mod sodisfaċenti f’sens jew ieħor. |
2. Tentattiv ta’ klassifikazzjoni fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni
|
77. |
Meta l-litotamnju jissemma fit-testi tad-dritt tal-Unjoni l-oħrajn, huwa jiġi kklassifikat biss bħala “ingredjent” ( 22 ), jew bħala “alka” (pjanta) ( 23 ) jew bħala “minerali” ( 24 ). |
|
78. |
Madankollu, għandu jiġi osservat li huwa fil-qasam tal-ikel, ċertament tal-annimali, li l-litotamnju huwa kklassifikat bħala “minerali”, filwaqt li, fil-qasam tal-kosmetiċi, huwa għandu l-klassifikazzjoni sempliċi ta’ “ingredjent” u li, fil-qasam tal-ambjent, huwa kklassifikat bħala “alka” u għalhekk pjanta. Dawn il-klassifikazzjonijiet differenti jistgħu jiġu spjegati mill-għanijiet differenti mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. |
|
79. |
Għalhekk, għad-Direttiva 92/34, il-litotamnju għandu jintrabat ma’ speċi ta’ annimal jew veġetali, filwaqt li fil-qasam tal-għalf tal-annimali, huwa previst skont l-elementi nutrizzjonali tiegħu. Mill-banda l-oħra, fil-qasam tal-kosmetiċi, il-klassifikazzjoni veġetali jew minerali tal-prodott ftit hija importanti, sa fejn dan jista’ jintuża bħala ingredjent. |
|
80. |
Din l-evalwazzjoni teleoloġika tan-natura kumplessa tal-litotamnju tirrifletti dik proposta mill-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
81. |
Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-definizzjoni tal-mikronutrijent li tirriżulta mill-funzjoni tas-sustanza mogħtija mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (AESA): “Nutrijent meħtieġ fi kwantitajiet żgħar ħafna għall-ġisem sabiex jiżgura tkabbir u żvilupp normali u tinżamm is-saħħa; pereżempju vitamini u sustanzi minerali”. |
|
82. |
Raġunament mod ieħor iwassal sabiex jawtorizza t-tisħiħ ta’ kalċju fi prodotti tal-ikel organiċi permezz taż-żieda ta’ litotamnju prinċipalment kompost mill-karbonat tal-kalċju, filwaqt li l-Anness VIII tar-Regolament Nru 889/2008 intitolat “Ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat imsemmi fl-Artikolu 27(1)(a) u fl-Artikolu 27a(a)”, li fit-Taqsima A tiegħu, intitolata “L-additivi ta’ l-ikel, inklużi t-trasportaturi”, jipprovdi li l-karbonat tal-kalċju “[m]a għandux jintuża għall-kulur jew għall-arrikiment tal-kalċju fil-prodotti”. |
|
83. |
Għalhekk kull ambigwità tal-pożizzjoni ta’ Natumi tirriżulta peress li hija tinvoka tisħiħ ta’ kalċju fl-indikazzjonijiet nutrizzjonali relattivi għall-prodott finali, filwaqt li tiċħad il-kwalità ta’ minerali tal-litotamnju fil-mument taż-żieda tiegħu fil-prodott tal-ikel. |
|
84. |
Issa, infakkar li l-Anness II tar-Regolament Nru 1925/2006, intitolat “Formulazzjonijiet ta’ vitamini u sustanzi minerali li jistgħu jiġu miżjuda mal-ikel”, isemmi fil-punt 2 tiegħu, relattiv għas-“[s]ustanzi minerali”, b’mod partikolari l-karbonat tal-kalċju, il-klorur tal-kalċju, l-malat ċitrat tal-kalċju, l-imluħ tal-kalċju tal-aċidu ċitriku, il-glukonat tal-kalċju, il-gliċerofosfat tal-kalċju, il-lattat tal-kalċju, l-imluħ tal-kalċju tal-aċidu ortofosforiku, l-idrossidu tal-kalċju, il-malat tal-kalċju, l-ossidu tal-kalċju, is-sulfat tal-kalċju u l-oligosakkaridi tal-kalċju fosforil. Għalhekk, dawn is-sustanzi minerali biss jistgħu jiżdiedu ma’ prodotti tal-ikel bħala kalċju: il-litotamnju ma huwiex parti minnhom. Konsegwentement, huwa tajjeb li Natumi tikkunsidra li dan huwa kalċju fil-forma ta’ karbonat tal-kalċju. |
|
85. |
Nikkonkludi li jidhirli li l-litotamnju għandu jiġi kklassifikat bħala “minerali” fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni relattiva għad-denominazzjoni “organiku”, li jirrendi impossibbli ż-żieda tiegħu fi prodott tal-ikel organiku, ħlief b’telf ta’ din id-denominazzjoni “organiku” peress li ż-żieda tiegħu ma hijiex meħtieġa la mid-dritt tal-Unjoni u lanqas mid-dritt nazzjonali Ġermaniż. Fil-fatt, il-litotamnju jintuża, anki għall-finijiet ta’ tisħiħ ta’ kalċju, fl-ikel mhux organiku. |
