|
30.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 147/46 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/834
tal-25 ta’ Mejju 2022
skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2010/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar miżura meħuda minn Franza rigward l-irtirar mis-suq ta’ ċerti ċilindri tal-gass manifatturati minn Xinchang Burong Machinery Co. Ltd qabel il-31 ta’ Ottubru 2019
(notifikata bid-dokument C(2022) 3372)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 76/767/KEE, 84/525/KEE, 84/526/KEE, 84/527/KEE u 1999/36/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’Awwissu 2019, l-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq investigat il-każ ta’ ċilindru tal-pressjoni manifatturat minn Xinchang Burong Machinery Co. Ltd (iċ-Ċina) bħala parti mis-sorveljanza tas-suq ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr imwettaq f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli minn 16 sa 26 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2010/35/UE. Iċ-ċilindru ġie importat u mqassam minn VZ Trend Goods GmbH (il-Ġermanja) u minn Alsino GmbH (il-Ġermanja) u mibjugħ online minn www.amazon.fr (Franza) bit-trademark “PARTY FACTORY”. |
|
(2) |
L-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq eżaminat il-każ f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-manifattura u t-tqegħid fis-suq, kif stabbilit fit-Taqsima I.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fl-istandard EN ISO 11118: 2015 u fl-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva 2010/35/UE. L-eżami ħareġ fid-dieher li l-prodott ma saritlu l-ebda valutazzjoni tal-konformità u li wera markatura Pi irregolari. Barra minn hekk, il-manifattur la kellu ċ-ċertifikati għall-ispezzjonijiet u għat-testijiet inizjali u lanqas ma kellu ċ-ċertifikati għas-superviżjoni tal-manifattura meħtieġa skont is-subtaqsimiet 1.8.7.3 u 1.8.7.4 tat-Taqsima I.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/68/KE. |
|
(3) |
Ċilindru mixtri b’mod anonimu ġie ttestjat mill-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq. Ir-rapport tat-test numru 2019-6-RSPT-XBN-V2 ħareġ fid-dieher għadd ta’ nuqqasijiet ta’ konformità, kif ukoll difett fiżiku li seta’ ipperikola saħħet l-utenti u s-sikurezza tagħhom. |
|
(4) |
Nuqqas ta’ konformità identifikat mir-rapport tat-test kien marbut mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2010/35/UE, b’mod partikolari, li ċ-ċertifikat tal-konformità tal-prodott ma kienx indika l-isem u l-indirizz fejn l-importatur seta’ jiġi kkuntattjat, u dan b’hekk tellef lid-distributuri milli jikkonformaw mal-obbligu li jqiegħdu fis-suq biss apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr akkumpanjat miċ-ċertifikat ta’ konformità u l-indirizz fejn l-importatur seta’ jiġi kkuntattjat, previst mill-Artikolu 7(1) ta’ dik id-Direttiva. |
|
(5) |
Nuqqas ta’ konformità ieħor identifikat mir-rapport tat-test kien li ċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip taċ-ċilindru, maħruġ mill-korp notifikat Technická inšpekcia (is-Slovakkja) fid-9 ta’ Novembru 2018 bin-numru 602/5/2018, ma inkludiex lista sħiħa tal-partijiet rilevanti tad-dokumentazzjoni teknika, kif stabbilit fil-paragrafu 1.8.7.2.3 tat-Taqsima I.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/68/KE. |
|
(6) |
Iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip numru 602/5/2018 ma indikax l-elju fost il-gassijiet li għalihom kien ġie approvat il-valv taċ-ċilindru. Għalhekk, iċ-ċilindru ma kellux jimtela bl-elju. |
|
(7) |
Il-markatura mwaħħla fuq iċ-ċilindru mill-manifattur ma kinitx tikkonforma mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2010/35/UE fir-rigward tal-forma fiżika tas-simbolu tal-ittra Griega Pi. Lanqas ma kienet konformi mar-rekwiżiti fis-subtaqsima 6.2.2.8 tat-Taqsima I.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/68/KE jew mal-paragrafu 12.2.2 tal-istandard EN ISO 11118: 2015 dwar l-għoli tas-simbolu Pi u tal-kliem “TERĠAX TIMLA”. Barra minn hekk, il-markatura ma kinitx tikkonforma mar-rekwiżiti fil-paragrafi 6.2.2.7.2 sa 6.2.2.7.4 tat-Taqsima I.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/68/KE, jew mal-istandard EN ISO 11118: 2015 dwar l-informazzjoni li trid tintwera. B’mod partikolari, l-indikazzjoni tal-pressjoni tat-tħaddim kienet nieqsa, u l-istandard tar-referenza u n-numru tal-korp notifikat ġie indikat ħażin. Id-daqs tat-tikketta għal “gassijiet mhux fjammabbli u mhux tossiċi” kien ukoll iżgħar minn dak stabbilit fil-paragrafu 5.2.2.2.1.1.2 tat-Taqsima I.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/68/KE. |
