European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2185

4.12.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2185

tal-10 ta’ Settembru 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 fir-rigward ta’ ċerti proċeduri, il-kalkolu tal-valuri standard tal-importazzjoni u d-dazji tal-importazzjoni addizzjonali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta ’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 174(1)(d), l-Artikolu 181(3) u l-Artikolu 182(1) u (4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 (2) jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati, inklużi regoli dwar is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u dwar l-approvazzjoni tal-programmi operazzjonali. Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa regoli ġodda għall-programmi operazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Għalhekk, jeħtieġ li jitneħħew mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 id-dispożizzjonijiet li jifdal relatati mal-ġestjoni ta’ tali programmi operazzjonali.

(2)

Bil-ħsieb tas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv, jenħtieġ li l-iffissar tal-valuri standard tal-importazzjoni jsir kull ġimgħa. Il-valur standard tal-importazzjoni għandu jiġi kkalkulat abbażi tan-notifika tal-Istati Membri tal-kwotazzjonijiet irreġistrati fis-swieq tal-importazzjoni rispettivi.

(3)

Għall-applikazzjoni effettiva tad-dazji tal-importazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 182(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jeħtieġ li jiġu ssimplifikati ċerti dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni u li jiġu allinjati mal-Iskeda tat-Tariffi tal-UE tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura.

(4)

Peress li jistgħu japplikaw dazji tal-importazzjoni addizzjonali għal ċerti prodotti matul perjodi determinati, jeħtieġ li dawk il-perjodi jiġu riflessi kif stabbilit fl-Iskeda tat-Tariffi tal-UE tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura. Barra minn hekk, il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda tal-prodotti jenħtieġ li jiġu aġġornati wkoll, minħabba bidliet fil-klassifikazzjonijiet.

(5)

Jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 jiġi emendat kif xieraq.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformita mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 23

Talbiet għal rikonoxximent

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 24, l-Istati Membri għandhom jipprevedu proċeduri għal talbiet għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi.”

;

(2)

fl-Artikolu 38, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għal kull prodott u fil-perjodi ta’ applikazzjoni stabbiliti fil-Parti A tal-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, kull nhar ta’ Tlieta l-Kummissjoni għandha tiffissa valur standard tal-importazzjoni għal kull oriġini.

Il-valur standard tal-importazzjoni għandu jkun ugwali għall-prezz rappreżentattiv medju ponderat imsemmi fl-Artikolu 74 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 innotifikat mill-Istati Membri, nieqes ammont standard ta’ EUR 5/100 kg u d-dazji doganali ad valorem.

Fil-perjodi ta’ applikazzjoni stabbiliti fil-Parti A tal-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, il-valuri standard tal-importazzjoni għandhom ikunu validi mill-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom sakemm ikunu ġew stabbiliti l-valuri standard suċċessivi tal-importazzjoni. Meta t-Tlieta jaħbat btala pubblika tal-Kummissjoni, il-valuri standard tal-importazzjoni għandhom jiġu ffissati fil-jum tax-xogħol li jkun imiss.”

;

(3)

L-Artikolu 39 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Jista’ jiġi applikat dazju tal-importazzjoni addizzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 182(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għall-prodotti u matul il-perjodi elenkati fl-Anness VII ta’ dan ir-Regolament. Dak id-dazju tal-importazzjoni addizzjonali għandu japplika jekk il-kwantità ta ’ kwalunkwe wieħed mill-prodotti mpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni libera għal kwalunkwe wieħed mill-perjodi ta ’ applikazzjoni stabbiliti f’dak l-Anness taqbeż il-volum tal-iskattar għal dak il-prodott għall-perjodu rilevanti.”

;

(b)

fil-frażi introduttorja tal-paragrafu 3, il-kliem “wara d-data” hija sostitwita bl-espressjoni “mid-data”;

(4)

L-Artikolu 40 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 40

Ammont tad-dazju tal-importazzjoni addizzjonali

Id-dazju tal-importazzjoni addizzjonali applikat f’konformità mal-Artikolu 39 għandu jkun ekwivalenti għal terz tad-dazju doganali erga omnes speċifikat fit-Tariffa Doganali Komuni għall-prodott inkwistjoni.”

;

(5)

fl-Artikolu 41, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

oġġetti importati fil-qafas ta’ kwota tariffarja mhux preferenzjali;”;

(b)

jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

oġġetti importati fil-qafas tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/978/oj).”;"

(6)

L-Anness VII huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/892/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).


ANNESS

“ANNESS VII

Prodotti u perjodi għall-applikazzjoni ta’ dazji tal-importazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 39

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, id-deskrizzjoni tal-prodotti hija meqjusa li għandha valur indikattiv biss. Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dazji addizzjonali jiġi ddeterminat mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kodiċijiet NM.

Nru tal-Ordni

Kodiċi NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodu tal-applikazzjoni

78.0015

0702 00 10 ,

0702 00 91 ,

0702 00 99

Tadam sħiħ, b’dijametru ta’ mhux iktar minn 47 mm,

Tadam ieħor f’għenieqed,

Tadam ieħor

Mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Mejju

78.0020

Mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru

78.0065

0707 00 05

Ħjar

Mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Ottubru

78.0075

Mill-1 ta’ Novembru sat-30 ta’ April

78.0085

0709 91 00

Qaqoċċ

Mill-1 ta’ Novembru sat-30 ta’ Ġunju

78.0100

0709 93 10

Qargħabagħli

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru

78.0110

0805 10 22 ,

0805 10 24 ,

0805 10 28

Larinġ taż-żokra,

Larinġ abjad,

Larinġ ħelu ieħor

Mill-1 ta’ Diċembru sal-31 ta’ Mejju

78.0120

0805 22 00

Klementini

Mill-1 ta’ Novembru sal-aħħar ta’ Frar

78.0130

0805 21 10 ,

0805 21 90 ,

0805 29 00

Satsumas,

Mandolini u tanġerini,

Wilkings ibridi oħrajn simili taċ-ċitru, għajr it-tanġerini, is-satsumas u l-klementini

Mill-1 ta’ Novembru sal-aħħar ta’ Frar

78.0155

0805 50 10

Lumi (Citrus limon, Citrus limonum)

Mill-1 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Diċembru

78.0160

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Mejju

78.0170

0806 10 10

Għeneb tal-mejda

Mill-21 ta’ Lulju sal-20 ta’ Novembru

78.0175

0808 10 80

Tuffieħ

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Awwissu

78.0180

Mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru

78.0220

0808 30 90

Lanġas

Mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ April

78.0235

Mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru

78.0250

0809 10 00

Berquq

Mill-1 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Lulju

78.0265

0809 29 00

Ċirasa, għajr iċ-ċirasa qarsa

Mill-21 ta’ Mejju sal-10 ta’ Awwissu

78.0270

0809 30 20 ,

0809 30 30 ,

0809 30 80

Ħawħ ċatt (Prunus persica var. platycarpa) u nuċiprisk ċatt (Prunus persica var. platerina),

Nuċiprisk,

Ħawħ ieħor

Mill-11 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru

78.0280

0809 40 05

Għanbaqar

Mill-11 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru

”

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2185/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)