3. Kjarifiki addizzjonali
|
86. |
Minn naħa, bħala informazzjoni, huwa interessanti li jiġi kkonstatat li wieħed mill-prodotti, imsemmija minn Natumi fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fl-annessi tagħha, ikkummerċjalizzat taħt l-isem “AquaminTM F” minn Marigot Ltd, kien is-suġġett ta’ talba għall-inklużjoni fil-lista ta’ sustanzi awtorizzati fil-produzzjoni organika fl-Istati Uniti tal-Amerika. |
|
87. |
Talba dwar il-Phymatolithon calcareum jew il-Lithothamnium corallioide kienet riċevuta fit-2 ta’ Marzu 2007 min-National Organic Standards Board (NOSB) (Il-Kumitat Nazzjonali tar-Regoli Organiċi) ( 25 ). Sabiex tiġġustifika li l-prodott kien “ġeneralment irrikonoxxut bħala sigur” (“Generally Recognized as Safe”), Marigot ipproduċiet fl-Anness 2 tat-talba tagħha, l-ittra tal-21 ta’ April 2000 mibgħuta mid-dipartiment kompetenti tal-US Food and Drug Administration (l-Amministrazzjoni tal-Prodotti tal-Ikel u Mediċini, l-Istati Uniti), li kien wettaq, kif meħtieġ mill-proċedura, tibdil fid-denominazzjoni tal-prodott sabiex jikklassifikah bħala “kalċju li joriġina mill-alka tal-baħar” minħabba l-kompożizzjoni tiegħu, billi qies li l-espressjoni użata ta’ “alki tal-baħar ikkalċifikati” ma kinitx tiddeskrivi b’mod adegwat is-sustanza inkwistjoni peress li din kienet timplika, b’mod ineżatt, li l-element karatteristiku tas-sustanza hija l-alka pjuttost milli l-kalċju ( 26 ). |
|
88. |
Wara eżami, in-NOSB qies, fid-19 ta’ Novembru 2008 ( 27 ), li ma kienx neċessarju li l-“AquaminTM F” jiżdied mal-lista ta’ prodotti awtorizzati fil-qasam organiku peress li diġà kien awtorizzat b’mod konformi mal-lista ta’ minerali nutrittivi ( 28 ). |
|
89. |
Għalhekk, fl-Istati Uniti, sa mill-2008, l-“AquaminTM F” huwa awtorizzat fil-qasam organiku peress li huwa minerali. Dan jikkorrobora l-idea li l-klassifikazzjoni tal-litotamnju bħala pjanta jew bħala minerali tista’ tiddependi mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. |
|
90. |
Min-naħa l-oħra, huwa inutli li jissemma li ġie adottat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 ( 29 ), li fl-Artikolu 24(2)(a) u (b) tiegħu jirriproduċi l-prinċipju tal-mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ċerti prodotti u sustanzi fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi pproċessati u ta’ inklużjoni fil-listi limitattivi bħala addittivi tal-ikel u għajnuna għall-ipproċessar jew bħala ingredjenti agrikoli mhux organiċi intiżi sabiex jintużaw fil-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel organiċi pproċessati. Il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu jirriproduċi r-rekwiżiti tal-Artikolu 21 attwali tar-Regolament Nru 834/2007. |
|
91. |
L-abbozz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni meħud abbażi tal-Artikolu 24(9) tar-Regolament 2018/848, stabbilit fix-xahar ta’ Ottubru 2020 ( 30 ) u li l-adozzjoni tiegħu hija fil-qrib ( 31 ), jelenka, fl-Anness V, Taqsima B, il-prodotti u sustanzi awtorizzati f’dan ir-rigward u jinkludi biss żewġ speċi ta’ alka msemmija (alka arame u hijiki) bħala ingredjenti agrikoli mhux organiċi li jistgħu jiżdiedu mal-prodotti tal-ikel organiċi. Natumi kienet ipproduċiet abbozz ta’ rapport preċedenti (li jinkludi tliet speċi ta’ alka: alka wakame, arame u hijiki). |
|
92. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 7 ta’ dan l-abbozz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprovdi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li l-awtorizzazzjoni ta’ żieda ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi mal-prodotti tal-ikel organiċi pproċessati ma tingħatax jekk dawn tal-aħħar jintużaw bħala addittivi tal-ikel, għajnuna għall-ipproċessar jew prodotti jew sustanzi msemmija fil-punt 2.2.2 tat-Taqsima IV tal-Anness II tar-Regolament 2018/848, jiġifieri b’mod partikolari l-minerali. |
