|
Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv
|
|
Valutazzjoni tal-impatt tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali
|
|
A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?
|
|
Tul l-aħħar żewġ deċennji, is-servizzi diġitali ttrasformaw l-ekonomija u s-soċjetà tal-UE, b’mod partikolari bl-emerġenza tal-pjattaformi online. Din l-inizjattiva tibni fuq l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku mis-sena 2000. L-evalwazzjoni mehmuża mad-Direttiva turi li l-prinċipji ewlenin tagħha għadhom validi, iżda wħud mir-regoli speċifiċi tagħha jeħtieġu aġġornament fid-dawl tal-isfidi speċifiċi li qed ifeġġu, b’mod partikolari b’rabta mal-intermedjarji online u mal-pjattaformi online. F’dan l-isfond, ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt janalizza tliet problemi ewlenin u l-ixpruni tagħhom.
L-ewwel nett, iċ-ċittadini qed kulma jmur jiġu esposti għal aktar riskji u perikli online – mit-tixrid ta’ attivitajiet illegali, u riskji għad-drittijiet fundamentali tagħhom u għal perikli oħra għas-soċjetà. Dawn il-kwistjonijiet huma estensivi fl-ekosistema online, iżda qed iħallu l-akbar impatt meta jkunu kkonċernati pjattaformi online kbar ħafna, minħabba l-firxa tagħhom.
It-tieni, fil-biċċa l-kbira tagħha, is-superviżjoni tal-pjattaformi online b’mod usa’ mhijiex ikkoordinata u mhijiex effettiva fl-UE, minkejja l-importanza sistemika ta’ dawn is-servizzi. Il-qafas limitat tal-koperazzjoni amministrattiva stabbilit mid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet transfruntieri, mhuwiex speċifikat biżżejjed u l-Istati Membri mhux qed jużawh b’mod konsistenti.
It-tielet, l-Istati Membri bdew jirregolaw is-servizzi diġitali fil-livell nazzjonali u dan qed iwassal għal ostakli ġodda fis-suq intern. Dan qed jagħti vantaġġ kompetittiv lill-pjattaformi kbar ħafna u lis-servizzi diġitali stabbiliti.
|
|
X’għandu jinkiseb?
|
|
L-objettiv ġenerali hu li jkun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, b’mod speċjali fejn jidħol il-forniment tas-servizzi transfruntieri tal-intermedjarji online. L-objettivi speċifiċi għandhom l-għan li (i) iżommu ambjent online sikur, (ii) itejbu l-kundizzjonijiet għal servizzi diġitali transfruntieri innovattivi, (iii) jagħtu s-setgħa lill-utenti u jipproteġu d-drittijiet fundamentali tagħhom online, u (iv) jistabbilixxu superviżjoni effettiva tas-servizzi diġitali u koperazzjoni bejn l-awtoritajiet.
|
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?
|
|
Id-disponibbiltà ta’ kontenut u servizzi fuq l-internet hi tipikament transnazzjonali. Min-naħa, regolamentazzjoni parallela u diverġenti minn Stati Membri individwali tfixkel il-forniment tas-servizzi intermedjarji madwar l-UE u mhix effettiva fejn jidħol l-iżgurar tas-sikurezza u tal-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej kollha. Min-naħa l-oħra, azzjoni fil-livell tal-UE tnaqqas il-frammentazzjoni legali u l-kostijiet tal-konformità, ittejjeb iċ-ċertezza legali, tiżgura protezzjoni ugwali għaċ-ċittadini u kundizzjonijiet ekwi għan-negozji, issaħħaħ l-integrità tas-suq uniku, u tippermetti superviżjoni effettiva bejn il-fruntieri. L-ebda Stat Membru ma jista’ jindirizza dawn il-kwistjonijiet waħdu.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X’inhuma l-alternattivi differenti biex jinkisbu l-objettivi?
|
|
Ġew ivvalutati tliet alternattivi fid-dettall, minbarra x-xenarju bażi:
1. Miżuri limitati kontra l-attivitajiet illegali li jistabbilixxu l-obbligi proċedurali għall-pjattaformi online biex jindirizzaw l-attivitajiet illegali, ħalli jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-utenti u jiżguraw it-trasparenza. Mekkaniżmi ta’ koperazzjoni msaħħa għall-awtoritajiet biex isolvu kwistjonijiet transfruntieri minn punt ċentrali ta’ koordinament diġitali.
2. Miżuri armonizzati għalkollox li jinċentivaw azzjonijiet min-naħa tal-fornituri tas-servizzi biex itejbu t-trasparenza u jindirizzaw sett usa’ ta’ riskji emerġenti billi jagħtu setgħa lill-utenti. Mekkaniżmu ta’ infurzar u koperazzjoni msaħħa b’kundizzjonijiet armonizzati għal ordnijiet amministrattivi, u l-ħatra ta’ koordinatur ċentrali f’kull Stat Membru.
