6.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/70


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-4 ta’ Lulju 2012

li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji mogħtija għas-sustanzi attivi l-ġodda l-biksafen, il-Candida oleophila tip O, il-fluwopiram, l-alosulfuron, il-jodur tal-potassju, it-tijoċjanat tal-potassju u l-ispirotetramat

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 4436)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/363/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 80(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, id-Direttiva 91/414/KEE għandha tkompli tapplika għal sustanzi attivi li għalihom ġiet adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/414/KEE qabel l-14 ta' Ġunju 2011.

(2)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f'Ottubru 2008 r-Renju Unit irċieva applikazzjoni mingħand Bayer CropScience AG għall-inklużjoni tas-sustanza attiva biksafen fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/700/KE (3) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta' jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III ta' dik id-Direttiva.

(3)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f'Lulju tal-2006 r-Renju Unit irċieva applikazzjoni mingħand BIONEXT sprl għall-inklużjoni tas-sustanza attiva Candida oleophila tip O fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/380/KE (4) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta' jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III ta' dik id-Direttiva.

(4)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE f'Ġunju tal-2008 l-Ġermanja rċeviet applikazzjoni mingħand Bayer CropScience AG għall-inklużjoni tas-sustanza attiva fluwopiram fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/464/KE (5) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta' jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III ta' dik id-Direttiva.

(5)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f'Mejju tal-2005 r-Renju Unit irċieva applikazzjoni mingħand Nissan Chemical Europe SARL għall-inklużjoni tas-sustanza attiva amisulbrom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/586/KE (6) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta' jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III ta' dik id-Direttiva.

(6)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f'Settembru tal-2004 l-Pajjiżi l-Baxxi rċevew applikazzjoni mingħand Koppert Beheer BV għall-inklużjoni tas-sustanza attiva jodur tal-potassju fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/751/KE (7) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta' jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III ta' dik id-Direttiva.

(7)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f'Settembru tal-2004 l-Pajjiżi l-Baxxi rċevew applikazzjoni mingħand Koppert Beheer BV għall-inklużjoni tas-sustanza attiva tijoċjanat tal-potassju fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni 2005/751/KE kkonfermat li d-dokument kien komplut u li seta' jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III ta' dik id-Direttiva.

(8)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f'Ottubru tal-2006 l-Awstrija rċeviet applikazzjoni mingħand Bayer CropScience AG għall-inklużjoni tas-sustanza attiva spirotetramat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/560/KE (8) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta' jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III ta' dik id-Direttiva.

(9)

Il-konferma li d-dossiers kienu kompluti kienet meħtieġa sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu eżaminati fid-dettall u sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jkollhom il-possibbiltà li jagħtu awtorizzazzjonijiet provviżorji, għal perjodi sa tliet snin, għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati, filwaqt li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/414/KEE u, b'mod partikolari, il-kundizzjonijiet relatati mal-valutazzjoni dettaljata tas-sustanzi attivi u tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati b'dik id-Direttiva.

(10)

Għal dawn is-sustanzi attivi, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ġew ivvalutati, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi li pproponew l-applikanti. L-Istati Membri relaturi ressqu l-abbozzi tar-rapporti ta' valutazzjoni rispettivi lill-Kummissjoni fis-16 ta' Diċembru 2009 (biksafen), fil-5 ta' Frar 2008 (Candida oleophila tip O), fit-30 ta' Awwissu 2011 (fluwopiram), fit-30 ta' Marzu 2008 (alosulfuron), fis-27 ta' Lulju 2007 (jodur tal-potassju u tijoċjanat tal-potassju) u fid-29 ta' April 2008 (spirotetramat).

(11)

Wara li tressqu l-abbozzi tar-rapporti ta' valutazzjoni mill-Istati Membri relaturi, instab li kien hemm bżonn li tintalab iktar informazzjoni mingħand l-applikanti u li l-Istati Membri relaturi jeżaminaw dik l-informazzjoni u jressqu l-valutazzjoni tagħhom. Għalhekk, l-eżami tad-dossiers għadha għaddejja u mhux se jkun possibbli li l-evalwazzjoni tintemm fil-qafas taż-żmien stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE, moqrija flimkien mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2010/457/KE (9) (fil-każ tal-Candida oleophila, tip O, il-jodur tal-potassju u t-tijoċjanat tal-potassju) u 2010/671/UE (10) (fil-każ tal-ispirotetramat).

(12)

Peress li sa issa l-evalwazzjoni għadha ma identifikat l-ebda raġuni għal tħassib immedjat, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jtawlu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji mogħtija għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati għal perjodu ta' 24 xahar skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414/KEE, sabiex ikun jista' jitkompla l-eżami tad-dossiers. Huwa mistenni li l-evalwazzjoni u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta' deċiżjoni dwar approvazzjoni possibbli skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-biksafen, il-Candida oleophila tip O, il-fluwopiram, l-alosulfuron, il-jodur tal-potassju, it-tijoċjanat tal-potassju u l-ispirotetramat se jitlestew fi żmien 24 xahar.

(13)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-biksafen, il-Candida oleophila tip O, il-fluwopiram, l-alosulfuron, il-jodur tal-potassju, it-tijoċjanat tal-potassju jew l-ispirotetramat għal perjodu li jintemm fil-31 ta' Lulju 2014.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Lulju 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(3)   ĠU L 240, 11.9.2009, p. 32.

(4)   ĠU L 141, 2.6.2007, p. 78.

(5)   ĠU L 151, 16.6.2009, p. 37.

(6)   ĠU L 236, 31.8.2006, p. 31.

(7)   ĠU L 282, 26.10.2005, p. 18.

(8)   ĠU L 213, 15.8.2007, p. 29.

(9)   ĠU L 218, 19.8.2010, p. 24.

(10)   ĠU L 290, 6.11.2010, p. 49.