|
93. |
Ċertament, ir-Regolament 2018/848 u l-imsemmi abbozz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, inkluż l-Annessi tiegħu, ma humiex applikabbli f’dan il-każ, iżda juru l-iżvilupp segwit fil-qasam tal-ikel organiku li jirrestrinġi kemm jista’ jkun iż-żieda ta’ elementi mhux organiċi fil-prodotti tal-ikel organiċi. Barra minn hekk, peress li l-alka litotamnja ma għadhiex imsemmija fl-anness bħala ingredjent agrikolu mhux organiku, l-użu tagħha mhux ser jibqa’ awtorizzat fi prodott tal-ikel organiku bħal xarba veġetali meta jidħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti ġodda. |
|
94. |
Għalhekk, dawn l-elementi addizzjonali jkomplu jsaħħu l-konvinzjoni tiegħi li l-litotamnju għandu jiġi kklassifikat bħala “minerali” fil-qasam tal-ikel, fis-sens tal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament Nru 834/2007 u li l-użu tiegħu fi prodott tal-ikel itellef il-benefiċċju tad-denominazzjoni “organiku”, fl-assenza ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li teħtieġ l-użu tiegħu. |
V. Konklużjoni
|
95. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja): L-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 203/2012 tat-8 ta’ Marzu 2012, bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 505/2012 tal-14 ta’ Ġunju 2012, bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 354/2014 tat-8 ta’ April 2014, bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/673 tad-29 ta’ April 2016 u bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1584 tat-22 ta’ Ottubru 2018, moqri flimkien mal-punt 1.3 tal-Anness IX ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-alka litotamnja (Lithothamnium calcareum) ma tistax tintuża bħala ingredjent fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi minħabba l-kompożizzjoni tagħha meta ż-żieda tagħha hija intiża prinċipalment għat-tisħiħ tal-kalċju. F’dan il-każ, hija għandha tiġi kklassifikata bħala “minerali” fis-sens tal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2029/91, kif ukoll taħt l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 889/2008, kif emendat, li għalih ma teżisti ebda awtorizzazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 27(1)(f) ta’ dan ir-regolament. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 2007, L 189, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 68, p. 61 u fil-ĠU 2014, L 300, p. 72.
( 3 ) ĠU 2008, L 250, p. 1, kif emendat mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 203/2012 tat-8 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, L 71, p. 42), tal-Kummissjoni (UE) Nru 505/2012 tal-14 ta’ Ġunju 2012 (ĠU 2012, L 154, p. 12), tal-Kummissjoni (UE) Nru 354/2014 tat-8 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 106, p. 7), tal-Kummissjoni (UE) 2016/673 tad-29 ta’ April 2016 (ĠU 2016, L 116, p. 8), u tal-Kummissjoni (UE) 2018/1584 tat-22 ta’ Ottubru 2018 (ĠU 2018, L 264, p. 1) (iktar’il quddiem ir-“Regolament Nru 889/2008”).
( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġiniw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 45, p. 75).
( 5 ) Regolament tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 39), li kien issostitwiet permezz tar-Regolament Nru 834/2007 (ara l-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament).
( 6 ) Regolament tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU 2013, L 181, p. 35, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31).
( 7 ) Direttiva tal-5 ta’ Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar (ĠU 2006, L 339, p. 16, rettifika fil-ĠU 2009, L 76, p. 422).