|
(8) |
Ġew identifikati wkoll nuqqasijiet ta’ konformità b’rabta mal-markatura fuq il-pakkett, b’mod partikolari markatura CE, li mhix awtorizzata mid-Direttiva 2010/35/UE, u ppreżentat ukoll numru ħażin tal-korp notifikat. |
|
(9) |
Iċ-ċilindru ttestjat kellu xaqq fil-qiegħ tal-għonq, fl-issaldjar. Depożitu ta’ kristalli indika li kien hemm tnixxija. |
|
(10) |
L-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq għarrfet lill-importatur u lid-distributur rigward in-nuqqasijiet ta’ konformità osservati matul l-investigazzjoni. Madankollu, ma ngħatat l-ebda tweġiba xierqa minn dawk l-operaturi ekonomiċi. |
|
(11) |
Fil-31 ta’ Ottubru 2019, inħareġ ċertifikat ta’ approvazzjoni ġdid mill-korp notifikat Technická inšpekcia (is-Slovakkja). |
|
(12) |
F’konformità mal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2010/35/UE, l-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq irtirat b’mod provviżorju mis-suq iċ-ċilindri manifatturati qabel il-31 ta’ Ottubru 2019 u notifikat il-miżura lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. Id-Deċiżjoni ġiet ippubblikata fit-3 ta’ Jannar 2020. |
|
(13) |
Fit-23 ta’ Jannar 2020, l-Aġenzija Żvediża għall-Kontinġenzi Ċivili oġġezzjonat kontra waħda mis-sejbiet tar-rapport tat-test imfassal mill-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq. L-oġġezzjoni skattat l-applikazzjoni tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2010/35/UE, skont liema l-Kummissjoni trid tadotta deċiżjoni, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-operaturi ekonomiċi rilevanti. |
|
(14) |
Fil-15 ta’ April 2021, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri, lill-manifattur u lill-importaturi biex jipprovdu l-fehmiet tagħhom dwar il-każ, b’mod partikolari rigward l-adegwatezza tal-miżura adottata mill-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq u r-riskju kkawżat mill-prodott. |
|
(15) |
Fl-10 ta’ Ġunju 2021, il-każ ġie ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni Amministrattiva tal-Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 28(b) tad-Direttiva 2010/35/UE. Fl-14 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ppreżentat il-każ lill-Grupp ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 8a(4) tad-Direttiva 2008/68/KE. |
|
(16) |
Sitt Stati Membri però l-ebda operatur ekonomiku ressqu kontribuzzjonijiet fil-proċess ta’ konsultazzjoni. L-opinjonijiet imressqa lill-Kummissjoni kkonfermaw li l-prodott jippreżenta nuqqasijiet ta’ konformità fir-rigward tal-imballaġġ, tad-dokumentazzjoni, tal-immarkar u tat-tikkettar, tal-ispezzjoni u tat-test inizjali, u tas-superviżjoni tal-manifattura. Barra minn hekk, iċ-ċilindru ħoloq riskju ċar għas-sikurezza tal-utenti. L-ebda Stat Membru qies li l-miżura adottata mill-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq ma kinitx iġġustifikata. |
|
(17) |
L-eżami tal-evidenza pprovduta mill-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq jikkonferma li ċ-ċilindri tal-elju msemmija hawn fuq jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2008/68/KE u fid-Direttiva 2010/35/UE. Għalhekk, dawn iċ-ċilindri tal-elju jippreżentaw riskju ċar għas-sikurezza tal-utenti u jenħtieġ li jiġu rtirati mis-suq. |
|
(18) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-miżura meħuda minn Franza, li tikkonsisti fl-irtirar mis-suq taċ-ċilindru tal-gass tat-tip BR1C, manifatturat minn Xinchang Burong Machinery Co. Ltd qabel il-31 ta’ Ottubru 2019 u li għandu l-karatteristiċi li ġejjin:
|
— |
tip ta’ ċilindru: ma jistax jerġa’ jimtela, |
|
— |
mimli bil-gass: UN 1046 — ELJU, KUMPRESSAT, |
|
— |
pressjoni tat-tħaddim: PW = 12 bar, |
|
— |
test tal-pressjoni idrawlika: PW = 28 bar, |
|
— |
medda tat-temperatura: TS= -20/+60 °C, |
|
— |
volum: V = 0,75 l |
hija ġustifikata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2022.
Għall-Kummissjoni
Adina VĂLEAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 165, 30.6.2010, p. 1.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u t-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).
(3) Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).