3. Miżuri asimmetriċi b’obbligi aktar sodi għall-pjattaformi online kbar ħafna, aktar kjarifiki tar-reġim tar-responsabbiltà għall-intermedjarji online, u governanza tal-UE b’sorveljanza u infurzar imsaħħa. Din hija l-alternattiva ppreferuta.
|
|
X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema alternattiva u min jappoġġaha?
|
|
Wara konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati ħareġ fid-dieher kunsens wiesa’ għal azzjoni tal-UE, b’mod partikolari b’qafas imsaħħaħ mal-UE kollha, li tkun isseddaq il-prinċipji fundamentali stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. B’mod ġenerali, hemm appoġġ wiesa’ mill-intermedjarji online, min-negozji u mis-soċjetà ċivili għal armonizzazzjoni tal-proċeduri ta’ notifika u ta’ azzjoni madwar l-UE. L-intermedjarji online jappellaw għal qafas ċar għat-teħid ta’ miżuri volontarji kontra l-kontenut illegali in bona fede b’ċertezza legali. Il-miżuri tat-trasparenza huma appoġġati b’mod wiesa’ wkoll min-negozji u mis-soċjetà ċivili, u din tal-aħħar tisħaq ukoll fuq l-algoritmi tar-rakkomandazzjoni. Xi organizzazzjonijiet tan-negozju u negozji ġodda jappellaw għal regoli asimmetriċi. L-Istati Membri jqisu kruċjali li jkun hemm koperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet fl-Istati Membri, u jisħqu fuq l-importanza tal-qsim tad-data mal-awtoritajiet pubbliċi. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll xi negozji u awtoritajiet nazzjonali jappellaw għal sorveljanza fil-livell tal-UE. Tliet abbozzi differenti ta’ rapporti tal-Parlament Ewropew fuq inizjattiva tiegħu stess dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali – meta jittieħdu flimkien – jappoġġaw alternattiva li hi simili għall-alternattiva ppreferuta fir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
|
|
C. Impatti tal-alternattiva ppreferuta
|
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Jista’ jkun mistenni effett pożittiv fuq is-suq uniku u fuq il-kompetizzjoni, li hu stmat li jwassal għal żieda ta’ 1-1,8% fil-kummerċ diġitali transfruntier. Regoli asimmetriċi se jiżguraw li l-kompetituri emerġenti iżgħar jingħataw spinta biex jgħinu l-kompetittività, l-innovazzjoni u l-investiment fis-servizzi diġitali, filwaqt li jimmiraw il-ħsarat speċifiċi li jirriżultaw mill-pjattaformi kbar. Se jitjiebu t-trasparenza u s-sikurezza online, kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Koperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri u l-governanza fil-livell tal-UE se jtejbu l-infurzar, u jipprovdu sistema superviżorja aġġornata għas-servizzi diġitali.
|
|
X’inhuma l-kostijiet tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Il-kostijiet diretti huma proporzjonati għad-daqs u l-firxa ta’ fornitur tas-servizz. Is-servizzi jġarrbu wkoll kostijiet marġinali għad-disinn tekniku u l-manutenzjoni. Il-kostijiet relatati mar-rekwiżiti tal-informazzjoni se jonqsu meta mqabbla max-xenarju bażi. L-aktar kostijiet sinifikanti huma limitati għall-pjattaformi online kbar ħafna.
|
|
X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?
|
|
Regoli aġġornati u uniformi se jgħinu lill-SMEs joperaw fis-Suq Uniku kollu, u se jgħinu lin-negozji li qed jespandu u lill-innovaturi. Il-Valutazzjoni tal-Impatt turi ffrankar fil-kostijiet ukoll għall-SMEs li jaf ikollhom jittrattaw kontenut illegali. Iżda l-intrapriżi mikro u żgħar mhux se jkunu koperti mill-obbligi imposti fuq il-pjattaformi online u se jkunu eżentati wkoll mill-obbligi estensivi tar-rappurtar.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
Nistmaw tnaqqis sinifikanti fil-kostijiet li jġibu magħhom l-ineffiċjenzi tal-istruttura eżistenti għall-koperazzjoni tal-awtoritajiet. Diversi kostijiet addizzjonali tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni msaħħa se jinġarru fil-livell tal-UE.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
|
Impatt ewlieni tal-alternattiva ppreferuta hu relatat mas-salvagwardja tad-drittijiet u tal-interessi tal-konsumaturi u tan-negozji, u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali online.
|
|
Il-proporzjonalità?
|
|
L-alternattiva ppreferuta tissodisfa l-objettivi tal-inizjattiva mingħajr ma tmur lil hinn minn dak meħtieġ biex jissolvew il-problemi identifikati. Approċċ frammentat madwar l-Istati Membri ma jistax jiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni liċ-ċittadini fl-Unjoni, filwaqt li s-superviżjoni tas-servizzi tibqa’ inkonsistenti.
|