( 8 ) Direttiva tat-22 ta’ Diċembru 2006 dwar formuli tat-trabi u formuli tal-prosegwiment u li temenda d-Direttiva 1999/21/KE (ĠU 2006, L 401, p. 1).
( 9 ) ĠU 2006, L 404, p. 26, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1170/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 314, p. 36), u bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1203 tal-5 ta’ Lulju 2017 (ĠU 2017, L 173, p. 9) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1925/2006”).
( 10 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifika fil-ĠU 2014, L 331, p. 40 u fil-ĠU 2016, L 266, p. 7).
( 11 ) C‑137/13, EU:C:2014:2335.
( 12 ) Sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies (C‑137/13, EU:C:2014:2335, punt 41).
( 13 ) Sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies (C‑137/13, EU:C:2014:2335, punt 43).
( 14 ) C‑137/13, EU:C:2014:2335.
( 15 ) Sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies (C‑137/13, EU:C:2014:2335, punt 46).
( 16 ) C‑137/13, EU:C:2014:2335.
( 17 ) C‑137/13, EU:C:2014:318.
( 18 )
( 19 ) Ara r-referenza “11.1.5 Litotamnju” imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 20 ) Anness emendat fl-aħħar lok permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 354/2014.
( 21 ) Fit-Taqsima 1, intitolata “Materjali tal-għalf li joriġinaw mill-minerali”.
( 22 ) Ara l-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/701 tal-5 ta’ April 2019 li tistabbilixxi glossarju ta’ ismijiet komuni tal-ingredjenti għall-użu fuq it-tikketti tal-prodotti kożmetiċi (ĠU 2019, L 121, p. 1), intitolat “Glossarja ta’ ismijiet komuni tal-ingredjenti” li jinkludi: 13532 Lithothamnion calcareum extract; 13533 Lithothamnion calcareum powder, u 18371 Phymatolithon calcareum extract.
( 23 ) Ara l-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2008, L 352, p. 883) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/43”), intitolat “Speċi ta’ annimali u ta’ pjanti li huma ta’ interess komunitarju li t-teħid tagħhom mis-selvaġġ u l-isfruttament tagħhom jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri ta’ ġestjoni”, li l-punt (b) tiegħu relattiv għal “[p]janti, jinkludi fil-kategorija ta’ “algae”, ir-“Rhodophyta”, il-“Corallinaceae”, il-“Lithothamnium coralloides Crouan frat.” u l-“Phymat[o]lithon calcareum (Poll.) Adey & McKibbin”.
( 24 ) Ara l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 tas-16 ta’ Jannar 2013 dwar il-Katalgu tal-materjali tal-għalf (ĠU 2013, L 29, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 188, p. 28), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1017 tal-15 ta’ Ġunju 2017 (ĠU 2017, L 159, p. 48), intitolat “Katalgu tal-materjali tal-għalf”, li l-Parti C tiegħu tinkludi “[l]ista ta’ materjali tal-għalf”. Din il-lista tinkludi, fil-punt 11 tagħha, dwar “[m]inerali u prodotti ġejjin minnhom”, il-punti 11.1.4 Maerl u 11.1.5 Litotamn.
( 25 ) Ara din it-talba fl-indirizz tal-internet segwenti: https://www.ams.usda.gov/sites/default/files/media/Calcium%20Seaweed%20Petition.pdf.
( 26 )
( 27 ) Ara t-tweġiba tan-NOSB disponibbli fl-indirizz tal-internet segwenti: https://www.ams.usda.gov/sites/default/files/media/Calcium%20Seaweed%20Final%20Rec.pdf.
( 28 )
( 29 ) ĠU 2018, L 150, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 260, p. 25, fil-ĠU 2018, L 262, p. 90, fil-ĠU 2018, L 270, p. 37 u fil-ĠU 2019, L 305, p. 59.
( 30 ) Ara l-abbozz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni u l-Annessi tiegħu (kodiċi D067068/03) disponibbli fl-indirizz tal-internet segwenti: https://ec.europa.eu/transparency/comitology-register/screen/documents/067068/3/consult.
( 31 ) Ara l-punt B.2 tal-minuti tal-laqgħa tat‑28 u tad-29 ta’ Ottubru 2020 tal-Kumitat tal-Produzzjoni Organika disponibbli fl-indirizz tal-internet segwenti: https://ec.europa.eu/transparency/comitology-register/screen/documents/070018/1/consult.