27.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 23/33


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta' Jannar 2009

dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ 2-Naphtyloxyacetic acid fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 204)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/65/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u partikolarment ir-raba’ sottoparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipula li Stat Membru, matul perjodu ta’ 12-il sena min-notifika ta’ dik id-Direttiva, jista’ jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li jkunu diġà jinsabu fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika, waqt li dawn is-sustanzi jkunu qegħdin jiġu eżaminati gradwalment fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1112/2002 (2) u (KE) Nru 2229/2004 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati, bl-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista tinkludi s-sustanza 2-Naphtyloxyacetic acid.

(3)

L-effetti tas-sustanza 2-Naphtyloxyacetic acid fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew ivvalutati skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 1112/2002 u (KE) Nru 2229/2004 għall-firxa ta’ użi proposta min-notifikant. Barra minn hekk, dawk ir-Regolamenti jaħtru lill-Istati Membri Relaturi li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà Alimentari (EFSA) skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004. Għas-sustanza 2-Naphtyloxyacetic acid, l-Istat Membru Relatur kien Franza u t-tagħrif relevanti kollu ntbagħat f’Ottubru 2007.

(4)

Il-Kummissjoni investigat is-sustanza 2-Naphtyloxyacetic acid skont l-Artikolu 24a tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004. Abbozz tar-rapport tar-reviżjoni għal dik is-sustanza ġie rrivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġie ffinalizzat fit-28 ta’ Ottubru 2008 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni.

(5)

Waqt l-eżaminar ta’ din is-sustanza attiva mill-Kumitat, fejn ġew ikkunsidrati l-kummenti tal-Istati Membri, ġie konkluż li hemm indikazzjonijiet ċari li s-sustanza tista’ tkun mistennija jkollha effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u partikolarment li d-dejta kruċjali nieqsa ma tippermettix li jiġi ffissat ADI u dan il-valur huwa neċessarju biex issir il-valutazzjoni tar-riskju. Barra minn hekk, ġew identifikati kwistjonijiet oħra ta’ tħassib mill-Istat Membru relatur fir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu u dawn huma inklużi fir-rapport ta’ reviżjoni għas-sustanza.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni inter pares u dwar jekk kienx biħsiebu jkompli jappoġġja s-sustanza jew le. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu li ġew investigati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, it-tħassib identifikat ma setax jitneħħa, u l-evalwazzjonijiet li saru fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata ma wrewx li jista’ jiġi mistenni li, fil-kundizzjonijiet ta’ użu proposti, il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sustanza 2-Naphtyloxyacetic acid jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Għalhekk is-sustanza 2-Naphtyloxyacetic acid ma għandhiex tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li awtorizzazzjonijiet mogħtija għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sustanza 2-Naphtyloxyacetic acid jiġu rtirati f’perjodu ta’ żmien preskritt u ma jiġġeddux, u li ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni ġdida lil prodotti bħal dawn.

(9)

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti minn Stat Membru għar-rimi, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sustanza 2-Naphtyloxyacetic acid għandu jkun limitat għal perjodu ta’ tnax-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jkunu użati fi staġun ieħor tat-tkabbir, u dan jiżgura li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sustanza 2-Naphtyloxyacetic acid jibqgħu disponibbli għall-bdiewa sa 18-il xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċizjoni.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għat-tressiq ta’ applikazzjoni għas-sustanza 2-Naphtyloxyacetic acid skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha, bil-ħsieb ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I (4) tagħha.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sustanza 2-Naphtyloxyacetic acid ma għandhiex tiġi inkluża bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sustanza 2-Naphtyloxyacetic acid jiġu rtirati sas-26 ta’ Lulju 2009;

(b)

l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sustanza 2-Naphtyloxyacetic acid mhija se tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard mis-26 ta’ Lulju 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)   ĠU L 168, 27.6.2002, p. 14.

(3)   ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.

(4)   ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.